31979L1070



Official Journal L 331 , 27/12/1979 P. 0008 - 0009
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0082
Greek special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0109
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0082
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0114
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0114


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-6 ta' Diċembru

li temenda d-Direttiva nru 77/799/KEE dwar l-għajnuna mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa diretta

(79/1070/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 99 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi d-drawwa ta' l-evażjoni tat-taxxa twassal għal telf fil-baġit u għall-vjolazzjoni tal-prinċipju tat-taxxa ġusta u tipperikola l-kompetizzjoni b'saħħitha; billi għalhekk din taffettwa ħażin it-tmexxija mingħajr tfixkil tas-suq komuni;

Billi, biex tikkumbatti din id-drawwa b'mod aktar effettiv, il-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa fil-Komunità għandha tissaħħaħ skond il-prinċipji u r-regoli komuni;

Billi, fid-19 ta' Diċembru 1977, il-Kunsill adotta id-Direttiva nru 77/799/KEE dwar l-għajnuna mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa diretta [3]; billi din l-għajnuna ta' xulxin għandha titwessa' biex tkopri t-taxxi ndiretti biex tiżgura li dawn ikunu stmati tajjeb u miġbura;

Billi, bħala kwistjoni ta' urġenza partikolari, l-għajnuna ta' xulxin trid titwessa' biex tkopri it-taxxa fuq il-valur miżjud, kemm minħabba li hija taxxa ġenerali fuq il-konsum kif ukoll minħabba li għandha parti mportanti fis-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunità;

Billi d-disposizzjonijiet tad-Direttiva nru 77/799/KEE huma tajbin ukoll għat-taxxa fuq il-valur miżjud, wara li jsirulha xi emendi u żidiet; billi għalhekk huwa biżżejjed li jitwessa' l-iskop tad-Direttiva msemmija,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva nru 77/799/KEE qiegħda b'hekk tiġi emendata kif ġej:

1. It-titolu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru dwar l-għajnuna ta' xulxin mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fl-oqsma tat-taxxa diretta u tat-taxxa fuq il-valur miżjud."

2. Fl-Artikolu 1:

(a) Il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

"1. Skond id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jibdlu bejniethom kull informazzjoni li tista' ġġiegħlhom jagħmlu stima tajba tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital kif ukoll tat-taxxa fuq il-valur miżjud."

(b) Il-paragrafu 5, fejn għandu x'jaqsam ir-Renju Unit, jinbidel b'dan li ġej:

"fir-Renju Unit:

- Il-Kummissarji tad-Dwana u s-Sisa jew xi rappreżentant awtorizzat għall-informazzjoni mitluba biss għall-iskopijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

- Il-Kummissarji ta' l-Introjtu Interni jew xi rappreżentant awtorizzat għal kull informazzjoni oħra."

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iqgħedu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sa l-1 ta' Jannar 1981.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fis-6 ta' Diċembru 1979.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Preti

[1] ĠU C 182, tal-31.07.78, p. 46.

[2] ĠU C 283, tas-27.11.1978, p. 28.

[3] ĠU L 336, tas-27.12.1977, p. 15.

--------------------------------------------------