IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 26.11.2024
COM(2024) 711 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju taċ-Ċekja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 26.11.2024
COM(2024) 711 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju taċ-Ċekja
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju taċ-Ċekja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
(1)Qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva ta’ politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 , u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3 huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-għan tal-qafas hu li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Huwa jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u koerenti tar-regoli.
(2)Fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika hemm il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet għandhom jilħqu żewġ objettivi: i) jiżguraw li sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju, u ii) jiżguraw it-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dan l-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għat-tul tal-pjan, li jkopri 4 jew 5 snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ 4 snin, li jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 3 snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.
(3)Wara s-sottomissjoni tal-pjan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(4)Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu għalhekk jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAĊ-ĊEKJA
(5)Fis-16 ta’ Ottubru 2024, iċ-Ċekja ppreżentat il-pjan fiskali strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fl-24 ta’ Settembru fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti miċ-Ċekja.
Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan
(6)Qabel is-sottomissjoni tal-pjan tagħha, iċ-Ċekja talbet informazzjoni teknika 5 , li l-Kummissjoni pprovdiet fil-21 ta’ Ġunju 2024, u ppubblikat fis-16 ta’ Ottubru 2024 6 . F’konformità mal-Artikoli 9(1), il-punt (c), u 9(2) u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2028 li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-gvern estiż jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-dejn tal-gvern estiż jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju, fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istat Membru abbażi ta’ żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit 7 , f’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/126, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja. L-informazzjoni teknika għaċ-Ċekja tistabbilixxi li, sabiex jikkonformaw mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas 0,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028; xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit), skont it-tabella li ġejja. Għall-informazzjoni, meta titqies ukoll is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas 0,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit mhix rekwiżit għaċ-Ċekja, li hija eliġibbli għall-informazzjoni teknika.
Tabella 1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni liċ-Ċekja
Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.
|
L-aħħar sena tal-perjodu ta’ aġġustament |
2028 |
|
Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju li ma jinkludix is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit |
0,4 |
|
Għall-informazzjoni biss: Valur minimu tal-bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG), xenarju li jinkludi s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit |
0,4 |
(7)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, iċ-Ċekja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Ġunju sa Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst miċ-Ċekja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha (b’mod partikolari l-projezzjonijiet tat-tkabbir tal-PDG potenzjali), kif ukoll it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.
(8)F’Settembru u f’Ottubru 2024, f’konformità mal-Artikolu 11(3) u 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċekja fil-pjan tagħha, iċ-Ċekja kienet involuta fi proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mas-sħab soċjali, mal-awtoritajiet reġjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Skont l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċekja fil-pjan tagħha, il-proċess kien jinkludi konsultazzjoni interministerjali xierqa li kienet tinvolvi s-sħab ekonomiċi u soċjali. Barra minn hekk, saret diskussjoni madwar mejda dwar l-abbozz tal-pjan mar-rappreżentanti tas-sħab ekonomiċi u soċjali, is-settur mingħajr skop ta’ qligħ, ir-reġjuni, iż-żewġ kmamar tal-Parlament u istituzzjonijiet rilevanti oħra, inkluż il-Kunsill Fiskali Ċek. Barra minn hekk, ġie pprovdut abbozz ta’ pjan lill-Kunsill tal-Gvern għall-Iżvilupp Sostenibbli u lill-Kunsill tal-Gvern għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi. Il-pjan ġie diskuss ukoll f’żewġ kumitati parlamentari. Fl-aħħar nett, ir-rappreżentanti tas-sħab ekonomiċi u soċjali setgħu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-Ftehim Ekonomiku u Soċjali.
(9)Il-Kumitat għall-Previżjonijiet Baġitarji, bil-kompitu li jivvaluta t-tbassir makroekonomiku u baġitarju, ta opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku li jirfed il-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Il-Kumitat ivvaluta t-tbassir makroekonomiku bħala realistiku.
(10)Il-pjan ġie diskuss fil-parlament nazzjonali fit-8 ta’ Ottubru 2024. Dan ġie adottat eventwalment mill-gvern fis-16 ta’ Ottubru 2024.
Proċessi oħra relatati
(11)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill bagħat liċ-Ċekja serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, country-specific recommendations) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 8 .
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI TIEGĦU
(12)F’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:
Il-kuntest: sitwazzjoni u prospetti makroekonomiċi u fiskali
(13)L-attività ekonomika fiċ-Ċekja naqset b’0,1 % fl-2023, peress li l-inflazzjoni għolja naqqset il-kapaċità tal-akkwist u wasslet għal tnaqqis fil-konsum tal-unitajiet domestiċi. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, l-ekonomija hija mistennija li tikber b’1,0 % fl-2024, bis-saħħa ta’ rkupru gradwali fid-domanda domestika xprunata minn tkabbir fil-pagi reali u inflazzjoni li qed tonqos. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,4 % hekk kif il-konsum tal-unitajiet domestiċi u t-tkabbir tal-investiment iżidu l-pass, filwaqt li l-esportazzjonijiet netti jikkontribwixxu b’mod negattiv. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,7 %, xprunat mit-tkabbir fil-konsum tal-unitajiet domestiċi u l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss kif ukoll irkupru fl-esportazzjonijiet. Matul il-perjodu ta’ tbassir (jiġifieri, 2024-2026), it-tkabbir potenzjali tal-PDG fiċ-Ċekja huwa mistenni li jiżdied bi ftit, minn 1,6 % fl-2024 għal 1,8 % fl-2026, xprunat minn żieda fil-produttività u investimenti kapitali ogħla, filwaqt li l-kontribuzzjoni mill-pagi qed tonqos. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 2,6 % fl-2023, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 2,6 % fl-2024, 2,7 % fl-2025 u 2,7 % fl-2026. L-inflazzjoni (id-deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 8,2 % fl-2023 għal 4,0 % fl-2024, u li tilħaq 2,4 % fl-2025 u 2,4 % fl-2026.
(14)Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż taċ-Ċekja ammonta għal 3,8 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 2,5 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos aktar għal 2,3 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi tal-ebda bidla fil-politika, għal 1,9 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit taċ-Ċekja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f’Settembru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 42,4 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 43,4 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jkompli jiżdied għal 44,4 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 44,8 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta’ politika fil-pjanijiet ta’ terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta’ politika konkreti mħabbra b’mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.
Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
(15)Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju taċ-Ċekja jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq 4 snin.
(16)Il-pjan fih l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263, bl-eċċezzjoni tal-miżuri fiskali-strutturali ppjanati fis-snin aħħarin tal-pjan.
(17)Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ta’ 3,1 % matul is-snin 2025-2028.L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta’ aġġustament lineari) hija konsistenti ma’ tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 3,5 % matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2028). Il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan huwa rrapportat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta’ 0,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Dan huwa ugwali għal-livell minimu tal-bilanċ primarju strutturali ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2028 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fil-21 ta’ Ġunju 2024
9
.
Il-pjan jassumi li t-tkabbir potenzjali tal-PDG se jonqos minn 2,0 % fl-2024 għal 1,4 % fl-2025 qabel ma jiżdied bi ftit biex jilħaq medja ta’ 1,6 % matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2028). Barra minn hekk, il-pjan jipprevedi li r-rata ta’ tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos minn 3,4 % fl-2024 għal 2,7 % fl-2025, u li tkompli tonqos gradwalment għal 2,0 % sal-2028.
Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan taċ-Ċekja
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan 2025-2028 |
|
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
5,3 |
4,5 |
2,5 |
2,6 |
2,9 |
3,1 |
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
5,3 |
10,1 |
12,9 |
15,8 |
19,2 |
m.a. |
|
Tkabbir potenzjali tal-PDG (%) |
2,0 |
1,4 |
1,5 |
1,8 |
1,5 |
1,6 |
|
Inflazzjoni (Tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%) |
3,4 |
2,7 |
2,2 |
2,1 |
2,0 |
2,2 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju taċ-Ċekja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż
(18)Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied minn 44,1 % fl-2024 għal 45,3 % tal-PDG fl-2026, u minn hemm ’l quddiem jonqos għal 44,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Fuq terminu medju, jiġifieri sal-2038, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li b’mod ġenerali jistabbilizza sal-2033 skont il-pjan u jiżdied minn hemm’ il quddiem għal 47,5 % tal-PDG fl-2038.
Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan taċ-Ċekja
|
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2038 |
|
|
Id-dejn tal-gvern (% tal-PDG) |
42,4 |
44,1 |
45,1 |
45,3 |
44,7 |
44,2 |
47,5 |
|
Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG) |
-3,8 |
-2,8 |
-2,5 |
-1,7 |
-0,9 |
-0,5 |
-2,6 |
Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju taċ-Ċekja
Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbiliti fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
(19)Fuq il-bażi tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jitjieb gradwalment minn 2,8 % tal-PDG fl-2024 għal 0,5 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028).Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-10 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
(20)Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li huwa differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħutha liċ-Ċekja fil-[21 ta’ Ġunju 2024]. B’mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal tmien varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (il-bilanċ primarju strutturali fl-2024), it-tkabbir potenzjali tal-PDG, it-tkabbir reali tal-PDG, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, ir-rata tal-imgħax nominali (impliċita), il-multiplikatur fiskali, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi, u s-suppożizzjonijiet tad-dħul (jiġifieri l-elastiċitajiet preżunti). Il-valutazzjoni ta’ dawn is-suppożizzjonijiet differenti hija pprovduta hawn taħt.
(21)Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma’ valutazzjoni ta’ kull differenza kkunsidrata b’mod iżolat.
·Il-pjan jassumi l-punt tat-tluq (il-bilanċ strutturali primarju fl-2024) ta’ –0,7 % tal-PDG, li huwa aktar baxx mis-suppożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ –0,1 % tal-PDG. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju tan-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan huwa spjegat minn informazzjoni aktar reċenti meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluża stima aktar baxxa għall-bilanċ tal-gvern estiż fl-2024 (–2,8 % tal-PDG fil-pjan meta mqabbel ma’ –2,4 % tal-PDG skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea). Dan huwa konformi b’mod ġenerali mat-tbassir tal-ħarifa 2024 tal-Kummissjoni. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
·Il-pjan jassumi tkabbir potenzjali tal-PDG ta’ 1,6 % bħala medja matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2028). Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Wara tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2029-2038), is-serje ta’ tkabbir potenzjali tikkonverġi lejn is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, li jirriżultaw fi tkabbir potenzjali medju ogħla għall-pjan milli mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni (1,4 % apparagun ta’ 1,3 %). Id-devjazzjoni sal-2028 hija spjegata mill-projezzjonijiet makroekonomiċi fuq terminu qasir aktar favorevoli fil-pjan taċ-Ċekja, u reviżjoni kemxejn ’l fuq fit-tkabbir tal-PDG għall-2023. Barra minn hekk, il-pjan jindika li l-istimi tat-tkabbir potenzjali jinkludu bħala input it-tbassir makroekonomiku tal-pjan ta’ Awwissu 2024 għall-orizzont sal-2028. Barra minn hekk, it-tkabbir akkumulat matul il-perjodu ta’ projezzjoni jibqa’ ġeneralment konformi mar-riżultati tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
·Il-pjan jassumi li t-tkabbir tad-deflatur tal-PDG huwa 0,5 pp anqas bħala medja mis-suppożizzjoni tal-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ projezzjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju tan-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni aktar kawta milli fil-gwida preċedenti tal-Kummissjoni hija spjegata fil-pjan bl-inkorporazzjoni ta’ data aktar reċenti, billi jiġi preżunt li l-mira tal-inflazzjoni ta’ 2 % (it-tkabbir tas-CPI) għandha tintlaħaq sa nofs l-2026, u billi jiġi preżunt li d-deflatur tal-PDG jikkonverġi għal dan il-valur fl-2028 u jibqa’ stabbli fil-valuri tal-2028 matul il-perjodu ta’ projezzjoni li jifdal. Din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
·Il-pjan jassumi li r-rata tal-imgħax nominali (impliċita) hija 0,6 pp anqas bħala medja mis-suppożizzjoni tal-Kummissjoni matul il-perjodu ta’ projezzjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Id-devjazzjoni ġejja mis-suppożizzjoni ta’ rati tal-imgħax tas-suq aktar baxxi, b’madwar 1pp, fuq terminu qasir u twil, li tirrappreżenta suppożizzjoni aktar ottimista appaagun dik tal-Kummissjoni. Dan huwa spjegat bl-inkorporazzjoni ta’ data aktar reċenti u ta’ metodu differenti, u huwa bbażat fuq l-aspettattiva ta’ tnaqqis fir-rati tal-imgħax tas-suq f’konformità mal-perkors tar-rata bażi tal-bank ċentrali. Id-devjazzjoni tirriżulta wkoll minn suppożizzjoni kemxejn aktar favorevoli ta’ tkabbir tal-PDG reali fil-pjan (l-effett tad-denominatur). Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
Id-differenzi li jibqgħu fis-suppożizzjonijiet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni Ewopea. B’mod ġenerali, id-differenzi kollha meħudin flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta li huwa aktar baxx fil-pjan milli mit-tkabbir medju tan-nefqa netta implikata mill-informazzjoni teknika. Barra minn hekk, fil-pjan tagħha, iċ-Ċekja timpenja ruħha għal perkors tan-nefqa netta li huwa saħansitra aktar baxx minn dan il-limitu massimu. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan fil-valutazzjonijiet futuri tal-konformità b’din ir-rakkomandazzjoni.
Strateġija fiskali tal-pjan
(22)Il-pjan ma jinkludix strateġija fiskali indikattiva biex jiġi implimentat il-perkors tan-nefqa netta tal-pjan, peress li dan il-perkors huwa stabbilit biss bħala limitu massimu tekniku li ċ-Ċekja timpenja ruħha li ma teċċedix. L-ispeċifikazzjoni preċiża tal-miżuri ta’ politika rilevanti għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali.
Intenzjonijiet ta’ riforma u investiment fil-pjan bħala reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u għall-indirizzar tal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
(23)Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs indirizzati liċ-Ċekja, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 128 riforma u investiment, li minnhom 78 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u 85 mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.
(24)Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi 63 miżura, li minnhom 52 huma appoġġati mill-RRF. Il-miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika huma inklużi fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tar-Repubblika Ċeka. L-aktar miżuri importanti jinkludu r-riformi LEX RES I u II, li jissimplifikaw l-għoti ta’ permessi u l-kostruzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jintroduċu komunitajiet tal-enerġija, u jniedu ċ-Ċentru tad-Data tal-Enerġija. Dalwaqt, il-LEX RES III se tipprevedi sistema tal-elettriku aktar flessibbli. Fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, il-Programmi l-Ġodda tal-Iffrankar Ekoloġiku u tal-Iffrankar Ekoloġiku tad-Dawl jappoġġaw ir-rinnovazzjoni fil-fond tal-bini. Miżuri rilevanti oħra jinkludu l-elettrifikazzjoni tal-binarji tal-ferroviji u s-sostituzzjoni ta’ vetturi b’oħrajn aktar effiċjenti fl-emissjonijiet. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs fil-qasam tal-politika tal-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura u n-networks tal-enerġija, u l-effiċjenza enerġetika (indirizzati liċ-Ċekja fl-2019, fl-2020, fl-2022 u fl-2023), u t-trasport sostenibbli (indirizzati liċ-Ċekja fl-2019, fl-2020 u fl-2023). Fir-rigward tal-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali, l-aktar miżuri importanti jinkludu riformi u investimenti biex tiġi żviluppata l-infrastruttura tal-5G f’żoni rurali u ta’ ħtieġa kbira, biex tiġi estiża l-kopertura tas-sinjali 5G, inkluż fil-kurituri tat-trasport u l-ferroviji, u biex jiġu appoġġati proġetti industrijali tar-R&Ż li jużaw il-5G. Dawn il-miżuri huma relatati ma’ (2019 u 2020) CSRs fil-qasam tal-politika tal-konnettività u l-infrastruttura diġitali.
(25)Rigward il-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi 48 miżura, li minnhom 23 huma appoġġati mill-RRF. Rigward l-isfidi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-aktar miżuri importanti jinkludu l-abbozz ta’ liġi dwar ir-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien, l-investimenti fid-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi, u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Akkwist Pubbliku. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs (2019, 2020 u 2024) fil-qasam tal-politika tal-ambjent tan-negozju inklużi l-politiki tal-SMEs, u r-riċerka u l-innovazzjoni, u s-CSR tal-2019 dwar il-kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità fl-akkwist pubbliku. Fir-rigward tal-isfidi għall-koeżjoni soċjali u territorjali, l-aktar miżuri importanti jinkludu l-emenda tal-ewwel pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet, l-ittestjar pilota ta’ għodda ġdida “il-post tax-xogħol għall-integrazzjoni”, iż-żieda fil-kapaċità tas-servizzi tal-kura tat-tfal tal-preprimarja, it-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet diġitali, u l-iżvilupp tal-edukazzjoni diġitali. Miżuri rilevanti oħra jinkludu l-Att emendat dwar il-Kostruzzjoni, u l-abbozz tal-Att dwar l-Appoġġ għad-Djar. Dawn il-miżuri jikkonċernaw is-CSRs (2019, 2022, 2023 u 2024) biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, CSRs tal-2020 fl-oqsma tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u tal-inklużjoni soċjali, is-CSR tal-2019 biex jittejjeb l-aċċess għall-indukrar tat-tfal affordabbli, is-CSRs tal-2019 u l-2020 biex jitrawmu l-ħiliet diġitali u l-aċċess għat-tagħlim diġitali, u s-CSRs tal-2022 u tal-2023 dwar il-provvista ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli. Il-pjan ma jinkludix miżuri mmirati lejn il-provvista u l-akkwist ta’ ħiliet u kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika li tindirizza s-CSR tal-2023 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-pjan ma jinkludix miżuri biex jitnaqqsu d-diżinċentivi tat-taxxa u tal-benefiċċji għall-ġenituri biex jirritornaw għax-xogħol filwaqt li jindirizzaw is-CSR tal-2024 dwar il-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Fir-rigward tal-isfidi għas-saħħa, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali, l-aktar miżuri importanti jinkludu l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi, u l-abbozz tal-Att dwar ir-Regolament dwar il-Lobbying, pjan ta’ azzjoni għar-riżorsi umani għall-awtoritajiet tal-gvern ċentrali, u ż-żieda u l-indiċjar tat-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà immobbli. Dawn il-miżuri jindirizzaw is-CSR tal-2019 biex jiġu adottati miżuri pendenti kontra l-korruzzjoni, is-CSR tal-2024 biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika taċ-Ċekja li tattira, iżżomm u tiżviluppa t-talent, u s-CSR tal-2024 biex jiżdied id-dħul minn taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà. Il-pjan ma jinkludix miżuri fis-settur tal-kura tas-saħħa li jindirizzaw is-CSR tal-2019 biex tittejjeb is-sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistema tal-kura tas-saħħa. Fir-rigward tal-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, l-aktar miżuri importanti jinkludu ż-żieda fil-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni preprimarja, l-appoġġ għall-integrazzjoni tat-tfal ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ir-riforma kontinwa tat-taħriġ tal-għalliema, u t-tisħiħ tal-inklużjoni fl-edukazzjoni. Dawn il-miżuri jindirizzaw is-CSR tal-2019 biex jiżdiedu l-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni. Il-pjan ma jinkludix miżuri fis-settur tal-edukazzjoni għolja li jindirizzaw is-CSR tal-2024 dwar iż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja.
(26)Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw din il-prijorità komuni, li l-ebda waħda minnhom ma hija appoġġata mill-RRF. L-aktar miżuri importanti jinkludu l-kiri tal-kapaċitajiet tat-terminals tal-LNG u t-tlestija tal-proġett TAL+ fid-dawl tat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili Russi. Dawn il-miżuri huma mistennija jindirizzaw is-CSR tal-2022 biex jiddiversifikaw l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Barra minn hekk, il-gvern qed jieħu passi biex jissostitwixxi l-unitajiet eżistenti tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Dukovany.
(27)Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jinkludi żieda fl-infiq għad-difiża għal madwar 2 % tal-PDG fl-2024, f’allinjament mal-impenji tan-NATO.
(28)Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà mal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u mal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) taċ-Ċekja. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fil-pjan hija ffinanzjata mill-RRF. Il-pjan u l-anness tal-pjan jimmappjaw b’mod komprensiv ir-riformi u l-investimenti dwar il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-RRP.
(29)Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-bżonn ta’ investiment pubbliku taċ-Ċekja relatat mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluża l-konsistenza mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-ħtiġijiet ta’ investiment jinkludu t-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-bini, l-iżvilupp ta’ infrastruttura tan-network mobbli tal-5G, u s-simplifikazzjoni tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi diġitali. Biex tiżgura r-reżiljenza soċjali u ekonomika, iċ-Ċekja qed tippjana li tinvesti f’negozji ġodda innovattivi u kumpaniji li qed jikbru, tiffaċilita t-taħriġ mill-ġdid u l-edukazzjoni ulterjuri, u żżid il-kapaċità tal-indukrar tat-tfal. Biex iżżid is-sigurtà tal-enerġija, iċ-Ċekja beħsiebha tappoġġa r-riċerka applikata fl-enerġija.
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
(30)B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan taċ-Ċekja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
KONKLUŻJONI ĠENERALI
(31)F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill liċ-Ċekja.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li Ċ-ĊEKJA
(1)Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden liċ-Ċekja biex tiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.
ANNESS I
Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattivi, f’termini nominali)
Iċ-Ċekja
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
||
|
Rati ta’ tkabbir (%) |
Annwali |
4,5 |
2,5 |
2,6 |
2,9 |
|
|
Kumulattivi (*) |
10,1 |
12,9 |
15,8 |
19,2 |
||
(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattivi huma kkalkulati b’referenza għas-sena bażi 2023.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Kunsill
Il-President