|
18.3.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 75/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 236/2008
ta’ l-10 ta' Marzu 2008
li jwaqqaf ir-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tad-dazju ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat ta’ l-ammonju li joriġina fir-Russja
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Miżuri fis-seħħ
|
(1) |
Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dażju definittiv ta’ anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 658/2002 (2), fuq importazzjonijiet tan-nitrat ta’ l-ammonju li joriġina fir-Russja. |
2. Talba għal reviżjoni
|
(2) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
|
(3) |
It-talba tressqet minn żewġ produtturi esportaturi relatati fir-Russja, li huma tal-kumpanija holding“Acron”, bl-isem ta’ OJSC Acron u OJSC Dorogobuzh. Dawn iż-żewġ kumpaniji, minħabba r-relazzjoni tagħhom, huma ttrattati bħala entità waħda għall-għan ta’ l-investigazzjoni attwali (“l-applikant”). It-talba hija limitata fl-ambitu għall-eżaminar ta’ dumping sa fejn huwa kkonċernat l-applikant. |
|
(4) |
L-applikant allega u pprovda biżżejjed evidenza prima facie li ċ-ċirkustanzi, li fuq il-bażi tagħhom ġew stabbiliti l-miżuri, inbidlu u li dawn it-tibdiliet huma ta’ natura dejjiema. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li t-tqabbil bejn l-ispejjeż tiegħu tan-nitrat ta’ l-ammonju u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tiegħu fil-Komunità jwassal għal tnaqqis ta’ dumping b’mod sinifikanti taħt il-livell tal-miżuri attwali. Għalhekk, ma għadhiex meħtieġa t-tkomplija ta’ l-impożizzjoni ta’ miżuri fil-livelli eżistenti, li kienu msejsa fuq il-livell ta’ dumping stabbilit qabel, bħala kumpens għal dumping. |
3. Inizjazzjoni
|
(5) |
Wara li ġie stabbilit, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex jingħata bidu għal reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni, fid-19 ta’ Diċembru 2006, permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (3), tat bidu għal reviżjoni interim parzjali tal-miżuri ta’ anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ nitrat ta’ l-ammonju li joriġina fir-Russja skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
|
(6) |
Din ir-reviżjoni kienet limitata fl-ambitu għal dumping, bil-għan li tevalwa l-ħtieġa għat-tkomplija, it-tneħħija jew l-emenda tal-miżuri attwali fir-rigward ta’ l-applikant. |
4. Investigazzjoni
|
(7) |
L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2005 sat-30 ta’ Settembru 2006 (“il-perjodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “PIR”). |
|
(8) |
Il-Kummissjoni għarrfet b’mod uffiċjali lill-applikant, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u l-industrija Komunitarja bil-bidu tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ. |
|
(9) |
Il-partijiet kollha interessati, li għamlu talba u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari li għalihom kellhom jinstemgħu, ingħataw il-possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ. |
|
(10) |
L-applikant u l-kumpaniji tal-bejgħ relatati tiegħu fis-suq lokali Russu ntbagħtilhom kwestjonarju. L-applikant kif ukoll tnejn mill-kumpaniji tal-bejgħ relatati bagħtu t-tweġibiet kollha għall-kwestjonarju. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għad-determinazzjoni tad-dumping. Twettqu żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:
|
B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
1. Il-prodott ikkonċernat
|
(12) |
Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa l-istess bħal fl-investigazzjonijiet imsemmija fil-premessa 1, jiġifieri fertilizzanti solidi b’kontenut tan-nitrat ta’ l-ammonju li jaqbeż it-80 % bil-piż li joriġina fir-Russja (“il-prodott ikkonċernat”), attwalment ikklassifikat fi ħdan il-kodiċi NM 3102 30 90 , 3102 40 90 , ex 3102 29 00 , ex 3102 60 00 , ex 3102 90 00 , ex 3105 10 00 , ex 3105 20 10 , ex 3105 51 00 , ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91 . |
2. Il-prodott simili
|
(13) |
Kif stabbilit fl-investigazzjonijiet preċedenti u kkonfermat f’din l-investigazzjoni, il-prodott ikkonċernat u l-prodotti mmanifatturati u mibjugħa mill-applikant fis-suq lokali Russu nstabu li kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u essenzjalment l-istess użu u għalhekk huma meqjusa bħala prodotti simili fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Minħabba li r-reviżjoni attwali hija limitata għad-determinazzjoni tad-dumping sa fejn huwa kkonċernat l-applikant, ma ntlaħqu l-ebda konklużjonijiet fir-rigward tal-prodott magħmul u mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. |
C. RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI
|
(14) |
Skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom ġie msejjes il-marġni ta’ dumping attwali nbidlux u jekk dan it-tibdil huwiex ta’ natura dejjiema. |
1. Valur normali
|
(15) |
Sabiex ikun stabbilit il-valur normali, l-ewwel ġie vverifikat li l-bejgħ lokali totali ta’ l-applikant kien rappreżentattiv skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ lokali ta’ l-applikant instab li kien rappreżentattiv meta mqabbel mal-bejgħ għall-esportazzjoni minħabba li rrappreżenta aktar minn 5 % tal-volum tal-bejgħ għall-esportazzjoni totali lill-Komunità. |
|
(16) |
Sussegwentement il-Kummissjoni eżaminat jekk il-bejgħ lokali jistax jitqies bħala li sar fl-andament normali tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, ġiet eżaminata l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott magħmul u mibjugħ mill-applikant fis-suq lokali. |
|
(17) |
Il-gass huwa komponent ewlieni ta’ materja prima fil-proċess ta’ manifattura tal-prodott ikkonċernat u jirrappreżenta parti sinifikanti mill-ispiża totali tal-produzzjoni. Skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott meqjus kinux riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri tal-partijiet ikkonċernati. |
|
(18) |
Ġie stabbilit fuq il-bażi tad-data ppubblikata minn għejun speċjalizzati fis-swieq ta’ l-enerġija u magħrufa internazzjonalment, li l-prezzijiet imħallsa mill-applikant kienu baxxi b’mod anormali. Bħala indikazzjoni, dawn kienu jammontaw għal wieħed minn kull ħamsa tal-prezz ta’ l-esportazzjoni tal-gass naturali mir-Russja u kienu wkoll orħos b’mod sinifikanti mill-prezz tal-gass imħallas mill-produtturi Komunitarji. F’dan ir-rigward, id-data kollha disponibbli tindika li l-prezzijiet tal-gass lokali fir-Russja kienu prezzijiet regolati, li huma ferm taħt il-prezzijiet tas-suq imħallsa fi swieq mhux regolati għall-gass naturali. |
|
(19) |
Minħabba li l-ispejjeż tal-gass ma kinux riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri ta’ l-applikant, dawn kellhom jiġu aġġustati skond dan. Fin-nuqqas ta’ prezzijiet tal-gass mhux distorti relatati mas-suq lokali Russu, u skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet tal-gass kellhom jiġu stabbiliti fuq “kwalunkwe bażi raġonevoli oħra, inkluż tagħrif minn swieq rappreżentattivi oħrajn”. Il-prezz aġġustat issejjes fuq il-prezz medju tal-gass Russu meta mibjugħ għall-esportazzjoni fil-fruntiera Ġermaniża/Ċeka (Waidhaus), nett ta’ l-ispejjeż tat-trasport u aġġustat biex jirrifletti l-ispejjeż għad-distribuzzjoni lokali. Waidhaus, peress li huwa ċentru ewlieni għall-bejgħ tal-gass Russu lill-UE, li hija kemm l-akbar suq għall-gass Russu kif ukoll għandha prezzijiet li jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż, jista’ jitqies bħala suq rappreżentattiv. |
|
(20) |
Wara l-iżvelar, l-applikant saħaq li kull aġġustament tal-prezz tal-gass tiegħu mħallas fis-suq lokali ma jkunx iġġustifikat minħabba li r-reġistri tal-kontabiltà tal-kumpanija jirriflettu bis-sħiħ l-ispejjeż assoċjati ma’ l-attività tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fil-pajjiż ta’ l-oriġini. |
|
(21) |
Madankollu, meta ġiet eżaminata l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott simili taħt l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, kellu jiġi stabbilit jekk l-ispejjeż kif imniżżla fil-kontijiet tal-kumpanija humiex jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott investigat. Għar-raġunijiet stipulati hawn fuq fil-premessa (18), instab li dan ma kienx il-każ. L-applikant ma ndirizzax id-differenza sinifikanti apparenti bejn il-prezz tal-gass imħallas fis-suq lokali Russu u l-prezz ta’ esportazzjoni tal-gass naturali mir-Russja fuq naħa, u dak imħallas mill-produtturi Komunitarji fuq naħa oħra. Ma ndirizzax ukoll il-fatt li prezzijiet lokali għal gass naturali kienu rregolati fir-Russja u ma setgħux jitqiesu bħala li jirriflettu b’mod raġonevoli prezz normalment imħallas fi swieq mhux distorti. Fl-aħħarnett, l-applikant ma spjegax għaliex, minkejja r-raġunijiet stipulati fil-premessa (18), l-ispiża tal-gass użat għall-produzzjoni tal-prodott simili mibjugħ fis-suq lokali tkun riflessa b’mod raġonevoli fir-reġistri tiegħu. Għalhekk din il-pretensjoni kellha tiġi miċħuda. |
|
(22) |
L-applikant saħaq ukoll li billi jsir aġġustament għall-gass, de facto ntużat metodoloġija biex jiġi stabbilit valur normali li mhix prevista mir-Regolament bażiku. Għalhekk, jekk l-ispejjeż tal-gass lokali jinbidlu bl-ispejjeż ikkalkolati kif deskritt hawn fuq fil-premessa (19), u minħabba li dawn l-ispejjeż huma parti kbira mill-ispejjeż totali tal-prodott simili u għalhekk mill-valur normali mibni wkoll, il-valur normali jkun stabbilit de facto minn data minn suq terz “rappreżentattiv”. F’dan ir-rigward, l-applikant argumenta li għal pajjiżi b’ekonomija tas-suq, ir-Regolament bażiku iżda jipprevedi biss il-metodoloġiji li ġejjin għad-determinazzjoni tal-valur normali:
|
|
(23) |
F’dan ir-rigward u kif spjegat hawn isfel fil-premessi (45) sa (48), ta’ min jinnota l-ewwel li l-valur normali ġie stabbilit skond il-metodoloġiji mfissra fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku. Madankollu, sabiex ikun stabbilit jekk il-bejgħ lokali sarx fl-andament normali tal-kummerċ bir-raġuni ta’ prezz, jiġifieri jekk kienx profittabbli, l-ewwel irid jiġi stabbilit jekk l-ispejjeż ta’ l-applikant kinux bażi ta’ min joqgħod fuqha fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Il-metodoloġija li għandha tintuża biex jiġi stabbilit l-valur normali tista’ tiġi determinata biss wara li l-ispejjeż jiġu stabbiliti b’mod ta’ min joqgħod fuqu. Għaldaqstant huwa ħażin li wieħed jisħaq li billi ġew determinati l-ispejjeż ta’ min joqgħod fuqhom skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, ġiet introdotta metodoloġija ġdida biex jiġi stabbilit valur normali. |
|
(24) |
L-applikant barra minn hekk argumenta li meta jseħħ l-aġġustament ta’ l-ispiża skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, il-livell ta’ l-ispejjeż aġġustati ma jistax jaqbeż il-livell ta’ l-ispejjeż rispettivi fil-pajjiż esportatur. Inkella, il-metodoloġija użata għall-aġġustament ta’ l-ispiża tkun qed tikser l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku li jistipula li l-valur normali tal-prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini. |
|
(25) |
L-aġġustament ta’ l-ispiża sar skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. L-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jirreferix għall-“ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini”, iżda jintitola b’mod espliċitu l-Istituzzjonijiet għall-użu ta’ l-ispiża tal-produzzjoni li tkun ġejja “minn suq rappreżentattiv ieħor” f’pajjiżi oħrajn għajr għall-pajjiż ta’ l-oriġini. L-argument ta’ l-applikant kellu għalhekk jiġi miċħud. |
|
(26) |
Fl-aħħarnett, is-sejbiet stipulati hawn fuq fil-premessi (18) sa (19) ukoll mhumiex f’kuntrast għall-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, kif stqarr l-applikant. Anki jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku jindika li l-valur normali għandu jiġi stabbilit minn referenza għal data mill-pajjiż ta’ esportazzjoni, ir-Regolament bażiku jagħmilha ċara wkoll li din ir-regola hija soġġetta għall-eċċezzjonijiet. |
|
(27) |
Għalhekk l-argumenti ta’ l-applikant f’dan ir-rigward kellhom jiġu miċħuda. |
|
(28) |
L-applikant saħaq ukoll li jekk ikollu jseħħ aġġustament għall-ispiża tiegħu tal-gass naturali fis-suq lokali, aġġustament tali għandu jissejjes jew fuq
|
|
(29) |
L-ewwelnett, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet għażlet bażi differenti ma jagħmilx l-għażla ta’ Waidhaus waħda mhux raġonevoli. L-ewwel kriterju għall-għażla tal-bażi li fuqu jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-gass huwa li dan jirrifletti b’mod raġonevoli prezz normalment imħallas fi swieq mhux distorti. Ma hemm l-ebda dubju li din il-kundizzjoni tintlaħaq fir-rigward tal-prezzijiet f’Waidhaus. It-tieni, il-fatt li l-volum tal-gass mibjugħ bi prezzijiet mhux regolati fis-suq lokali kien baxx matul il-PIR u dawn il-prezzijiet kienu b’mod sinifikanti aktar qrib il-prezz domestiku regolat milli l-prezz ta’ esportazzjoni stabbilit b’mod ħieles juri biċ-ċar li dawn il-prezzijiet mhux regolati kienu distorti mill-prezzijiet regolati l-aktar fl-użu. Għalhekk, il-prezzijiet lokali mhux regolati ma setgħux jintużaw. Tqies ukoll li l-prezzijiet Russi ta’ l-esportazzjoni tal-gass lejn l-Istati Baltiċi ma kinux biżżejjed rappreżentattivi, minħabba volumi ta’ esportazzjoni relattivament baxxi lejn dawn il-pajjiżi. B’żieda ma’ dan, id-data meħtieġa rigward l-ispiża tat-trasportazzjoni u d-distribuzzjoni ma kinitx disponibbli u għalhekk, ma setgħux jiġu stabbilit prezzijiet ta’ min joqgħod fuqhom għall-Istati Baltiċi. Bla dubju l-akbar volum ta’ gass huwa esportat permezz taċ-ċentru Waidhaus li b’hekk jirrappreżenta bażi xierqa għal aġġustament. L-applikant ma pprovda l-ebda evidenza fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ swieq rappreżentattivi, għajr għaċ-ċentru Waidhaus, fejn il-prezzijiet jirriflettu b’mod raġonevoli prezz normalment imħallas fi swieq mhux distorti. Għalhekk, dawn l-argumenti ġew miċħuda. |
|
(30) |
F’dan il-kuntest, l-applikant saħaq ukoll li xtara madwar 50 % tal-gass naturali użat fil-produzzjoni tiegħu ta’ fertilizzanti fis-suq mhux regolat Russu. L-applikant saħaq li għaldaqstant l-aġġustament ta’ l-ispejjeż tal-gass tiegħu jkun diskriminatorju jekk ma jseħħx aġġustament bħal dan għal esportaturi oħrajn b’livelli ta’ spiża għolja simili għal dawn ta’ l-applikant. Ta’ min jinnota li skond it-tweġiba vverifikata għall-kwestjonarju, ix-xiri ta’ l-applikant ta’ gass naturali mis-suq mhux regolat fir-Russja kien marġinali matul il-PIR. Għalhekk din il-pretensjoni kellha tiġi miċħuda. |
|
(31) |
Fir-rigward tat-tielet alternattiva msemmija taħt (iii) fil-premessa (28) hawn fuq, jiġifieri li l-aġġustament jissejjes fuq l-ispiża attwali tal-produzzjoni tal-gass naturali fir-Russja, l-ewwel ta’ min jinnota li alternattiva tali mhux, kif jisħaq l-applikant, prevista espressivament fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, kif issemma fil-premessa (29), l-ewwel kriterju għall-għażla tal-bażi li fuqu jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-gass huwa li dan jirrifletti b’mod raġonevoli prezz normalment imħallas fi swieq mhux distorti. Għalhekk, f’dan il-kuntest huwa irrilevanti jekk il-prezz tal-gass tal-fornitur għall-konsumaturi jrendix qligħ jew le. Dan l-argument kellu għalhekk jiġi miċħud. |
|
(32) |
Barra dan, l-applikant argumenta wkoll li l-prezzijiet lokali tal-gass naturali fir-Russja regolati mill-Istat qed kull ma jmur jiżdiedu u qed jilħqu livelli li jkopru l-ispiża tal-produzzjoni tal-gass. Għalhekk, il-prezz fis-suq lokali ma jistax jitqies bħala li mhux kompetittiv jew li huwa baxx b’mod mhux raġonevoli. |
|
(33) |
Dan l-argument huwa bla bażi minħabba li l-istandard korrett għall-għażla ta’ suq rappreżentattiv mhux jekk il-prezzijiet humiex profittabbli jew le iżda jekk il-prezzijiet jirriflettux b’mod raġonevoli prezz normalment imħallas fi swieq mhux distorti, kif spjegat fil-premessa (29) hawn fuq. Dan mhux il-każ għal prezzijiet regolati mill-Istat. B’żieda ma’ dan, dan l-argument jikkontradixxi stqarrijiet pubbliċi mill-fornitur tal-gass Russu (kif ikkonfermat mill-kontijiet ta’ verifika ppubblikati tiegħu) li l-prezzijiet tal-gass lokali Russi ma jkoprux l-ispiża tal-produzzjoni, tat-trasport u tal-bejgħ. Għalhekk, dan l-argument ġie miċħud. |
|
(34) |
Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-prezz tal-gass f’Waidhaus, l-applikant saħaq li d-dazju fuq l-esportazzjoni Russu mħallas fuq l-esportazzjonijiet kollha kellu jitnaqqas mill-prezz Waidhaus, minħabba li d-dazju ta’ esportazzjoni ma jsirx lokalment. |
|
(35) |
Il-prezz tas-suq f’Waidhaus, li kien meqjus bħala suq rappreżentattiv fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, huwa l-prezz wara t-taxxi ta’ esportazzjoni u mhux il-prezz qabel dawn it-taxxi. Mill-perspettiva tax-xerrej, għalih il-prezz li jrid iħallas f’Waidhaus huwa rilevanti, u f’dan ir-rigward huwa irrilevanti liema perċentwal tal-prezz jinkludi taxxa ta’ esportazzjoni u liema perċentwal jitħallas lill-fornitur tal-gass. Dan ta’ l-aħħar, min-naħa l-oħra, se jipprova jgħolli l-prezz tiegħu u għalhekk iżomm l-ogħla prezz li lesti jħallsu l-konsumaturi tiegħu. Meta wieħed iqis li dan il-prezz huwa ogħla mhux ħażin mill-ispejjeż tal-produzzjoni, li għalhekk jippermetti lill-fornitur tal-gass li jagħmel qligħ kbir, id-determinazzjoni tal-prezz tiegħu mhix influwenzata primarjament mill-ammont tat-taxxa ta’ esportazzjoni iżda mill-prezz li l-konsumaturi tiegħu lesti li jħallsu. Għalhekk ġie konkluż li l-prezz li jinkludi t-taxxa ta’ esportazzjoni, u mhux il-prezz qabel it-taxxa, huwa l-prezz stabbilit fuq is-suq mhux distort. B’konsegwenza ta’ dan, l-argumenti ta’ l-applikant f’dan ir-rigward ġew miċħuda. |
|
(36) |
L-applikant saħaq ukoll li l-prezz f’Waidhaus kellu jiġi aġġustat għall-kwalità, id-disponibbiltà, il-potenzjal fuq is-suq, it-trasport u kundizzjonijiet oħrajn tal-bejgħ li jkunu differenti fis-suq ta’ esportazzjoni u dak lokali tal-gass naturali. Ta’ min jinnota l-ewwel li l-prezz ta’ Waidhaus kien aġġustat bi spiża differenti għat-trasport għas-suq ta’ esportazzjoni u dak lokali u li l-pretensjoni ta’ l-applikant f’dan ir-rigward ma kinitx iġġustifikata u kellha tiġi miċħuda. Fir-rigward ta’ l-elementi l-oħrajn, l-applikant ma pprovdix aktar tagħrif jew evidenza ta’ appoġġ. B’mod partikolari, l-applikant ma wriex, u lanqas ma kien hemm tagħrif ieħor disponibbli, li kien hemm differenzi fil-kwalità, fid-disponibbiltà, fil-potenzjal fuq is-suq u f’kundizzjonijiet oħrajn ta’ bejgħ li kienu jiġġustifikaw aktar aġġustamenti, u l-applikant lanqas ma pprova jikkwantifika dawn id-differenzi allegati. |
|
(37) |
F’dan il-kuntest, l-applikant argumenta wkoll li ma saru l-ebda aġġustamenti għal vantaġġi komparattivi naturali għall-prezz f’Waidhaus. F’dan ir-rigward intqal li minħabba li r-Russja għandha ħafna gass, kuntrarju għall-Komunità, il-prezzijiet fir-Russja jkunu naturalment aktar baxxi mill-prezz tal-gass esportat. Barra minn dan, ġie allegat li l-kapaċità ta’ esportazzjoni tkun limitata mil-limiti tas-sistema ta’ trasportazzjoni tal-gass eżistenti, li jżid l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tar-Russja. L-applikant argumenta wkoll li l-“qligħ għoli anormali” tal-fornitur tal-gass Russu fis-suq ta’ esportazzjoni għandu jitnaqqas mill-prezz użat f’Waidhaus. |
|
(38) |
Kif issemma fil-premessa (29) hawn fuq, l-ewwel kriterju għall-għażla tal-prezzijiet Waidhaus li fuqhom jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-gass huwa li dawn jirriflettu b’mod raġonevoli prezz normalment imħallas fi swieq mhux distorti. Il-kundizzjonijiet tas-suq użati fis-suq lokali huma irrilevanti f’dan il-kuntest. Għaldaqstant, dawn l-argumenti kellhom jiġu miċħuda. |
|
(39) |
L-applikant oġġezzjona wkoll li ż-żieda fil-valur tad-distributuri lokali ġiet miżjuda mal-prezz tal-gass aġġustat, u saħaq li l-qligħ tad-distributuri jkun diġà inkluż fil-prezz f’Waidhaus. F’dan ir-rigward, l-applikant saħaq li d-distributuri lokali fir-Russja kienu sussidjarji tal-fornitur tal-gass u għalhekk iż-żieda tal-qligħ ta’ dawn id-distributuri jista’ jwassal għal għadd doppju. |
|
(40) |
Ta’ min jinnota l-ewwel li ż-żieda fil-valur tad-distributuri lokali ma tinkludix biss il-marġni ta’ qligħ ta’ dawn il-kumpaniji iżda wkoll l-ispejjeż tagħhom bejn ix-xiri u l-bejgħ mill-ġdid tal-gass naturali. |
|
(41) |
It-tieninett, dan l-argument ma setax jiġi vverifikat aktar b’mod suffiċjenti. Dan kawża tal-fatt li l-fornitur tal-gass fir-Russja u l-affiljazzjonijiet tiegħu ma kinux soġġetti għall-investigazzjoni attwali u li għalhekk ma kienx hemm biżżejjed tagħrif disponibbli dwar l-organizazzjoni u l-istruttura ta’ l-ispiża tagħha. Kien innutat ukoll li l-qagħda fir-Russja f’dan ir-rigward minħabba, inter alia, ir-rabtiet mill-qrib bejn il-fornitur tal-gass u l-gvern Russu, ma kinitx biżżejjed trasparenti biex tippermetti biżżejjed aċċess għall-evidenza meħtieġa. |
|
(42) |
B’żieda ma’ dan, l-applikant, li kien il-piż ta’ evidenza, ma kienx kapaċi jressaq aktar tagħrif jew evidenza li juru jekk u sa liema livell l-ispejjeż ta’ distribuzzjoni kienu qegħdin jiġu inklużi fil-prezz Waidhaus. Madankollu, minħabba li konsumaturi domestiċi kienu qed jixtru l-gass minn fornituri lokali, kellu jiġi assumat li dawn kellhom iħallsu l-ispejjeż għad-distribuzzjoni lokali li mhumiex inklużi fil-prezz Waidhaus. Għalhekk, f’dan l-istadju tal-proċedura kellu jitqies li dan l-aġġustament kien iġġustifikat u għalhekk l-argument ġie miċħud. |
|
(43) |
Madankollu, l-Istituzzjonijiet Komunitarji qiesu wkoll li l-impatt fuq il-kalkolu tal-marġni tad-dumping ta’ dan l-aġġustament speċifiku jista’ jkun sinifikanti. Għalhekk, meta wieħed iqis il-qagħda partikolari deskritta hawn fuq fil-premessa (41), ġie meqjus li jekk l-applikant iressaq biżżejjed evidenza verifikabbli, il-Kummissjoni tista’ tqis il-ftuħ mill-ġdid ta’ l-investigazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
(44) |
L-applikant għamel ukoll allegazzjonijiet dwar ipprezzar lokali mhux kompetittiv fuq il-gass fil-Ġermanja. Ta’ min jinnota li l-investigazzjonijiet li għaddejjin mill-awtoritajiet ta’ antitrust Ġermaniżi huma rigward prezzijiet tal-gass li huwa mibjugħ minn distributuri tal-gass ewlenin Ġermaniżi fis-suq lokali, u għalhekk ma huma bl-ebda mod marbuta mal-prezz li bih qed jinbiegħ il-gass esportat Russu f’Waidhaus. |
|
(45) |
Wara l-aġġustament ta’ l-ispiża tal-manifattura kif deskritt hawn fuq, ma sar l-ebda bejgħ lokali fl-andament normali tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(46) |
Għalhekk ġie meqjus li prezzijiet lokali ma jipprovdux bażi xierqa għad-determinazzjoni tal-valur normali u kellu jiġi applikat metodu ieħor. Skond l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku, il-valur normali nbena billi ngħaddu l-ispejjeż tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat ta’ l-esportatur, aġġustati fejn meħtieġ kif imsemmi fil-premessa (19) hawn fuq, ammont raġonevoli għal SG&A u ammont raġonevoli għall-qligħ. |
|
(47) |
L-ispejjeż ta’ SG&A u l-qligħ ma setgħux jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku minħabba li l-applikant ma kellux bejgħ lokali rappreżentattiv tal-prodott ikkonċernat fl-andament normali tal-kummerċ. L-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku ma setax jiġi applikat, minħabba li hemm biss produttur wieħed soġġett għall-investigazzjoni. L-Artikolu 2(6)(b) ma kienx applikabbli lanqas, minħabba li l-ispiża tal-manifattura ta’ l-applikant għal prodotti li jaqgħu taħt l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti wkoll ikunu jeħtieġu l-aġġustament fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-gass, għar-raġunijiet indikati fil-premessa (18) hawn fuq. Għalhekk, l-ispejjeż ta’ SG&A u l-qligħ ġew stabbiliti skond l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku. |
|
(48) |
Skond l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku, l-ispejjeż ta’ SG&A ssejsu fuq metodu raġonevoli. Is-suq ta’ l-Amerika ta’ Fuq wera volum sinifikattiv ta’ bejgħ lokali u livell konsiderevoli ta’ kompetizzjoni kemm minn kumpaniji lokali kif ukoll minn dawk barranin. F’dan ir-rigward, tqies tagħrif disponibbli pubblikament dwar kumpaniji kbar li joperaw fis-settur tan-negozju tal-fertilizzanti. Instab li d-data korrispondenti minn produtturi mill-Amerika ta’ Fuq (l-Istati Uniti u l-Kanada) tkun l-aktar xierqa għall-għan ta’ l-investigazzjoni, dan minħabba d-disponibbiltà kbira ta’ tagħrif finanzjarju pubbliku komplut u ta’ min joqgħod fuqu minn kumpaniji msemmija f’dan ir-reġjun tad-dinja. Għalhekk, l-ispejjeż ta’ SG&A u l-qligħ ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż ta’ SG&A tal-medja bil-piż u l-qligħ minn tliet produtturi mill-Amerika ta’ Fuq, li nstabu li huma fost l-akbar kumpaniji fis-settur tal-fertilizzanti tan-nitroġenu, fir-rigward tal-bejgħ lokali tagħhom ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti (fertilizzanti tan-nitroġenu). Dawn it-tliet produtturi kienu meqjusa bħala rappreżentattivi tan-negozju tal-fertilizzanti tan-nitroġenu u l-ispejjeż ta’ l-SG&A u l-qligħ tagħhom kienu b’hekk rappreżentattivi ta’ dawk li normalment jesperjenzaw kumpaniji li joperaw b’suċċess f’din it-taqsima ta’ negozju. Ta’ min jinnota li ma kien hemm l-ebda indikazzjonijiet li l-ammont għall-qligħ stabbilit hekk jaqbeż il-qligħ ta’ produtturi Russi oħrajn fuq bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali fis-suq lokali tagħhom. |
|
(49) |
L-industrija Komunitarja oġġezzjonat għall-approċċ ta’ hawn fuq fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-SG&A u saħqet li kellu jintuża l-SG&A ta’ l-applikant stess. Madankollu, l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku jistipula li l-ammonti ta’ l-SG&A għandhom jissejsu biss fuq data li tappartjeni għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-produttur esportatur ikkonċernat, fejn dan il-bejgħ isir fl-andament normali tal-kummerċ. Kif spjegat fil-premessi (45) sa (46), dan ma kienx il-każ u dan l-argument għalhekk kellu jiġi miċħud. |
2. Prezz ta’ l-esportazzjoni
|
(50) |
Skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, il-prezz ta’ l-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li tħallas jew jista’ jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità. |
3. Tqabbil
|
(51) |
Il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ta’ ex fabbrika. Għall-għan li jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valuri normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni, ingħata kumpens xieraq fil-forma ta’ aġġustament għad-differenzi li jaffettwaw il-prezz u t-tqabbil tal-prezz skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Ingħataw aġġustamenti xierqa fir-rigward ta’ trasport, kreditu, ippakkjar u tariffi bankarji fejn xieraq, preċiż u fejn kien hemm evidenza vverifikata ta’ appoġġ. |
4. Marġni ta’ dumping
|
(52) |
Il-marġni ta’ dumping ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ tqabbil ta’ valur normali medju bil-piż ma’ prezz ta’ l-esportazzjoni medju bil-piż, skond l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. |
|
(53) |
L-investigazzjoni wriet li d-dumping sar matul il-PIR. Il-marġni ta’ dumping espress bħala perċentwali tal-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF, dazju mhux imħallas, huwa 42,06 %. |
5. Natura dejjiema taċ-ċirkustanzi eżistenti matul il-PI
|
(54) |
Skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, saret analiżi dwar jekk il-bidla fiċ-ċirkustanzi fir-rigward tad-dumping jistax jingħad li hija ta’ natura dejjiema. |
|
(55) |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-valur normali fl-investigazzjoni oriġinali ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet tal-bejgħ profittabbli fis-suq domestiku ta’ l-Istati Uniti, minħabba li r-Russja ma kinitx pajjiż b’ekonomija tas-suq dak iż-żmien. Fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni ta’ reviżjoni attwali, ir-Russja hija meqjusa bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq, u l-valur normali għalhekk ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni ta’ l-applikant stess, u aġġustat fejn meħtieġ. Ma nstabu l-ebda indikazzjonijiet li l-valur normali stabbilit matul ir-reviżjoni attwali ma jistax jitqies bħala ta’ natura dejjiema. |
|
(56) |
Lanqas ma nstabet evidenza li l-bejgħ għall-esportazzjoni mhux se jibqa’ jseħħ fil-livell tal-prezz attwali. |
|
(57) |
Fuq din il-bażi, huwa konkluż li ċ-ċirkustanzi mibdula fir-rigward ta’ l-investigazzjoni oriġinali fir-rigward tad-dumping (issa msejsa fuq tqabbil tal-valur normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ta’ l-applikant stess) jistgħu jitqiesu b’mod raġonevoli bħala li huma ta’ natura dejjiema. |
D. TMIEM TAR-REVIŻJONI
|
(58) |
Minħabba li fl-investigazzjoni oriġinali d-dazju kien impost fil-forma ta’ ammont speċifiku għal kull tunnellata, dan għandu jkollu l-istess forma fl-investigazzjoni attwali. Id-dazju kkalkolat fuq il-bażi tal-marġni attwali ta’ dumping ikun EUR 48,09/t. |
|
(59) |
Ta’ min ifakkar li, kif spjegat fil-premessa (94) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 658/2002, meta ġew imposti miżuri definittivi fl-2002, il-marġni ta’ ħsara ġie użat biex jiġi stabbilit l-ammont ta’ dazju definittiv li għandu jiġi impost skond ir-regola ta’ dazju anqas. Kif definit mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 658/2002, id-dazju attwalment fis-seħħ jiddependi fuq tip ta’ prodott speċifiku u jvarja bejn EUR 41,42/t u EUR 47,07/t. |
|
(60) |
Minħabba li d-dazju stabbilit fuq il-bażi tal-marġni attwali ta’ dumping huwa ogħla mid-dazju attwali, ir-reviżjoni għandha titwaqqaf mingħajr emenda għal-livell tad-dazju applikabbli għall-applikant, li għandu jinżamm fil-livell tar-rata ta’ dazju ta’ anti-dumping definittiv stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. |
E. IMPENN
|
(61) |
L-applikant esprima interess li joffri impenn iżda naqas milli jibgħat offerti ta’ impenn sostanzjati biżżejjed fiż-żmien tad-dati ta’ l-għeluq stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. B’konsegwenza għal dan ma setgħet tiġi aċċettata l-ebda offerta ta’ impenn mill-Kummissjoni. Madankollu, huwa meqjus li l-kumplessità ta’ bosta kwistjonijiet, fosthom
tipponta lejn il-ħtieġa li jkun meqjus aktar jekk impenn li jġib flimkien prezz minimu magħmul b’indiċi u limitu kwantitattiv jistax jaħdem. |
|
(62) |
Kif issemma hawn fuq, minħabba din il-kumplessità l-applikant ma setax ifassal offerta ta’ impenn aċċettabbli sad-data ta’ l-għeluq statutorja. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kunsill iqis li l-applikant għandu eċċezzjonalment jitħalla jlesti l-offerta ta’ impenn tiegħu wara d-data ta’ l-għeluq imsemmija hawn fuq iżda fi żmien għaxart ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
F. ŻVELAR
|
(63) |
Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom ġie deċiż li tintemm ir-reviżjoni attwali u li jinżamm id-dazju eżistenti ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott mill-applikant. Il-partijiet kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom tqiesu fejn kienu ġustifikati u appoġġjati minn evidenza, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu Uniku
Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri ta’ anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ fertilizzanti solidi b’kontenut tan-nitrat ta’ l-ammonju li jaqbeż it-80 % bil-piż li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 3102 30 90 , 3102 40 90 , ex 3102 29 00 , ex 3102 60 00 , ex 3102 90 00 , ex 3105 10 00 , ex 3105 20 10 , ex 3105 51 00 , ex 3105 59 00 u ex 3105 90 91 u li joriġina fir-Russja, mibdija skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, hija b’dan imwaqqfa mingħajr emendi għall-miżuri ta’ anti-dumping fis-seħħ.
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Marzu 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
D. RUPEL
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).
(2) ĠU L 102, 18.4.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 945/2005 (ĠU L 160, 23.6.2005, p. 1).