European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/4623

31.8.2026

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724

(C/2026/4623)

L-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tagħti gwida prattika lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti għall-valutazzjoni tal-kontribut għas-sostenibbiltà u għar-reżiljenza fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku f’konformità mal-Artikolu 25 tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA). Din il-gwida ma hijiex legalment vinkolanti. Filwaqt li kultant tagħmel parafrażi tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ma hijiex maħsuba biex iżżid jew tnaqqas id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fl-NZIA jew fi strumenti vinkolanti oħra bħall-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP). Barra minn hekk, din il-gwida hija mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina jew tespandi din il-gwida.

WERREJ

I.

Introduzzjoni 4

II.

Kamp ta’ applikazzjoni 4

III.

Il-kontribut għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza fil-Proċeduri ta’ akkwist pubbliku 6

A.

Ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà ambjentali (l-Artikolu 25(1) tal-NZIA) 6

B.

Ir-rekwiżiti addizzjonali mhux tal-prezz (l-Artikolu 25(3) tal-NZIA) 6

1.

Il-kundizzjoni speċjali relatata ma’ kunsiderazzjonijiet soċjali jew relatati mal-impjieg 6

2.

Ir-rekwiżit li tintwera l-konformità maċ-ċibersigurtà 7

3.

L-obbligu kuntrattwali speċifiku li x-xogħol jitwettaq fil-ħin 7

C.

Ir-rekwiżiti tar-reżiljenza (l-Artikolu 25(7) tal-NZIA) 8

1.

Meta għandu jitqies il-kontribut tar-reżiljenza? 8

2.

L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-reżiljenza 9

3.

Id-determinazzjoni u l-verifika tal-oriġini tal-prodotti finali b’teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin 11

4.

Il-kejl tal-valur tal-komponenti speċifiċi ewlenin 11

5.

Il-konformità mar-rekwiżiti tar-reżiljenza matul il-proċess tal-akkwist 12

6.

Id-determinazzjoni tal-imposta proporzjonata (l-Artikolu 25(7)(d) tal-NZIA) 13

IV.

Eċċezzjonijiet 13

A.

Il-fornitur uniku (l-Artikolu 25(9)(a) tal-NZIA) 14

B.

L-ebda offerta jew talba għal parteċipazzjoni xierqa (l-Artikolu 25(9)(b) u l-Artikolu 25(11) tan-NZIA) 14

C.

Differenzi fil-kostijiet sproporzjonati (l-Artikolu 25(9)(c) u l-Artikolu 25(10) tal-NZIA) 15

D.

Ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 25(8) tal-NZIA) 16

LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET

CPV

Vokabularju komuni tal-akkwist

NM

Nomenklatura magħquda

UE

Unjoni Ewropea

GPA

Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku

SA

Sistema armonizzata

JRC

Ċentru konġunt tar-riċerka tal-Kummissjoni Ewropea

MSC

Komponent speċifiku ewlieni

NZIA

Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet żero Netti

PV

Fotovoltajku

I.   INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) 2024/1735 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (minn hawn ’il quddiem “l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti” jew “l-NZIA”) (1) jistabbilixxi qafas legali mmirat lejn it-tisħiħ tal-ekosistema tal-manifattura għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti fl-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, biex titnaqqas id-dipendenza strateġika tal-UE fir-rigward tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-ktajjen tal-provvista tagħhom u biex jinkisbu l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, l-Artikolu 5 tal-NZIA jistabbilixxi, għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri, l-objettivi li jilħqu kapaċità tal-manifattura ta’ mill-inqas 40 % tal-ħtiġijiet tal-użu annwali tal-UE għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti sal-2030; u 15 % tal-produzzjoni dinjija tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti sal-2040.

Biex jinkisbu dawn l-objettivi, l-Artikolu 25 tal-NZIA jistabbilixxi rekwiżiti għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2014/23/UE (2), 2014/24/UE (3) u 2014/25/UE (4) (“id-direttivi dwar l-akkwist”) biex jiġi żgurat li l-infiq pubbliku jgħin biex tingħata spinta lid-domanda għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza. L-Artikolu 25 tal-NZIA jimponi l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti minimi għas-sostenibbiltà ambjentali u r-reżiljenza tal-katina tal-provvista, kif ukoll obbligi oħra relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-NZIA, skont l-Artikolu 29(1) tal-NZIA, u hija mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

II.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

L-Artikolu 25 tal-NZIA japplika għal “proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE, 2014/24/UE jew 2014/25/UE, fejn il-kuntratti għandhom teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti elenkati fl-Artikolu 4 (1), il-punti (a) sa (k), ta’ dan ir-Regolament bħala parti mis-suġġett tagħhom”, kif ukoll għal “kuntratti ta’ xogħlijiet u konċessjonijiet ta’ xogħlijiet li jinkludu t-teknoloġija msemmija”.

Riflessjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar l-akkwist. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-NZIA jirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar l-akkwist. Il-limiti, l-esklużjonijiet u s-sitwazzjonijiet speċifiċi previsti f’dawk id-direttivi għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati meta jiġi ddeterminat jekk proċedura ta’ akkwist pubbliku taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-NZIA. Pereżempju, l-Artikolu 25 japplika għall-kuntratti ssussidjati minn awtoritajiet kontraenti jekk jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/24/UE (5). Bl-istess mod, l-Artikolu 25 japplika wkoll għal sistemi dinamiċi ta’ xiri kif ukoll għal ftehimiet qafas sakemm il-valur tal-ftehim qafas (mhux ta’ kuntratti mogħtija abbażi ta’ tali ftehim) jilħaq il-limiti tad-direttivi dwar l-akkwist (6).

Kamp ta’ applikazzjoni temporali. Il-liġi li għandha tiġi applikata għal proċedura ta’ akkwist pubbliku hija l-liġi applikabbli fil-ħin tas-sejħa għall-kompetizzjoni jew fil-bidu tal-proċedura — mhux meta jingħataw il-kuntratti. Għal ftehimiet qafas u kuntratti mogħtija abbażi ta’ tali ftehimiet, il-liġi li għandha tiġi applikata hija l-liġi applikabbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-kompetizzjoni skont il-ftehim qafas.

Inklużjoni tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Għal kuntratti ta’ xogħlijiet u konċessjonijiet ta’ xogħlijiet, l-Artikolu 25 tal-NZIA japplika meta dawn “jinkludu” teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) sa (k). Pereżempju, kuntratt għall-kostruzzjoni jew ir-rinnovazzjoni ta’ bini ta’ skola, li għandu jkun mgħammar b’pannelli fotovoltajċi (PV) solari, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25.

Għal proċeduri oħra ta’ akkwist pubbliku, l-Artikolu 25 tal-NZIA japplika meta jkollhom teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) sa (k), tal-NZIA “bħala parti mis-suġġett tagħhom”. Is-suġġett ta’ kuntratt għandu jiġi determinat mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti u msemmi espliċitament fid-dokumenti tal-akkwist. Il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV) jista’ jgħin lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti biex jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt. Madankollu, għandhom jitqiesu wkoll aspetti oħra fejn rilevanti. Dan ifisser li l-Artikolu 25 xorta jista’ japplika anke jekk it-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti rilevanti ma jkunux imsemmija fis-CPV ta’ kuntratt.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-NZIA tiġi attivata meta teknoloġija b’emissjonijiet żero netti rilevanti tifforma parti mis-suġġett ta’ kuntratt. Għalkemm it-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti għandha tkun fost is-suġġett tal-kuntratt, ma jimpurtax liema sehem mill-valur totali tal-kuntratt tirrappreżenta, peress li r-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) u (7) jirrelataw biss mat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti inklużi (u mhux mal-kuntratt kollu). Bl-istess mod, il-valur tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti ma huwiex rilevanti, sakemm il-valur (stmat) tal-kuntratt ġenerali jkun ogħla mil-limiti biex japplikaw id-direttivi dwar l-akkwist pubbliku.

Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-NZIA tiġi attivata biss meta l-kuntratt jinkludi prodott finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti bħala parti mis-suġġett tiegħu. Ma jiġix attivat jekk is-suġġett tal-kuntratt jinkludi prodotti li għandhom teknoloġija b’emissjonijiet żero netti bħala wieħed mis-subkomponenti tagħhom. Pereżempju, filwaqt li l-akkwist ta’ batteriji industrijali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25, l-akkwist ta’ karozzi tal-linja elettriċi u vetturi elettriċi, li jkun fihom il-batteriji, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu (7).

Għall-fini tal-Artikolu 25, meta proċedura ta’ akkwist pubbliku tkun maqsuma f’lottijiet, is-suġġett irid jiġi vvalutat għal kull lott, aktar milli għall-proċedura kollha. Pereżempju, jekk proċedura ta’ akkwist pubbliku tkun maqsuma f’żewġ lottijiet, wieħed għat-twassil tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u ieħor għall-installazzjoni tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, l-Artikolu 25 japplika biss għall-ewwel lott. Il-proċeduri ma jistgħux jinqasmu f’lottijiet bil-għan li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-NZIA.

Ebda kopertura doppja bejn l-Artikoli 25 u 26 tal-NZIA. F’xi każijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25 jista’ jikkoinċidi ma’ dak tal-Artikolu 26 tal-NZIA. Għal din is-sitwazzjoni, il-Premessa 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-NZIA dwar kriterji mhux tal-prezz fl-irkanti (8) tistabbilixxi dan li ġej:

“F’konformità mal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735, l-Istati Membri jridu jinkludu kriterji tal-prekwalifikazzjoni jew kriterji tal-aġġudikazzjoni biex jivvalutaw il-kontribut tal-irkant għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza. L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1735 jirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti japplikaw f’ċerti proċeduri tal-akkwist pubbliku rekwiżiti obbligatorji minimi rigward is-sostenibbiltà ambjentali u ċerti rekwiżiti obbligatorji biex jivvalutaw il-kontribut tal-offerta għar-reżiljenza. Kemm il-proċeduri tal-akkwist pubbliku kif ukoll l-irkantijiet għall-varar ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli jikkontribwixxu għar-reżiljenza tal-Unjoni. L-impriżi pubbliċi li joperaw fis-settur tal-enerġija li huma entitajiet kontraenti f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma soġġetti għall-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1735 meta jakkwistaw teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti elenkati fl-Artikolu 4(1), il-punti (a) sa (k), tar-Regolament (UE) 2024/1735. Fl-istess ħin, jistgħu jipparteċipaw ukoll bħala offerenti fl-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli soġġetti għall-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735. Il-premessa 81 tar-Regolament (UE) 2024/1735 tfakkar fl-importanza li jiġi żgurat li r-rekwiżiti tas-sostenibbiltà u tar-reżiljenza jiġu applikati b’mod li jiżgura kompetizzjoni ġusta u ugwali fost l-atturi tas-suq irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda tagħhom. Sabiex tiġi żgurata tali kompetizzjoni ġusta u ugwali, għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-rekwiżiti tar-reżiljenza u tas-sostenibbiltà ambjentali, l-impriżi pubbliċi li jipparteċipaw fl-irkantijiet tal-enerġija rinnovabbli skont l-Artikolu 26 jenħtieġ li jkunu soġġetti biss għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 26. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 25 jenħtieġ li japplikaw għall-akkwist ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, ħlief meta tali akkwist jintuża biex jitwettqu proġetti mogħtija fil-kuntest ta’ rkantijiet tal-enerġija rinnovabbli soġġetti għall-Artikolu 26.”

III.   IL-KONTRIBUT GHAS-SOSTENIBBILTA U R-REZILJENZA FIL-PROCEDURI TA’ AKKWIST PUBBLIKU

L-Artikolu 25 tal-NZIA jimponi l-applikazzjoni, fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ta’ tliet tipi differenti ta’ rekwiżiti: ir-rekwiżiti minimi obbligatorji dwar is-sostenibbiltà ambjentali (l-Artikolu 25(1)), ir-rekwiżit tar-reżiljenza (l-Artikolu 25(7)) u mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti addizzjonali fl-Artikolu 25(3), dwar aspetti soċjali jew relatati mal-impjieg, iċ-ċibersigurtà, jew obbligu li x-xogħol jitwettaq fil-ħin. Ir-rekwiżiti għandhom ikunu relatati mat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti speċifika li qed tiġi akkwistata.

F’konformità mal-Artikolu 25(12)(a), l-Istati Membri jistgħu jużaw kriterji addizzjonali mhux tal-prezz lil hinn minn dawk elenkati fl-Artikolu 25, inklużi kriterji mhux koperti taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-NZIA. Jekk tkun involuta l-għajnuna mill-Istat, il-kriterji kollha mhux tal-prezz iridu jkunu mfassla f’konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat u b’mod partikolari, b’limiti massimi ta’ ponderazzjoni stabbiliti.

A.   Ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà ambjentali (l-Artikolu 25(1) tal-NZIA)

L-Artikolu 25(1) tal-NZIA jirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jinkludu rekwiżiti minimi relatati mas-sostenibbiltà ambjentali tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero nett akkwistati, kif stabbilit permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/718 (9) jistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji minimi għar-riċiklabbiltà tal-pali tat-turbini eoliċi. L-Artikolu 25(1) tal-NZIA ma jinvolvix obbligi għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u/jew aspetti tas-sostenibbiltà ambjentali mhux koperti minn dak l-att ta’ implimentazzjoni (10). Madankollu, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti xorta jistgħu jinkludu rekwiżiti addizzjonali relatati mas-sostenibbiltà ambjentali jew kriterji tal-għoti fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħhom, kif iddikjarat fl-Artikolu 25(2).

L-Artikolu 25(1) jibbaża fuq l-att ta’ implimentazzjoni li jispeċifika r-rekwiżiti minimi dwar is-sostenibbiltà ambjentali u għalhekk japplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni, jiġifieri t-30 ta’ Ġunju 2026.

B.   Ir-rekwiżiti addizzjonali mhux tal-prezz (l-Artikolu 25(3) tal-NZIA)

Ir-rekwiżit addizzjonali mhux tal-prezz fl-Artikolu 25(3) japplika biss għal kuntratti ta’ xogħlijiet u konċessjonijiet ta’ xogħlijiet li jinkludu teknoloġija b’emissjonijiet żero netti elenkata fl-Artikolu 4(1)(a) sa (k) tal-NZIA.

Id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jinkludu mill-inqas wieħed mit-tliet rekwiżiti li telenka, jiġifieri:

—

kundizzjoni speċjali relatata ma’ kunsiderazzjonijiet soċjali jew relatati mal-impjieg;

—

rekwiżit li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli taċ-ċibersigurtà; jew

—

obbligu kuntrattwali speċifiku biex jitwassal il-komponent tal-kuntratt relatat mat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) sa (k) fil-ħin.

1.   Il-kundizzjoni speċjali relatata ma’ kunsiderazzjonijiet soċjali jew relatati mal-impjieg

L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom iżommu f’moħħhom l-għan tal-akkwist strateġiku skont l-NZIA, jiġifieri l-kundizzjoni għandu jkollha impatt soċjali pożittiv jew relatat mal-impjiegi fuq il-manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti li hija s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni. F’dak ir-rigward, il-kundizzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 25(3)(a) jistgħu pereżempju jirreferu għal impjieg ta’ persuni li jesperjenzaw diffikultajiet soċjali jew professjonali partikolari, parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), sorsi etiċi, jew obbligi ta’ taħriġ u apprendistat. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jirreferu wkoll għal kundizzjonijiet soċjali jew relatati mal-impjieg speċjali li jkunu diġà applikaw b’suċċess, sakemm dawn ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni.

Jekk kemm id-daqs tal-offerenti u l-fornituri potenzjali kif ukoll il-valur tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti fil-kuntratt huma komparabbli mad-daqsijiet tal-proġetti taħt irkanti tal-enerġija rinnovabbli, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti huma mħeġġa jallinjaw il-kundizzjoni speċjali skont l-Artikolu 25(3) kemm jista’ jkun mal-kriterju rispettiv ta’ prekwalifikazzjoni għall-irkanti tal-NZIA (ara l-Artikolu 26 tal-NZIA). Dan jikkonċerna l-aspetti soċjali u relatati mad-drittijiet tal-bniedem tal-kriterju ta’ prekwalifikazzjoni dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju fl-irkanti, li huma stabbiliti aktar fl-Artikolu 4 tal-Att ta’ Implimentazzjoni tal-NZIA (11). Meta jallinjaw il-kundizzjoni speċjali mal-kriterju ta’ prekwalifikazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti tal-kundizzjoni jkunu relatati mas-suġġett tal-kuntratt u ma jmorrux lil hinn minnu. Dan ifisser li kwalunkwe rekwiżit ta’ diliġenza dovuta u żvelar jeħtieġ li jkun iffukat fuq l-operazzjonijiet jew il-ktajjen tal-provvista marbuta mal-prodott, ix-xogħol jew is-servizz ipprovdut.

Eżempji ta’ kundizzjonijiet speċjali fl-akkwist pubbliku relatati ma’ kunsiderazzjonijiet soċjali jew relatati mal-impjieg:

—

Il-kuntrattur jimpenja ruħu għal X sigħat ta’ xogħol għal programmi ta’ taħriġ professjonali (eż. apprendistati) kif ukoll Y sigħat għal programmi ta’ inklużjoni soċjali (eż. reintegrazzjoni professjonali għat-twettiq ta’ dan il-kuntratt).

—

Fit-twettiq tal-obbligi tiegħu skont il-kuntratt, il-kuntrattur jieħu azzjoni biex jindirizza l-aspetti ewlenin tad-diliġenza dovuta soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 5(1)(a) sa (g) tad-Direttiva (UE) 2024/1760 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva.

2.   Ir-rekwiżit li tintwera l-konformità maċ-ċibersigurtà

L-Artikolu 25(3)(b) tal-NZIA jipprevedi rekwiżit li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli taċ-ċibersigurtà. Jirreferi speċifikament għall-Att Ewropew dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika (12) li se japplika bis-sħiħ mill-11 ta’ Diċembru 2027. Qabel dik id-data, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jirrikjedu li l-offerenti juru l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli taċ-ċibersigurtà fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea.

Iċ-ċibersigurtà hija waħda mir-rekwiżiti tal-Artikolu 26 għall-irkanti (ara l-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1176). L-awtoritajiet nazzjonali huma mħeġġa jsegwu l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (13) tal-Artikolu 26 fejn ikun possibbli.

3.   L-obbligu kuntrattwali speċifiku li x-xogħol jitwettaq fil-ħin

L-obbligu li x-xogħol jitwettaq fil-ħin għandu jkun relatat speċifikament mal-komponent tal-kuntratt relatat mat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Għandu jirrikjedi li l-aspetti kollha relatati mat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti jitwettqu fil-ħin, inklużi, fejn rilevanti, l-ippjanar, ix-xiri, l-installazzjoni u l-ikkummissjonar. Ma għandux għalfejn japplika għall-komponenti l-oħra tal-kuntratt.

B’mod simili għall-kriterji addizzjonali l-oħra mhux tal-prezz, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti huma mħeġġa jallinjaw il-kundizzjoni speċjali mal-kriterju ta’ prekwalifikazzjoni dwar it-twettiq tax-xogħol fil-ħin tal-Artikolu 26 tal-NZIA. L-Artikolu 6 tal-Att ta’ Implimentazzjoni (14) jagħti eżempji ta’ rekwiżiti ta’ prekwalifikazzjoni rilevanti.

Eżempju ta’ obbligu kuntrattwali biex ix-xogħol jitwettaq fil-ħin:

Id-durata għat-tħejjija u l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet relatati mal-installazzjoni tal-moduli PV għandu jkun sa 4 xhur mid-data tal-bidu speċifikata fid-dokument tal-akkwist. Jekk l-iskadenza għat-tlestija speċifikata fil-kuntratt tinqabeż, il-kuntrattur ikun responsabbli għal penali ta’ EUR XXX għal kull jum kalendarju ta’ dewmien. Wara dewmien ta’ 8 ijiem, tapplika penali miżjuda ta’ EUR YYY.

C.   Ir-rekwiżiti tar-reżiljenza (l-Artikolu 25(7) tal-NZIA)

1.   Meta għandu jitqies il-kontribut tar-reżiljenza?

Ir-rekwiżit tar-reżiljenza mnaqqax fl-Artikolu 25(7) japplika biss għall-prodott finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin tiegħu li għalihom l-UE għandha dipendenza għolja fuq il-provvista fuq pajjiż mhux tal-UE. Il-komponenti speċifiċi ewlenin tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero huma elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1178 tat-23 ta’ Mejju 2025 dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta’ prodotti finali tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kontribut għar-reżiljenza (15).

L-Artikolu 25(7) jiddefinixxi dipendenza għolja fuq il-provvista. Żewġ sitwazzjonijiet huma inklużi:

(1)

Aktar minn 50 % tal-provvista tal-UE ta’ prodott finali jew komponent speċifiku ewlieni b’teknoloġija b’emissjonijiet żero nett tiġi minn pajjiż wieħed mhux tal-UE; JEW

(2)

Aktar minn 40 % tal-provvista tal-UE ta’ prodott finali jew komponent speċifiku ewlieni b’teknoloġija b’emissjonijiet żero netti tiġi minn pajjiż wieħed mhux tal-UE, U dan is-sehem żdied b’medja ta’ mill-inqas 10 punti perċentwali f’sentejn konsekuttivi.

Illustrazzjoni 1

Meta għandu jitqies il-kontribut tar-reżiljenza tal-offerta

Image 1

Għall-finijiet ta’ din il-gwida, kwalunkwe pajjiż mhux tal-UE li jissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(7), it-tieni subparagrafu, huwa definit bħala “sors ta’ provvista dominanti”.

L-ishma tal-provvista tal-UE ta’ prodotti finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom li joriġinaw minn pajjiżi mhux tal-UE differenti huma pprovduti mill-Kummissjoni kull sena permezz ta’ Komunikazzjoni ddedikata, f’konformità mal-Artikolu 29(2) tal-NZIA. L-ewwel Komunikazzjoni dwar id-dipendenzi tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti diġà ġiet ippubblikata  (16) u hija applikabbli mit-30 ta’ Diċembru 2025. Id-dipendenzi għoljin huma enfasizzati b’tipa grassa u bil-kulur fit-Tabella 1 tal-Komunikazzjoni. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jridu jikkonsultaw il-Komunikazzjoni dwar id-dipendenzi tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u ma għandhomx jikkalkulaw id-dipendenzi fuq il-provvista huma stess.

Il-Komunikazzjoni se tiġi aġġornata fuq bażi annwali. Jista’ jkun li mhux dejjem tipprovdi data dwar id-dipendenza għall-komponenti speċifiċi ewlenin kollha. Il-Kummissjoni qed taħdem b’urġenza biex tistabbilixxi l-bażi għall-kejl tad-dipendenzi fost dawk il-komponenti kollha. Għalhekk, gradwalment se tiżdied data addizzjonali f’aġġornamenti futuri. Għal kwalunkwe prodott finali jew komponent speċifiku ewlieni b’teknoloġija b’emissjonijiet żero netti li ma jidhirx fil-Komunikazzjoni, jista’ jiġi preżunt li ma hemm l-ebda dipendenza għolja.

Sabiex l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jingħataw ħin biex jadattaw għall-informazzjoni aġġornata dwar is-sehem tal-provvista tal-UE u d-dipendenzi minn pajjiżi differenti, tabella bid-data aġġornata se tkun disponibbli permezz tas-sit tal-NZIA madwar 6 xhur qabel il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni aġġornata. It-tabella se tiġi aġġornata fit-tielet kwart ta’ kull sena, u l-Komunikazzjoni aġġornata nnifisha se tiġi ppubblikata fl-ewwel kwart tas-sena ta’ wara. Jekk jogħġbok innota li d-data disponibbli permezz tas-sit web tal-NZIA hija għal finijiet indikattivi, u l-Komunikazzjoni biss għandha tintuża biex tiġi vvalutata d-dipendenza fuq il-provvista fir-rigward tal-Artikolu 25(7), it-tieni subparagrafu.

Illustrazzjoni 2

Żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni għar-rekwiżit tar-reżiljenza

Image 2

2.   L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-reżiljenza

L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-reżiljenza tiġi attivata meta l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dipendenzi tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti tkun iddeterminat li hemm dipendenza għolja għal prodott finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u/jew wieħed mill-komponenti speċifiċi ewlenin tiegħu.

L-Artikolu 25(7)(a) u (b) tal-NZIA jiddeskrivu r-rekwiżiti ewlenin dwar ir-reżiljenza:

—

Il-Paragrafu 7(a) jipprevedi li mhux aktar minn 50 % tal-valur tal-prodott finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti għandu joriġina mis-sors ta’ provvista dominanti.

Dan ifisser li mhux aktar minn nofs il-kost totali tal-prodott finali għall-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti jista’ joriġina mis-sors ta’ provvista dominanti. Pereżempju, fil-każ ta’ sistemi solari PV fuq il-bjut, il-kuntratt jista’ jalloka biss sa 50 % tal-kost totali tas-sistemi PV solari għal sistemi fornuti mis-sors ta’ provvista dominanti.

Dan il-kalkolu japplika għall-kost għall-awtorità kontraenti u l-entità kontraenti tal-provvista tal-prodott finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti. Ma huwiex ikkalkulat bħala s-somma tal-kostijiet tal-komponenti speċifiċi ewlenin.

—

Il-paragrafu 7(b) jipprevedi li mhux aktar minn 50 % tal-valur tal-komponenti speċifiċi ewlenin għandu joriġina mis-sors ta’ provvista dominanti.

Ir-rekwiżit tal-paragrafu 7(b) japplika għall-valur aggregat tal-komponenti speċifiċi ewlenin kollha, mhux għal kull komponent individwali. Biex jiġi kkalkulat is-sehem li joriġina mis-sors ta’ provvista dominanti, huma meħtieġa żewġ biċċiet informazzjoni: (1) l-oriġini ta’ kull komponent speċifiku ewlieni (ara t-taqsima III.C.3), u (2) is-sehem tal-valur ta’ kull komponent speċifiku ewlieni (ara t-taqsima III.C.4). Il-valur totali tal-komponenti speċifiċi ewlenin kollha li joriġinaw mis-sors ta’ provvista dominanti ma jistax jaqbeż il-50 % tal-valur globali. L-għażla tal-komponenti għandha titħalla f’idejn l-offerent (u mhux f’idejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti). Dan jiżgura kompetizzjoni suffiċjenti fost il-fornituri tal-komponenti u jippermetti lill-offerenti jagħmlu l-aktar għażliet kosteffiċjenti filwaqt li japplikaw ir-rekwiżiti.

Illustrazzjoni 3

L-applikazzjoni tal-Artikolu 25(7)(b)

Image 3

L-eżempju ssimplifikat fl-Figure 3 juri dan: din it-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti tikkonsisti f’ħames komponenti speċifiċi ewlenin. L-offerent beħsiebu juża prodott b’emissjonijiet żero netti li jinkludi żewġ komponenti speċifiċi ewlenin li joriġinaw mis-sors ta’ provvista dominanti (immarkati “MSC1” u “MSC4”). L-assemblaġġ u l-komponenti flimkien jammontaw għal 35 % tal-valur tal-komponenti speċifiċi ewlenin kollha. F’dan l-eżempju, il-komponenti speċifiċi ewlenin ikunu konformi mal-paragrafu 7(b).

Ir-rekwiżit tar-reżiljenza japplika għat-teknoloġiji speċifiċi b’emissjonijiet żero netti li jitwasslu fl-ambitu tal-akkwist, mhux għall-akkwist ġenerali jew medju tal-fornitur fil-produzzjoni tiegħu.

Żewġ pajjiżi differenti jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex ikunu sors ta’ provvista dominanti — meta pajjiż wieħed ikun dominanti għal komponent wieħed u pajjiż ieħor ikun dominanti għal ieħor. F’dan il-każ, ir-rekwiżit tar-reżiljenza jiġi applikat għal kull wieħed separatament. Innota li fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din il-gwida, dan ix-xenarju huwa ipotetiku.

3.   Id-determinazzjoni u l-verifika tal-oriġini tal-prodotti finali b’teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin

Biex jiġi applikat l-Artikolu 25(7) tal-NZIA, l-offerenti, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jeħtieġ li jkunu jafu l-oriġini tal-prodott finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u tal-komponenti speċifiċi ewlenin tiegħu. L-oriġini ta’ prodott finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin tiegħu għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mar-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali bbażati fuq ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) (il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni). Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-operazzjonijiet doganali fl-UE, li jinkludu l-kunċett ta’ regoli tal-oriġini biex jiġi identifikat il-post tal-oriġini ta’ prodott. Ir-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali huma bbażati fuq l-intestatura SA ta’ prodott. Fir-rigward tat-teknoloġiji li attwalment huma soġġetti għar-rekwiżit tar-reżiljenza, l-Anness II jagħti ħarsa ġenerali lejn l-intestaturi SA rilevanti. Ir-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali huma elenkati fit-“Tabella tar-regoli tal-lista li jagħtu oriġini mhux preferenzjali lill-prodotti (wara l-klassifikazzjoni fin-NM)” (18) tal-Kummissjoni Ewropea.

Fir-rigward tal-prova tal-oriġini, f’konformità mal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, japplika l-prinċipju tal-evidenza bla ħlas. Għalhekk, firxa wiesgħa ta’ dokumenti u evidenza tista’ tintuża biex tingħata prova tal-oriġini ta’ prodott finali jew komponent speċifiku ewlieni b’teknoloġija b’emissjonijiet żero netti. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu għalhekk jitolbu kwalunkwe dokument li jipprovdi informazzjoni affidabbli li jorbot il-prodotti mal-post tal-manifattura jew l-assemblaġġ tagħhom. Dawn id-dokumenti jistgħu jinkludu fatturi, ID tal-prodott, numri jew kodiċijiet tas-serje, pjanċi tal-ismijiet, ċertifikati tal-oriġini, poloz tal-kargu u dokumenti oħra tat-trasport, poloz tal-materjal, ċertifikati ta’ spezzjoni tal-fabbrika jew sistemi ta’ eżekuzzjoni tal-manifattura.

Filwaqt li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni japplika biss għal prodotti li huma importati fl-UE, l-istess dokumentazzjoni tista’ tintuża b’analoġija għal prodotti finali b’teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u komponenti speċifiċi ewlenin li ma kinux soġġetti għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Dan jinkludi prodotti finali u komponenti speċifiċi ewlenin manifatturati fl-UE jew importati bħala parti minn prodott usa’. F’dan l-aħħar każ, id-dokumentazzjoni doganali tagħti prova tal-oriġini tal-prodott usa’, iżda mhux tal-komponenti speċifiċi inkorporati fih.

Minbarra l-evidenza dokumentarja, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jibbażaw progressivament fuq sistemi ta’ traċċabilità diġitali li jippermettu l-verifika tal-oriġini u l-ktajjen tal-provvista b’mod sigur u interoperabbli. Fil-futur, dan jista’ jinkludi wkoll Passaporti Diġitali tal-Prodotti. Jekk il-kuntrattur jiddikjara li xi wħud mill-prodotti tiegħu jew komponenti speċifiċi ewlenin ġejjin mis-sors ta’ provvista dominanti, l-ebda prova tal-oriġini ma għandha tintalab mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti għal dawn il-prodotti jew komponenti speċifiċi ewlenin.

Jekk il-kuntrattur ma jipproduċi l-ebda dokument rilevanti li juri l-oriġini jew il-post tal-assemblaġġ ta’ prodott jew komponent speċifiku ewlieni, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tassumi li dawk il-prodotti jew il-komponenti speċifiċi ewlenin joriġinaw minn pajjiż li fuqu l-UE għandha dipendenza għolja, jew li huma mmuntati fih.

Biex titnaqqas l-amministrazzjoni għall-awtoritajiet kontraenti u għall-entitajiet kontraenti, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħolqu “whitelists” ta’ prodotti teknoloġiċi b’emissjonijiet żero netti li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-reżiljenza.

4.   Il-kejl tal-valur tal-komponenti speċifiċi ewlenin

Biex jiġi applikat l-Artikolu 25(7)(b) tal-NZIA, l-offerenti, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jeħtieġ li jkunu jafu s-sehem tal-valur ta’ kull komponent speċifiku ewlieni lejn il-prodott finali. Biex jagħmlu dan, l-offerenti jistgħu jew jużaw l-ishma tal-valur ta’ referenza pprovduti fl-Anness I ta’ dan id-dokument ta’ gwida jew juru l-ishma tal-valur reali tal-komponenti speċifiċi ewlenin billi jużaw dokumenti ta’ sostenn xierqa.

Valuri ta’ referenza

L-offerenti jistgħu jużaw valuri ta’ referenza biex jissimplifikaw l-applikazzjoni tar-rekwiżit tar-reżiljenza. L-Anness I ta’ dan id-dokument ta’ gwida jipprovdi ishma tal-valur ta’ referenza għall-komponenti speċifiċi ewlenin tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti l-aktar rilevanti fil-kuntest tal-akkwist pubbliku. L-ishma tal-valur huma bbażati fuq stimi miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn jirriflettu l-valur miżjud tal-komponenti speċifiċi ewlenin (19).

Il-valuri ta’ referenza huma pprovduti biss għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti li għalihom hemm dipendenza fuq il-provvista (20) fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ din il-gwida. Din il-gwida tista’ tiġi aġġornata biex tipprovdi valuri ta’ referenza għal teknoloġiji addizzjonali b’emissjonijiet żero netti jekk meħtieġ, eż. meta jinqalgħu dipendenzi fuq il-provvista għal teknoloġiji ulterjuri. Il-valuri ta’ referenza jistgħu jiġu aġġornati wkoll biex jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq li qed jinbidlu.

Valuri reali

L-ishma tal-valur ta’ referenza pprovduti fl-Anness I jistgħu ma jirriflettux il-valur reali ta’ komponent speċifiku ewlieni. Għalhekk, l-offerenti għandu jkollhom l-opportunità li jiddeterminaw l-ishma tal-valur tal-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom u li jużaw dawk l-ishma tal-valur meta japplikaw ir-rekwiżit tar-reżiljenza tal-Artikolu 25(7)(b) tal-NZIA. Meta jagħmlu dan, l-offerenti għandhom ikunu jistgħu juru lill-awtoritajiet kontraenti jew lill-entitajiet kontraenti kif jikkalkulaw is-sehem tal-valur tal-komponenti.

Biex jiddeterminaw u juru l-ishma tal-valur li jiddevjaw minn dawk fl-Anness I, jew għall-akkwist ta’ teknoloġiji li ma humiex elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji li ġejjin:

—

l-ishma tal-valur tal-komponenti speċifiċi ewlenin kollha jammontaw għal 100 %;

—

kull sehem individwali jirrappreżenta l-valur miżjud relattiv tal-manifattura tal-komponent speċifiku ewlieni kkonċernat;

—

dokumentazzjoni xierqa tal-prezzijiet tax-xiri u l-oriġini tal-komponenti trid tiġi pprovduta, bħal kif huwa deskritt fit-taqsima III.C.3;

—

il-valuri tal-komponenti speċifiċi ewlenin għandhom jiġu kkalkulati biex jinkludu dazji anti-dumping, dazji kontra s-sussidji u tariffi.

Meta fattura tinħareġ f’munita oħra, il-valur irid jinqeleb f’EUR fuq il-bażi tar-rata tal-kambju tal-EUR valida fil-mument tax-xiri.

5.   Il-konformità mar-rekwiżiti tar-reżiljenza matul il-proċess tal-akkwist

Fir-rigward tar-rekwiżiti, il-kundizzjonijiet u l-obbligi kuntrattwali l-oħra kollha tal-Artikolu 25, l-offerenti jridu jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-reżiljenza fiż-żmien li jissottomettu l-offerta, pereżempju permezz ta’ awtodikjarazzjoni. Il-konformità reali tista’ tintwera aktar tard.

L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu meta se jivverifikaw il-konformità attwali mar-rekwiżiti. Dan jista’ jkun f’punti differenti matul il-ħajja tal-proġett. Bl-istess mod, huwa fid-diskrezzjoni tagħhom li jiddeterminaw liema dokumenti jistgħu jintużaw biex juru b’mod adegwat il-konformità.

Fl-istabbiliment tar-rekwiżiti biex tintwera konformità mar-reżiljenza, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jqisu ż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni biex jiġi ddeterminat il-fornitur tal-element tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti tal-kuntratt: il-kuntrattur mhux se jkun jista’ jipprovdi l-evidenza qabel l-istadju tal-proġett fejn jintgħażlu l-fornituri.

6.   Id-determinazzjoni tal-imposta proporzjonata (l-Artikolu 25(7)(d) tal-NZIA)

Offerta li tinkludi obbligi ta’ reżiljenza tingħata lill-aħjar offerta fost dawk li jikkonformaw mal-obbligi ta’ reżiljenza u rekwiżiti oħra. Meta, fi stadju aktar tard, offerent rebbieħ ma jkunx jista’ jipprovdi lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti evidenza adegwata biex jagħti prova tal-konformità mal-Artikolu 25(7)(a) u (b), l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jeħtieġu li l-offerent rebbieħ iħallas imposta proporzjonata ta’ mill-inqas 10 % tal-valur tal-prodotti finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti speċifika tal-kuntratt — mhux il-valur ġenerali tal-kuntratt. L-imposta ta’ mill-inqas 10 % trid tiġi applikata għall-valur sħiħ tal-prodott finali b’emissjonijiet żero netti jekk l-offerent ma jistax juri konformità sħiħa mar-rekwiżiti — anke fil-każ meta parti biss mit-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti ma tkunx konformi.

Eżempju: awtorità kontraenti jew entità kontraenti tniedi kuntratt ta’ xogħlijiet pubbliċi għall-provvista u l-installazzjoni ta’ moduli PV. Qabel it-tnedija tal-proċedura tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni tiddetermina li l-pajjiż X huwa sors ta’ provvista dominanti tal-moduli PV, u li l-proċedura tal-akkwist pubbliku trid tapplika r-rekwiżiti tar-reżiljenza skont l-Artikolu 25(7). Matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti titlob evidenza ta’ konformità skont l-Artikolu 25(7)(c). Il-kuntrattur jipprovdi prova rilevanti li akkwista l-moduli PV barra mill-pajjiż X, iżda biss għal 30 % tal-valur totali tal-moduli PV akkwistati. Skont l-Artikolu 25(7)(d), il-kuntrattur irid iħallas imposta proporzjonata ta’ mill-inqas 10 % tal-valur tal-moduli PV kollha fornuti skont il-kuntratt.

L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw li l-valur tal-prodotti finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti fil-kuntratt ma jkunx baxx b’mod anormali. L-imposta proporzjonata għandha tirreferi għall-valur tal-prodotti finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti li jirriflettu l-kundizzjonijiet tas-suq. Pereżempju, kuntratt ta’ xogħlijiet għal xogħol ta’ kostruzzjoni jinkludi l-installazzjoni ta’ pannelli solari. Il-pannelli huma pprezzati 50 % taħt il-prezz tas-suq. L-evidenza meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti tar-reżiljenza ma tistax tiġi pprovduta. L-imposta xierqa trid tirreferi għal sehem tal-valur tas-sistema solari PV bil-valur tas-suq, mhux bil-prezz baxx indikat fil-kuntratt tax-xogħlijiet.

Fir-rigward tal-imposta proporzjonata, din għandha tkun għolja biżżejjed biex tiskoraġġixxi strateġiji ta’ offerti li jinvolvu nuqqas ta’ konformità intenzjonat mar-rekwiżit tar-reżiljenza, li jista’ jiġi vverifikat biss b’mod retrospettiv. L-imposta tista’ tieħu l-forma ta’ penali f’somma f’daqqa, jew forom oħra kif xieraq.

IV.   ECCEZZJONIJIET

L-Artikolu 25(9) u l-Artikolu 25(11) jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti jiddeċiedu, f’xi każijiet eċċezzjonali, li ma japplikawx il-kriterji ta’ sostenibbiltà u reżiljenza f’xi każijiet eċċezzjonali.

F’konformità mal-Artikolu 25(9), l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu, meta jippubblikaw is-sejħa jew jibdew il-proċedura, li ma japplikawx ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 25(1) u r-rekwiżiti addizzjonali fl-Artikolu 25(3) fil-każijiet li ġejjin:

—

meta, wara evalwazzjoni oġġettiva u trasparenti, operatur ekonomiku wieħed biss ikun jista’ jforni t-teknoloġija (l-Artikolu 25(9)(a));

—

meta proċedura preċedenti simili ma rriżultatx f’offerti jew talbiet xierqa għall-parteċipazzjoni (l-Artikolu 25(9)(b)); jew

—

meta d-differenzi fil-kost bejn offerti konformi u mhux konformi jkunu sproporzjonati (l-Artikolu 25(9)(c)).

Fir-rigward tal-kriterji ta’ reżiljenza stabbiliti fl-Artikolu 25(7), is-sistema ta’ eċċezzjonijiet tvarja. L-Artikolu 25(8) jipprevedi eċċezzjoni awtomatika u obbligatorja fejn din tkun meħtieġa minn ftehimiet internazzjonali. L-Artikolu 25(11) jistabbilixxi eċċezzjoni ex post aktar limitata: l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-rekwiżiti tar-reżiljenza biss fejn l-inklużjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti ma tkun irriżultat fl-ebda offerta jew talba għal parteċipazzjoni fl-istess proċedura.

Raġuni għal eċċezzjoni

Image 4
- raġuni possibbli;

×- mhix raġuni possibbli

Rekwiżiti tas-sostenibbiltà ambjentali (l-Artikolu 25(1))

Rekwiżiti addizzjonali (l-Artikolu (25(3))

Rekwiżiti tar-reżiljenza (Artikolu 25(7))

Fornitur uniku

Image 5

L-Artikolu 25(9)(a)

Image 6

L-Artikolu 25(9)(a)

Image 7

L-ebda offerta xierqa

Image 8

—

bi tweġiba għal proċedura simili preċedenti

L-Artikolu 25(9)(b)

Image 9

—

bi tweġiba għal proċedura simili preċedenti

L-Artikolu 25(9)(b)

Image 10

—

bi tweġiba għall-istess proċedura

L-Artikolu 25(11)

Kostijiet sproporzjonati jew inkompatibbiltà teknika

Image 11

L-Artikolu 25(9)(c)

Image 12

L-Artikolu 25(9)(c)

Image 13

Ftehimiet internazzjonali (eż. GPA)

Image 14

Image 15

Image 16

L-Artikolu 25(8)

A.   Il-fornitur uniku (l-Artikolu 25(9)(a) tal-NZIA)

L-eċċezzjoni tal-Artikolu 25(9)(a) tal-NZIA tirreferi għal sitwazzjoni ta’ monopolju fejn it-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti tista’ tiġi fornuta biss minn operatur ekonomiku speċifiku, u ma teżisti l-ebda alternattiva jew sostitut raġonevoli. Jekk l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jwettqu analiżi preliminari tas-suq u/jew konsultazzjonijiet preliminari tas-suq u jsibu, wara li jwettqu evalwazzjoni oġġettiva u trasparenti, li teżisti tali sitwazzjoni ta’ monopolju, jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) u (3). Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni ma għandux ikun ir-riżultat ta’ restrizzjoni artifiċjali tal-parametri tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti ma jistgħux jimmanipulaw speċifikazzjonijiet jew rekwiżiti tekniċi biex jeskludu l-kompetizzjoni. Pjuttost, l-eċċezzjoni hija strettament limitata għal sitwazzjonijiet inevitabbli ta’ esklużività teknoloġika.

L-eċċezzjoni għandha tiġi applikata b’mod trasparenti, skont il-prinċipji stabbiliti fil-liġi tal-akkwist pubbliku tal-UE. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom ikunu kapaċi juru li ma jeżisti l-ebda fornitur jew sostitut alternattiv raġonevoli, u li n-nuqqas ta’ offerti kompetittivi ma huwiex ir-riżultat ta’ restrizzjonijiet awtoimposti jew mhux meħtieġa fi ħdan il-proċess ta’ akkwist partikolari li jinvolvi t-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti.

B.   L-ebda offerta jew talba għal parteċipazzjoni xierqa (l-Artikolu 25(9)(b) u l-Artikolu 25(11) tan-NZIA)

Għar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà ambjentali u r-rekwiżiti addizzjonali, l-eċċezzjoni tal-Artikolu 25(9)(b) tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti li ma japplikawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) u (3) meta ma jkunux ġew sottomessi offerti jew talbiet għal parteċipazzjoni xierqa b’reazzjoni għal proċedura ta’ akkwist pubbliku preċedenti simili mnedija mill-istess awtorità kontraenti jew entità kontraenti fis-sentejn immedjatament qabel il-bidu tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku ġdida ppjanata.

Id-Direttiva 2014/24/UE tiċċara aktar meta offerta jew talba għal parteċipazzjoni għandha titqies bħala “mhux xierqa”. Tipprevedi li:

“Offerta għandha titqies li ma tkunx adatta meta tkun irrelevanti għall-kuntratt, minħabba li hija ċara li mhijiex kapaċi, mingħajr bidliet sostanzjali, li tissodisfa l-bżonnijiet u r-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti kif speċifikati fid-dokumenti ta’ akkwist. Talba għal parteċipazzjoni għandha titqies li ma tkunx adatta meta l-operatur ekonomiku kkonċernat se jkollu jew jista’ jiġi eskluż skont l-Artikolu 57 jew ma jissodisfax il-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 58.” (21)

Għandu jiġi enfasizzat li offerta jew talba għal parteċipazzjoni ma tistax titqies bħala “mhux xierqa” meta l-prezz tagħha jaqbeż il-baġit tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti kif determinat u dokumentat qabel it-tnedija tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku.

Għar-rekwiżiti tar-reżiljenza, l-Artikolu 25(11) jista’ jintuża biss meta tkun tnediet proċedura ta’ akkwist pubbliku li tinkludi r-rekwiżiti tar-reżiljenza u ma tkunx wasslet għal offerti xierqa jew talbiet xierqa għal parteċipazzjoni. Ma jistax jiġi applikat abbażi ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku preċedenti simili li ma wasslet għal l-ebda offerta xierqa jew l-ebda talba xierqa għal parteċipazzjoni, u lanqas abbażi ta’ analiżi preliminari tas-suq li tiżvela li l-ebda offerta jew talba għal parteċipazzjoni xierqa mhu se tiġi sottomessa jekk titnieda proċedura ta’ akkwist pubbliku li tinkludi r-rekwiżiti tar-reżiljenza.

Meta dik il-kundizzjoni tiġi ssodisfata, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu minn żewġ għażliet:

—

Proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel. Jekk l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jużaw il-proċedura nnegozjata, ma jitħallew ibiddlu l-ebda waħda mill-ispeċifikazzjonijiet/rekwiżiti minimi tal-offerti, inklużi r-rekwiżiti tar-reżiljenza. Madankollu, huma jkunu jistgħu jinnegozjaw l-aspetti l-oħra tal-kuntratt.

—

Ma jiġux applikati r-rekwiżiti tar-reżiljenza. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu wkoll li jniedu proċedura ta’ akkwist pubbliku ġdida li għandha l-għan li tindirizza l-istess ħtiġijiet bħall-proċedura inizjali, iżda mingħajr ma tapplika r-rekwiżiti tar-reżiljenza. F’dan il-każ, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom aktar flessibbiltà biex jimmodifikaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti mill-proċedura inizjali tal-akkwist pubbliku.

C.   Differenzi fil-kostijiet sproporzjonati (l-Artikolu 25(9)(c) u l-Artikolu 25(10) tal-NZIA)

Skont l-Artikolu 25(9)(c) u l-Artikolu 25(10) tal-NZIA, meta d-differenza stmata fil-prezz mill-applikazzjoni tar-rekwiżit tas-sostenibbiltà (l-Artikolu 25(1)) u r-rekwiżit addizzjonali (l-Artikolu 25(3)) tkun ogħla minn 20 %, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ tiddeċiedi li ma tinkludix dawk iż-żewġ rekwiżiti ta’ akkwist pubbliku fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku.

Id-differenza stmata fil-prezz ta’ 20 % għandha tirreferi għall-kost tal-element tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti fil-kuntratt ta’ akkwist, mhux għall-valur tal-kuntratt ġenerali. Il-valur tal-akkwist għandu jiġi stmat f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/24/UE, fejn applikabbli.

Il-kost sproporzjonat irid jiġi vvalutat mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti qabel ma tibda l-proċedura ta’ akkwist pubbliku. Jintwera biss jekk l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tipprovdi data oġġettiva u verifikabbli li turi li, jekk ma jinbidel xejn, id-differenza fil-kost bejn proċedura ta’ akkwist pubbliku mwettqa bl-użu ta’ dawk il-kriterji mhux tal-prezz u proċedura ta’ akkwist pubbliku mingħajr dawk il-kriterji mhux tal-prezz tkun ogħla minn 20 %. Data oġġettiva u verifikabbli tfisser data bbażata fuq analiżi tas-suq li turi kif l-applikazzjoni tal-kriterji żżid il-kost tal-proġetti tal-offerti meta mqabbla ma’ analiżi tal-kost kontrofattwali li fiha l-kriterji mhux tal-prezz tal-Artikolu 25 ma ġewx applikati. Il-kost tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku l-aktar riċenti jista’ jintuża bħala referenza. Id-data trid tkun verifikabbli, fis-sens li l-partijiet ikkonċernati jridu jkunu infurmati dwar l-analiżi mwettqa mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti.

Peress li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jgawdu minn ċertu grad ta’ flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-kriterji mhux tal-prezz — inkluża, pereżempju, il-possibbiltà li jintgħażlu mill-kriterji addizzjonali differenti mhux tal-prezz tal-Artikolu 25(3), jew li jiġi applikat rekwiżit addizzjonali mhux tal-prezz fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali kif stabbilit fl-Artikolu 25(2) — l-istima tal-kost trid tkun ibbażata fuq il-kriterji bl-aktar impatt baxx possibbli fuq il-kostijiet. Jekk il-kriterji stabbiliti f’dan il-livell l-aktar baxx iwasslu għal differenzi fil-kostijiet stmati ’l fuq minn 20 %, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax il-kriterji mhux tal-prezz tal-Artikolu 25(1) sa (4).

D.   Ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 25(8) tal-NZIA)

L-eċċezzjoni tal-Artikolu 25(8) tal-NZIA tkopri xenarju fejn is-sors ta’ provvista dominanti jkun parti għal ftehimiet internazzjonali dwar l-akkwist pubbliku. Jipprovdi li r-rekwiżiti tar-reżiljenza ma għandhomx japplikaw għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti li għalihom is-sors ta’ provvista dominanti huwa marbut mill-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA) jew minn ftehimiet internazzjonali rilevanti oħra li bihom l-UE hija wkoll marbuta, jekk il-proċedura ta’ akkwist pubbliku hija koperta mill-Anness I tal-GPA jew minn ftehim internazzjonali rilevanti ieħor (22). Din l-eċċezzjoni tirreferi għall-oriġini tal-prodotti, mhux għall-post ta’ inkorporazzjoni tal-fornitur.

Jekk nieħdu l-eżempju ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku minn awtorità kontraenti tal-UE għax-xiri ta’ installazzjoni PV solari, il-proċedura se tkun koperta mill-Anness I tal-GPA (il-kundizzjoni 1 hija ssodisfata). Il-Komunikazzjoni dwar l-ishma tal-provvista tal-UE tidentifika dipendenza għolja (> 50 %) fuq pajjiż X għall-provvista ta’ sistemi PV solari (l-Artikolu 25(7) jeħtieġ li jiġi applikat).

—

Nassumu li pajjiż X huwa parti għal ftehim internazzjonali rilevanti li jirregola l-akkwist pubbliku. Għalhekk, ir-rekwiżiti tar-reżiljenza ma għandhomx għalfejn jiġu applikati għal prodotti u komponenti finali li joriġinaw mill-pajjiż X.

—

Nassumu li l-pajjiż X ma huwiex parti għal ftehim internazzjonali rilevanti li jirregola l-akkwist pubbliku. Għalhekk, ir-rekwiżiti tar-reżiljenza jridu jiġu applikati għal prodotti u komponenti finali li joriġinaw mill-pajjiż X.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj).

(2)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/23/oj).

(3)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/24/oj).

(4)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/25/oj).

(5)  Dan huwa meta l-kuntratt tax-xogħlijiet jew tas-servizzi jkun issussidjat direttament b’aktar minn 50 % minn awtorità kontraenti u jaqbeż ċertu limitu.

(6)  Il-limiti attwali jistgħu jiġu vverifikati online hawn: https://single-market-economy.ec.europa.eu/single-market/public-procurement/legal-rules-and-implementation/thresholds_mt.

(7)  Dan jiddistingwi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25 u tal-Artikolu 28 tal-NZIA. L-Artikolu 25 japplika meta t-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti elenkati fl-Artikolu 4(a) sa (k) tal-NZIA jkunu parti mis-suġġett tal-kuntratt. Din il-lista tinkludi batteriji, li huma subkomponent tal-vetturi elettriċi, iżda mhux sistemi ta’ propulsjoni elettrika għat-trasport bit-triq, li jistgħu jiġu assimilati ma’ vetturi elettriċi. B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 28 japplika għal skemi pubbliċi li jappoġġaw ix-xiri ta’ kwalunkwe prodott finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, inklużi sistemi ta’ propulsjoni elettrika għat-trasport bit-triq. Huwa għalhekk li l-vetturi b’emissjonijiet żero jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 tal-NZIA (ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C/2026/123).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1176 tat-23 ta’ Mejju 2025 li jispeċifika l-kriterji tal-prekwalifikazzjoni u tal-aġġudikazzjoni għall-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L, 2025/1176, 18.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1176/oj).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/718 tal-20 ta’ Marzu 2026 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà ambjentali għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jinvolvu ċerti teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti (ĠU L, 2026/718, 23.03.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/718/oj).

(10)  Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni oħra. Pereżempju, għall-pompi tas-sħana, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti diġà huma obbligati jakkwistaw biss iż-żewġ klassijiet tal-ogħla prestazzjoni tal-enerġija (ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2023/1791). Għall-batteriji, ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà ambjentali se jiġu stabbiliti f’konformità mar-Regolament dwar il-Batteriji (ir-Regolament (UE) 2024/1781).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1176 tat-23 ta’ Mejju 2025 li jispeċifika l-kriterji tal-prekwalifikazzjoni u tal-aġġudikazzjoni għall-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L, 2025/1176, 18.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1176/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att Ewropew dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj).

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1176 tat-23 ta’ Mejju 2025 li jispeċifika l-kriterji tal-prekwalifikazzjoni u tal-aġġudikazzjoni għall-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L, 2025/1176, 18.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1176/oj).

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1176 tat-23 ta’ Mejju 2025 li jispeċifika l-kriterji tal-prekwalifikazzjoni u tal-aġġudikazzjoni għall-irkantijiet għall-varar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L, 2025/1176, 18.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1176/oj).

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1178 tat-23 ta’ Mejju 2025 dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta’ prodotti finali ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kontribut għar-reżiljenza (ĠU L, 2025/1178, 18.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1178/oj).

(16)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi informazzjoni aġġornata biex jiġu ddeterminati l-ishma tal-provvista tal-Unjoni Ewropea ta’ prodotti finali u l-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom li joriġinaw minn pajjiżi terzi differenti skont ir-Regolament (UE) 2024/1735 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti (l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti) (ĠU C, C/2025/3236, 18.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3236/oj).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).

(18)  Il-Kummissjoni Ewropea, Tabella tar-regoli tal-lista li jagħtu oriġini mhux preferenzjali lill-prodotti (wara l-klassifikazzjoni fin-NM), https://taxation-customs.ec.europa.eu/table-list-rules-conferring-non-preferential-origin-products-following-classification-cn_mt.

(19)  Il-valur miżjud ta’ komponenti għajr il-komponenti speċifiċi ewlenin huwa injorat f’dawk l-istimi. Għalhekk, l-ishma tal-valur jistgħu jkunu akbar mill-valur miżjud tal-komponenti speċifiċi ewlenin meta jitqiesu l-komponenti u l-passi l-oħra kollha tal-katina tal-valur.

(20)  Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi informazzjoni aġġornata biex jiġu ddeterminati l-ishma tal-provvista tal-Unjoni Ewropea ta’ prodotti finali u l-komponenti speċifiċi ewlenin tagħhom li joriġinaw minn pajjiżi terzi differenti skont ir-Regolament (UE) 2024/1735 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti (l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti) (ĠU C, C/2025/3236, 18.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3236/oj).

(21)  L-Artikolu 32(2), il-punt (a), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/24/oj).

(22)  L-Appendiċi I tal-GPA fih l-Annessi 1 sa 5, aktar informazzjoni tista’ tinstab hawn: https://www.wto.org/english/tratop_e/gproc_e/gp_app_agree_e.htm. L-għodda tal-“akkwist għax-xerrejja” tal-Kummissjoni Ewropea tista’ tkun ta’ għajnuna biex jiġi ddeterminat jekk proċedura hijiex koperta: https://webgate.ec.europa.eu/procurementbuyers/#/procumementlocation.


ANNESS I

VALURI TA’ REFERENZA GĦAD-DETERMINAZZJONI TAS-SEHEM TAL-VALUR MIŻJUD TAL-KOMPONENTI SPEĊIFIĊI EWLENIN TAL-PRODOTT FINALI TAT-TEKNOLOĠIJA B’EMISSJONIJIET ŻERO NETTI

Teknoloġiji solari

Prodotti finali

Komponenti speċifiċi ewlenin

% tal-kostijiet tal-hardware tal-prodott finali

Subkategorija: Teknoloġiji fotovoltajċi

Sistemi solari fotovoltajċi (modulu, sistema ta’ mmuntar fissa, invertitur)

Polisiliċju ta’ grad PV

7,2

Ingotti tas-siliċju ta’ grad PV jew l-ekwivalenti

6,4

Wafers PV jew l-ekwivalenti

9,5

Ċelloli PV jew l-ekwivalenti

20,4

Ħġieġ solari

9,5

Moduli PV

26,6

Invertituri PV

20,4

Teknoloġiji eoliċi fuq l-art u teknoloġiji rinnovabbli lil hinn mill-kosta

Prodotti finali

Komponenti speċifiċi ewlenin

% tal-kostijiet tal-hardware tal-prodott finali

Subkategorija: Teknoloġiji eoliċi fuq l-art

Turbini eoliċi fuq l-art

Gondoli (assemblaġġ)

8,4

Buttuni tar-rotor

2,4

Bearings prinċipali, tal-imbardata u tal-pass

5,9

Sistemi tat-trażmissjoni diretta (inkluż il-ġeneratur) u/jew sistemi tat-trażmissjoni bil-gearbox (inkluż il-ġeneratur)

12,9

Kalamiti permanenti tat-turbini eoliċi

1,2

Gearboxes tat-turbini eoliċi

8,4

Pali

31,0

Torrijiet

29,8

Turbini eoliċi lil hinn mill-kosta (mingħajr gearbox)

Gondoli (assemblaġġ)

5,8

Buttuni tar-rotor

3,5

Bearings prinċipali, tal-imbardata u tal-pass

5,8

Sistemi tat-trażmissjoni diretta (inkluż il-ġeneratur) u/jew sistemi tat-trażmissjoni bil-gearbox (inkluż il-ġeneratur)

15,0

Kalamiti permanenti tat-turbini eoliċi

7,0

Pali

15,2

Torrijiet

8,1

Pedamenti/floaters (għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta)

39,6

Turbini eoliċi lil hinn mill-kosta (bil-gearbox)

Gondoli (assemblaġġ)

5,7

Buttuni tar-rotor

3,4

Bearings prinċipali, tal-imbardata u tal-pass

5,7

Sistemi tat-trażmissjoni diretta (inkluż il-ġeneratur) u/jew sistemi tat-trażmissjoni bil-gearbox (inkluż il-ġeneratur)

14,6

Kalamiti permanenti tat-turbini eoliċi

1,1

Gearboxes tat-turbini eoliċi

7,8

Pali

14,9

Torrijiet

8,0

Pedamenti/floaters (għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta)

38,8

Teknoloġiji tal-ħżin tal-batteriji u tal-enerġija

Prodotti finali

Komponenti speċifiċi ewlenin

% tal-kostijiet tal-hardware tal-prodott finali

Subkategorija: Teknoloġiji tal-batteriji

Batteriji

Pakketti tal-batteriji

10

Moduli tal-batteriji

10

Ċelloli tal-batteriji

14

Materjali katodiċi attivi

27

Materjali anodiċi attivi

7

Elettroliti

8

Separaturi

8

Kolletturi tal-kurrent (inkluż fojls irqaq tar-ram u tal-aluminju)

6

Sistemi tal-ġestjoni tal-batterija (BMS)

5

Sistemi tal-ġestjoni termali tal-batteriji (BTMS)

5


ANNESS II

INTESTATURI SA ASSOĊJATI MA’ PRODOTTI FINALI U MA’ KOMPONENTI SPEĊIFIĊI EWLENIN TAT-TEKNOLOĠIJA B’EMISSJONIJIET ŻERO NETTI

Prodott finali tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti

Komponenti

Intestatura SA

Sistemi PV solari

Polisiliċju ta’ grad PV

2804

 

Ingotti tas-siliċju ta’ grad PV jew l-ekwivalenti

2804

 

Wafers PV jew l-ekwivalenti

3818

 

Ċelloli PV jew l-ekwivalenti

ex3541 (a)

 

Ħġieġ solari

7005

 

 

ex7006 (b)

 

 

7007

 

Moduli PV

ex8541 (a)

 

Invertituri PV

8504

 

Trackers PV u l-istrutturi tal-immuntar speċifiċi tagħhom

8479

Sistemi termali solari

Kolletturi termali solari (inkluż kolletturi pjani, f’tubi evakwati, b’sistemi konċentranti u b’ċirkolazzjoni tal-arja)

8419

 

Assorbituri termali solari

8419

 

Ħġieġ solari

7005

 

 

ex7006 (b)

 

 

7007

 

Trackers termali solari u l-istrutturi tal-immuntar speċifiċi tagħhom

8479

Teknoloġiji eoliċi fuq l-art u teknoloġiji eoliċi lil hinn mill-kosta

Gondoli (assemblaġġ)

8501

 

Buttuni tar-rotor

8412

 

Bearings prinċipali, tal-imbardata u tal-pass

8482

 

Sistemi tat-trażmissjoni diretta (inkluż il-ġeneratur) u/jew sistemi tat-trażmissjoni bil-gearbox (inkluż il-ġeneratur)

8501

 

Kalamiti permanenti tat-turbini eoliċi

8505

 

Gearboxes tat-turbini eoliċi

8483

 

Pali

8412

 

Torrijiet

7308

 

Pedamenti/floaters (għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta biss)

7308

Batteriji

Pakketti tal-batteriji

8507

 

Moduli tal-batteriji

8507

 

Ċelloli tal-batteriji

8507

 

Materjali katodiċi attivi

2842

 

 

2841

 

Materjali anodiċi attivi

3801 10

 

Elettroliti

2826

 

Separaturi

8507

 

Kolletturi tal-kurrent (inkluż fojls irqaq tar-ram, tal-aluminju, tan-nikil u tal-karbonju)

7410

 

 

7607 11

 

 

7607 19

 

 

ex7506 (a)

 

Sistemi tal-ġestjoni tal-batterija (BMS)

8537


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4623/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)