European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2173

30.8.2024

Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet dwar il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

WERREJ

(In-numri jirreferu għall-paragrafi rilevanti)

I.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI 1-12
L-istadji tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom 1
Ir-rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 2-4
L-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-għajnuna legali 5-8
Il-protezzjoni tad-data personali 9-11
L-identifikazzjoni tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari anonimizzati 12

II.

IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA 13-61
L-għan tal-fażi bil-miktub tal-proċedura 13
Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari 14-17
Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rikorsi diretti 18-24
Ir-rikors 18-19
Ir-risposta 20-21
Ir-replika u l-kontroreplika 22
Talba għal proċedura mħaffa 23
Talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji (Proċedura għal miżuri provviżorji) 24
Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fl-appelli 25-38
Ir-rikors tal-appell 26-31
Ir-risposta għall-appell 32-33
L-appell inċidentali 34
Ir-risposta għall-appell inċidentali 35
Ir-replika u l-kontroreplika 36-37
L-appelli ppreżentati taħt l-Artikolu 57 tal-Istatut 38
Il-kunfidenzjalità fl-appelli..... 39-40
L-intervent fir-rikorsi diretti u fl-appelli 41-47
It-talba għal intervent 41
L-osservazzjonijiet dwar it-talba għal intervent 42
In-nota ta’ intervent 43
L-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent 44
It-talbiet għal intervent tardivi 45
L-intervent fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji jew ta’ proċedura mħaffa 46
L-esklużjoni tal-intervent fil-każ ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari 47
Il-forma u l-istruttura tal-atti proċedurali 48-54
Il-preżentata u t-trażmissjoni tal-atti proċedurali 55-61

III.

IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA 62-90
L-għan tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali 63
It-talba għal seduta 64
Il-konvokazzjoni għas-seduta u n-neċessità ta’ tweġiba rapida u kompleta għal din il-konvokazzjoni 65-66
Il-preparamenti li għandhom isiru qabel is-seduta 67-69
Il-parteċipazzjoni fis-seduta permezz ta’ videokonferenza 70-73
L-iżvolġiment normali ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali 74
L-ewwel fażi tas-seduta: it-trattazzjonijiet 75-77
L-għan tat-trattazzjonijiet 75
Ħin għat-trattazzjoni allokat u eventwali estensjoni tiegħu 76
In-numru ta’ persuni li jagħmlu t-trattazzjoni 77
It-tieni fażi tas-seduta: il-mistoqsijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja 78-79
It-tielet fażi tas-seduta: ir-repliki finali 80
Il-ħarsien tal-protezzjoni tad-data personali 81
Il-lingwi użati matul is-seduta 82-84
L-implikazzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-interpretazzjoni simultanja 85-86
Wara s-seduta għas-sottomissjonijiet orali 87-88
Il-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u l-għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza 89-90

IV.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI 91-92

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Wara li rat ir-Regoli tal-Proċedura u, b’mod partikolari, l-Artikolu 208 tagħhom,

Filwaqt li tikkunsidra li:

(1)

Fl-10 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, abbażi tal-Artikolu 208 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, Istruzzjonijiet prattiċi ġodda lill-partijiet dwar il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (1). Dawn l-Istruzzjonijiet kienu intiżi, minn naħa, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tagħhom fl-1 ta’ Novembru 2012, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jirriflettu ċerti żviluppi regolamentari importanti, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali jew fil-qasam proċedurali, b’riżultat tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ ammissjoni preliminari ta’ ċerti kategoriji ta’ appelli.

(2)

Madankollu, mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-Istruzzjonijiet fl-1 ta’ Marzu 2020, kien hemm diversi żviluppi addizzjonali importanti, kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell regolamentari.

(3)

Minn naħa, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kriżi sanitarja marbuta mal-pandemija tal-Covid-19, adottat għodda u mezzi tekniċi li kienu meħtieġa sabiex is-seduti għas-sottomissjonijiet orali tagħha jkunu jistgħu jixxandru fuq l-Internet u sabiex il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fiżikament f’tali seduta jkollhom il-possibbiltà li jieħdu sehem fiha permezz ta’ videokonferenza, kemm-il darba jiġu osservati numru ta’ kundizzjonijiet ta’ natura ġuridika u teknika.

(4)

Min-naħa l-oħra, il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew emendati sabiex, b’mod partikolari, tiġi prevista l-pubblikazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tan-noti jew osservazzjonijiet ippreżentati fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, kemm-il darba ma titqajjimx oġġezzjoni mill-awtur tagħhom f’terminu raġonevoli wara l-għeluq tal-kawża (2).

(5)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u bl-intenzjoni li t-test ikun iktar komprensibbli, hemm għalhekk lok li jiġu adottati Istruzzjonijiet prattiċi ġodda li jieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi msemmija iktar ’il fuq u li jipprovdu wkoll lill-partijiet kjarifiki addizzjonali dwar diversi kwistjonijiet prattiċi marbuta mal-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura.

(6)

Bħalma kien il-każ għall-Istruzzjonijiet li qegħdin jissostitwixxu, dawn l-Istruzzjonijiet il-ġodda, li japplikaw għall-kategoriji kollha ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma humiex maħsuba sabiex jieħdu post id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatut u tar-Regoli tal-Proċedura. L-għan tagħhom huwa li jippermettu lill-partijiet u lir-rappreżentanti tagħhom jifhmu aħjar il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li jispjegaw b’iktar preċiżjoni l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, il-limitazzjonijiet li hija marbuta bihom il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari dawk marbuta mat-trattament u mat-traduzzjoni tal-atti proċedurali jew mal-interpretazzjoni simultanja tal-osservazzjonijiet ippreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. L-osservanza u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-Istruzzjonijiet jikkostitwixxu, kemm għall-partijiet u kemm għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-aqwa garanzija għall-aħjar trattament possibbli tal-kawżi mill-qorti.

TADOTTA DAWN L-ISTRUZZJONIJIET PRATTIĊI:

I.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-istadji tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom

1.

Bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari previsti fil-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) jew fir-Regoli tal-Proċedura, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi, bħala regola ġenerali, fażi bil-miktub u fażi orali. L-għan tal-fażi bil-miktub tal-proċedura huwa li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ilmenti, il-motivi jew l-argumenti tal-partijiet fil-proċedura jew, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-osservazzjonijiet li l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut ikunu jixtiequ jressqu fir-rigward tad-domandi magħmula mill-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni. Meta jkun meħtieġ, il-fażi bil-miktub tal-proċedura tiġi kkompletata b’fażi orali. Din il-fażi għandha l-għan li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipperfezzjona l-għarfien tagħha tal-kawża permezz tas-smigħ tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut matul seduta għas-sottomissjonijiet orali u/jew permezz tal-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

Ir-rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

2.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom obbligatorjament ikunu rrappreżentati minn persuna debitament awtorizzata għal dan il-għan. Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri, tal-Istati l-oħra li huma parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (iktar ’il quddiem l-“EFTA”) kif ukoll tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, li ġeneralment ikunu rrappreżentati minn aġent maħtur għal kull kawża, il-partijiet l-oħra fil-proċedura għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat li jkun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim ŻEE. Il-prova ta’ din il-kwalità għandha tkun tista’ tiġi prodotta, fuq sempliċi talba, f’kull stadju tal-proċedura. Skont is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, l-għalliema tal-università ċittadini ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tirrikonoxxilhom id-dritt li jidhru quddiem qorti għandhom l-istess status bħall-avukati.

3.

Madankollu, fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, fir-rigward tar-rappreżentanza tal-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-regoli proċedurali applikabbli quddiem il-qorti tar-rinviju. B’hekk, kull persuna li hija awtorizzata tirrappreżenta parti quddiem dik il-qorti tista’ tirrappreżentaha wkoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali jippermettu dan, il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali jistgħu jippreżentaw huma stess l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħhom. Fil-każ li jkollha dubji f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, tiġbor l-informazzjoni rilevanti mingħand dawn il-partijiet, mingħand ir-rappreżentanti tagħhom jew mingħand il-qorti tar-rinviju.

4.

Fir-rikorsi diretti u fl-appelli, l-aġenti u l-avukati li jirrappreżentaw lil parti huma barra minn hekk meħtieġa, skont l-Artikoli 119(2) u 168(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw fir-Reġistru dokument uffiċjali jew mandat reċenti li jiċċertifika li huma awtorizzati jirrappreżentaw lil din il-parti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

L-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-għajnuna legali

5.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija bla ħlas u ebda dritt jew taxxa ma huma dovuti lil din tal-aħħar minħabba l-preżentata ta’ rikors jew ta’ att proċedurali. L-ispejjeż imsemmija fl-Artikoli 137 et seq. tar-Regoli tal-Proċedura jikkonċernaw esklużivament l-ispejjeż imsejħa “li jistgħu jinġabru”, jiġifieri l-ammonti li jistgħu jkunu dovuti lix-xhieda u lill-periti u l-ispejjeż indispensabbli li jkunu saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, marbuta mar-remunerazzjoni tar-rappreżentant tagħhom u, fil-każ li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tiegħu fil-Lussemburgu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-oneru u l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza, filwaqt li, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż tal-proċedura.

6.

Jekk parti jew, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali, issib li ma huwiex possibbli għaliha li tħallas, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż marbuta mal-istanza, hija tista’, f’kull ħin, titlob il-benefiċċju tal-għajnuna legali. Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, tali talbiet għandhom madankollu josservaw il-kundizzjonijiet previsti, rispettivament, fl-Artikoli 115 sa 118 (rinviji għal deċiżjoni preliminari) u 185 sa 189 (appelli) tar-Regoli tal-Proċedura u għandu jkollhom magħhom l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn kollha li jkunu meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tevalwa s-sitwazzjoni ekonomika reali tal-persuna li tressaq it-talba. F’dan id-dawl, huwa għalhekk meħtieġ li l-persuna li tkun tixtieq tibbenefika mill-għajnuna legali tikkomunika lill-Qorti tal-Ġustizzja kemm id-dokumenti li juru d-dħul u l-allowances, ta’ tipi differenti, li hija tirċievi (bħalma huma d-dikjarazzjoni tal-paga, estratt tal-kont bankarju jew dokument maħruġ minn awtorità pubblika jew minn korp tas-sigurtà soċjali) u kemm dokumenti dwar l-ispejjeż li hija meħtieġa tħallas (bħalma huma, pereżempju, kuntratt ta’ kera jew ta’ kreditu, attestazzjoni dwar l-ispejjeż tal-iskola ta’ minuri dipendenti, kont ta’ onorarji jew fatturi).

7.

Peress li fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar talba ta’ qorti ta’ Stat Membru, il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali għandhom jitolbu l-ewwel il-benefiċċju ta’ għajnuna legali li jista’ jkun disponibbli minn dik il-qorti jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, u dan sa fejn l-għajnuna mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biss natura sussidjarja fil-konfront tal-għajnuna mogħtija fuq livell nazzjonali.

8.

Tajjeb jitfakkar li, meta tilqa’ t-talba għal għajnuna legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tħallas, jekk ikun il-każ sal-limiti ffissati minnha, dawk l-ispejjeż biss li jkunu marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza tal-persuna li tkun ressqet it-talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ir-regoli stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu sussegwentement irkuprati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza u li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, u l-kulleġġ ġudikanti li jkun iddeċieda dwar it-talba għall-għajnuna legali jista’ barra minn hekk jirtira f’kull ħin il-benefiċċju ta’ din l-għajnuna jekk il-kundizzjonijiet li jkunu wassluh sabiex jagħti dan il-benefiċċju jinbidlu fil-mori tal-kawża.

Il-protezzjoni tad-data personali

9.

Bil-ħsieb li tiżgura l-aħjar protezzjoni possibbli tad-data personali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pubblikazzjonijiet li hija twettaq dwar il-kawżi mressqa quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola ġenerali, tittratta l-kawżi għal deċiżjoni preliminari b’mod anonimizzat. Fil-prattika, dan l-approċċ jimplika li, meta l-qorti tar-rinviju tkun anonimizzat it-talba għal deċiżjoni preliminari jew tkun iddeċidiet li tħalli barra data dwar persuni fiżiċi jew dwar entitajiet ikkonċernati mit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva din l-anonimizzazzjoni jew din l-ommissjoni fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiemha. Fil-każ kuntrarju u sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja toskura hija stess il-kunjom u l-isem tal-persuni fiżiċi msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari u, jekk ikun il-każ, elementi oħra li jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni tagħhom. Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-miżuri meħuda f’dan ir-rigward, il-partijiet interessati kollha msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandhom jastjenu milli jiżvelaw fin-noti jew fl-osservazzjonijiet tagħhom, bil-miktub jew orali, data li tkun ġiet oskurata fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

10.

Dan jgħodd ukoll fil-każ tal-appelli. Ħlief f’ċirkustanzi partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt tosserva l-anonimat mogħti mill-Qorti Ġenerali u l-partijiet fil-proċedura huma mistiedna josservaw ukoll dan l-anonimat fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

11.

Fi kwalunkwe każ, meta parti tkun tixtieq li l-identità tagħha jew ċerta data oħra li tikkonċernaha ma jiġux żvelati fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – jew, għall-kuntrarju, meta din il-parti tkun tixtieq li l-identità tagħha u l-imsemmija data jiġu żvelati fil-kuntest ta’ din il-kawża –, hija tista’ tindirizza ruħha lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok jew le li ssir anonimizzazzjoni, totali jew parzjali, tal-kawża inkwistjoni jew li jinżamm l-anonimat li jkun diġà ngħata. Madankollu, sabiex tkun effettiva, tali talba għandha titressaq kemm jista’ jkun malajr. Minħabba l-użu ġġeneralizzat ta’ teknoloġiji ġodda tal-informatika u tal-komunikazzjoni, l-anonimat jisfa effettivament mingħajr ebda utilità ladarba l-avviż dwar il-kawża kkonċernata jkun diġà ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ladarba t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun diġà ġiet innotifikata lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, fi żmien ta’ bejn wieħed u ieħor xahar mit-tressiq tat-talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

L-identifikazzjoni tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari anonimizzati

12.

Bħala regola ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti isem fittizju lill-kawżi għal deċiżjoni preliminari li jkunu s-suġġett ta’ anonimizzazzjoni. Dan l-isem fittizju la jikkorrispondi għall-isem reali tal-partijiet fil-proċedura u lanqas, bħala prinċipju, għal ismijiet eżistenti. L-uniku għan ta’ dan l-isem fittizju huwa li jiffaċilita l-għoti ta’ isem lill-kawżi anonimizzati u l-identifikazzjoni tagħhom.

II.   IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA

L-għan tal-fażi bil-miktub tal-proċedura

13.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura għandha rwol essenzjali fil-proċess li jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu konoxxenza sħiħa tal-kawża. Permezz ta’ din il-fażi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tikseb, minn qari tan-noti jew tal-osservazzjonijiet ippreżentati, idea preċiża tas-suġġett tal-kawża mressqa quddiemha u tal-kwistjonijiet imqajma minnha. Issa, għalkemm dan l-għan huwa komuni għat-trattament tal-kawżi kollha mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iżvolġiment u l-qafas tal-fażi bil-miktub tal-proċedura jvarjaw skont in-natura tar-rikors. Filwaqt li fil-każ tar-rikorsi diretti jew tal-appelli, il-partijiet huma mistiedna jieħdu pożizzjoni dwar in-noti ppreżentati mill-partijiet l-oħra fil-proċedura, il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari hija kkaratterizzata mill-assenza tal-kontradittorju, sa fejn il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma sempliċement mistiedna jesprimu l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom dwar id-domandi magħmula minn qorti nazzjonali mingħajr ma jkollhom, bħala prinċipju, konoxxenza tal-pożizzjoni tal-partijiet interessati l-oħra fir-rigward ta’ dawn l-istess domandi. Dan iwassal għal rekwiżiti differenti kemm fir-rigward tal-forma u tal-kontenut tal-imsemmija osservazzjonijiet u kemm fir-rigward tal-iżvolġiment ulterjuri tal-proċedura, u dan filwaqt li jiġi speċifikat, madankollu, li l-parti l-kbira tan-noti jew tal-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura jkollhom jiġu tradotti. Għaldaqstant, għandha dejjem tingħata prijorità lill-użu ta’ sentenzi qosra u sempliċi u l-argumenti tal-partijiet għandhom ikunu jinsabu fin-nota jew fl-osservazzjonijiet tagħhom, u mhux fl-eventwali annessi tagħhom.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari

14.

Minħabba n-natura mhux kontradittorja tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-preżentata tan-noti jew tal-osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut ma hija suġġetta għal ebda regoli formali partikolari. B’hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tinnotifikalhom talba għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmija partijiet interessati jistgħu jippreżentaw, jekk ikunu jixtiequ, nota li fiha jesponu l-pożizzjoni tagħhom dwar it-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju. L-għan ta’ din in-nota – li għandha tiġi ppreżentata f’terminu, li ma jistax jiġi pprorogat, ta’ xahrejn (miżjud b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza) min-notifika tat-talba għal deċiżjoni preliminari – huwa li tiġi ċċarata lill-Qorti tal-Ġustizzja l-portata ta’ din it-talba u fuq kollox li jiġu proposti r-risposti li skont dawn il-partijiet għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

15.

Għalkemm din l-espożizzjoni għandha tkun kompleta u għandha tinkludi, b’mod partikolari, l-argumenti li jistgħu jservu ta’ bażi għar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula, ma huwiex neċessarju, għall-kuntrarju, li din l-espożizzjoni tindirizza l-kuntest legali jew fattwali tat-tilwima kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, sakemm dan ma jkunx jeħtieġ osservazzjonijiet addizzjonali. Sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari u bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regoli tal-Proċedura li jipprevedu restrizzjoni tat-tul tal-atti minħabba n-natura urġenti tal-kawża, l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati f’kawża għal deċiżjoni preliminari ma għandhomx ikunu ta’ iktar minn 20 paġna.

16.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 96(3) tar-Regoli tal-Proċedura, in-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari jiġu ppubblikati fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea wara l-għoti tas-sentenza jew wara n-notifika tad-digriet li jagħtu d-deċiżjoni dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, sakemm waħda mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut ma toġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tan-nota jew tal-osservazzjonijiet tagħha. Fid-dawl ta’ dan, huwa għalhekk essenzjali li n-noti jew l-osservazzjonijiet ippreżentati ma jkunx fihom data personali.

17.

Jekk parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tqis li n-nota tagħha jew l-osservazzjonijiet tagħha ma għandhomx jiġu ppubblikati fis-sit Internet imsemmi, hija għandha tindika dan b’mod espliċitu jew fl-ittra mibgħuta flimkien mat-trażmissjoni ta’ din in-nota jew ta’ dawn l-osservazzjonijiet jew f’ittra separata mibgħuta lir-Reġistru fi stadju ulterjuri tal-proċedura iżda, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-għoti tas-sentenza jew wara n-notifika tad-digriet li jagħlqu l-istanza.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fir-rikorsi diretti

Ir-rikors

18.

Minħabba n-natura kontradittorja tagħha, il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-każ tar-rikorsi diretti hija suġġetta għal regoli iktar stretti. Dawn huma stabbiliti fl-Artikoli 119 et seq. (Titolu IV) tar-Regoli tal-Proċedura u jikkonċernaw kemm l-obbligu ta’ rappreżentanza tal-partijiet minn aġent jew minn avukat u kemm ir-rekwiżiti formali marbuta mal-kontenut u mal-preżentata tan-noti. B’mod partikolari, mill-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi, minbarra l-ismijiet u l-indirizz tar-rikorrent u d-dettalji tal-parti li kontriha jkun ġie ppreżentat ir-rikors, indikazzjoni preċiża tas-suġġett tal-kawża, tal-motivi u tal-argumenti invokati ssostanzjati, jekk ikun il-każ, permezz ta’ provi jew ta’ proposti ta’ provi, kif ukoll it-talbiet tar-rikorrent. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti jimplika l-inammissibbiltà tar-rikors li, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, ma għandux ikun ta’ iktar minn 30 paġna.

19.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura, mar-rikors għandha tiġi inkluża obbligatorjament espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-espożizzjoni – li ma għandhiex tkun ta’ iktar minn żewġ paġni – hija maħsuba sabiex tiffaċilita t-tfassil tal-avviż, dwar kull kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 21(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Ir-risposta

20.

Ir-risposta, imsemmija fl-Artikolu 124 tar-Regoli tal-Proċedura, hija essenzjalment suġġetta għall-istess rekwiżiti formali bħar-rikors u għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tar-rikors. Dan it-terminu – li miegħu għandu jiżdied it-terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza – jista’ jiġi pprorogat biss għal raġunijiet eċċezzjonali u permezz ta’ talba debitament motivata, imressqa qabel ma jiskadi dan it-terminu, li tindika ċ-ċirkustanzi ta’ natura li jiġġustifikaw tali proroga.

21.

Peress li l-kuntest ġuridiku tal-istanza jiġi ffissat mir-rikors, l-argumenti żviluppati fir-risposta għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu strutturati fuq il-bażi tal-motivi jew tal-ilmenti mressqa fir-rikors. Huwa pprojbit li jiġu ppreżentati motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Barra minn hekk, il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża għandu jiġi espost fir-risposta biss jekk il-preżentazzjoni tiegħu fir-rikors tkun qiegħda tiġi kkontestata jew jekk tkun teħtieġ preċiżazzjonijiet addizzjonali. Bħal fil-każ tar-rikors u sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, ir-risposta ma għandhiex tkun ta’ iktar minn 30 paġna.

Ir-replika u l-kontroreplika

22.

Jekk iqisu li jkun neċessarju, ir-rikorrent u l-konvenut jistgħu jikkompletaw l-argumenti tagħhom permezz ta’ replika, fil-każ tar-rikorrent, u permezz ta’ kontroreplika, fil-każ tal-konvenut. Dawn in-noti huma suġġetti għall-istess regoli formali bħalma huma r-rikors u r-risposta iżda, fid-dawl tan-natura fakultattiva u komplementari tagħhom, huma għandhom ikunu neċessarjament iqsar minn dawn tal-aħħar. Peress li l-kuntest u l-motivi jew l-ilmenti li jkunu fil-qofol tat-tilwima jkunu ġew esposti (jew ikkontestati) b’mod iddettaljat fir-rikors u fir-risposta, l-uniku għan tar-replika u tal-kontroreplika huwa li jippermettu lir-rikorrent u lill-konvenut jippreċiżaw il-pożizzjoni tagħhom jew jirfinaw l-argumenti tagħhom fuq kwistjoni importanti u, barra minn hekk, il-President jista’ anki, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, jispeċifika huwa stess il-punti li għandhom jiġu indirizzati minn dawn l-atti. Għaldaqstant, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, ir-replika u l-kontroreplika ma għandhomx ikunu ta’ iktar minn għaxar paġni. Dawn l-atti għandhom jiġu ppreżentati fir-Reġistru fit-termini mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, termini li jistgħu jiġu pprorogati mill-President biss għal raġunijiet eċċezzjonali u fuq talba debitament motivata.

Talba għal proċedura mħaffa

23.

Meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata fi żmien qasir, ir-rikorrent jew il-konvenut jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawża għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura. Din il-possibbiltà, li hija prevista fl-Artikolu 133 tal-imsemmija Regoli, hija madankollu suġġetta għat-tressiq, permezz ta’ att separat, ta’ talba espliċita f’dan is-sens li tesponi b’mod iddettaljat iċ-ċirkustanzi ta’ natura li jiġġustifikaw l-implimentazzjoni ta’ tali proċedura u timplika, meta tintlaqa’ tali talba, aġġustament tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. It-termini ordinarji għall-preżentata tan-noti jistgħu fil-fatt jitqassru, bħalma jista’ jitqassar ukoll it-tul tagħhom, u, skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura, replika, kontroreplika jew nota ta’ intervent jistgħu jiġu ppreżentati biss jekk il-President iqis li dan ikun neċessarju.

Talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji (Proċedura għal miżuri provviżorji)

24.

Mar-rikors dirett tista’ titressaq ukoll talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jew talba għal miżuri provviżorji, talbiet imsemmija, rispettivament, fl-Artikoli 278 u 279 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “TFUE”). Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura, tali talba madankollu tkun ammissibbli biss jekk min iressaqha jkun ikkontesta l-att inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew jekk titressaq minn parti fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u għandha titressaq permezz ta’ att separat li jispeċifika kemm is-suġġett tat-tilwima u ċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza li tingħata deċiżjoni u kemm il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura mitluba (“fumus boni iuris”). Bħala regola ġenerali, it-talba mbagħad tiġi nnotifikata lill-parti l-oħra fil-proċedura, liema parti tingħata terminu qasir mill-President sabiex tippreżenta osservazzjoniet bil-miktub jew orali. Fil-każ ta’ urġenza estrema, il-President jista’, b’mod provviżorju, jilqa’ t-talba saħansitra qabel ma jkunu ġew ippreżentati tali osservazzjonijiet.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fl-appelli

25.

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-każ ta’ appell tixbah, minn diversi aspetti, l-iżvolġiment ta’ din il-fażi fil-kuntest tar-rikorsi diretti. Ir-regoli rilevanti jinsabu fl-Artikoli 167 et seq. (Titolu V) tar-Regoli tal-Proċedura, li jispeċifikaw kemm il-kontenut neċessarju tar-rikors tal-appell u tar-risposta għall-appell u kemm il-portata tat-talbiet tagħhom.

Ir-rikors tal-appell

26.

Kif jirriżulta mill-Artikoli 168 u 169 tar-Regoli tal-Proċedura – li jikkompletaw, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 56 sa 58 tal-Istatut –, appell ma jistax jiġi ppreżentat kontra att ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, iżda għandu jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat kontra tali att. Minn din il-preċiżazzjoni jirriżulta li t-talbiet tal-appell għandhom neċessarjament ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tinsab fid-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, u mhux għall-annullament tal-att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa biss fil-każ li l-appell jiġi ddikjarat fondat li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tilqa’, kompletament jew parzjalment, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida. L-aggravji u l-argumenti legali invokati fl-appell – li, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, ma għandux ikun ta’ iktar minn 25 paġna – għandhom għalhekk, taħt piena ta’ inammissibbiltà, jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tal-motivi kkontestati tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u għandhom jesponu b’mod iddettaljat ir-raġunijiet għaliex din tal-aħħar tkun ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

27.

Barra minn hekk, bil-għan li jiġi ffaċilitat it-tfassil tal-avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 21(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appellant għandu jinkludi, mar-rikors tal-appell tiegħu, espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn l-aggravji, li ma tistax tkun ta’ iktar minn żewġ paġni.

28.

Barra minn hekk, mar-rikors tal-appell għandhom jiġu ppreżentati d-dokumenti li jattestaw l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-Istatut u rriprodotti fl-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura. Dawn huma, minn naħa, id-dokument li jiċċertifika li l-avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta lill-appellant huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim ŻEE u, min-naħa l-oħra, dokument uffiċjali jew mandat reċenti maħruġ mill-appellant li jiċċertifika li dan l-avukat huwa awtorizzat jirrappreżentah fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dokument jew mandat prodott fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk jispeċifika, b’mod espliċitu, li jkopri wkoll l-eventwali proċedura ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

29.

Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 58a tal-Istatut, l-appellant għandu barra minn hekk jannetti, mar-rikors tal-appell tiegħu, talba għall-ammissjoni tal-appell, distinta mill-appell fih innifsu. Din it-talba, li ma tistax tkun ta’ iktar minn seba’ paġni, għandha tinkludi l-elementi neċessarji kollha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u tkun tista’ tiddetermina, fil-każ ta’ ammissjoni parzjali ta’ dan tal-aħħar, l-aggravji li jkollhom jiġu indirizzati mir-risposta għall-appell.

30.

Fi kwalunkwe każ, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tindika b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom ikun ibbażat l-appell, għandha tidentifika bl-istess preċiżjoni u ċarezza l-punt ta’ liġi mqajjem minn kull aggravju u għandha tesponi, b’mod speċifiku, b’liema mod din il-kwistjoni hija sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

31.

Konformement mal-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-assenza ta’ tali talba timplika l-inammissibbiltà tal-appell fl-intier tiegħu.

Ir-risposta għall-appell

32.

F’terminu, li ma jistax jiġi pprorogat, ta’ xahrejn minn meta ssirilha n-notifika tal-appell – terminu li miegħu jiżdied it-terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza –, kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta għall-appell. Fil-każ li l-kawża li tkun is-suġġett tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet magħquda ma’ kawża jew ma’ kawżi oħra fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet inkwistjoni f’dawn il-kawżi l-oħra ma jsirux awtomatikament partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jkunu jistgħu jippreżentaw risposta għall-appell fil-każ biss li jkunu wkoll partijiet fil-kawża li tkun is-suġġett tal-appell.

33.

Il-kontenut tar-risposta għall-appell huwa suġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 173 tar-Regoli tal-Proċedura u, skont l-Artikolu 174 tagħhom, it-talbiet tagħha għandhom ikunu intiżi sabiex l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud, kompletament jew parzjalment. L-argumenti legali żviluppati fir-risposta għall-appell għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu strutturati fuq il-bażi tal-aggravji invokati mill-appellant, iżda ma huwiex meħtieġ li, f’din in-nota, jitfakkar il-kuntest legali u fattwali tat-tilwima, sakemm il-preżentazzjoni tiegħu fir-rikors tal-appell ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata jew tkun teħtieġ preċiżazzjonijiet addizzjonali. Mill-banda l-oħra, kontestazzjoni dwar l-ammissibbiltà, totali jew parzjali, ta’ dan l-appell għandha tiġi inkluża fit-test stess tar-risposta għall-appell peress li l-possibbiltà – prevista fl-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura – li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors titqajjem permezz ta’ att separat ma tapplikax għall-appelli. Bħal fil-każ tar-rikors tal-appell, u sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, ir-risposta għall-appell ma għandhiex tkun ta’ iktar minn 25 paġna.

L-appell inċidentali

34.

Jekk, meta ssirilha n-notifika tal-appell, parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jkollha l-intenzjoni tikkontesta d-deċiżjoni ta’ dik il-qorti fir-rigward ta’ aspett li ma jkunx tqajjem fir-rikors tal-appell, din il-parti għandha tippreżenta appell inċidentali mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Dan l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ att separat, fl-istess terminu, li ma jistax jiġi pprorogat, bħat-terminu għall-preżentata tar-risposta għall-appell u għandu jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 177 u 178 tar-Regoli tal-Proċedura. L-aggravji u l-argumenti legali inklużi fl-appell inċidentali għandhom neċessarjament ikunu distinti minn dawk invokati fir-risposta għall-appell.

Ir-risposta għall-appell inċidentali

35.

Meta jiġi ppreżentat tali appell inċidentali, l-appellant prinċipali, l-istess bħal kull parti oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li dan l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud, tista’ tippreżenta risposta għall-appell inċidentali li s-suġġett tagħha għandu jkun limitat għall-aggravji invokati fl-appell inċidentali. Skont l-Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura, din ir-risposta għandha tiġi ppreżentata f’terminu li ma jistax jiġi pprorogat ta’ xahrejn min-notifika tal-appell inċidentali (miżjud b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza).

Ir-replika u l-kontroreplika

36.

Kemm fir-rigward tal-appell prinċipali u kemm fir-rigward tal-appell inċidentali, ir-rikors tal-appell u r-risposta għall-appell jistgħu jiġu kkompletati permezz ta’ replika u kontroreplika, b’mod partikolari sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew dwar punti ġodda invokati fir-risposta għall-appell jew fir-risposta għall-appell inċidentali. Madankollu, b’differenza mir-regoli applikabbli għar-rikorsi diretti, din il-possibbiltà hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni espliċita tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan, l-appellant (jew il-parti li tkun ippreżentat l-appell inċidentali) huma mistiedna jressqu, f’terminu ta’ sebat ijiem min-notifika tar-risposta (jew tar-risposti) għall-appell (jew tar-risposta jew risposti għall-appell inċidentali) – terminu miżjud b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza –, talba debitament motivata li tesponi r-raġunijiet għaliex, fil-fehma ta’ din il-parti, hija meħtieġa replika. Din it-talba – li ma għandhiex tkun ta’ iktar minn tliet paġni – għandha tkun tista’ tinftiehem fiha nnifisha, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir riferiment għar-rikors tal-appell jew għar-risposta għall-appell.

37.

Barra minn hekk, minħabba n-natura partikolari tal-appelli, li huma limitati għall-eżami ta’ punti ta’ liġi, il-President jista’, jekk jilqa’ t-talba għall-preżentata ta’ replika, jillimita s-suġġett u n-numru ta’ paġni ta’ tali nota kif ukoll tal-kontroreplika sussegwenti. L-osservanza ta’ dawn l-indikazzjonijiet hija kundizzjoni essenzjali għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura u, jekk jinqabeż in-numru awtorizzat ta’ paġni jew jekk jitqajmu punti oħra fir-replika jew fil-kontroreplika, in-nota inkwistjoni tintbagħat lura lill-awtur tagħha.

L-appelli ppreżentati taħt l-Artikolu 57 tal-Istatut

38.

Madankollu, ir-regoli stabbiliti fil-punti 25 sa 37 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet ma japplikawx fl-intier tagħhom għall-appelli ppreżentati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jiċħdu talba għal intervent jew li jkunu adottati fir-rigward ta’ talba għal miżuri provviżorji mressqa skont l-Artikoli 278 jew 279 TFUE. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut, tali appelli għandhom fil-fatt ikunu suġġetti għall-istess proċedura bħal talba għal miżuri provviżorji mressqa direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-partijiet jingħataw terminu qasir sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom dwar l-appell u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dan l-appell mingħajr fażi bil-miktub addizzjonali, u mingħajr fażi orali.

Il-kunfidenzjalità fl-appelli

39.

Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet preċedenti, ir-rikors tal-appell u n-noti ppreżentati sussegwentement għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet kollha fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, irrispettivament mill-kwalità proċedurali li kellhom quddiem dik il-qorti (rikorrent, konvenut jew intervenjent). Peress li, skont l-Artikolu 58 tal-Istatut, l-appelli huma limitati għall-punti ta’ liġi, il-partijiet għandhom jastjenu milli jsemmu, fin-noti tagħhom, elementi sigrieti jew kunfidenzjali. Jekk, b’mod eċċezzjonali, it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi ta’ nota jkun xorta waħda mixtieq, l-awtur ta’ din in-nota huwa mistieden iressaq, permezz ta’ att separat, talba debitament motivata għal trattament kunfidenzjali (fejn jispeċifika kemm il-portata tal-kunfidenzjalità mitluba kif ukoll il-partijiet fil-kawża kkonċernati minn din it-talba), kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota tiegħu, li tkun tista’ tiġi nnotifikata lil dawn il-partijiet l-oħra. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ elementi li jkunu jinsabu fil-proċess tal-Qorti Ġenerali, il-portata ta’ tali talba ma tistax tmur lil hinn mill-portata tat-trattament kunfidenzjali diġà mogħti minn dik il-qorti fil-konfront tal-intervenjenti.

40.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba għal kunfidenzjalità, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota kkonċernata tiġi nnotifikata lill-partijiet l-oħra fil-kawża inkwistjoni. Fil-każ li din it-talba tintlaqa’ parzjalment, il-parti li tibbenefika mit-trattament kunfidenzjali tiġi mistiedna tipproduċi immedjatament verżjoni mhux kunfidenzjali ġdida tan-nota tagħha, li tiġi nnotifikata lill-partijiet l-oħra hekk kif tasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja.

L-intervent fir-rikorsi diretti u fl-appelli

It-talba għal intervent

41.

Skont l-Artikolu 40 tal-Istatut, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, u, fil-kundizzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-Istati terzi li huma parti fil-Ftehim ŻEE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-organi u l-korpi tal-Unjoni kif ukoll kull persuna fiżika jew ġuridika, min-naħa l-oħra, jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex isostnu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, it-talba għal intervent għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 130(2) sa (4) tar-Regoli tal-Proċedura u għandha titressaq, rispettivament, f’terminu ta’ sitt ġimgħat (fir-rigward ta’ talba mressqa fil-kuntest ta’ rikors dirett) jew ta’ xahar (fir-rigward ta’ talba mressqa fil-kuntest ta’ appell). Dan it-terminu, li miegħu għandu jiżdied it-terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż imsemmi fl-Artikolu 21(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

L-osservazzjonijiet dwar it-talba għal intervent

42.

Wara n-notifika tat-talba għal intervent, il-partijiet prinċipali huma mistiedna, konformement mal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom dwar din it-talba f’terminu ta’ għaxart ijiem minn din in-notifika. Fil-każ li, f’dan it-terminu, li miegħu għandu jiżdied it-terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, dawn il-partijiet jindikaw li jkun hemm annessi jew dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali li l-komunikazzjoni tagħhom lill-parti li tkun talbet li tintervjeni ser tkun ta’ natura li tikkawżalhom preġudizzju, dawn il-partijiet huma mistiedna jipproduċu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-annessi jew tad-dokumenti kkonċernati, li tkun tista’ tiġi nnotifikata lill-parti li tkun talbet li tintervjeni fil-każ li tintlaqa’ t-talba tagħha.

In-nota ta’ intervent

43.

Meta t-talba għal intervent tintlaqa’ u meta l-atti proċedurali kollha nnotifikati lill-partijiet jiġu kkomunikati lill-intervenjent, ħlief, jekk ikun il-każ, għall-annessi jew għad-dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali, l-intervenjent ikollu terminu ta’ xahar u għaxart ijiem minn meta jirċievi dawn l-atti sabiex jippreżenta nota ta’ intervent. Filwaqt li din in-nota għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 132(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kontenut tagħha għandu madankollu jkun neċessarjament iktar konċiż min-nota tal-parti sostnuta u t-tul tagħha ma għandux ikun ta’ iktar minn 10 paġni. Fil-fatt, peress li l-intervent huwa ta’ natura aċċessorja fil-konfront tat-tilwima prinċipali, fin-nota tiegħu l-intervenjent għandu jastjeni milli jtenni l-motivi jew l-argumenti li jinsabu fl-atti tal-parti li jkun qiegħed isostni u għandu jesponi biss motivi jew argumenti addizzjonali li jsostnu l-pożizzjoni ta’ din il-parti. Ir-riproduzzjoni tal-kuntest legali u fattwali tat-tilwima tkun superfluwa, sakemm il-preżentazzjoni tiegħu fin-noti tal-partijiet prinċipali ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata jew tkun teħtieġ preċiżazzjonijiet addizzjonali.

L-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent

44.

Wara l-preżentata tan-nota ta’ intervent, il-President jista’, jekk iqis li jkun neċessarju, jiffissa terminu għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet qosra dwar din in-nota. Madankollu, il-preżentata ta’ tali osservazzjonijiet, li t-tul tagħhom ma għandux ikun ta’ iktar minn 5 paġni, hija ta’ natura fakultattiva. L-għan ta’ tali osservazzjonijiet huwa biss li jippermetti lill-partijiet prinċipali jirreaġixxu għal ċerti allegazzjonijiet tal-intervenjent jew jieħdu pożizzjoni dwar motivi jew argumenti ġodda mqajma minn dan tal-aħħar. Fl-assenza ta’ tali elementi, huwa rrakkomandat li ma jiġux ippreżentati tali osservazzjonijiet, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi informata b’dan, sabiex it-tul tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ma jiġix imtawwal inutilment.

It-talbiet għal intervent tardivi

45.

Sakemm tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 130(2) sa (4) tar-Regoli tal-Proċedura, talba għal intervent imressqa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura jew tat-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura tista’ xorta waħda tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kundizzjoni iżda li taslilha qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura prevista fl-Artikolu 60(4) tal-imsemmija Regoli. F’dan il-każ, b’applikazzjoni tal-Artikolu 129(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent ikun jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, jekk tinżamm seduta fil-kawża kkonċernata.

L-intervent fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji jew ta’ proċedura mħaffa

46.

Bħala prinċipju, l-istess japplika fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji jew fil-każ li tiġi applikata proċedura mħaffa. Sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw il-preżentata ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, il-persuna jew l-entità awtorizzata tintervjeni fil-kuntest ta’ tali proċedura tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha b’mod orali biss, jekk tinżamm seduta.

L-esklużjoni tal-intervent fil-każ ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari

47.

Għall-kuntrarju, ir-regoli preċedenti dwar l-intervent ma japplikawx għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari. Minħabba n-natura mhux kontradittorja ta’ din il-kategorija ta’ kawżi u minħabba l-funzjoni partikolari li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja meta tintalab tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, huma biss il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut – u, jekk ikun il-każ, l-istituzzjonijiet, l-organi u l-korpi tal-Unjoni li tkun saritilhom talba taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut – li jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet, bil-miktub jew orali, dwar id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qrati tal-Istati Membri.

Il-forma u l-istruttura tal-atti proċedurali

48.

Irrispettivament mill-punti preċedenti u mir-rekwiżiti, dwar il-kontenut tal-atti proċedurali, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Istatut u tar-Regoli tal-Proċedura, in-noti u l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti addizzjonali maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-qari u t-trattament ta’ dawn l-atti mill-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, it-traduzzjoni tagħhom lejn lingwa waħda jew iktar. Dawn ir-rekwiżiti jikkonċernaw kemm il-forma u l-preżentazzjoni tal-atti proċedurali u kemm l-istruttura jew it-tul tagħhom.

49.

Mill-aspett formali, l-ewwel nett, huwa imperattiv li n-noti jew l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jiġu ppreżentati b’mod li jippermetti l-ġestjoni elettronika ta’ dawn l-atti mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan id-dawl, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-rekwiżiti:

—

in-nota jew l-osservazzjonijiet għandhom jiġu redatti fuq karta bajda, mingħajr linji, ta’ daqs A4, u għandhom ikopru biss faċċata waħda (recto) tal-paġna u mhux iż-żewġ faċċati (recto-verso);

—

l-ittri użati għat-test għandhom ikunu ta’ tipa komuni (bħalma huma Times New Roman, Courrier jew Arial) u għandhom ikunu b’daqs ta’ minn tal-inqas 12-il punt fit-test u ta’ 10 punti fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, bi spazju ta’ 1,5 bejn il-linji u b’marġnijiet, orizzontali u vertikali, ta’ minn tal-inqas 2,5 cm (fil-parti ta’ fuq, ta’ isfel, tax-xellug u tal-lemin tal-paġna);

—

il-paragrafi kollha tan-nota jew tal-osservazzjonijiet għandhom ikunu nnumerati, b’mod kontinwu u b’numri konsekuttivi;

—

dan jgħodd ukoll għall-paġni tan-nota jew tal-osservazzjonijiet, inklużi l-eventwali annessi tagħhom u l-iskeda tagħhom, li għandhom jiġu nnumerati b’mod kontinwu u b’numri konsekuttivi, fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-paġna;

—

kull paġna tan-nota jew tal-osservazzjonijiet ma għandhiex taqbeż l-1 500 karattru, mhux inklużi l-ispazji;

—

fl-aħħar nett, meta ma jintbagħtux lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mezz elettroniku, il-paġni tan-nota jew tal-osservazzjonijiet għandhom ikunu miġbura flimkien b’mod li jkun jista’ faċilment jitneħħa u mhux permezz ta’ mezzi fissi bħalma huma l-kolla jew l-istaples.

50.

Minbarra dawn ir-rekwiżiti formali, l-atti proċedurali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu redatti b’tali mod li l-istruttura u l-portata tagħhom ikunu jistgħu jinftiehmu sa mill-ewwel paġni. Minbarra l-indikazzjoni, fuq l-ewwel paġna tan-nota jew tal-osservazzjonijiet ikkonċernati, tat-titolu ta’ dan l-att, tan-numru tal-kawża (meta dan ikun diġà ġie kkomunikat mir-Reġistru) u tal-partijiet ikkonċernati minn din il-kawża jew tal-inizjali tagħhom (meta l-kawża tkun anonimizzata), in-nota jew l-osservazzjonijiet bil-miktub għandhom jibdew b’espożizzjoni fil-qosor tal-pjan adottat mill-awtur tagħhom jew b’werrej. Din in-nota jew dawn l-osservazzjonijiet għandhom neċessarjament jispiċċaw bit-talbiet tal-awtur tagħhom jew, fil-każ tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari, bir-risposti li l-awtur jipproponi li jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

51.

Għalkemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom l-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma huma suġġetti għal ebda rekwiżit ieħor għajr dawk li jirriżultaw mill-Istatut u mir-Regoli tal-Proċedura, wieħed għandu madankollu jżomm f’moħħu li tali atti jikkostitwixxu l-bażi tal-istudju tal-proċess mill-Qorti tal-Ġustizzja u li, bħala regola ġenerali, dawn l-atti għandhom jiġu tradotti mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-istituzzjoni li tkun l-awtur tagħhom. Fl-interess ta’ żvolġiment tajjeb tal-proċedura u fl-interess tal-partijiet stess, in-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub għandhom għalhekk ikunu redatti f’lingwaġġ sempliċi u preċiż mingħajr ma jintużaw termini tekniċi li jkunu partikolari għal sistema legali nazzjonali. Għandhom jiġu evitati repetizzjonijiet u, sa fejn ikun possibbli, għandhom jintużaw sentenzi qosra minflok sentenzi twal u kumplessi mibnija minn diversi frażijiet relattivi u subordinati.

52.

Meta, fin-nota jew fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-partijiet jinvokaw test jew leġiżlazzjoni partikolari, tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, ir-referenzi ta’ dan it-test jew ta’ din il-leġiżlazzjoni għandhom jingħataw bi preċiżjoni, kemm fir-rigward tad-data tal-adozzjoni u, jekk ikun possibbli, tad-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument u kemm fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tiegħu. Bl-istess mod, meta jiċċitaw estratt jew silta minn deċiżjoni ġudizzjarja jew minn konklużjonijiet ta’ Avukat Ġenerali, il-partijiet huma mitluba jippreċiżaw kemm l-isem u n-numru tal-kawża kkonċernata u kemm in-numru ECLI (“European Case Law Identifier”) tad-deċiżjoni jew tal-konklużjonijiet u r-referenzi preċiżi tal-estratt jew tas-silta inkwistjoni.

53.

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-argumenti legali tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għandhom ikunu inklużi fin-noti jew fl-osservazzjonijiet bil-miktub, u mhux fl-annessi li jistgħu jkunu mehmuża magħhom, li ġeneralment ma jiġux tradotti. Man-nota jew mal-osservazzjonijiet għandhom jiġu annessi biss id-dokumenti li jissemmew fit-test stess ta’ din in-nota jew ta’ dawn l-osservazzjonijiet u li jkunu neċessarji sabiex jiġi elaborat jew sabiex jiġi ssostanzjat il-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 57(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni tal-annessi tiġi aċċettata biss jekk tiġi prodotta skeda li telenka dawn l-annessi. Din l-iskeda għandha tinkludi, għal kull dokument anness, in-numru tal-anness, indikazzjoni fil-qosor tan-natura tiegħu kif ukoll indikazzjoni tal-paġna jew tal-paragrafu tan-nota jew tal-osservazzjonijiet fejn huwa ċċitat id-dokument u li jiġġustifikaw il-produzzjoni tiegħu.

54.

Fil-każ li att proċedurali manifestament ma josservax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti preċedenti u, b’mod partikolari, l-indikazzjonijiet dwar il-preżentazzjoni u t-tul ta’ dan l-att, ir-Reġistru għandu jibgħat lura dan l-att lill-awtur tiegħu filwaqt li jistiednu jirregolarizzah f’terminu qasir.

Il-preżentata u t-trażmissjoni tal-atti proċedurali

55.

Huma biss l-atti espliċitament previsti fir-Regoli tal-Proċedura li jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża. L-atti li ma humiex previsti f’dawn ir-Regoli ma jittiħdux inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u jintbagħtu lura lill-awtur tagħhom mir-Reġistru.

56.

L-atti proċedurali għandhom jiġu ppreżentati fit-termini previsti, b’osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regoli tal-Proċedura. B’applikazzjoni tal-Artikolu 57(5) ta’ dawn ir-Regoli, huma biss id-data u l-ħin tal-preżentata tal-oriġinal fir-Reġistru li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-termini proċedurali. Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 49(2) tar-Regoli tal-Proċedura tapplika biss meta t-terminu previst għall-preżentata ta’ att proċedurali, li miegħu jiżdied it-terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, jintemm is-Sibt, il-Ħadd jew f’jum ta’ vaganza legali. Il-lista tal-jiem ta’ vaganza legali tiġi ppubblikata kull sena f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (https://curia.europa.eu/jcms/jcms/Jo2_7031/mt).

57.

Fil-każijiet previsti fir-Regoli tal-Proċedura, it-termini previsti f’dawn ir-Regoli jistgħu jiġu pprorogati. Madankollu, it-talbiet għall-proroga ta’ termini dejjem għandhom ikunu motivati u għandhom jitressqu fil-ħin qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentata tal-att ikkonċernat.

58.

L-iktar mod ta’ preżentata sigur u rapidu huwa dak tal-preżentata mwettqa permezz tal-applikazzjoni e-Curia. Din l-applikazzjoni, li l-użu tagħha huwa sempliċi u komdu, tippermetti l-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali b’mod esklużivament elettroniku, mingħajr ma jkun meħtieġ li din it-trażmissjoni terġa’ ssir permezz tal-posta. Il-modalitajiet dwar l-aċċess għall-applikazzjoni e-Curia u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħha huma stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia, kif ukoll fil-kundizzjonijiet ta’ użu li għalihom tirreferi din id-deċiżjoni. Dawn id-dokumenti huma disponibbli fis-sit Internet tal-istituzzjoni (https://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_78957/mt).

59.

Fil-każ li ma jiġix trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-applikazzjoni msemmija iktar ’il fuq, att proċedurali jista’ jintbagħat ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-posta. L-envelop li fih ikun jinsab dan l-att għandu jiġi indirizzat lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-indirizz: Greffe de la Cour, Rue du Fort Niedergrünewald, L-2925, Il-Lussemburgu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 57(5) tar-Regoli tal-Proċedura, huma biss id-data u l-ħin tal-preżentata tal-oriġinal fir-Reġistru li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-termini proċedurali. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata d-dekadenza, huwa rrakkomandat li l-att inkwistjoni jintbagħat numru ta’ ġranet qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentata tal-att, permezz ta’ ittra rreġistrata jew permezz ta’ servizz ta’ courier espress, jew alternattivament li jiġi ppreżentat fiżikament fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, barra mill-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru, fl-uffiċċju fl-entrata tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn l-uffiċjal responsabbli jiddikjara r-riċezzjoni ta’ dan l-att billi jindika fuqu d-data u l-ħin tal-preżentata.

60.

Attwalment, huwa wkoll possibbli li l-kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att proċedurali jiġi trażmess lir-Reġistru bħala anness ma’ ittra elettronika (ecj.registry@curia.europa.eu) jew permezz ta’ faks (+352 433766), iżda dawn iż-żewġ modi ta’ trażmissjoni għandhom jintużaw biss b’mod eċċezzjonali minħabba li għandhom diversi limitazzjonijiet tekniċi u ma joffrux l-istess vantaġġi u garanziji bħall-applikazzjoni e-Curia. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali, il-preżentata ta’ att proċedurali permezz ta’ ittra elettronika jew ta’ faks tgħodd biss jekk l-oriġinal iffirmat tal-att, flimkien mal-eventwali annessi tiegħu, jasal fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li tintbagħat il-kopja ta’ dan l-oriġinal iffirmat permezz ta’ ittra elettronika jew ta’ faks. Għaldaqstant, dan l-oriġinal għandu jintbagħat jew jiġi ppreżentat mingħajr dewmien, immedjatament wara li tintbagħat il-kopja u mingħajr ma jsirulu korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk minuri. Fil-każ ta’ differenzi bejn l-oriġinal iffirmat u l-kopja trażmessa preċedentement, tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data tal-preżentata fir-Reġistru tal-oriġinal iffirmat.

61.

Apparti t-trażmissjoni lir-Reġistru tal-verżjoni oriġinali tan-noti jew tal-osservazzjonijiet bil-miktub skont il-modi ta’ trażmissjoni previsti fil-punti preċedenti, verżjoni ta’ dawn in-noti jew ta’ dawn l-osservazzjonijiet li tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ editjar (3) għandha tintbagħat fl-indirizz elettroniku segwenti, sabiex jiġu ffaċilitati t-trattament ta’ dawn l-atti mill-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, it-traduzzjoni tagħhom f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Unjoni: editable-versions@curia.europa.eu.

III.   IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA

62.

Kif jirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut, il-fażi orali tal-proċedura tinkludi, essenzjalment, żewġ stadji distinti: is-smigħ tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut u l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Madankollu, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tqis li l-kawża ma tqajjem ebda punt ta’ liġi ġdid, tista’ tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Fir-rigward tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, din ma tinżammx b’mod sistematiku.

L-għan tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali

63.

Fid-dawl tal-importanza li għandha l-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kuntest tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 76(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li, fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, għandha tinżamm seduta meta parti interessata li ma tkunx ipparteċipat fil-fażi bil-miktub tal-proċedura tressaq talba motivata f’dan is-sens, il-kriterju determinanti fir-rigward taż-żamma ta’ seduta ma huwiex daqstant il-formulazzjoni ta’ talba espressa f’dan is-sens iżda huwa pjuttost l-evalwazzjoni li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja stess fir-rigward tal-valur miżjud ta’ din is-seduta u tal-kontribuzzjoni potenzjali li din is-seduta tista’ tipprovdi għas-soluzzjoni tat-tilwima jew għad-determinazzjoni tar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lid-domandi magħmula minn qorti ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm seduta meta din tkun tista’ tikkontribwixxi għal komprensjoni aħjar tal-kawża u tal-kwistjonijiet imqajma minnha, kemm jekk tkun tressqet talba f’dan is-sens mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut u kemm jekk le.

It-talba għal seduta

64.

Jekk dawn il-partijiet jew dawn il-partijiet interessati jqisu li għandha tinżamm seduta fir-rigward ta’ kawża, huma għandhom, fi kwalunkwe każ, malli jiġu nnotifikati bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, jindikaw lill-Qorti tal-Ġustizzja r-raġunijiet preċiżi għaliex ikunu jixtiequ li jinstemgħu minnha. Din il-motivazzjoni – li ma għandhiex titqies li hija nota jew osservazzjonijiet bil-miktub u li ma għandhiex tkun ta’ iktar minn tliet paġni – għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta tal-utilità ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-elementi tal-proċess jew tal-argumenti li din il-parti tqis neċessarju li tiżviluppa jew li tirribatti b’mod iktar iddettaljat matul din is-seduta. Motivazzjoni ta’ natura ġenerali li tirreferi, pereżempju, għall-importanza tal-kawża jew tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex suffiċjenti.

Il-konvokazzjoni għas-seduta u n-neċessità ta’ tweġiba rapida u kompleta għal din il-konvokazzjoni

65.

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali f’kawża partikolari, hija tiffissa d-data u l-ħin preċiżi tagħha u l-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jiġu kkonvokati immedjatament mir-Reġistru, li jinformahom ukoll dwar il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li lilu tkun ġiet assenjata l-kawża, dwar il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja u, jekk ikun il-każ, dwar l-assenza ta’ konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ torganizza din is-seduta fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma mistiedna jwieġbu, f’qasir żmien, għall-ittra tar-Reġistru filwaqt li jindikaw jekk ikollhomx il-ħsieb li effettivament jipparteċipaw għas-seduta. Jekk dan ikun il-każ, dawn il-partijiet jew dawn il-partijiet interessati huma mistiedna jagħtu lir-Reġistru l-informazzjoni segwenti:

—

il-kunjom, l-isem, it-titolu u l-kwalità preċiża tal-persuni li jkunu ser jirrappreżentawhom matul is-seduta,

—

il-kunjom, l-isem, it-titolu u l-kwalità preċiża tal-persuna li ser tkun mistennija titkellem, għal din il-parti jew għal din il-parti interessata, matul is-seduta,

—

il-ħin għat-trattazzjoni mixtieq minn din il-persuna, b’teħid inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward tal-indikazzjonijiet mogħtija fil-punt 76 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet, u

—

kull miżura oħra ta’ natura li tiffaċilita l-aċċess għall-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-organizzazzjoni tajba tas-seduta, kemm minn aspett loġistiku u tekniku u kemm, jekk ikun il-każ, minn aspett lingwistiku.

Tweġiba tardiva jew inkompleta għall-ittri ta’ konvokazzjoni tar-Reġistru tista’ tikkomprometti l-iżvolġiment tajjeb tas-seduta u, għalhekk, l-utilità ta’ din tal-aħħar għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

66.

Fil-każ li s-seduta li għaliha jkunu ġew ikkonvokati l-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ xandir fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fil-każ li waħda minn dawn il-partijiet jew waħda minn dawn il-partijiet interessati tqis li din is-seduta ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ tali xandir, hija għandha tinforma b’dan lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli filwaqt li tesponi, b’mod iddettaljat, iċ-ċirkustanzi ta’ natura li jiġġustifikaw l-assenza ta’ xandir. Konformement mal-Artikolu 80a(4) tar-Regoli tal-Proċedura, f’dan il-każ il-President għandu jiddeċiedi dwar din it-talba fl-iqsar żmien possibbli, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u, jekk ikun il-każ, l-Avukat Ġenerali inkarigati mill-kawża.

Il-preparamenti li għandhom isiru qabel is-seduta

67.

Irrispettivament mit-titolu u mill-kwalità tagħhom, il-persuni msejħa sabiex jittrattaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma obbligati jilbsu t-toga. Għalhekk, l-aġenti, l-avukati u, fil-kawżi għal deċiżjoni preliminari, kull persuna oħra awtorizzata tirrappreżenta parti fil-kawża prinċipali skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali huma mistiedna jġibu magħhom toga meta jipparteċipaw f’seduta għas-sottomissjonijiet orali organizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-każ li dawn il-persuni ma jkollhomx toga, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha numru ta’ togi li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom iżda, minħabba li n-numru dawn it-togi huma limitat u minħabba l-qisien varji ta’ dawn it-togi, ir-rappreżentanti kkonċernati huma mistiedna jinformaw b’dan lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qabel, fil-kuntest tat-tweġiba tagħhom għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta.

68.

Fil-kuntest ta’ din l-istess tweġiba, u sabiex tiġi ggarantita l-aħjar organizzazzjoni possibbli tas-seduta, il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom huma mistiedna wkoll jinformaw lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kull miżura partikolari ta’ natura li tiffaċilita l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fis-seduta, b’mod partikolari fil-każ ta’ diżabbiltà jew ta’ mobbiltà limitata.

69.

Kemm minħabba l-kundizzjonijiet tat-traffiku fil-Lussemburgu u kemm minħabba l-miżuri ta’ sigurtà applikabbli fir-rigward tal-aċċess għall-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa rrakkomandat li wieħed jagħmel il-preparamenti neċessarji sabiex ikun preżenti fis-sala fejn ikunu ser isiru t-trattazzjonijiet minn tal-inqas għoxrin minuta qabel il-ħin iffissat għall-bidu tas-seduta. Fil-fatt, teżisti l-użanza li, qabel il-bidu tas-seduta, il-membri tal-kulleġġ ġudikanti u, jekk ikun il-każ, l-Avukat Ġenerali, jiltaqgħu għal ftit ħin mar-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut sabiex jiddiskutu l-organizzazzjoni tas-seduta. F’din l-okkażjoni l-Imħallef Relatur jew l-Avukat Ġenerali jistgħu jistiednu lir-rappreżentanti msemmija sabiex jagħmlu, matul is-seduta, preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar ċerti kwistjonijiet jew sabiex jidħlu f’iktar dettall fir-rigward ta’ xi aspett partikolari tal-kawża ineżami.

Il-parteċipazzjoni fis-seduta permezz ta’ videokonferenza

70.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rappreżentant ta’ parti jew, f’kawża għal deċiżjoni preliminari, parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali awtorizzata tidher quddiem il-qrati mingħajr l-assistenza ta’ avukat, jistgħu jiġu awtorizzati jieħdu sehem f’seduta għas-sottomissjonijiet orali permezz ta’ videokonferenza meta jkunu impediti milli jipparteċipaw fiżikament f’din is-seduta minħabba raġunijiet sanitarji, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew minħabba raġunijiet serji oħra marbuta, pereżempju, mal-istat tas-saħħa personali tagħhom, ma’ azzjoni industrijali fis-settur tat-trasport bl-ajru kif ukoll l-annullament mingħajr twissija tat-titjira li kellhom jaqbdu ftit sigħat qabel tibda s-seduta.

71.

Sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, din it-talba għandha titressaq, permezz ta’ att separat, hekk kif il-kawża tal-impediment tkun magħrufa u għandha tinkludi kemm in-natura tal-allegat impediment u kemm id-dettalji preċiżi tal-persuna li ser isir kuntatt magħha fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ din it-talba. Dawn id-dettalji huma meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twettaq minn qabel it-testijiet tekniċi u ta’ interpretazzjoni meħtieġa sabiex jiġu ggarantiti l-aħjar kwalità possibbli tal-ħoss u tal-immaġni kif ukoll stabbiltà perfetta tal-konnessjoni tal-Internet.

72.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva d-dritt li tiddetermina s-soluzzjoni teknika li toffri livell ta’ sigurtà u ta’ affidabbiltà adegwat sabiex tippermetti konnessjoni tajba u, għaldaqstant, parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet fis-seduta f’kundizzjonijiet simili għal dawk li jipprevalu matul seduta b’preżenza fiżika. L-użu ta’ tagħmir speċifiku ta’ videokonferenza jew ta’ kull sistema oħra ta’ laqgħat virtwali jista’ jiġi awtorizzat biss wara li jiġi vvalidat mill-Qorti tal-Ġustizzja u wara li jinkisbu l-garanziji neċessarji kollha dwar il-kwalità u l-istabbiltà tal-konnessjoni. Il-partijiet huma mistiedna, f’dan ir-rigward, jikkonsultaw is-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kemm fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi li l-partijiet huma mistiedna josservaw u kemm fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet prattiċi li jkollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ parteċipazzjoni f’seduta għas-sottomissjonijiet orali permezz ta’ videokonferenza (https://curia.europa.eu/jcms/jcms/Jo2_7031/mt).

73.

Jekk it-testijiet imsemmija iktar ’il fuq ikunu konklużivi, il-parti jew ir-rappreżentant ikkonċernati jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-seduta permezz ta’ videokonferenza fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk prevalenti meta twettqu l-imsemmija testijiet. Fil-każ kuntrarju – jew fil-każ li t-talba għal parteċipazzjoni permezz ta’ videokonferenza tiġi miċħuda – il-parti jew ir-rappreżentant ikkonċernati jiġu mistiedna jsibu sostitut sabiex jattendi fiżikament, bla ħsara għall-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tiddifferixxi s-seduta.

L-iżvolġiment normali ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali

74.

Għalkemm l-iżvolġiment tagħha jista’ jvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi, bħala regola ġenerali, tliet partijiet distinti: it-trattazzjonijiet fil-veru sens tal-kelma, il-mistoqsijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-repliki finali. Filwaqt li t-trattazzjonijiet isiru fuq il-pedana, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-repliki finali jsiru, bħala regola ġenerali, mir-rappreżentanti tal-partijiet mill-post li jkun ġie assenjat lilhom fis-sala fejn tinżamm is-seduta.

L-ewwel fażi tas-seduta: it-trattazzjonijiet

L-għan tat-trattazzjonijiet

75.

Sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, is-seduta normalment tibda bit-trattazzjonijiet tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut. Fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà jkollha konoxxenza tal-kawża fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura, l-għan ta’ dawn it-trattazzjonijiet ma huwiex li jitfakkar il-kontenut tan-noti jew tal-osservazzjonijiet bil-miktub. L-għan tat-trattazzjonijiet huwa, qabel kollox, li jippermettu lill-partijiet jew lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut iwieġbu għal eventwali talbiet sabiex jikkonċentraw it-trattazzjonijiet tagħhom jew li jwieġbu għall-mistoqsijiet li tkun għamlitilhom il-Qorti tal-Ġustizzja qabel is-seduta. Sa fejn ikun possibbli, il-parteċipanti fis-seduta li jkunu qegħdin jiddefendu l-istess linja ta’ argumenti jew li jkollhom l-istess pożizzjoni huma barra minn hekk mistiedna jikkonsultaw lil xulxin qabel is-seduta sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet inutli.

Ħin allokat għat-trattazzjoni u eventwali estensjoni tiegħu

76.

Il-ħin allokat għat-trattazzjoni jiġi ffissat mill-President tal-kulleġġ ġudikanti, wara li jikkonsulta lill-Imħallef Relatur u, jekk ikun il-każ, lill-Avukat Ġenerali inkarigati mill-kawża. Bħala regola ġenerali, il-ħin allokat għat-trattazzjoni jiġi ffissat għal ħmistax-il minuta, irrispettivament mill-kulleġġ ġudikanti li lilu tkun ġiet assenjata l-kawża, għalkemm dan il-ħin jista’ jkun itwal jew inqas, skont in-natura jew il-kumplessità partikolari tal-kawża, in-numru u l-istatus proċedurali tal-parteċipanti fis-seduta kif ukoll l-eventwali miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Eċċezzjonalment, il-ħin allokat għat-trattazzjoni jista’ jiġi estiż mill-President tal-kulleġġ ġudikanti fuq talba debitament motivata minn parti jew minn parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut. Sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, tali talba għandha madankollu titressaq mill-parti jew mill-parti interessata kkonċernata fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta.

In-numru ta’ persuni li jagħmlu t-trattazzjoni

77.

Għal raġunijiet marbuta mal-iżvolġiment tajjeb tas-seduta, it-trattazzjonijiet tal-partijiet jew tal-partijiet interessati li jkunu preżenti għas-seduta għandhom, għal kull waħda minn dawn il-partijiet, isiru minn persuna waħda biss. Madankollu, għal raġunijiet eċċezzjonali, persuna oħra tista’ tiġi awtorizzata tagħmel it-trattazzjoni meta n-natura jew il-kumplessità partikolari tal-kawża jiġġustifikaw dan u bil-kundizzjoni li talba debitament motivata f’dan is-sens tkun tressqet fit-tweġiba tal-parti jew tal-parti interessata kkonċernata għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta. Madankollu, jekk tingħata, din l-awtorizzazzjoni ma timplika ebda estensjoni tal-ħin allokat għat-trattazzjoni u ż-żewġ persuni li jittrattaw għandhom jaqsmu l-ħin għat-trattazzjoni allokat lill-parti inkwistjoni.

It-tieni fażi tas-seduta: il-mistoqsijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja

78.

Minbarra l-mistoqsijiet li jistgħu jsiru mill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel jew matul it-trattazzjonijiet, il-persuni li jagħmlu t-trattazzjoni jistgħu jiġu mistiedna, fi tmiem dawn it-trattazzjonijiet, sabiex iwieġbu għal mistoqsijiet addizzjonali mill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-mistoqsijiet ikunu maħsuba sabiex jikkompletaw il-konoxxenza li dawn tal-aħħar ikollhom tal-proċess u sabiex jippermettu lill-persuni li jagħmlu t-trattazzjoni jikkjarifikaw jew jiżviluppaw f’iktar dettall ċerti punti li, jekk ikun il-każ, ikun għadhom jeħtieġu preċiżazzjonijiet addizzjonali.

79.

Sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jingħataw mill-persuni li jagħmlu t-trattazzjoni. Jekk parti jew parti interessata tqis li persuna oħra għandha tkun tista’ twieġeb għall-eventwali mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju minħabba li hija espert f’qasam partikolari, din il-parti jew din il-parti interessata għandha titlob dan b’mod speċifiku fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta.

It-tielet fażi tas-seduta: ir-repliki finali

80.

Wara li jsir dan l-iskambju mal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet li jagħmlu t-trattazzjoni jkollhom fl-aħħar nett il-possibbiltà, jekk iqisu li dan ikun neċessarju, jagħmlu repliki fil-qosor. Dawn ir-repliki finali, li kull waħda ma tistax tkun ta’ iktar minn ħames minuti, ma jikkostitwixxux it-tieni preżentazzjoni ta’ trattazzjonijiet. L-uniku għan tagħhom huwa li jippermettu lill-persuni li jagħmlu t-trattazzjoni jirreaġixxu fil-qosor għall-osservazzjonijiet jew għat-tweġibiet mogħtija, matul is-seduta, mill-parteċipanti l-oħra f’din is-seduta jew mill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-każ li diversi persuni jkunu ġew awtorizzati jagħmlu t-trattazzjoni matul is-seduta f’isem parti jew f’isem parti interessata msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, waħda minnhom biss tiġi awtorizzata tagħmel ir-replika.

Il-ħarsien tal-protezzjoni tad-data personali

81.

Tkun liema tkun il-fażi tas-seduta kkonċernata, il-persuni li jagħmlu t-trattazzjoni u l-persuni awtorizzati jitkellmu matulha huma obbligati josservaw l-anonimizzazzjoni li tista’ tkun twettqet fi stadju preċedenti, mill-qorti tar-rinviju jew mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, fit-trattazzjonijiet tagħhom, fit-tweġibiet tagħhom u fir-repliki finali tagħhom, huma għandhom jastjenu milli jiżvelaw l-identità tal-persuni kkonċernati minn din l-anonimizzazzjoni jew milli jsemmu data personali li tkun tista’ tippermetti l-identifikazzjoni (mill-ġdid) tagħhom.

Il-lingwi użati matul is-seduta

82.

Bla ħsara għall-possibbiltà tal-Istati Membri li jużaw il-lingwa uffiċjali tagħhom meta jieħdu sehem f’seduta għas-sottomissjonijiet orali kif ukoll bla ħsara għall-possibbiltà tal-Istati terzi li jużaw waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura meta jipparteċipaw fi proċedura għal deċiżjoni preliminari jew meta jintervjenu f’tilwima pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma marbuta jagħmlu t-trattazzjonijiet tagħhom fil-lingwa tal-kawża, iddeterminata konformement mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-imsemmija Regoli.

83.

Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizza l-użu ta’ lingwa differenti minn dik tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-fażi orali tal-proċedura. Din it-talba – li għandha titressaq fit-tweġiba tal-parti kkonċernata għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta –, għandha tkun debitament iġġustifikata u għandha tispeċifika r-raġunijiet għaliex ikun qiegħed jintalab l-użu ta’ lingwa oħra kif ukoll ir-raġunijiet li jimmilitaw favur din il-lingwa l-oħra minn fost dawk imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura. Skont l-Artikolu 37(4) tal-imsemmija Regoli, id-deċiżjoni dwar din it-talba għandha tittieħed, skont il-każ, mill-President tal-kulleġġ ġudikanti li lilu tkun ġiet assenjata l-kawża jew mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara li jinstemgħu minn qabel, dwar din it-talba, il-parti l-oħra fit-tilwima fil-kawża prinċipali u l-Avukat Ġenerali. Jekk din it-talba tintlaqa’, il-lingwa mitluba tkun tista’ tintuża matul is-seduta mill-partijiet interessati kollha msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut (4).

84.

Madankollu, l-eċċezzjoni msemmija fil-punt preċedenti tapplika biss għall-proċeduri għal deċiżjoni preliminari. Ħlief għall-każijiet imsemmija fil-punt 82 ta’ dawn l-Istruzzjonijiet, il-partijiet fil-proċedura fil-każ ta’ rikors dirett jew fil-każ ta’ appell huma marbuta jagħmlu t-trattazzjonijiet tagħhom, jirreplikaw u jwieġbu għall-mistoqsijiet eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-lingwa tal-kawża (5).

L-implikazzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-interpretazzjoni simultanja

85.

Kemm fir-rigward tat-trattazzjonijiet, kemm fir-rigward tar-repliki u kemm fir-rigward tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni li jkunu qegħdin jagħmlu t-trattazzjonijiet għandhom iżommu f’moħħhom li l-interventi tagħhom ikunu ħafna drabi qegħdin jiġu segwiti mill-Membri tal-kulleġġ ġudikanti, mill-Avukat Ġenerali u mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut f’lingwa differenti, permezz tal-interpretazzjoni simultanja. Fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tas-seduta u sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-interpreti – li, xi drabi, ikollhom huma stess jistrieħu fuq l-interpretazzjoni mwettqa f’lingwa oħra qabel ma jittraduċu dak li jkun qiegħed jingħad lejn il-lingwa ta’ min ikun qiegħed jismal-interpretazzjoni –, ir-rappreżentanti tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut huma għaldaqstant mistiedna, sa fejn ikollhom test, anki jekk konċiż, tan-noti preparatorji għat-trattazzjonijiet jew xi tip ta’ formulazzjoni tal-pjan tal-intervent tagħhom, sabiex jgħadduh jew jgħadduhom, hekk kif ikun possibbli qabel is-seduta, lid-Direttorat tal-Interpretazzjoni permezz ta’ ittra elettronika (Interpretation@curia.europa.eu). Dan it-test jew dawn in-noti tat-trattazzjonijiet jingħataw biss lill-interpreti u jinqerdu wara s-seduta. Huma la jiġu trażmessi lill-Membri tal-kulleġġ ġudikanti jew lill-Avukat Ġenerali inkarigati mill-kawża u lanqas ma jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża.

86.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni u, għaldaqstant, il-komprensjoni tat-trattazzjonijiet kemm mill-membri tal-kulleġġ ġudikanti u mill-Avukat Ġenerali inkarigati mill-kawża kif ukoll mill-partijiet l-oħra preżenti għas-seduta, huwa indispensabbli li, matul is-seduta, dak li jkun jitkellem b’mod kalm fil-mikrofonu, b’ritmu naturali u mhux forzat. L-interpretazzjoni tiġi ffaċilitata jekk il-persuna li tkun qiegħda tagħmel it-trattazzjonijiet tindika minn qabel il-pjan tal-intervent tagħha u tagħżel sistematikament sentenzi qosra u sempliċi. Barra minn hekk, meta tirreferi, fit-trattazzjonijiet tagħha, għal deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, il-persuna li tkun qiegħda tagħmel it-trattazzjonijiet hija barra minn hekk mistiedna tispeċifika d-data ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll in-numru u l-isem tal-kawża kkonċernata.

Wara s-seduta għas-sottomossjonijiet orali

87.

Il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet jew tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tintemm meta tintemm is-seduta. Bla ħsara għall-każ eċċezzjonali li tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura previst fl-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, ladarba l-President tal-kulleġġ ġudikanti jiddikjara magħluqa s-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-imsemmija partijiet jew partijiet interessati ma jistgħux jagħmlu iktar osservazzjonijiet bil-miktub jew orali, b’mod partikolari bħala reazzjoni għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

88.

Fil-każ li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali tkun is-suġġett ta’ xandir, hija għandha tibqa’ disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal perijodu ta’ mhux iktar minn xahar wara l-għeluq tas-seduta. Jekk parti jew parti interessata li tkun ipparteċipat f’din is-seduta tqis li r-reġistrazzjoni video tas-seduta għandha titneħħa mis-sit Internet imsemmi iktar ’il fuq, hija tista’ tressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li fiha tesponi ċ-ċirkustanzi ta’ natura li jiġġustifikaw din it-tneħħija. Fil-każ li din it-talba tintlaqa’, ir-reġistrazzjoni kkonċernata għandha titneħħa immedjatament mis-sit.

Il-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u l-għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza

89.

Għalkemm il-partijiet u l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jiġu informati mir-Reġistru bid-data tal-għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza u, jekk ikun il-każ, bid-data li fiha l-Avukat Ġenerali jkun ser jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tikkonċernahom, huma ma humiex madankollu obbligati jkunu preżenti fil-Lussemburgu. Il-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali u l-għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jkunu fil-fatt is-suġġett ta’ xandira diretta fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

90.

It-test sħiħ tal-konklużjonijiet u tas-sentenza jiġi nnotifikat lill-partijiet u lill-partijiet interessati kkonċernati mir-Reġistru u sussegwentement jittella’ fis-sit Internet imsemmi, bil-lingwi disponibbli.

IV.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

91.

Dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi jħassru u jissostitwixxu l-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, dwar il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Diċembru 2019.

92.

Dawn l-Istruzzjonijiet prattiċi għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta’ Lulju 2024.


(1)   ĠU L 42 I, 14.2.2020, p. 1.

(2)  Ara r-Regolament (UE, Euratom) 2014/2019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L, 2024/2019, 12.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2019/oj) u l-emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L, 2024/2094, 12.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_internal/2024/2094/oj).

(3)  Verżjoni li tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ editjar tirreferi għad-dokument redatt f’software għall-ipproċessar tat-test bħalma huma Microsoft Word, Open Office, Google Docs jew Pages (fl-ambjent Mac). B’differenza minn software bbażat fuq immaġni, bħalma huwa PDF, dan il-format li jippermetti l-editjar jippermetti, fil-fatt, l-isfruttament dirett tat-test sabiex jintuża fil-proċess tat-trattament tal-kawża, b’mod partikolari fl-istadju tat-traduzzjoni.

(4)  Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizza l-użu ta’ lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża għall-finijiet tat-tweġibiet għall-eventwali mistoqsijiet magħmula matul is-seduta, din l-awtorizzazzjoni tgħodd biss għal dawn it-tweġibiet. It-trattazzjoni inizjali tal-parti kkonċernata u r-replika finali għandhom isiru fil-lingwa tal-kawża.

(5)  Fir-rigward tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Istat Membru konvenut għandu d-dritt juża, matul il-fażi orali tal-proċedura, lingwa differenti minn dik użata matul il-fażi bil-miktub, bil-kundizzjoni iżda li din il-lingwa differenti tkun waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat u bil-kundizzjoni li talba f’dan is-sens tkun tressqet f’ħin utli, jekk ikun possibbli fit-tweġiba għall-ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta. Fil-każ li din it-talba tintlaqa’, il-lingwa mitluba tkun tista’ tintuża mill-partijiet kollha fil-proċedura.


ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2024/2173/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)