European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/695

22.7.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/695

tad-9 ta’ April 2025

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi livelli limitu u klassijiet ta’ prestazzjoni għall-apparati ta’ ankraġġ permanenti u l-ganċijiet b’tagħmir tas-sikurezza

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) u (3) flimkien mal-Artikolu 60, il-punti (a) u (f) tiegħu,

Billi:

(1)

L-istandard armonizzat EN 17235:2024 dwar l-apparati ta’ ankraġġ permanenti u l-ganċijiet b’tagħmir tas-sikurezza fih livelli limitu u sistemi ta’ klassifikazzjoni għall-prestazzjoni tal-prodotti li jkopri, fir-rigward tal-karatteristika essenzjali “reżistenza mekkanika”.

(2)

Huwa xieraq li jiġu ddeterminati l-karatteristiċi essenzjali “test dinamiku – reżistenza mekkanika” u “test tat-tagħbija massima – reżistenza mekkanika” bħala dawk li għalihom il-manifattur huwa obbligat jiddikjara l-prestazzjoni tal-apparat ta’ ankraġġ permanenti u l-ganċijiet b’tagħmir tas-sikurezza meta jitqiegħdu fis-suq. Il-karatteristika essenzjali “test tal-bażi tal-ganċ – tar-reżistenza mekkanika” jenħtieġ li tiżdied mal-lista ta’ karatteristiċi essenzjali li l-manifattur jeħtieġ jiddikjara għall-ganċijiet b’tagħmir tas-sikurezza.

(3)

Sabiex tiġi żgurata applikabbiltà teknika aħjar tal-istandard EN 17235:2024 għall-prodotti li jkopri, l-istandard jenħtieġ li jkun jinkludi limiti għal-livelli ta’ prestazzjoni għall-karatteristiċi essenzjali “test dinamiku – reżistenza mekkanika” u “test tal-bażi tal-ganċ – reżistenza mekkanika”.

(4)

Għal raġunijiet ta’ sikurezza, jeħtieġ ukoll li jiġu definiti klassijiet ta’ prestazzjoni għall-karatteristika essenzjali “test dinamiku – reżistenza mekkanika”, sabiex fid-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni tingħata informazzjoni dettaljata dwar il-kapaċità tal-apparat li jittratta tagħbijiet differenti.

(5)

Skont l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Kummissjoni jew korp Ewropew tal-istandardizzazzjoni, abbażi ta’ mandat rivedut maħruġ mill-Kummissjoni, jistgħu jistabbilixxu livelli limitu u klassijiet ta’ prestazzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti għall-bini. Minħabba l-ħtieġa li mill-aktar fis possibli jiġu stabbiliti livelli limitu u klassijiet ta’ prestazzjoni għall-apparati ta’ ankraġġ permanenti u l-ganċijiet b’tagħmir tas-sikurezza, l-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi dawk il-livelli limitu u l-klassijiet ta’ prestazzjoni. Skont l-Artikolu 27(2), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, dawk il-klassijiet ta’ prestazzjoni jridu jintużaw fl-istandards armonizzati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-apparati ta’ ankraġġ permanenti u l-ganċijiet b’tagħmir tas-sikurezza koperti mill-Istandard Ewropew tal-Prodotti EN 17235:2024. Din tistabbilixxi livelli limitu u klassijiet ta’ prestazzjoni għal dawk l-apparati u l-ganċijiet, kif ukoll il-karatteristiċi essenzjali ta’ dawk il-prodotti li l-manifattur jeħtieġ jispeċifika fid-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

Artikolu 2

Dikjarazzjoni obbligatorja dwar il-karatteristiċi essenzjali

1.   Fid-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni, għall-apparati ta’ ankraġġ permanenti u l-ganċijiet b’tagħmir tas-sikurezza, il-manifattur għandu jiddikjara l-karatteristiċi essenzjali li ġejjin meta dawn il-prodotti jitqiegħdu fis-suq:

(a)

test dinamiku — reżistenza mekkanika;

(b)

test tat-tagħbija massima — reżistenza mekkanika.

2.   Meta prodott ikun jinkludi ganċ b’tagħmir tas-sikurezza, il-manifattur ta’ dak il-prodott għandu jiddikjara wkoll, fid-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni, meta jkun tqiegħed fis-suq, il-karatteristika essenzjali “test tal-bażi tal-ganċ – reżistenza mekkanika”.

Artikolu 3

Livelli limitu

1.   Għall-karatteristika essenzjali msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), il-livell għall-valuri tad-disinn tal-azzjonijiet għandu jkun daqs jew aktar minn 9,0 kN meta jiġi ttestjat skont l-EN 17235:2024, kif speċifikat fl-Anness.

2.   Meta prodott ikun jinkludi ganċ b’tagħmir tas-sikurezza, il-livell għall-kejl tal-karatteristika essenzjali “test tal-bażi tal-ganċ – reżistenza mekkanika” għandu jkun daqs jew inqas minn 5 mm meta ttestjat skont l-EN 17235:2024, kif speċifikat fl-Anness.

Artikolu 4

Klassijiet ta’ prestazzjoni

Il-klassijiet ta’ prestazzjoni għall-apparati ta’ ankraġġ permanenti u l-ganċijiet b’tagħmir tas-sikurezza, fir-rigward tal-karatteristika essenzjali msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/305/oj.


ANNESS

Il-livelli limitu u l-klassijiet ta’ prestazzjoni tal-apparat ta’ ankraġġ permanenti u l-ganċijiet b’tagħmir tas-sikurezza skont EN 17235:2024

Tabella 1

Kit A — Kit ta’ ankraġġ li jinkorpora apparat ta’ ankraġġ wieħed

Karatteristika essenzjali

Livell limitu

Klassijiet ta’ prestazzjoni (1)

Valur tad-disinn tal-azzjonijiet

Reżistenza mekkanika — Test dinamiku (1)

≥ 9,0 kN

1

9 kN

2

10,5 kN


Tabella 2

Kit B — Kit ta’ ankraġġ li fih ganċ b’tagħmir tas-sikurezza

Karatteristika essenzjali

Livell limitu

Klassijiet ta’ prestazzjoni (2)

Valur tad-disinn tal-azzjonijiet

Reżistenza mekkanika – Test tal-bażi tal-ganċ

≤ 5  mm

—

—

Reżistenza mekkanika – Test dinamiku(1)

≥ 9,0 kN

1

9 kN

2

10,5 kN


Tabella 3

Kit C — Kit ta’ ankraġġ li jinkorpora linja orizzontali ta’ ankraġġ bil-wajers

Karatteristika essenzjali

Livell limitu

Klassijiet ta’ prestazzjoni (3)

Valur tad-disinn tal-azzjonijiet

Reżistenza mekkanika – Test dinamiku(1)

≥ 9,0 kN

1

9 kN

2

10,5 kN

3

12,0 kN

4

13,5 kN


Tabella 4

Kit D — Kit ta’ ankraġġ li jinkorpora linja orizzontali ta’ ankraġġ bil-binarji

Karatteristika essenzjali

Livell limitu

Klassijiet ta’ prestazzjoni (4)

Valur tad-disinn tal-azzjonijiet

Reżistenza mekkanika – Test dinamiku(1)

≥ 9,0 kN

1

9 kN

2

10,5 kN

3

12,0 kN

4

13,5 kN


(1)  Wara n-numru tal-klassi ta’ prestazzjoni għandu jkun hemm l-akronimu tal-mudelli applikabbli.

(2)  Wara n-numru tal-klassi ta’ prestazzjoni għandu jkun hemm l-akronimu tal-mudelli applikabbli.

(3)  Wara n-numru tal-klassi ta’ prestazzjoni għandu jkun hemm l-akronimu tal-mudelli applikabbli.

(4)  Wara n-numru tal-klassi ta’ prestazzjoni għandu jkun hemm l-akronimu tal-mudelli applikabbli.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/695/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)