9.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 178/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 594/2009

tat-8 ta’ Lulju 2009

rigward il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni Doganali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni b’mod uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri rigward il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenaklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Sussegwentement għal dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifkati skont il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna 2, bis-saħħa tar-raġunijiet stipulati fil-kolonna 3.

(4)

Huwa xieraq li jkun stiplulat li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li għandha x'taqsam mal-klassifikazzjoni tal-prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġett deskritt fil-kolonna 1 tat-tabella stabbilita fl-Anness għandu jkun ikklassifikat fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna 2 ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

1.

Fluworur tal-vinilidin u hexafluoro propylene copolymer fil-forma primarja

Dan il-materjal huwa kapaċi jiġġebbed u jerga' jieħu l-forma oriġinali tiegħu bħal elastomeri oħra iżda ma jistax jiġi vvulkanizzat bil-kubrit. Dan il-kopolimeru jeħtieġ ċerti komposti bażiċi jew ċerti perossidi biex jgħaqqad .

3904 69 90

Il-Klassifika hija stabbilita bid-dispożizzjonijiet tar-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Noti 1,4 u 6 ta' Kapitolu 39, Nota 4 (a) ta' Kapitolu 40, sottointestatura tan-Nota 1 għal Kapitolu 39 u t-testi tal-kodiċijiet tan-NM 3904 , 3904 69 u 3904 69 90 .

Il-Fluworur tal-vinilidin u l-kopolimeru hexafluoropropylene ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' lastki sintetiċi f'Nota 4(a) ta' Kapitolu 40 peress illi ma jistgħux jiġu vvulkanizzati bil-kubrit.

Poli (fluworur tal-vinilidin) huwa polimeru li jaqa' taħt il-Kapitolu 39 (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HS, EN), in-Noti Ġenerali ta' Kapitolu 39, lista ta' Abbrevjazzjonijiet tal-polimeri u n-Noti relatati mal-intestaura 3904 , l-aħħar paragrafu).

Fluworur tal-vinilidin u l-kopolimeru hexafluoropropylene fil-forma primarja tagħhom huma kopolimeri fluworiti li jaqgħu taħt il-Kapitolu 39 u huma klassifikati taħt il-kodiċi tan-NM 3904 69 90 b'konformità man-Noti 1,4 u 6 ta' Kapitolu 39 u taħt in-Nota ta' sottointestatura 1 tal-Kapitolu 39.

2.

Ċrieket biex tissiġilla bihom magħmulin minn elastomeri tal-fluworur (il-Fluworur tal-vinilidin u l-kopolimeru hexafluoropropylene)

Il-materjal kostitwenti ta' dan il-prodott (il-Fluworur tal-vinilidin u l-kopolimeru hexafluoropropylene) huwa kapaċi jiġġebbed u jerga' jieħu l-forma oriġinali tiegħu bħal elastomeri oħra iżda ma jistax jiġi vvulkanizzat bil-kubrit. Dan il-kopolimeru jinħtieġ ċerti komposti bażiċi jew ċerti perossidi biex jgħaqqad.

3926 90 97

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Noti 1 u 4 tal-Kapitolu 39, min-nota 4(a) ta' Kapitolu 40 Nota 2 tas-Sezzjoni XVI, Nota 2 tal-Kapitolu 90 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 3926 , 3926 90 u 3926 90 97 .

Dan il-prodott huwa elastomeru biex tissiġilla bih għall-użu ġenerali. Għalhekk mhijiex parti magħrufa ta' magna fit-tifsira tan-Nota 2 tas-Sezzjoni XVI, Nota 2 tal-Kapitolu 90 tan-NM, u bħala konsegwenza hija eskluża mis-Sezzjoni XVI u l-Kapitolu 90.

Il-materjal kostitwenti ta' dan il-prodott ma jaqax taħt id-definizzjoni ta' lastki sintetiċi kif deskritt fin-Nota 4(a) ta' Kapitolu 40 peress illi ma jistax jiġi vvulkanizzat bil-kubrit.

Poli (fluworur tal-vinilidin) huwa polimeru li jaqa' taħt il-Kapitolu 39 (ara wkoll in-Noti Ġenerali ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HS, EN), in-Noti ta' Kapitolu 39, lista ta' abbrevjazzjonijiet tal-polimeri u n-Noti relatati mal-intestaura 3904 , l-aħħar paragrafu).

Il-fluworur tal-vinilidin u l-kopolimeru hexafluoropropylene huma kopolimeri fluworiti li għandhom ikunu klassifikati taħt il-Kapitolu 39.

Bħala konsegwenza, il-prodott ikkonċernat huwa prodott tal-plastik li jaqa' taħt il-Kapitolu 39 u mhuwiex speċifikat jew imniżżel x'imkien ieħor fin-nomenklatura magħquda, u għalhekk għandu jiġi kklasifikat taħt il-kodiċi NM 3926 90 97 .