22.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/178


P7_TA(2014)0349

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies mill-Italja) (COM(2014)0119 – C7-0089/2014 – 2014/2025(BUD))

(2017/C 443/30)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0119 – C7-0089/2014),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (1) (Regolament tal-FEG),

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar amministrazzjoni finanzjarja tajba (3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

—

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0261/2014),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

C.

billi l-Italja ressqet l-applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-1 164 sensja fil-VDC Technologies SpA u fornitur wieħed b'1 146 ħaddiem fil-mira għal miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mis-26 ta’ Frar 2012 sal-25 ta’ Ġunju 2012,

D.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament tal-FEG,

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, l-Italja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fil-31 ta' Awwissu 2012 u jiddispjaċih li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea biss fil-5 ta' Marzu 2014; jiddeplora l-perjodu ta' evalwazzjoni daqstant twil ta' 19-il xahar, u jemmen li dan id-dewmien imur kontra l-għan tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, jiġifieri li tingħata għajnuna rapida lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

3.

Iqis li s-sensji fl-intrapriża VDC Technologies SpA u fornitur wieħed (manifattura tas-settijiet tat-televixin, monitors tat-televixin u skrins kif ukoll apparat tal-arja kundizzjonata) huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, li jirreferu għal tfixkil ekonomiku serju għas-settur tal-manifattura ta' tagħmir elettriku minħabba l-kompetizzjoni intensa minn pajjiżi terzi, partikolarment miċ-Ċina;

4.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinsiltu tagħlimiet mill-bosta applikazzjonijiet għall-FEG ibbażati fuq il-kriterju tal-globalizzazzjoni f'settur partikolari, bil-ħsieb li ssir riforma fil-politika kummerċjali tal-Unjoni, kemm fir-rigward tal-liberalizzazzjoni u kemm tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ;

5.

Jinnota li l-1 164 sensja inkwistjoni flimkien mal-54 sensja minħabba l-istess kawża qabel u wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur għandhom impatt negattiv qawwi fuq is-suq tax-xogħol u fuq is-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona affettwata li tinsab fir-reġjun tan-NUTS 3 ta' ITI45 Frosinone u fir-reġjun tan-NUTS 2 ta' ITI4 Lazio;

6.

Jilqa’ l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jkunu pprovduti b’assistenza rapida, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati fit-30 ta' Novembru 2012, disa' xhur qabel ma tressqet l-applikazzjoni għall-FEG u ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

7.

Jinnota li l-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati li għandhom jiġu kofinanzjati jinkludi miżuri għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 1 146 ħaddiem li ngħataw is-sensja, bħal gwida dwar ix-xogħol/valutazzjoni tal-ħiliet, taħriġ, servizz għall-individwi, appoġġ għall-intraprenditorija, bonus għar-reklutaġġ u kumpens għall-parteċipazzjoni;

8.

Jinnota li kważi 40 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom aktar minn 55 sena; jiddispjaċih li l-pakkett m'għandux miżuri speċifiċi għal ħaddiema akbar fl-età;

9.

Jinnota li l-pakkett fih diversi tipi ta' kumpens finanzjarju: kumpens għal ħaddiema li jgħixu ma' persuni li għandhom bżonn il-kura, kumpens għall-mobilità u kumpens għall-parteċipazzjoni; jindika l-livell relattivament għoli tal-inċentiv għar-reklutaġġ (EUR 6 000 għal kull ħaddiem), madankollu jilqa' l-fatt li din il-miżura hija bbażata fuq il-kundizzjoni li l-ħaddiema jiġu offruti kuntratt permanenti jew kuntratt ta' perjodu fiss ta' 24 xahar;

10.

Jilqa' l-fatt li kien hemm konsultazzjoni mas-sħab soċjali (it-trejdjunijins CGIL USB, CISAL, CISL, UIL, UGL) dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati, u li n-netwerk lokali ta' appoġġ kien attivat permezz tal-involviment ta' bosta sħab lokali; jilqa' wkoll b'sodisfazzjon li se tiġi applikata l-politika tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni matul id-diversi stadji tal-implimentazzjoni tal-FEG u l-aċċess għalih;

11.

Ifakkar fl-importanza li l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha titjieb permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

12.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett tal-FEG jipprevedi taħriġ għal kull ħaddiem fil-mira; jiddispjaċih madankollu li l-proposta tal-Kummissjoni ma tiddeskrivix l-oqsma u s-setturi li se jkunu koperti minn dan it-taħriġ;

13.

Jinnota li l-informazzjoni provduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jenfasizza li l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva dwar dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

14.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġja r-riintegrazzjoni f'impjieg stabbli tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jenfasizza, barra minn hekk, li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

15.

Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rigward ir-Regolament il-ġdid tal-FEG, għall-perjodu 2014-2020, li jintroduċi mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, iżid il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż stmati totali tal-miżuri proposti, iżid l-effiċjenza għat-trattament ta' applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiżdiedu l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jintroduċu persuni li jaħdmu għal rashom u żgħażagħ, u jiffinanzja inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

16.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/007 IT/VDC Technologies mill-Italja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/254/UE.)