|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4106 |
22.7.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/4106)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Beaufort”
Nru tal-UE: PDO-FR-0106-AM01 — 23.4.2025
1. Isem tal-prodott
“Beaufort”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☒ |
Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) |
|
☐ |
Indikazzjoni ġeografika (IĠ) |
3. Settur
|
☒ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Franza
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Il-Ministeru għall-Agrikoltura u għas-Sovranità tal-Ikel
6. Kwalifika bħala emenda standard
Spjegazzjoni għaliex l-emenda/i taqa’/ jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143:
L-emendi deskritti u ġustifikati ma jinkludux bidla fl-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta jew bidla fl-użu ta’ dak l-isem. Ma joħolqux riskju li titħassar ir-rabta msemmija fl-Artikolu 5(2)(b), u lanqas ma jinvolvu aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. Dawn l-emendi għalhekk jissodisfaw id-definizzjoni ta’ emenda standard.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru
L-indirizz tal-INAO ġie aġġornat u n-numru tal-fax li ma għadux jintuża tħassar.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
2. Grupp applikant
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp applikant inbidlu biex jitneħħa n-numru tal-fax, li ma għadux jintuża.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
3. Definizzjoni taż-żona ġeografika
Fil-punt 3, żdied il-kliem “abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2024”.
Din l-emenda editorjali tippermetti li tiġi identifikata ż-żona ġeografika b’referenza għall-verżjoni tal-2024 tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali.
Id-definizzjoni taż-żona ġeografika ġiet emendata. Iż-żona ġeografika d-DOP “Beaufort” ġiet estiża biex tinkludi parti mill-muniċipalità ta’ Césarches fid-dipartiment ta’ Savoie.
Minbarra din l-emenda, il-lista ta’ muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġeografika u l-ismijiet tagħhom ġew aġġornati mingħajr ma nbidel il-konfini taż-żona ġeografika, f’konformità mal-bidliet amministrattivi li saru fil-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali.
Ġiet miżjuda wkoll sentenza bl-informazzjoni li mapep li jkopru ż-żona ġeografika huma disponibbli fuq is-sit web tal-INAO.
Id-dokument uniku ġie emendat taħt l-intestatura “Definizzjoni taż-żona ġeografika”.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
4. Identifikazzjoni tal-operaturi
Ġie speċifikat li l-operaturi attivi matul parti tas-sena jridu jispeċifikaw il-perjodi ta’ produzzjoni tagħhom fid-dikjarazzjoni ta’ identifikazzjoni tagħhom.
Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
5. Rekwiżiti ta’ dikjarazzjoni
Ir-rekwiżiti ta’ dikjarazzjoni għall-produtturi tal-ħalib li jipproduċu biss matul parti tas-sena tneħħew.
Dawn ir-rekwiżiti ta’ dikjarazzjoni jinvolvu piż amministrattiv sinifikanti mingħajr ma hija utli d-data trażmessa. Minħabba li d-data meta tissokta l-attività tiddependi fuq għadd kbir ta’ fatturi (eż. it-temp), id-dati tal-issoktar ippreżentati spiss ikunu pjuttost vagi.
Il-proċeduri tekniċi għall-klassifikazzjoni tal-ġobniet sħaħ fil-forma ta’ rota ġew emendati wkoll biex jinkludu s-sorveljanza mill-grupp ta’ produtturi. L-iskop ta’ din iż-żieda huwa li jiġi evitat li d-diversi produtturi tal-ġobon jiġu kklassifikati b’mod differenti.
Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
6. Definizzjoni tal-merħla
Ġie ċċarat li t-terminu “merħla” jirreferi għall-baqar tal-ħalib kollha preżenti fl-azjenda, irrispettivament minn jekk humiex qed ireddgħu jew humiex niexfa mill-ħalib.
Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
7. Dieta
Ġie speċifikat li l-merħla trid tirgħa fiż-żona ġeografika. It-terminu “transġeniku” ġie ssostitwit bit-terminu “OĠM” biex jiġu pprojbiti l-modifiki ġenetiċi kollha possibbli.
Is-sainfoin deidratat ġie miżjud mal-lista ta’ materjali tal-għalf fir-razzjon tax-xitwa tal-baqar. Dan l-għalf jagħmilha possibbli li tiġi supplimentata u diversifikata d-dieta tal-merħla. It-terminu “transġeniku” ġie wkoll sostitwit bit-terminu “OĠM”.
Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.
8. L-ipproċessar tal-ħalib
Id-dispożizzjoni li tillimita t-tranżizzjoni tal-ħalib mill-pompi tħassret. Fil-fatt, kriterju bħal dan huwa soġġettiv u għalhekk huwa impossibbli li jiġi vverifikat. Barra minn hekk, il-produtturi ma għandhom l-ebda inċentiv biex jimmultiplikaw il-movimenti tal-ħalib.
Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
9. Metodu tal-produzzjoni
Ġie speċifikat li d-drapp użat biex jifforma l-baqta jrid ikun tal-għażel.
Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
10. Evidenza tar-rabta maż-żona ġeografika
Skont il-punt 5 tad-dokument uniku, it-titoli tal-paragrafi tħassru biex it-test ikun aktar faċli biex jinqara.
Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.
12. Dettalji speċifiċi dwar it-tikkettar
Saret emenda biex jiġi speċifikat li l-isem irid ikun fl-istess kamp viżiv bħas-simbolu.
Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.
DOKUMENT UNIKU
“Beaufort”
Nru tal-UE: PDO-FR-0106-AM01 — 23.4.2025
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet
“Beaufort”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
04 — PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAL-GĦASAFAR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MILL-ANNIMALI, LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BANDA OĦRA 0406 — Ġobon u baqta |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
Il-“Beaufort” huwa ġobon ippressat u msajjar magħmul esklużivament mill-ħalib sħiħ mhux pasturizzat tal-baqra li jiġi pproċessat nej. Jiġi mmellaħ fis-salmura u mbagħad immellaħ fil-wiċċ u jitħalla jsir għal mill-inqas 5 xhur.
Il-pejst huwa artab u kremuż, u jista’ juri xi xquq orizzontali fini u ftit toqob żgħar (magħrufa bil-Franċiż bħala “għajn ta’ ħaġla”). Il-ġobniet huma ċatti b’għarqub konkavi, jiżnu bejn 20 u 70 kg, b’dijametru ta’ bejn 35 u 75 ċentimetru u b’għoli tax-xifer ta’ barra ta’ bejn 11 u 16-il ċentimetru. Il-qoxra maħsula hija nadifa, soda u ta’ kulur uniformi, li jista’ jvarja minn isfar għal kannella. Il-“Beaufort” fih mill-inqas 48 % xaħam wara dessikazzjoni sħiħa u kontenut ta’ materja niexfa li ma tistax tkun inqas minn 61 gramma għal kull 100 gramma ta’ ġobon misjur.
Meta l-ġobon jinbiegħ wara li jkun ġie mballat minn qabel, kull biċċa jrid ikollha parti bil-qoxra karatteristika tad-denominazzjoni; madankollu, din il-qoxra tista’ titneħħielha l-moffa. Meta l-ġobon jinbiegħ maħkuk, l-użu tad-denominazzjoni “Beaufort” huwa pprojbit.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Mill-inqas 75 % tal-ħtiġijiet tal-merħla tal-baqar tal-ħalib għall-ħuxlief u l-mergħa jridu jkunu fornuti fiż-żona ġeografika. Il-magħlef jista’ jinġieb biss minn barra ż-żona bħala suppliment għar-riżorsi lokali. Ir-ragħa jrid isir fiż-żona ġeografika.
Ir-riżorsi ta’ magħlef fiż-żona mhux dejjem ikunu biżżejjed biex jitimgħu l-merħliet. L-għalf komplementari sempliċi jew kompost awtorizzat ma jistax jiġi prodott fiż-żona, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija.
Peress li l-maġġoranza l-kbira tal-għalf bażiku tal-merħla (mergħa u ħuxlief) ġej miż-żona ġeografika u l-għalf komplementari huwa strettament limitat, huwa minimu l-impatt ta’ dan l-għalf prodott barra ż-żona fuq il-karatteristiċi dovuti primarjament għall-ambjent ġeografiku.
Il-varjetajiet ta’ pjanti li huma OĠM ma humiex permessi.
Il-prodotti tas-silaġġ, għalf ieħor iffermentat u l-polpa tal-pitravi huma pprojbiti fl-azjenda.
Mill-inqas 20 % tal-ħtiġijiet annwali tal-baqar tal-ħalib għall-ħuxlief iridu jkunu fornuti minn ġewwa ż-żona ġeografika.
Matul il-perjodu tar-ragħa, il-baqar tal-ħalib jistgħu jingħataw għalf komplementari biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali (twellid, lixka għall-ħlib, eventi tat-temp mhux tas-soltu, ħruġ fil-mergħa u tmiem l-istaġun).
L-għalf komplementari ma jistax jaqbeż:
|
— |
meta l-baqar ikunu qed jirgħu f’mergħat tal-Alpi: 1,5 kg għal kull baqra li tredda’ kuljum bħala medja fil-merħla kollha. Qabel l-1 ta’ Awwissu, iċ-ċereali biss huma permessi bħala għalf komplementari. |
|
— |
meta l-baqar ikunu qed jirgħu barra mill-mergħat tal-Alpi: 2,5 kg għal kull baqra li tredda’ kuljum bħala medja fil-merħla kollha. |
Il-ħalib użat biex isir il-ġobon “Beaufort” irid jiġi biss minn merħliet li jikkonsistu minn baqar tar-razez lokali Tarine u Abondance. Il-produzzjoni medja tal-merħla ma tistax taqbeż il-5 000 kg ta’ ħalib għal kull baqra li tredda’ fis-sena.
Il-ħalib użat biex isir il-ġobon “Beaufort” irid jiġi biss minn merħliet li jikkonsistu minn baqar tar-razez lokali Tarine u Abondance. Il-produzzjoni medja tal-merħla ma tistax taqbeż il-5 000 kg ta’ ħalib għal kull baqra li tredda’ fis-sena.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-ħalib huwa prodott u l-ġobon isir u jiġi mmaturat fiż-żona ġeografika.
Il-ħalib irid jittieħed fil-faċilità tal-ħalib mill-aktar fis possibbli wara l-ħlib; madankollu, fuq talba tal-produttur tal-ġobon, meta jintużaw tankijiet imkessħa fil-farm, il-ħalib jista’ jittieħed fil-maħleb darba kuljum biss. F’dan il-każ, il-ħalib minn kull ħlib differenti jitħallat biss fil-maħleb fejn isir il-ġobon fil-ħin tal-manifattura. L-ipproċessar tal-ħalib direttament mill-baqra jippermetti li l-kwalitajiet oriġinali tal-ħalib, li jirriżultaw mid-diversità veġetattiva tal-mergħat fejn jirgħu l-baqar, jiġu ppreservati fil-ġobon. Dan ifisser ukoll li l-“Beaufort” huwa ġobon b’xaħam sħiħ, magħmul minn ħalib li ma ġiex xkumat u bl-użu ta’ kulturi ta’ xorrox selvaġġi.
Is-sajran tal-ġobon f’kantina kiesħa, stadju essenzjali li jiggarantixxi l-kwalità tiegħu, huwa l-istadju fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi huma l-eqreb possibbli għal dawk esperjenzati fis-siti ta’ altitudni għolja u huwa kompletament konsistenti mal-manifattura ta’ ġobon b’xaħam sħiħ.
3.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Minbarra l-informazzjoni obbligatorja meħtieġa bir-regoli dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikkettar tal-ġobon bid-denominazzjoni tal-oriġini “Beaufort” irid jinkludi dan li ġej fl-istess kamp viżiv:
|
— |
l-isem tad-denominazzjoni miktub b’tipa li hija mill-inqas żewġ terzi tad-daqs tal-ikbar tipa li tidher fuq it-tikketta, |
|
— |
is-simbolu tad-DOP tal-Unjoni Ewropea. |
L-ebda karatteristika jew indikazzjoni oħra ma tista’ titpoġġa mad-denominazzjoni tal-oriġini fuq it-tikketta, fil-materjali tar-riklamar, fuq il-fatturi jew f’dokumenti kummerċjali, ħlief għal: - ismijiet ta’ marki jew trademarks speċifiċi; - xi termini: “sajf” u “chalet d’alpage”, li jistgħu jintużaw skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni.
4. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Ir-reġjun tal-produzzjoni tal-“Beaufort” ikopri ż-żona għolja tal-muntanji tad-dipartiment ta’ Savoie u jinkludi l-meded tal-muntanji ta’ Beaufortain, Val d’Arly, Tarentaise u Maurienne u żewġ setturi kontigwi f’Haute Savoie. Ikopri t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali 2024:
Id-dipartiment ta’ Savoie:
Muniċipalitajiet inklużi b’mod sħiħ:
Aime-la-Plagne, Albiez-le-Jeune, Albiez-Montrond, (Les) Allues, Aussois, (Les) Avanchers-Valmorel, Avrieux, (La) Bâthie, Beaufort, (Les) Belleville, Bessans, Bonneval-sur-Arc, Bourg-Saint-Maurice, Bozel, Brides-les-Bains, Cevins, (La) Chambre, Champagny-en-Vanoise, (La) Chapelle, (Les) Chapelles, (Les) Chavannes-en-Maurienne, Cohennoz, Courchevel, Crest-Voland, Esserts-Blay, Feissons-sur-Salins, Flumet, Fontcouverte-la-Toussuire, Fourneaux, Freney, (La) Giettaz, Grand-Aigueblanche, Hautecour, Hauteluce, Jarrier, Landry, (La) Léchère, Modane, Montagny, Montricher-Albanne, Montsapey, Montvalezan, Montvernier, Moûtiers, Notre-Dame-de-Bellecombe, Notre-Dame-du-Cruet, Notre-Dame-du-Pré, Orelle, Peisey-Nancroix, (La) Plagne-Tarentaise, Planay, Pralognan-la-Vanoise, Queige, Rognaix, Saint-Alban-des-Villards, Saint-André, Saint-Avre, Saint-Colomban-des-Villards, Saint-Etienne-de-Cuines, Saint-François-Longchamp, Saint-Jean-de-Maurienne, Saint-Jean-d’Arves, Saint-Julien-Mont-Denis, Saint-Marcel, Saint-Martin-de-la-Porte, Saint-Martin-d’Arc, Saint-Martin-sur-la-Chambre, Saint-Michel-de-Maurienne, Saint-Nicolas-la-Chapelle, Saint-Pancrace, Saint-Paul-sur-Isère, Saint-Rémy-de-Maurienne, Saint-Sorlin-d'Arves, Sainte-Foy-Tarentaise, Sainte-Marie-de-Cuines, Salins-Fontaine, Séez, Tignes, (La) Tour-en-Maurienne, Tours-en-Savoie, Val-Cenis, Val-d'Isère, Valloire, Valmeinier, Villard-sur-Doron, Villarembert, Villargondran, Villarodin-Bourget u Villaroger.
Muniċipalitajiet inklużi parzjalment: Albertville li tinkludi s-sezzjonijiet kadastrali E2, E3 u E4, Césarches skont il-konfini taż-żona ta’ produzzjoni ġeografika kif approvati mill-kumitat nazzjonali kompetenti tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta’ Marzu 2025.
Id-dipartiment ta’ Haute-Savoie
Muniċipalità inkluża b’mod sħiħ: Praz-sur-Arly.
Muniċipalitajiet inklużi parzjalment: (Les) Contamines-Montjoie li jinkludu s-sezzjonijiet kadastrali D8 (parzjalment), E6, E7, E8 (parzjalment), F5 (parzjalment), F6 (parzjalment), F8 (parzjalment), F9, F10, F11, F12 u F13.
Mappa li tiddefinixxi l-konfini taż-żona ġeografika tal-produzzjoni ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet muniċipali tal-muniċipalitajiet ikkonċernati u tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità.
5. Rabta maż-żona ġeografika
L-ambjent naturali assoċjat mad-denominazzjoni “Beaufort” huwa karatterizzat mill-mases taż-żona interna tal-Alpi, prinċipalment magħmula minn mases kristallini kumpatti interni, kif ukoll blat sedimentarju fiż-żona ta’ Briançonnaise u, parzjalment, il-mases kristallini esterni li fihom jista’ jidher blat sedimentarju artab tat-tip shale.
Billi tifforma interfaċċja bejn l-Alpi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, fil-veru sens tal-kelma, iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini, fejn l-art bil-ħaxix permanenti tkopri 95 % taż-żona użata mis-settur tal-produzzjoni tal-ġobon, tapprofitta minn dawn il-vantaġġi:
|
— |
xita għolja biżżejjed (għalkemm mhux qawwija wisq) u ħamrija fonda li jippermettu li jikber biżżejjed ħaxix biex jipprovdi nutrizzjoni suffiċjenti għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib; |
|
— |
flora diversifikata u rikka fi pjanti aromatiċi li hija kumparabbli ma’ dik ta’ art bil-ħaxix niexfa. |
Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Beaufort”, li tkopri l-massa Beaufortain, il-widien ta’ Tarentaise, Maurienne u parti mill-Val d’Arly, hija karatterizzata minn mergħat muntanjużi estensivi (92 % tal-unitajiet pastorali ta’ Savoie).
F’dawn il-mergħat tal-muntanji żviluppaw prattiki pastorali li ma humiex segwiti fuq l-istess skala f’postijiet oħra fl-Alpi, la individwalment u lanqas bħala ħaġa sħiħa, u li jikkostitwixxu sistema agropastorali unika. Din is-sistema hija karatterizzata mill-użu f’diversi livelli ta’ veġetazzjoni li jinvolvi l-użu kumplimentari ta’ qiegħ il-wied, xaqliba u mergħa tal-muntanji. In-nies u l-annimali jsegwu t-tkabbir tal-ħaxix, u l-preżenza ta’ kuljum tan-nies tippermetti l-ħlib fuq il-post u l-ġestjoni bir-reqqa tal-ħaxix b’mod li jgħin biex jinżammu l-mergħat naturali.
Is-sistema agropastorali li ilha stabbilita mis-seklu 17 evolviet maż-żminijiet iżda baqgħet leali lejn il-prinċipji tagħha.
Il-mergħat tal-muntanji użati matul il-100-110 jum tal-perjodu tas-sajf jinkludu:
|
— |
il-muntanji għoljin, fejn tirgħa merħla kbira (50-150 baqra tal-ħalib). Inbnew mogħdijiet sal-mergħa tal-muntanji u fi ħdanha, li jippermetti li l-magni mobbli tal-ħlib isegwu lill-merħla, li tivjaġġa distanza ta’ aktar minn 1 500 m sa 2 500 m biex issegwi t-tkabbir tal-ħaxix. Il-merħla hija magħmula minn diversi merħliet miġbura flimkien. |
|
— |
l-għoljiet baxxi fil-qiegħ tal-muntanji, fejn jirgħu l-merħliet ta’ familji individwali. Il-ħlib kien isir f’barrakki iżgħar użati bħala mħaleb u f’għoli aktar baxx. Il-ħlib spiss isir f’dawn l-imħaleb, għalkemm din il-prattika qed issir aktar rari. |
Il-ħalib (b’mod partikolari fil-muntanji għoljin) jista’ jiġi pproċessat fuq il-post, iżda l-biċċa l-kbira tiegħu jinġabar minn imħaleb li jinsabu fil-qiegħ tal-widien, li jagħmlu l-ġobon matul is-sena kollha. Il-merħliet iqattgħu ix-xitwa f’dawn il-widien. Il-ħuxlief isir fiż-żoni li l-merħliet jitilqu minnhom fix-xhur tas-sajf.
Dejjem kien hemm movimenti ta’ baqar tal-ħalib barra miż-żona:
|
— |
ċertu numru ta’ baqar tal-ħalib (li huma proprjetà ta’ produtturi ta’ “Beaufort”) iqattgħu x-xitwa fil-pjanuri; |
|
— |
oħrajn, li jappartjenu lil bdiewa tal-pjanuri baxxi, jingħaqdu mal-merħliet fiż-żona biss matul l-istaġun tar-ragħa fil-mergħat tal-Alpi. |
L-erieħ jgħinu biex jinżammu l-istrixxi kontra t-tixrid tan-nirien fil-Var matul il-perjodu tax-xitwa. Bejn il-widien u l-mergħat tal-muntanji hemm livell intermedjarju li jissejjaħ “montagnette”, fejn il-merħliet jitħallew għal xi żmien fir-rebbiegħa u fil-ħarifa.
Iż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata minn tradizzjoni tat-trobbija tal-ifrat, speċifikament tal-baqar tar-razez Tarine u Abondance. Dan japplika b’mod partikolari għar-razza Tarine, li toriġina mill-Wied ta’ Tarentaise. Fl-1963, E. Quittet iddeskriva r-razza b’dan il-mod: “ir-razza Tarine turi kwalitajiet notevoli ta’ durabilità u reżistenza għall-kundizzjonijiet tal-għajxien mill-aktar diffiċli, li huwa dovut sa grad għoli għall-mod kif tgħix (billi tqatta’ l-perjodu tas-sajf f’mergħat tal-Alpi f’altitudni ta’ bejn 1 500 u 2 000 metru). Il-baqar ta’ din ir-razza jibqgħu f’kundizzjoni tajba għal żmien twil, minkejja t-twellid regolari. Il-baqar għandhom il-ħila notevoli li jużaw l-għalf oħxon matul il-perjodu tax-xitwa, filwaqt li xorta jipproduċu rendimenti tal-ħalib aċċettabbli. It-Tarentaise hija baqra tal-ħalib eċċellenti, speċjalment fi klimi ħorox.”
Il-kontenut għoli ta’ xaħam tal-“Beaufort” jiddistingwih minn ġobniet iebsin ippressati oħrajn.
It-teknika żviluppata kmieni fis-seklu 17 biex isiru ġobniet ippressati msajrin malajr infirxet maż-żoni muntanjużi kollha fil-Lvant ta’ Franza. B’hekk sar possibbli għall-bdiewa fir-reġjun ta’ “Beaufort” biex jistennew sax-xitwa qabel ma jbiegħu u jikkunsmaw il-ħalib prodott b’mod abbundanti fil-mergħat tal-muntanji matul is-sajf. Din it-teknika nħolqot inizjalment minħabba l-bżonn iżda aktar tard kisbet karatteristiċi distinti marbuta direttament mal-ambjent (l-użu ta’ ħalib sħiħ u s-sajran f’kantina friska).
Matul l-istħarriġ agrikolu li sar fl-1929, l-isem “Beaufort” kien jintuża biex jintgħaraf b’mod ċar mill-ġobon gruyères l-oħra. “L-ispettur tal-forestrija jiddikjara li l-ġobon gruyère ta’ Beaufort jinbiegħ bl-isem ‘Beaufort’ u mhux sempliċement bħala ‘Gruyère’, li jippermetti li jinbiegħ bi prezz ogħla”.
Fl-1945, bid-Digriet 45-1245 li jiddefinixxi l-ġobon Franċiż kollu, l-użu tal-isem “Beaufort” ingħata għall-ġobon kollu “immanifatturat esklużivament mill-ħalib tal-baqra, imsajjar, ippressat u mmellaħ niexef…”. Ilum il-“Beaufort” jista’ jintgħaraf minn kull ġobon ieħor imsajjar u ppressat, b’mod partikolari minħabba
|
— |
l-użu ta’ ħalib sħiħ mhux ipproċessat fil-manifattura tiegħu immedjatament wara l-ħlib; |
|
— |
l-użu ta’ forma tal-injam magħrufa bħala “cercle à Beaufort” li tagħti lill-ġobon l-għarqub konkavi tiegħu; |
|
— |
l-użu ta’ tekniki tradizzjonali tal-produzzjoni tal-ġobon, b’mod partikolari l-inokulazzjoni b’lattobaċilli termofiliċi kkultivati mill-produttur tal-ġobon; |
|
— |
pejst kompletament jew kważi mingħajr toqob bis-saħħa tas-sajran f’kantina friska. |
Waħda mill-karatteristiċi organolettiċi partikolari tal-“Beaufort” hija li l-pejst inizjalment jinħass sod fil-ħalq iżda mbagħad jinħall mingħajr ma jweħħel wisq. Irid ikollu varjetà ta’ aromi, li l-ebda waħda minnhom ma tkun qawwija wisq.
Il-partikolaritajiet ambjentali deskritti jirriżultaw fi flora rikka ħafna u f’firxa ferm diversa ta’ pjanti. Il-gruppi fitosoċjoloġiċi kollha li huma nattivi għall-artijiet bil-ħaxix, heathlands u moorlands użati għar-ragħa fl-Alpi jistgħu jinstabu fiż-żona tal-produzzjoni.
Skont diversi studji, pereżempju Dorioz et al. (2000), Dorioz 1995, INRA 1994, Dorioz u Van Oort 1991, Legros et al. 1987 u Dorioz 1995, il-mergħat jippreżentaw varjabbiltà u diversità estrema, u fihom total ta’ 250 sa 300 speċi. Skont id-direzzjoni u l-angolu tal-inklinazzjoni tal-blat u tat-tipi ta’ ħamrija, huwa possibbli li fl-istess ġurnata ta’ ragħa, il-baqar jiltaqgħu ma’ varjetà kbira ta’ magħlef.
Din il-flora partikolarment appetituża bla dubju fiha taħlita aromatika li hija espressa fit-togħma u r-riħa karatteristika tal-ġobon “Beaufort” (Dumont u Adda 1978, Buchin et al. 1999 u Asselin et al. 1999 f’Dorioz et al. 2000).
Is-sistema pastorali hija bbażata fuq l-użu massimu ta’ din il-varjetà rikka ta’ veġetazzjoni bl-użu ta’ merħliet tar-razez lokali tal-baqar Tarine u Abondance, li jitrabbew skont prattiki pastorali ddettati kompletament mill-ambjent. Barra minn hekk, il-manifattura tal-ġobon bil-ħalib direttament mill-baqra tippermetti l-preservazzjoni tal-kwalitajiet oriġinali tal-ħalib marbuta mad-diversità tal-flora. Dan ifisser ukoll li l-“Beaufort” huwa ġobon b’xaħam sħiħ, magħmul minn ħalib li ma ġiex xkumat u bl-użu ta’ kulturi ta’ xorrox selvaġġi. L-użu ta’ kontenitur konvess jippermetti lill-produtturi tal-ġobon jadattaw għall-varjazzjonijiet sinifikanti fil-kwantitajiet ta’ ħalib prodotti fil-mergħat tal-Alpi, iżommu t-temperatura ġewwa l-ġobon matul l-ippressar u jistabbilizzaw il-forma tar-rota. Il-maturazzjoni tal-ġobon f’kantina kiesħa, li hija stadju essenzjali biex tiġi ggarantita l-kwalità tiegħu, hija l-istadju fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi huma l-eqreb possibbli għal dawk esperjenzati fis-siti ta’ produzzjoni f’altitudni għolja fejn isir il-ġobon u hija kompletament konformi mal-manifattura ta’ ġobon b’xaħam sħiħ.
It-tekniki tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-manifattura tal-ġobon, meħuda bħala ħaġa sħiħa, jikkostitwixxu sistema koerenti marbuta mal-karatteristiċi tal-prodott, li tippermetti li d-diversità aromatika miksuba mill-flora partikolari tiġi espressa sal-prodott finali.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-f7903f6f-258b-447a-b978-cfa35c7a0112
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4106/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)