|
18.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 152/12 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/37/UE
tas-17 ta’ Ġunju 2010
li temenda d-Direttiva 2008/60/KE li tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi tal-purità għas-sustanzi li jagħtu ħlewwa
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA),
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/60/KE (2) li tistabbilixxi l-kriterji speċifiċi tal-purità ta’ sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f’oġġetti tal-ikel tistipola l-kriterji ta’ purità għall-kuluri elenkati fid-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f’oġġetti tal-ikel (3). |
|
(2) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ivvalutat is-sigurtà tan-neotame bħala sustanza għall-ħlewwa u t-taħwir u esprimiet l-opinjoni tagħha tas-27 ta’ Settembru 2007 (4). Abbażi tal-użi proposti, kien ikkunsidrat xieraq li jkun permess l-użu ta’ dan l-addittiv tal-ikel. Għalhekk huwa neċessarju li jkunu adottati speċifikazzjonijiet għal dan l-addittiv tal-ikel li huwa allokat E 961 bħala in-numru E. |
|
(3) |
Hu neċessarju li jiġu kkunsidrati l-ispeċifikazzjonijiet u t-teknikalijiet analitiċi għall-addittivi kif imsemmija fil-Codex Alimentarius kif imfassal mill-Kumitat Konġunt tal-Esperti dwar l-Addittivi tal-Ikel (JECFA). B’mod partikolari fejn hu rilevanti, jeħtieġ li l-kriterji speċifiċi ta’ purità jiġu adattati biex jirriflettu l-limiti ta’ metalli tqal individwali ta’ interess. |
|
(4) |
Id-Direttiva 2008/60/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan. |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness I tad-Direttiva 2008/60/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2011. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) OJ L 158, 18.6.2008, p. 17.
(3) ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3.
(4) L-opinjoni Xjentifika tal-Bord dwar l-Addittivi fl-Ikel, is-Sustanzi tat-Taħwir, l-Għajnuniet tal-Ipproċessar u l-Materjali f’Kuntatt mal-Ikel fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tan-neotame bħala sustanza għall-ħlewwa u t-taħwir. The EFSA Journal (2007) 581, 1-43.
ANNESS
Fl-Anness I tad-Direttiva 2008/60/KE l-annotazzjoni li ġejja E 961 tiddaħħal wara l-annotazzjoni E 959:
|
“E 961 — NEOTAME |
|
|
Sinonimi |
N-[N-(3,3-dimethylbutyl)-L-α-aspartyl]-L-phenylalanine 1-methyl ester, N-[N-(3,3-dimethylbutyl)-L-α-aspartyl]-L-phenylalanine methyl ester, |
|
Definizzjoni |
In-neotame huwa mmanifatturat b’reazzjoni taħt pressjoni tal-idroġenu tal-aspartame bi 3,3,-dimethylbutyraldehyde fil-methanol fil-presenza tal-katalista palladium/carbon. Huwa iżolat u ppurifikat permezz tal-filtrazzjoni, fejn id-diatomaceous earth jista’ jintuża. Wara t-tneħħija tas-solvent permezz tad-distillazzjoni, in-neotame jinħasel bl-ilma, jiġi iżolat biċ-ċentrifugazzjoni u fl-aħħar jiġi mnixxef bil-vakum. |
|
Nru CAS: |
165450-17-9 |
|
Isem kimiku |
N-[N-(3,3-dimethylbutyl)-L-α-aspartyl]-L-phenylalanine 1-methyl ester |
|
Formula kimika |
C20H30N2O5 |
|
Piż molekulari |
378,47 |
|
Deskrizzjoni |
trab bejn abjad u off-white |
|
Analiżi kimika |
Mhux anqas minn 97,0 % fuq il-bażi mnixxfa |
|
Identifikazzjoni |
|
|
Solubbiltà |
4,75 % (w/w)f’temperatura ta’ 60 °C fl-ilma, jinħall fl-ethanol u l-aċetat etili |
|
Purità |
|
|
Il-kontenut tal-ilma |
Mhux aktar minn 5 % (metodu Karl Fischer, daqs tal-kampjun 25 ± 5 mg) |
|
pH |
5,0 – 7,0 (0,5 % soluzzjoni tal-ilma) |
|
Medda ta’ tidwib |
81 °C sa 84 °C |
|
N-[(3,3-dimethylbutyl)-L-α-aspartyl]-L-phenylalanine |
Mhux aktar minn 1,5 % |
|
Ċomb |
Mhux aktar minn 1 mg/kg” |