16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

90


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2006

li temenda d-Deċiżjoni 2005/231/KE li tawtorizza lill-Iżvezja biex tapplika rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għall-elettriku kkunsmat minn ċerti djar u kumpaniji tas-settur tas-servizzi skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(2006/503/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-qafas tal-Komunità għat-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), partikolarment l-Artikolu 19(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/231/KE (2) l-Iżvezja kienet awtorizzata tapplika rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għall-elettriku kkunsmat minn ċerti djar u kumpaniji tas-settur tas-servizzi skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. Dik l-awtorizzazzjoni kienet limitata sal-31 ta’ Diċembru 2005. B’ittra datata d-9 ta’ Diċembru 2005 l-awtoritajiet Żvediżi applikaw mal-Kummissjoni għal estensjoni ta' l-awtorizzazzjoni, sa l-aħħar ta’ l-2011.

(2)

Fit-Tramuntana tal-pajjiż, il-konsum ta’ l-elettriku għas-sħana huwa ogħla minn imkejjen oħra fil-pajjiż, u d-differenza bħalissa hija ta' 25 %. Għalhekk rata ta' taxxa ta' l-enerġija mnaqqsa hija applikata fl-Iżvezja għall-elettriku użat fit-Tramuntana tal-pajjiż minn Lulju ta’ l-1981. Il-perċentwali tat-tnaqqis meta mqabbel mar-rata normali madankollu naqas minn dak iż-żmien 'l hawn.

(3)

Bit-tnaqqis ta’ l-ispejjeż ta’ l-elettriku għad-djar u l-kumpaniji tas-settur tas-servizzi fit-Tramuntana ta’ l-Iżvezja, dawn il-konsumaturi qegħdin jitqiegħdu fl-istess pożizzjoni ta’ konsumaturi bħalhom fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Għalhekk, il-miżura għandha objettivi ta’ politika reġjonali u ta' koeżjoni.

(4)

Il-livell imnaqqas ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-konsum fit-Tramuntana ta’ l-Iżvezja li bħalissa jammonta għal EUR 22 għal kull MWh, jibqa' ferm ogħla mir-rata minima Komunitarja stabbilita fid-Direttiva 2003/96/KE. Barra minn hekk, it-tnaqqis fit-taxxa se jkun proporzjonali ma’ l-ispejjeż żejda ta’ tisħin mġarrba mid-djar u l-kumpaniji tas-settur tas-servizzi fit-Ttramuntana ta' l-Iżvezja. Dan il-livell ta’ tassazzjoni għandu jiżgura li l-effett ta’ inċentiv tat-tassazzjoni biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija jinżamm.

(5)

L-iskema ġiet riveduta mill-Kummissjoni u nstabet li ma xxekkilx il-kompetizzjoni u ma ttellifx l-operazzjoni tas-suq intern u ma titqiesx inkompatibbli mal-politika Komunitarja ta’ l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(6)

Mingħajr ħsara għar-riżultat tal-każ ta’ l-għajnuna mill-Istat N 593/2005 l-Iżvezja “Proroga tat-taxxa ta’ l-enerġija fuq l-elettriku differenzjata skond ir-reġjuni għas-settur tas-servizzi”, huwa għalhekk xieraq li tiġġedded, skond it-termini ta’ l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, l-awtorizzazzjoni għall-Iżvezja biex tapplika rata mnaqqsa ta' tassazzjoni għall-elettriku għall-konsum fit-Tramuntana ta’ l-Iżvezja, sal-31 ta’ Diċembru 2011.

(7)

Għandu jiġi żgurat li l-awtorizzazzjoni skond id-Deċiżjoni 2005/231/KE, mogħtija għal raġunijiet simili imma għal perjodu qasir, tkompli tapplika, mingħajr ma toħloq spazju ta’ żmien bejn l-iskadenza ta' dik id-Deċiżjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni,

(8)

Id-Deċiżjoni 2005/231/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2005/231/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2005” għandha tinbidel bid-data “31 ta’ Diċembru 2011”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2006.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' l-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINÄLUOMA


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

(2)   ĠU L 72, 18.3.2005, p. 27.