12.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/77


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/774

tat-8 ta’ Ġunju 2020

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Finlandja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt (5) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Finlandja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ ECU 10 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-6 ta’ Jannar 2020, il-Finlandja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (5) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (il-miżura speċjali) mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024 sabiex iżżid il-livell limitu tal-eżenzjoni għal EUR 15 000. Bil-miżura speċjali, dawk il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 15 000 ikunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha tal-VAT stabbiliti fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)

Il-livell limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi żgħar li hemm stabbilit fl-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE hu miżura ta’ simplifikazzjoni għax dan jista’ jnaqqas l-obbligi tal-VAT tal-impriżi żgħar b’mod sinifikanti.

(4)

Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet il-Finlandja. Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Finlandja li hija kellha l-informazzjoni kollha li hija qieset meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(5)

Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (2). Dik id-Direttiva emendat il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE, li jirregola l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar. Id-Direttiva (UE) 2020/285 għandha l-għan li tnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità tal-VAT għal impriżi żgħar, ittaffi d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni u tnaqqas l-impatt negattiv tat-tranżizzjoni minn eżenzjoni għal tassazzjoni (li huwa magħruf bħala effett ta’ livell limitu). Hija tfittex ukoll li tiffaċilita l-konformità tan-negozju minn impriżi żgħar u l-monitoraġġ mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Il-livell limitu mitlub ta’ EUR 15 000 huwa konsistenti mal-Artikolu 284 tad-Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2020/285.

(6)

Il-miżura speċjali hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuna taxxabbli xorta ser tkun tista’ tagħżel l-arranġamenti regolari tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(7)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, il-miżura speċjali ser ikollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tal-Finlandja miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

(8)

Il-miżura speċjali mhix ser taffettwa b’mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT minħabba li l-Finlandja ser twettaq kalkolu tal-kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) Nru 1553/89 (3).

(9)

Peress li l-Finlandja tistenna li l-livell limitu miżjud jirriżulta f’obbligi tal-VAT imnaqqsa u b’riżultat ta’ dan tnaqqis fil-piż amministrattiv u l-ispejjeż ta’ konformità għall-impriżi ż-żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u peress li mhu ser ikun hemm ebda impatt kbir fuq id-dħul totali tal-VAT iġġenerat, il-Finlandja jenħtieġ li tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali.

(10)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2020/285 tirrikjedi li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u li japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Finlandja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-punt 5 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Finlandja hija awtorizzata teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 15 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).