|
20.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/46 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1193
tad-19 ta’ Lulju 2021
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1340
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-8 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1340 (1) li taħtar lis-Sur Johann SATTLER bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bożnija-Ħerzegovina. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2021. |
|
(2) |
Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perijodu ta’ 24 xahar u jenħtieġ li jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2023. |
|
(3) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-mandat tas-Sur Johann SATTLER bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bożnija-Ħerzegovina huwa estiż sal-31 ta’ Awwissu 2023. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż jew terminat qabel, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà u ta’ proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1340 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 5(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej: “L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2023 għandu jkun ta’ EUR 12 800 000.”; |
|
(2) |
fl-Artikolu 14, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej: “Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-31 ta’ Mejju 2023.”. |
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. PODGORŠEK
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1340 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (ĠU L 209, 9.8.2019, p. 10).