European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6227

17.11.2025

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

għal trasparenza msaħħa u governanza tajba fl-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd mill-Istati Membri: vade mecum dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

(C/2025/6227)

1.   INTRODUZZJONI

L-opportunitajiet tas-sajd jipprovdu dritt legali kwantifikat għas-sajd (1) u huma essenzjali biex tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsa naturali komuni li tista’ titnaqqas jekk tiġi sfruttata żżejjed. Meta l-Istati Membri jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom, iridu jagħmlu dan f’konformità mar-responsabbiltà tagħhom li jiġġestixxu u jippreservaw riżorsa naturali kondiviża komuni dejjem f’moħħhom. Fl-istess ħin, ir-riżorsi tas-sajd għandhom jiġu ġestiti b’mod li jkunu konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi. Barra minn hekk, kif enfasizzat fil-Patt Ewropew għall-Oċeani (2), oċean b’saħħtu u prattiki riġenerattivi se jikkontribwixxu biex jiġi sostnut l-għajxien, b’mod partikolari fil-komunitajiet kostali, u tiġi pprovduta s-sigurtà tal-ikel, inkluż għall-ġenerazzjonijiet futuri.

L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd nazzjonali b’mod oġġettiv u trasparenti tiżgura t-trattament ugwali tas-sajjieda, tibni fiduċja fost il-partijiet ikkonċernati, u tippromwovi l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar li fuqhom jiddependu r-riżorsi tas-sajd u fl-aħħar mill-aħħar is-sajd, għall-prosperità. L-allokazzjoni trasparenti tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni ta’ kunflitti bejn l-operaturi, il-flotot jew is-segmenti. L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd tista’ tintuża wkoll biex jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti u biex jinħolqu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd biex jużaw irkapti tas-sajd selettivi, u b’hekk iħeġġu u jippremjaw imġiba u soluzzjonijiet aktar sostenibbli.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2023 dwar il-funzjonament tar-Regolament PKS (3) enfasizzat, fil-kuntest tat-titjib tal-governanza tal-PKS, li l-governanza tajba tiddependi wkoll fuq aktar trasparenza. Din enfasizzat ir-rekwiżit tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (“ir-Regolament PKS”) (4) għall-Istati Membri, meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd, biex jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika. Il-Komunikazzjoni tal-2023 ikkonfermat ukoll l-impenn tal-Kummissjoni li taħdem flimkien mal-korpi xjentifiċi u mal-Istati Membri biex tkompli tivvaluta u tiżgura t-trasparenza ta’ dawk il-kriterji u l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-PKS. L-intenzjoni kienet li jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ kriterji li jistgħu jrawmu prattiki tas-sajd sostenibbli u li jappoġġaw lis-sajjieda fuq skala żgħira u kostali, li jirrappreżentaw kważi 75 % tal-bastimenti tas-sajd kollha rreġistrati fl-UE u kważi nofs l-impjiegi kollha fis-settur tas-sajd.

B’segwitu għal dak l-impenn, b’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu biex itejbu l-governanza tajba fir-rigward tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, permezz ta’ erba’ direzzjonijiet: 1) it-tisħiħ tat-trasparenza u tal-informazzjoni; 2) il-ġustizzja; 3) l-iżgurar tal-akkuratezza tal-informazzjoni pprovduta; u 4) l-adegwatezza tal-metodi ta’ allokazzjoni.

Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni tistieden lill-Istati Membri jirriflettu dwar is-sistemi u l-metodi li attwalment qed jużaw meta jallokaw dawk l-opportunitajiet tas-sajd biex irawmu prattiki tas-sajd sostenibbli u jappoġġaw lis-sajjieda fuq skala żgħira u kostali.

L-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni (imsejħa vade mecum dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd mill-Istati Membri) jistabbilixxi s-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament PKS, filwaqt li jqis l-involviment u l-feedback li waslu mingħand l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati (5). L-Anness jipprovdi wkoll gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk l-Artikoli meta l-Istati Membri jallokaw opportunitajiet tas-sajd lil bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

2.   INFORMAZZJONI AKTAR ĊARA DWAR IL-METODI TA’ ALLOKAZZJONI: IT-TISĦIĦ TAT-TRASPARENZA

L-Artikolu 16(6) tar-Regolament PKS jirrikjedi li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-metodi li qed jużaw biex jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom lil bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Dan l-obbligu ta’ rapportar huwa importanti għal raġunijiet ta’ trasparenza (6) u meħtieġ għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri biex jimmonitorjaw ix-xejriet u l-prestazzjoni.

Madankollu, il-prattika wriet li l-Istati Membri infurmaw lill-Kummissjoni b’diversi modi, bi frekwenzi differenti u pprovdew dettalji differenti. Dan jagħmilha diffiċli li jkun hemm stampa ċara ta’ x’qed jiġri bl-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet, flotot u reġjuni. Għalhekk, l-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni jistieden lill-Istati Membri jinkludu ċerta informazzjoni minima meta jirrapportaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(6).

Barra minn hekk, trasparenza akbar vis-à-vis il-partijiet ikkonċernati hija kruċjali għal governanza tajba. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu informazzjoni lill-partijiet ikkonċernati dwar il-metodi li jużaw biex jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd, il-kriterji użati kif stabbilit fl-Artikolu 17 tal-PKS, il-piż mogħti lil kull kriterju u r-raġuni għal dak il-piż.

L-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-metodi u l-kriterji użati jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament PKS (prinċipalment l-Artikolu 17). Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jivverifikaw jekk din il-konformità hijiex riflessa kif xieraq fl-informazzjoni rrapportata: (i) L-informazzjoni pprovduta turi t-trasparenza u l-oġġettività tal-kriterji? (ii) Il-ponderazzjoni tal-kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi hija stabbilita b’mod ċar? (iii) Dik l-informazzjoni tkopri l-opportunitajiet allokati kollha tas-sajd?

3.   ALLOKAZZJONI TA’ OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD BIEX JITRAWMU PRATTIKI TAS-SAJD SOSTENIBBLI U BIEX JIĠU APPOĠĠATI S-SAJJIEDA FUQ SKALA ŻGĦIRA U KOSTALI

Huwa importanti li t-tfassil tas-sistema ta’ allokazzjoni mill-Istati Membri tiġi allinjata mal-objettivi tal-PKS li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-attivitajiet tas-sajd u li tinżamm biżżejjed flessibbiltà biex is-settur tas-sajd tal-UE jkun jista’ jadatta għall-isfidi emerġenti.

L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni u analizzata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) turi disparitajiet sinifikanti fil-metodi ta’ allokazzjoni rrapportati u fl-użu ta’ kriterji inklużi dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeċiedu fuq is-sistemi ta’ allokazzjoni li jużaw u li hija l-prerogattiva tagħhom li jiddeterminaw il-ponderazzjonijiet rispettivi għall-kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi li jagħżlu. Minħabba d-diversità tas-settur u tas-sajd minn Stat Membru għall-ieħor, huwa ċar li approċċ “kulħadd f’keffa waħda” ma jipprovdix soluzzjoni xierqa.

B’mod partikolari, l-Istati Membri ma humiex obbligati jallokaw opportunitajiet tas-sajd għall-aktar prattiki tas-sajd sostenibbli jew għal sajjieda fuq skala żgħira.

Madankollu, il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-allinjament ta’ dawk il-metodi ta’ allokazzjoni mal-objettivi tal-PKS.

F’dan is-sens, il-Kummissjoni tenfasizza l-għan tal-Artikolu 17, rifless fil-Premessa 33 tar-Regolament PKS: L-Istati Membri għandhom jippromwovu sajd responsabbli billi jipprovdu inċentivi li dawk l-operaturi li jistadu bl-anqas mod li jagħmel ħsara ambjentali u li jipprovdu l-akbar benefiċċji għas-soċjetà.

Mit-tweġibiet għall-kwestjonarji u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni osservat grad ta’ inerzja fil-mod kif l-opportunitajiet tas-sajd jiġu allokati mill-Istati Membri, inkluż il-fatt li wħud mill-metodi rrapportati ma jidhrux li jindirizzaw b’mod adegwat l-isfidi emerġenti li qed jiffaċċja s-sajd tal-UE.

Dan huwa partikolarment evidenti għas-sajjieda kostali fuq skala żgħira li, b’mod ġenerali, huma aktar affettwati mill-isfidi (7), bħall-kriżi tal-enerġija, il-fluttwazzjoni naturali tal-istokkijiet (abbundanza u distribuzzjoni), il-kompetizzjoni għall-użu tal-ispazju tal-baħar, it-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-ispeċijiet invażivi jew il-kompetizzjoni inġusta mis-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU, illegal, unregulated and unreported fishing).

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti tas-sajd kostali fuq skala żgħira, li jikkostitwixxi kważi 70 % tal-flotta tal-bastimenti fl-UE. Hija tagħmel enfasi speċjali fuq ir-rabtiet aktar mill-qrib tiegħu man-nisġa soċjali u ekonomika tal-komunitajiet tas-sajd, ir-rabta aktar mill-qrib tiegħu mal-ambjent lokali, mas-soċjetà u mar-rwol importanti tiegħu fil-kultura u l-wirt Ewropej. Ir-rikonoxximent ta’ dan ir-rwol huwa appoġġat permezz ta’: (i) aċċess preferenzjali għall-ilmijiet tal-UE sa 12-il mil nawtiku fir-Regolament PKS; (ii) appoġġ finanzjarju sa 100 % fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) (8); u (iii) ċerti derogi skont ir-Regolament dwar il-Kontroll (9).

L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 17 mill-Istati Membri tista’ tirrifletti aħjar ir-rwol importanti tas-sajd kostali fuq skala żgħira, pereżempju billi tallinja l-metodi ta’ allokazzjoni mal-ħtiġijiet speċifiċi identifikati fl-ambitu tal-programm nazzjonali tal-FEMSA għas-sajjieda fuq skala żgħira biex jibnu r-reżiljenza.

4.   X’JISTGĦU JAGĦMLU L-ISTATI MEMBRI BIEX ITEJBU L-GOVERNANZA TAJBA META JALLOKAW L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD?

A.   Bini tal-fiduċja abbażi tat-trasparenza u tal-komunikazzjoni

Il-metodi ta’ allokazzjoni jistgħu jkunu kumplessi, u ċerti partijiet ikkonċernati esprimew ix-xewqa li jifhmu aħjar il-metodi użati, u l-kriterji li huma bbażati fuqhom. Għalhekk, minbarra r-rekwiżiti legali li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kif jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, l-Istati Membri huma mistiedna jsaħħu l-informazzjoni u l-għodod ta’ komunikazzjoni tagħhom, jipprovdu informazzjoni b’mod proattiv lill-partijiet ikkonċernati dwar il-metodi użati għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd (kwoti u sforz) u r-raġunament warajhom.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 17 jista’ jkun għodda biex jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti li qed jiffaċċja s-sajd tal-UE. Dawn l-isfidi jistgħu jingħelbu billi jiġi promoss id-djalogu u billi l-partijiet ikkonċernati kollha jiġu involuti b’mod aktar attiv fl-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd mill-Istati Membri.

B.   Bini tal-fiduċja abbażi tal-ġustizzja

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu aktar azzjonijiet biex jużaw il-potenzjal sħiħ tal-Artikolu 17 ħalli jippromwovu prattiki tas-sajd sostenibbli u jappoġġaw lis-sajjieda fuq skala żgħira u kostali.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jirriflettu dwar l-eżempji ta’ kriterji inklużi fl-Artikolu 17 u l-impatt tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għal: (i) bastimenti b’impatt ambjentali akbar minn oħrajn preżenti fil-flotot tagħhom; (ii) bastimenti bi storja ta’ nuqqas ta’ konformità; jew (iii) bastimenti li jispostaw attivitajiet tradizzjonali jew li jistabbilixxu attivitajiet ekonomiċi sostenibbli.

It-tieni, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw azzjonijiet li jappoġġaw lis-sajjieda fuq skala żgħira u tħeġġiġhom jużaw il-possibbiltajiet kollha mogħtija skont l-Artikolu 17 li jistgħu jinċentivaw is-sostenibbiltà fit-tul ta’ dan is-sajd, speċjalment għal dak b’impatt aktar baxx fuq l-ambjent.

C.   Bini tal-fiduċja abbażi tal-akkuratezza tal-informazzjoni pprovduta

It-tip, l-ammont u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri jvarjaw ħafna (10).

Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 16(6), u lill-partijiet ikkonċernati, għal raġunijiet ta’ trasparenza u governanza tajba, dwar il-metodi u l-kriterji ta’ allokazzjoni użati għall-opportunitajiet kollha tas-sajd. Dan jinkludi l-kwoti u l-isforz tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE u l-opportunitajiet tas-sajd attribwiti lill-Istati Membri fl-ilmijiet internazzjonali u permezz ta’ ftehimiet internazzjonali (bħal organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli jew tipi oħra ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali).

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jirrapportaw il-metodu ta’ allokazzjoni li jużaw b’kont meħud tat-tliet kategoriji ta’ kriterji msemmija fl-Artikolu 17, jiġifieri l-kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiku.

It-trasparenza u l-komunikazzjoni lill-partijiet ikkonċernati, bħala komponenti ewlenin tal-governanza tajba, huma rilevanti wkoll għall-opportunitajiet tas-sajd soġġetti għal konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli (TFCs, transferable fishing concessions) minkejja l-esklużjoni tagħhom mill-obbligu li jinformaw lill-Kummissjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 16(6).

D.   Bini tal-fiduċja abbażi tal-adegwatezza tal-metodi ta’ allokazzjoni

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw kriterji għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament PKS, biex jinċentivaw l-adattament għall-isfidi emerġenti. Il-metodi ta’ allokazzjoni ma għandhomx jimminaw il-ħila tal-Istati Membri li jirreaġixxu malajr għal kwistjonijiet mhux mistennija.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw metodi ta’ allokazzjoni li jinkludu l-possibbiltà ta’ riallokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd mhux użati b’mod f’waqtu, trasparenti u attiv.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jwettqu rivalutazzjonijiet perjodiċi tas-sistemi ta’ allokazzjoni biex jiżguraw li l-metodi u l-kriterji użati jkunu għadhom rilevanti u xierqa għall-ħtiġijiet attwali tas-settur tas-sajd tagħhom.

5.   KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni ilha taħdem mal-Istati Membri, mal-STECF u mal-partijiet ikkonċernati biex tikseb stampa aktar ċara tal-metodi użati għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd (11).

Fid-dawl ta’ dan il-proċess, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jieħdu aktar azzjonijiet biex jużaw il-potenzjal sħiħ offrut mill-Artikolu 17 ħalli jippromwovu prattiki tas-sajd sostenibbli u jappoġġaw lis-sajjieda fuq skala żgħira u kostali.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jirriflettu dwar il-problemi ewlenin li qed ibatu minnhom is-sajjieda fuq skala żgħira tagħhom u jużaw l-Artikolu 17 biex jipprovdu appoġġ u spazju għal ċerti bastimenti tas-sajd li jistħoqqilhom aċċess għall-opportunitajiet tas-sajd ħalli jiġi sostnut il-kontribut tagħhom għas-sajd sostenibbli u għall-komunitajiet tas-sajd.

Sabiex tiżdied il-fiduċja fil-politiki, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-informazzjoni pprovduta lill-partijiet ikkonċernati dwar kif jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd.

Bħala l-passi li jmiss, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jirriflettu dwar il-metodi u l-kriterji li jużaw biex jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd, filwaqt li jżommu f’moħħhom il-ħtieġa li jippromwovu prattiki tas-sajd sostenibbli, jappoġġaw lis-sajjieda fuq skala żgħira u kostali, u jtejbu l-komunikazzjoni u t-trasparenza. Hija tinsab lesta li tassisti lill-Istati Membri f’dan ir-rigward.


(1)  Skont id-definizzjoni fl-Artikolu 4(32) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, ir-Regolament ta’ Kontroll: “opportunità ta’ sajd” tfisser dritt legali kwantifikat għas-sajd, espress f’termini ta’ qabdiet u/jew sforz tas-sajd. Dritt legali għas-sajd jista’ jinkludi wkoll limitazzjonijiet tekniċi u ġeografiċi dwar kif, meta u fejn jistgħu jsiru l-operazzjonijiet tas-sajd.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Il-Patt Ewropew għall-Oċeani. COM(2025) 281 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52025DC0281. Taqsima 4 Il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet kostali u tal-gżejjer.

(3)   “Il-politika komuni tas-sajd illum u għada: Patt dwar is-Sajd u l-Oċeani lejn ġestjoni tas-sajd sostenibbli, ibbażata fuq ix-xjenza, innovattiva u inklużiva” COM/2023/103 final (bħala parti mill-Pakkett usa’ dwar is-Sajd u l-Oċeani). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52023DC0103.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE. ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22–61.

(5)  Aktar informazzjoni dwar il-feedback tista’ tinstab fid-dokumenti msemmija fl-Anness, b’mod partikolari fir-rapporti 20-14, 22-14 u 23-17 tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries).

(6)  Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-2023, Il-politika komuni tas-sajd illum u għada (COM (2023) 103 final): “Governanza tajba tiddependi wkoll fuq aktar trasparenza”. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52023DC0103.

(7)  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – The 2024 Annual Economic Report on the EU Fishing Fleet (STECF 24-03 u 24–07), PRELLEZO, R., SABATELLA, E.C., VIRTANEN, J., TARDY MARTORELL, M. u GUILLEN, J. editur(i), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, doi: 10.2760/5037826, JRC139642. Il-Kapitolu 2.7 EU Small-Scale Coastal Fleet (SSCF). Il-Paġni 45 sa 60. https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC139642.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura.

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(10)  Ara, pereżempju, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Social Data in Fisheries (STECF 23-17), Van Hoof, L., Goti, L., Tardy Martorell, M. u Guillen, J editur(i), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, doi:10.2760/982497, JRC136326. https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC136326.

(11)  L-aktar rapport reċenti ppubblikat u msemmi qabel: il-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Social Data in Fisheries (STECF 23-17).


ANNESS

Vade mecum dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd mill-Istati Membri (l-Artikolu 17 tar-Regolament PKS)

Dan il-vade mecum jipprovdi informazzjoni addizzjonali li tista’ tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament PKS (minn hawn ’il quddiem “l-Artikolu 17”).

Artikolu 17 tar-Regolament PKS

Kriterji għall-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd mill-Istati Membri

Meta jallokaw opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom kif imsemmi fl-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi inklużi dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika. Il-kriterji li għandhom jintużaw jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, l-istorja tal-konformità, il-kontribut għall-ekonomija lokali u l-livelli ta’ qbid storiku. Fi ħdan l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd li jużaw irkaptu selettiv tas-sajd jew li jużaw tekniki tas-sajd b’impatt ambjentali mnaqqas, bħal b’konsum imnaqqas tal-enerġija jew ta’ ħsara għall-abitat.

METODI U KRITERJI TA’ ALLOKAZZJONI RRAPPORTATI UŻATI MILL-ISTATI MEMBRI

Il-Kummissjoni ilha mill-adozzjoni tar-Regolament PKS tal-2013 taħdem mal-Istati Membri biex tikseb stampa sħiħa ta’ kif japplikaw u jimplimentaw l-Artikolu 17.

Fil-Komunikazzjoni tal-2023 tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tar-Regolament PKS (1), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li “tibda diskussjonijiet fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati bil-ħsieb li tħejji vade mecum dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd sabiex ittejjeb it-trasparenza, tippromwovi prattiki tas-sajd sostenibbli fl-UE, u tappoġġa lis-sajjieda fuq skala żgħira u kostali.”

Fil-Patt Ewropew għall-Oċeani, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-appoġġ tas-sajd fuq skala żgħira bħala prijorità u timpenja ruħha mill-ġdid biex tħejji dan il-vade mecum sabiex tgħin fit-titjib tat-trasparenza u tippromwovi s-sajd sostenibbli (2).

Dan il-vade mecum huwa msejjes fuq id-dokumenti u l-proċessi li ġejjin:

—

ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (2021/2168(INI)) (3);

—

erba’ kwestjonarji mimlija mit-22 Stat Membru kostali fl-2016, fl-2020, fl-2022 u fl-2023;

—

tliet rapporti mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (20-14 (4), 22-14 (5), 23-17) (6); u

—

konsultazzjoni maħsuba apposta mal-partijiet ikkonċernati li saret minn Frar sa April 2024.

Id-dokumenti u l-konsultazzjonijiet ta’ hawn fuq enfasizzaw il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar l-Artikolu 17 tar-Regolament PKS u dwar kif l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-metodi ta’ allokazzjoni li jużaw, kif meħtieġ fl-Artikolu 16(6) tar-Regolament PKS (minn hawn ’il quddiem “l-Artikolu 16(6)”).

Fl-erba’ kwestjonarji li l-Kummissjoni bagħtet fl-2016, fl-2020, fl-2022 u fl-2023, it-22 Stat Membru kostali ntalbu jipprovdu informazzjoni dwar il-metodi li jużaw biex jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 16, moqrija flimkien mal-Artikolu 17. It-tweġibiet għal dawk il-kwestjonarji ġew ivvalutati mill-STECF. L-informazzjoni tlestiet b’konsultazzjoni waħda mal-partijiet ikkonċernati li saret minn Frar sa April 2024 (7).

Filwaqt li t-22 Stat Membru kostali wieġbu għall-kwestjonarji, it-tip, l-ammont u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li pprovdew varjaw ħafna. B’mod ġenerali, it-tweġibiet, flimkien mar-rapporti tal-STECF, żvelaw li hemm diversità fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ kif jinterpretaw ir-rekwiżiti fl-Artikolu 17.

Skont l-STECF, ma hemm l-ebda xejra ċara fl-użu mill-Istati Membri ta’ kriterji bbażati fuq il-ġeografija, it-tip ta’ opportunità tas-sajd jew is-segment tal-flotta. L-STECF enfasizza wkoll id-diversità tas-sistemi tal-Istati Membri biex jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd, u indika li l-ebda żewġ Stati Membri ma jużaw l-istess sistema. Pereżempju, filwaqt li xi Stati Membri jużaw biss konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli (8) (bħal kwoti trasferibbli individwali), oħrajn jimplimentaw sistema mħallta b’konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli u allokazzjoni bbażata fuq il-kriterji. Ċerti Stati Membri rrapportaw li huma japplikaw ukoll aktar kriterji tal-għażla għall-konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli.

It-tweġibiet ipprovduti minn ċerti Stati Membri ma pprovdewx biżżejjed dettalji dwar kif jaħdmu l-metodi ta’ allokazzjoni. Pereżempju, l-informazzjoni pprovduta mhux dejjem indikat jekk ġewx applikati l-istess kriterji u metodi ta’ allokazzjoni għall-ispeċijiet kollha li għalihom kien hemm kwota, jew inkella ġewx applikati għall-eżempji mogħtija biss. Ċerti Stati Membri lanqas ma ddeskrivew kif ġew ponderati l-kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

Madwar nofs l-Istati Membri biss irrapportaw li jallokaw opportunitajiet tas-sajd abbażi ta’ kriterji preċiżi. L-elementi li ġejjin jistgħu jiġu identifikati mit-tweġibiet għall-kwestjonarji:

—

Il-kriterju applikat l-aktar ta’ spiss huwa l-allokazzjoni bbażata fuq il-livelli ta’ qbid storiku;

—

Ħafna metodi ta’ allokazzjoni jinvolvu l-użu ta’ kriterju wieħed jew aktar relatati mad-daqs tal-bastiment biex jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd bejn il-flotot fuq skala kbira u dawk fuq skala żgħira;

—

Il-biċċa l-kbira tal-metodi rrapportati jinvolvu l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet ibbażati fuq il-kwoti, filwaqt li ġew ipprovduti dettalji aktar limitati dwar il-metodi użati għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd abbażi tal-isforz tas-sajd;

—

Ċerti Stati Membri indikaw li l-kriterji speċifiċi applikati jiddependu mis-segment tal-flotta, mill-ispeċijiet u/jew mit-tekniki tas-sajd użati (eż. il-Kroazja, il-Greċja, l-Irlanda u l-Iżvezja);

—

Il-kriterji ambjentali jintużaw biex jinċentivaw il-prattiki tas-sajd u biex jikkumpensaw l-interazzjonijiet inevitabbli bħall-qabdiet aċċessorji inevitabbli fis-sajd imħallat. Pereżempju, il-kwoti jiġu allokati:

—

skont irkapti tas-sajd speċifiċi (eż. id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, Malta u l-Iżvezja);

—

għall-bastimenti li jużaw apparati akustiċi attivi biex jiskoraġġixxu lil xi speċijiet, bħaċ-ċetaċji, milli jersqu lejn l-irkaptu tas-sajd (eż. il-Bulgarija);

—

għall-finijiet ta’ qabdiet aċċessorji inevitabbli (eż. il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, Malta u Spanja).

—

Jintużaw kriterji soċjali biex jiġu allokati kwoti għal:

—

sajjieda iżgħar fl-età (eż. il-Bulgarija, id-Danimarka u l-Greċja);

—

parteċipanti ġodda fl-industrija tas-sajd (eż. il-Ġermanja u Malta);

—

sajjieda b’persuni dipendenti fuqhom u/jew b’diżabbiltà (eż. il-Greċja).

—

Jintużaw kriterji ekonomiċi (eż. minn Franza, mill-Ġermanja u mill-Irlanda), b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet tas-suq (eż. id-domanda) u l-użu tal-kwoti (eż. il-Bulgarija u r-Rumanija). Eżempji rrapportati huma:

—

il-kontribut tas-sajd għall-ekonomija tal-komunità nazzjonali/lokali (eż. il-Portugall, il-Ġermanja u l-Greċja), u

—

flotot li jużaw irkapti speċifiċi li jiddependu għalkollox fuq ċerti speċijiet (eż. Franza, il-Portugall u Spanja).

Aktar dettalji dwar il-metodi u l-kriterji rrapportati mill-Istati Membri jistgħu jinstabu fir-rapport tal-STECF 23-17.

NIGGWIDAW L-APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 17

Din it-taqsima tiġbor il-kwistjonijiet ewlenin relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 li ġew irrapportati mill-partijiet ikkonċernati matul il-konsultazzjoni maħsuba apposta li saret minn Frar sa April 2024 u mill-STECF fl-analiżi tiegħu tat-tweġibiet mit-22 Stat Membru kostali għall-kwestjonarji tal-2016, l-2020, l-2022 u l-2023.

Opportunitajiet tas-sajd

Ir-rapport tal-STECF 23-17 innota li d-definizzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd magħżula mill-Istati Membri “tikkoinċidi mal-aktar definizzjoni restrittiva li tinkludi biss it-TAC [Qabdiet Totali Permissibbli]”  (9). Iżda għandu jiġi nnotat li t-terminu “opportunitajiet tas-sajd” jinkludi definizzjoni usa’, kif stabbilit fl-Artikolu 4(32) tar-Regolament dwar il-Kontroll (10):

“opportunità ta’ sajd” tfisser dritt legali kwantifikat għas-sajd, espress f’termini ta’ qabdiet u/jew sforz tas-sajd

Prattika tajba 1: l-użu ta’ kriterji trasparenti u oġġettivi jiġi applikat għall-opportunitajiet kollha tas-sajd, kemm jekk ibbażati fuq il-kwota kif ukoll fuq l-isforz tas-sajd, u fl-ilmijiet tal-UE u fl-ilmijiet mhux tal-UE, u jiġi rrapportat lill-Kummissjoni.

Kriterji trasparenti

Ir-rekwiżit ta’ kriterji trasparenti huwa relatat mal-prinċipju taċ-ċertezza legali li jfisser li, meta kriterju jiġi stabbilit f’dispożizzjoni leġiżlattiva (jew f’att amministrattiv ippubblikat), dan għandu għalhekk jitqies trasparenti (11).

Xi Stati Membri jidhrilhom li jissodisfaw ir-rekwiżit li jużaw kriterji trasparenti billi jagħmlu l-informazzjoni relatata kollha disponibbli għall-pubbliku. Stati Membri oħra għandhom sistema ta’ informazzjoni fis-seħħ li tirrapporta għand il-partijiet ikkonċernati jew li tkun disponibbli fuq talba. L-analiżi tal-STECF dwar it-tweġibiet tal-Istati Membri tirrikonoxxi wkoll id-diffikultajiet fil-valutazzjoni tat-trasparenza minħabba, “fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ linja bażi”  (12).

Ġie argumentat li filwaqt li l-Artikolu 17 jirrikjedi li l-kriterji użati jkunu trasparenti, dan ma jirrikjedix li l-awtoritajiet jagħmlu d-dettalji kollha tal-allokazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

Madankollu, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-funzjonament tal-PKS, “governanza tajba tiddependi wkoll fuq aktar trasparenza” u l-“partijiet ikkonċernati jeħtieġ li jkollhom informazzjoni ċara dwar kif l-Istati Membri jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd u jimmaniġġaw il-kapaċità tal-flotta fil-livell nazzjonali.”

Prattika tajba 2: l-informazzjoni rigward il-metodi u l-kriterji użati għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fil-livell tal-Istati Membri tingħata b’mod proattiv lill-partijiet ikkonċernati kollha.

Kriterji oġġettivi

Ir-rekwiżit li jintużaw kriterji oġġettivi huwa relatat mal-kapaċità li tiġi vverifikata u mkejla d-data użata biex jiġu stabbiliti l-kriterji (13).

Il-biċċa l-kbira tal-kriterji rrapportati (eż. livelli ta’ qbid storiku, tip ta’ rkaptu jew daqs tal-bastiment) jitqiesu li jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

Lejn fehim komuni tal-kunċett “inklużi dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika”

Ir-Regolament PKS ma jistabbilix kriterji armonizzati ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika. Fit-tieni parti tal-Artikolu 17, dan jinkludi biss lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ kriterji li jistgħu jintużaw (14). Dan ġie rrapportat bħala sfida mill-STECF, filwaqt li l-Istati Membri ngħataw marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla u fit-tfassil tal-metodi ta’ allokazzjoni sabiex ikunu jistgħu jadattawhom għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

L-informazzjoni miġbura u analizzata mill-STECF turi disparità sinifikanti fl-użu ta’ kriterji inklużi dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika, min-naħa tal-Istati Membri. Filwaqt li l-metodi ta’ allokazzjoni rrapportati jinkludu kriterji f’dawn it-tliet oqsma, mhux dejjem ikun ċar jekk il-kriterji jiġux applikati b’mod ugwali għall-istokkijiet kollha. Lanqas ma huwa ċar x’ponderazzjoni tingħata lil kull wieħed minnhom, jew jekk il-kriterji minn aktar minn tip wieħed humiex ikkombinati f’kull metodu ta’ allokazzjoni rrapportat. Barra minn hekk, kriterju wieħed jista’ jikkontribwixxi għal aktar minn kategorija waħda, u r-raġunament wara l-għażla ta’ dawk il-kriterji mhux dejjem ikun evidenti.

Xi eżempji ta’ kriterji rrapportati użati mill-Istati Membri huma spjegati fid-dettall hawn taħt fil-Profil 1.

Profil 1. Lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji rrapportati mill-Istati Membri meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd lil bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

a.

Ambjentali:

i.

użu ta’ rkaptu tas-sajd selettiv

ii.

użu ta’ tekniki tas-sajd b’impatt ambjentali mnaqqas

iii.

tnaqqis fil-konsum ta’ enerġija

iv.

tnaqqis fil-ħsara lill-ħabitat

b.

Soċjali

i.

daqs tal-ekwipaġġ

ii.

sidien ta’ bastimenti ġodda jew sajjieda żgħażagħ

iii.

ekwipaġġ magħmul minn membri b’kuntratt tal-impjieg u sajjieda żgħażagħ

iv.

sajjieda fuq skala żgħira

v.

bastimenti li jistadu biss reġjonalment

vi.

bastimenti li jinvestu fit-taħriġ tal-ekwipaġġ

c.

Ekonomiċi

i.

vijabbiltà jew fattibbiltà

ii.

kontribut għall-ekonomija lokali

iii.

livell ta’ qbid storiku

iv.

storja tal-konformità

Huwa possibli li ċerti kriterji jiġu inklużi fl-ambitu ta’ kategorija waħda jew aktar. Din ma hijiex lista eżawrjenti ta’ eżempji u ma tistax titqies bħala rakkomandazzjoni speċifika, prattika tajba jew approvazzjoni ta’ tali kriterji mill-Kummissjoni, peress li dak li jitqies pożittiv f’ċerti kuntesti jista’ jkun kontroproduttiv f’kuntesti oħra. Kif issemma’ qabel, huma l-Istati Membri nfushom li qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu l-aktar approċċ xieraq ħalli jissodisfaw l-Artikolu 17.

L-Artikolu 17 jirrikjedi li l-Istati Membri jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd fost il-bastimenti tagħhom, b’mod li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul.

L-Artikolu 17 jagħti diskrezzjoni lill-Istati Membri dwar kif jiġu applikati l-kriterji: pereżempju, dawn jistgħu jagħżlu aktar (jew anqas) kriterji fl-ambitu ta’ kull kategorija, skont l-eżempju fil-Profil 1.

Prattika tajba 3: l-informazzjoni rrapportata lill-Kummissjoni u pprovduta lill-partijiet ikkonċernati tirrifletti t-tliet tipi ta’ kriterji msemmija fl-Artikolu 17, jiġifieri l-kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

KUNSIDERAZZJONIJIET OĦRA GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 17

Din it-taqsima telenka kwistjonijiet oħra li ħarġu mill-konsultazzjoni maħsuba apposta mal-partijiet ikkonċernati, mit-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarji u mill-analiżi tal-STECF.

Biex tagħti ċarezza u gwida, din it-taqsima hija strutturata bħala tweġibiet għat-tħassib espress f’dawn id-diversi interazzjonijiet.

Tħassib: “L-Artikolu 17 jirreferi biss għall-allokazzjoni tal-kwoti fl-ilmijiet tal-UE mill-Istati Membri.”

L-Artikoli 16 u 17 jirreferu għall-opportunitajiet tas-sajd li, kif deskritt qabel, jinkludu kemm il-kwoti kif ukoll l-isforz tas-sajd. L-Artikolu lanqas ma huwa ristrett għall-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istati Membri fl-ilmijiet tal-UE biss iżda japplika wkoll għall-ilmijiet mhux tal-UE (ilmijiet internazzjonali u ta’ pajjiżi terzi).

Tħassib: “L-Artikolu 17 huwa applikabbli biss għall-allokazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda tas-sajd. Is-sistemi ta’ allokazzjoni użati fl-Istat Membru tiegħi ġew stabbiliti ħafna qabel ma l-Artikolu 17 ġie inkluż fir-Regolament PKS u huma r-riżultat ta’ diskussjonijiet kumplessi u twal u kunsens ma’ segmenti differenti tal-flotta. Li dawn jinbidlu jkun proċess kumpless u twil li jaffettwa l-mudelli kummerċjali diġà eżistenti.”

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17 japplikaw għall-metodi ta’ allokazzjoni deċiżi mill-Istati Membri. Dawn ma jirrikjedux li l-Istati Membri jibdlu l-metodi sa fejn diġà jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi rrapportati minn xi Stati Membri biex jippromwovu d-djalogu u jibnu kunsens fost segmenti differenti tal-flotta fl-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija konxja tal-importanza li l-istabbiltà u ċ-ċertezza legali għandhom għas-sajjieda. Iżda l-isfidi li jaffettwaw is-sajd fl-UE jirrikjedu sistemi li kapaċi jadattaw. Il-metodi li kienu jaħdmu għexieren ta’ snin ilu jaf ma għadhomx l-aktar xierqa biex jiġu indirizzati sfidi ġodda.

Prattika tajba 4: il-metodi u l-kriterji użati mill-Istati Membri biex jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd jiġu rieżaminati perjodikament biex jiġi żgurat li jibqgħu rilevanti.

Tħassib: “L-Artikolu 17 ma jirreferix għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd soġġetti għal sistema ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli (TFCs).”

L-obbligu li l-Kummissjoni tiġi infurmata dwar il-metodi ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd li l-Istati Membri qegħdin jużaw biex jallokaw dawk l-opportunitajiet lil bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 16(6), ma jikkonċernax l-opportunitajiet tas-sajd li huma soġġetti għal sistema ta’ TFCs.

Fl-istess ħin, dan ma jbiddilx ir-rekwiżit li l-Istati Membri jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-objettivi usa’ tal-PKS.

Prattika tajba 5: it-titjib fit-trasparenza u fil-komunikazzjoni jitqiesu wkoll għall-opportunitajiet tas-sajd soġġetti għat-TFCs.

Ir-rapport tal-STECF 23-17 (15) innota li l-Istati Membri bi Kwoti Trasferibbli Individwali (“ITQ”, Individual Transferable Quotas) “ma għamlux modifiki rilevanti għas-sistemi eżistenti tagħhom”. L-STECF deherlu li “l-kwistjoni tat-TFC/tal-ITQ tista’ tiġi indirizzata aħjar billi l-allokazzjoni primarja tiġi sseparata minn dik sekondarja (16), fejn normalment tista’ tingħata aktar informazzjoni dwar l-allokazzjoni primarja”.

Tħassib: “Is-sistemi ta’ allokazzjoni attwali użati mill-Istati Membri ma jippermettux flessibbiltà u reazzjonijiet rapidi biex tiġi żgurata l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli.”

Hemm bosta eżempji ta’ metodi li l-Istati Membri jużaw, inklużi s-sistemi tat-TFCs/tal-ITQs, biex jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd fost is-segmenti tal-flotta, ir-reġjuni, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-kumpaniji jew il-bastimenti, li huma simili għal koeffiċjent domestiku tal-istabbiltà relattiva. Anke meta l-iskambji jkunu possibbli, dawn jaf ma jiġux offruti jew aċċettati minħabba l-kompetizzjoni fis-suq bejn l-operaturi.

Pereżempju, meta l-allokazzjoni tal-kwoti ssir mis-segmenti tal-flotta u segment partikolari jkollu diversi kwoti għal stokkijiet differenti, dan jista’ jiddeċiedi li jistad għal dawk li jrendu aktar qligħ u li ma jimmirax għal dawk ta’ valur anqas, mingħajr ma jittrasferixxi l-kwoti għal segmenti oħra tal-flotta.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri jista’ jkollhom kapaċità limitata li jerġgħu jużaw il-kwoti mhux użati jekk qabel, is-sistemi ta’ allokazzjoni ma jkunux qiesu tali sitwazzjonijiet (pereżempju billi jistabbilixxu riżervi tal-kwoti). F’eżempju simili, skont is-sistema tal-ITQ, l-operaturi jistgħu jiddeċiedu li jħallu l-kwoti mhux mistada għal diversi raġunijiet u kwalunkwe deċiżjoni esterna jkollha impatt dirett fuq il-kumpanija u, probabbilment, twassal għal litigazzjonijiet interni fil-livell nazzjonali.

L-opportunitajiet tas-sajd li ma jintużawx jistgħu jimminaw il-pożizzjoni tal-UE f’negozjati internazzjonali u, b’mod ġenerali, joħolqu problema soċjali ta’ distribuzzjoni inġusta ta’ riżorsa naturali kondiviża komuni.

Prattika tajba 6: il-metodi ta’ allokazzjoni jqisu l-possibbiltà ta’ riallokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd mhux użati b’mod trasparenti, f’waqtu u attiv.

Tħassib: “Skont l-Artikolu 17, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jagħtu prijorità lil ċerti kriterji meta mqabbla ma’ oħrajn.”

L-Istati Membri ma rrapportawx bl-istess mod il-preżenza ta’ kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi għall-metodi kollha ta’ allokazzjoni, li jfisser li l-prijorità li tingħata lil kwalunkwe wieħed minnhom mhux dejjem kienet evidenti.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija l-prerogattiva tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-ponderazzjonijiet rispettivi għall-kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi li jagħżlu.

Il-Kummissjoni tanalizza jekk il-metodi rrapportati jikkontribwux għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul, kif stabbilit fir-Regolament PKS.

Prattika tajba 7: l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd hija bbażata fuq metodoloġija li tinkludi taħlita ta’ kriterji ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

Tħassib: “L-Artikolu 17 jikkwota bħala kriterji l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, l-istorja tal-konformità, il-kontribut għall-ekonomija lokali u l-livelli ta’ qbid storiku. Għalhekk, dawn il-kriterji għandhom jirċievu kunsiderazzjoni adegwata fis-sistemi ta’ allokazzjoni.”

L-Artikolu 17 jiddikjara li l-“kriterji li għandhom jintużaw jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, l-istorja tal-konformità, il-kontribut għall-ekonomija lokali u l-livelli ta’ qbid storiku.” L-użu tal-formulazzjoni “jistgħu jinkludu… fost l-oħrajn” ifisser li dawk il-kriterji għandhom jiġu interpretati bħala lista illustrattiva, iżda ma jfissirx li dejjem iridu jkunu preżenti.

Barra minn hekk, l-Artikolu 17 jirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jinċentivaw is-selettività u jnaqqsu l-impatt ambjentali meta jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom (17).

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jirriflettu fuq l-eżempji stabbiliti fl-Artikolu 17 u fuq l-effett tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għal: (i) bastimenti b’impatt ambjentali akbar minn oħrajn preżenti fil-flotot tagħhom; (ii) bastimenti bi storja ta’ nuqqas ta’ konformità; jew (iii) bastimenti li se jieħdu post l-attivitajiet tradizzjonali jew l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli stabbiliti.

Prattika tajba 8: l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd tinċentiva prattiki tas-sajd sostenibbli u tagħti spinta lill-adattament għal sfidi kbar.

INFORMAZZJONI LILL-KUMMISSJONI DWAR IL-METODI TA’ ALLOKAZZJONI

L-Artikolu 16(6) tar-Regolament PKS jirrikjedi li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-metodi li qegħdin jużaw biex jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

Il-prattika wriet li l-Istati Membri infurmaw lill-Kummissjoni b’diversi modi, bi frekwenzi differenti u jipprovdu dettalji differenti. Xi drabi dan jagħmilha diffiċli li jkun hemm stampa ċara ta’ x’qiegħed jiġri fir-rigward tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet, flotot u reġjuni.

Sabiex ittejjeb din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jinkludu l-informazzjoni spjegata fid-dettall hawn taħt fil-Profil 2, meta jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-metodi u l-kriterji użati biex jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd.

Profil 2: Informazzjoni li għandha tiġi inkluża meta l-Kummissjoni tiġi infurmata dwar il-metodi u l-kriterji użati biex jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd.

—

l-għamla li jieħdu l-opportunitajiet tas-sajd, kemm jekk ikunu qabdiet totali permissibbli (TAC, Total Allowable Catches), kwoti u limiti tal-isforz tas-sajd kwantifikati.

—

il-kriterji applikati biex jiġu allokati dawk l-opportunitajiet, inkluż tal-anqas kriterju ambjentali wieħed, kriterju soċjali wieħed u kriterju ekonomiku wieħed.

—

kif jiġu ponderati l-kriterji, inkluż l-eżistenza tal-inċentivi pprovduti, jekk ikun hemm, kif imħeġġa fl-Artikolu 17.

—

l-istrumenti użati biex tiġi żgurata t-trasparenza, inkluż l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-istabbiliment tal-metodi ta’ allokazzjoni u l-komunikazzjoni tar-riżultati lill-pubbliku ġenerali.


(1)   “Il-politika komuni tas-sajd illum u għada: Patt dwar is-Sajd u l-Oċeani lejn ġestjoni tas-sajd sostenibbli, ibbażata fuq ix-xjenza, innovattiva u inklużiva” COM/2023/103 final (bħala parti mill-pakkett usa’ dwar is-Sajd u l-Oċeani). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52023DC0103.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Il-Patt Ewropew għall-Oċeani. COM/2025/281 final. It-taqsima 3.1. Il-paġna 10. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=comnat:COM_2025_0281_FIN.

(3)  Ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament PKS (2021/2168(INI)) https://oeil.secure.europarl.europa.eu/oeil/en/procedure-file?reference=2021/2168(INI).

(4)  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Social dimension of the CFP (STECF-20-14), Doering, R., Fitzpatrick, M. u Guillen Garcia, J. editor(s), EUR 28359 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020, ISBN 978-92-76-27169-7, doi:10.2760/255978, JRC123058. https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC123058.

(5)  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) - Social Data in Fisheries – update of the national profiles (STECF-22-14), Goti, L., Van Hoof, L., Virtanen, J. u Guillen Garcia, J. editur(i), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2023, doi:10.2760/31328, JRC133702. https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC133702.

(6)  Il-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Social Data in Fisheries (STECF 23-17), Van Hoof, L., Goti, L., Tardy Martorell, M. u Guillen, J. editur(i), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, doi:10.2760/982497, JRC136326. https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC136326.

(7)  Fi Frar 2024, id-DĠ MARE bagħat ittra lill-Kunsilli Konsultattivi, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lill-NGOs li fiha huwa talab il-fehmiet tagħhom dwar l-analiżi, imwettqa mill-STECF, tat-tweġiba tal-Istati Membri rigward il-metodu ta’ allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fil-livell nazzjonali. B’kollox, intbagħtu 25 tweġiba għal din il-konsultazzjoni.

(8)  Kif definiti fir-Regolament 1380/2013 dwar il-PKS, l-Artikolu 4(23) “konċessjoni trasferibbli tas-sajd” tfisser dritt revokabbli tal-utenti għal parti speċifika tal-opportunitajiet tas-sajd allokati lil Stat Membru jew stabbiliti fi pjanijiet ta’ ġestjoni adottati minn Stat Membru skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (1), li d-detentur jista’ jittrasferixxi.

(9)  It-Taqsima 4.1, ir-rapport tal-STECF 23-17. Il-paġna 68. https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC136326.

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(11)  Is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018, Spika et, C-540/16, EU:C:2018:565, il-punti 29 sa 31.

(12)  It-Taqsima 4.1, ir-rapport tal-STECF 23-17. Il-Paġna 67. https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC136326.

(13)  Is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018, Spika et, C-540/16, EU:C:2018:565, il-punt 30: “ Dan il-kriterju huwa espliċitament imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1380/2013, fil-lista ta’ dawk il-kriterji li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu sabiex jużaw għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd allokati lilhom. Barra minn hekk, l-imsemmi kriterju huwa stabbilit f’dispożizzjoni legali, jiġifieri fl-Artikolu 171 tal-Liġi dwar is-Sajd, li, billi jirreferi għas-sehem storiku tal-operaturi kkonċernati, jibbaża ruħu fuq data oġġettiva, li tista’ titkejjel u tiġi vverifikata mill-awtoritajiet kompetenti.”

(14)   Il-kriterji li għandhom jintużaw jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, l-istorja tal-konformità, il-kontribut għall-ekonomija lokali u l-livelli ta’ qbid storiku. (L-Artikolu 17 tar-Regolament PKS).

(15)  Ir-rapport tal-STECF 23-17: https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC136326.

(16)  Mir-rapport tal-STECF 23-17: Allokazzjoni primarja: allokazzjoni mill-Istat Membru lill-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi, lid-ditti jew lill-individwi. Allokazzjoni sekondarja: allokazzjoni mid-detentur tal-kwota, eż. l-Organizzazzjoni tal-Produtturi, lill-membri tagħha inklużi l-iskambji.

(17)   “L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd li jużaw irkaptu selettiv tas-sajd jew li jużaw tekniki tas-sajd b’impatt ambjentali mnaqqas, bħal b’konsum imnaqqas tal-enerġija jew ta’ ħsara għall-abitat”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6227/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)