52007PC0743(02)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra /* KUMM/2007/0743 finali - AVC 2007/0255 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.11.2007

KUMM(2007) 743 finali

2007/0255 (AVC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Iż-żewġ proposti mehmuża jikkostitwixxu l-istrumenti legali għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, minn issa ‘l quddiem imsejħa s-Serbja, fuq in-naħa l-oħra: (i) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għall-iffirmar tal-Ftehim; (ii) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-konklużjoni tal-Ftehim.

2. F'April 2005 il-Kummissjoni ressqet ir-Rapport ta' Vijabbiltà tagħha dwar FSA mas-Serbja u Montenegro[1]. Ir-Rapport ikkonkluda li s-Serbja u Montenegro kienu mħejjija biżżejjed biex jinnegozjaw FSA. Fit-3 ta’ Ottubru 2005 il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja u l-Montenegro. In-negozjati għal Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja u Montenegro nfetħu fl-10 ta’ Ottubru 2005. Billi s-Serbja ma laħqitx l-kundizzjonalità stipulata fil-Konklużjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2005[2], dwar kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja (ICTY), fit-3 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkanċella n-negozjati tal-FSA.

3. Wara referendum f'Mejju 2006, fit-3 ta' Ġunju il-Parlament tal-Montenegro adotta Dikjarazzjoni ta' Indipendenza u r-Repubblika tal-Montenegro ħarġet mill-Unjoni Statali tas-Serbja u l-Montenegro. Konsegwentement, fl-24 ta’ Lulju 2004 ġew adottati Direttivi ta’ Negozjati emendati għas-Serbja.

4. It-titjib fil-kooperazzjoni ma’ l-ICTY li l-gvern il-ġdid Serb irnexxielu juri f’Mejju u Ġunju 2007 ppermetta lill-Kummissjoni sabiex terġa' tibda n-negozjati fit-13 ta' Ġunju. Dawn in-negozjati tlestew fl-10 ta' Settembru 2007 u wara konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri ta' l-UE, il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ġie inizjalat f'Podgorica fis-7 ta' Novembru 2007.

5. Id-deċiżjoni finali għall-iffirmar tal-FSA għadha marbuta mal-fatt li s-Serbja tissodisfa l-kundizzjonijiet politiċi stabbiliti meta l-Kunsill adotta d-Direttivi tan-negozjati - il-kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Ex Jugoslavja (ICTY)[3]. Il-proposta attwali ma tippreġudikax il-valutazzjoni tal-konformità tas-Serbja ma’ l-obbligi tagħha f’dan ir-rigward.

Wara l-addozzjoni tad-Direttivi tan-negozjati f’Ottubru 2005, il-Kummissjoni u l-Kunsill iddikjaraw b’mod konġunt li qabel tittieħed id-deċiżjoni finali:

1. il-Kummissjoni ser tirrapporta dwar il-kundizzjonalità politika lill-Kunsill u li;

2. il-Kunsill u l-Kummissjoni ser janalizzaw b’mod konġunt il-progress li tagħmel is-Serbja

Konsegwentement, il-Kummissjoni ser tirrapporta lill-Kunsill, b’mod f’waqtu u skond id-dikjarazzjoni konġunta, u ser tanalizza l-progress b’mod konġunt mal-Kunsill qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-iffirmar tal-FSA mas-Serbja.

6. Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiffoka fuq l-elementi ewlenin li ġejjin:

- dispożizzjoni għal djalogu politiku mas-Serbja;

- dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni reġjonali mtejba, inkluża l-perspettiva tal-ħolqien ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles bejn il-pajjiżi tar-reġjun;

- il-perspettiva tal-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles bejn il-Komunità u s-Serbja fi żmien ħames snin minn meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim;

- dispożizzjonijiet għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment, il-forniment ta’ servizzi, ħlasijiet kurrenti u moviment tal-kapital;

- l-impenn min-naħa tas-Serbja li tqarreb il-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-KE, notevolment f’żoni ewlenin tas-suq intern;

- dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni mas-Serbja f’firxa wiesgħa ta' oqsma, inklużi l-ġustizzja, l-libertà u s-sigurtà.

- dispożizzjoni għall-ħolqien ta' Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, ta’ Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

7. Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill biex jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu għat-test tal-FSA u biex jinfetħu l-proċeduri għall-iffirmar u l-konklużjoni ta' dan il-Ftehim fuq il-bażi taż-żewġ proposti mehmuża.

8. Il-proċeduri għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim huma differenti għaż-żewġ Komunitajiet Ewropej: (il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar L-Enerġija Atomika):

a) rigward l-iffirmar, l-ewwel inċiż ta' l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 300(2) tat-Trattat tal-KE jipprovdi għal Deċiżjoni tal-Kunsill separata rigward l-iffirmar tal-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea; atti simili m’humiex meħtieġa taħt it-Trattat tal-KEEA

b) rigward il-konklużjoni tal-Ftehim:

- Il-Kunsill jikkonkludi l-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea, wara li jirċievi l-kunsens tal-Parlament Ewropew, bis-saħħa ta' l-Artikolu 310 tat-Trattat;

- Il-Kunsill japprova l-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 101 tat-Trattat tal-KEEA u wara l-Ftehim jiġi konkluż mill-Kummissjoni;

9. B’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill sabiex jiddeċiedi, meta l-Kunsill u l-Kummissjoni jiksbu analiżi konġunta pożittiva tal-kundizzjonalità politika kif imsemmi fil-paragrafu 5,

(i) jiffirmaw il-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea;

(ii) jikkonkludu l-Ftehim f’isem il-Komunità Ewropea u jagħtu l-approvazzjoni għall-konklużjoni mill-Euratom.

Ir-ratifika mill-Istati Membri kollha hija prerekwiżit għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 310 flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[4],

Billi:

(1) In-negozjati mar-Repubblika tas-Serbja dwar il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u s-Serbja, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim"), ġew konklużi.

(2) Id-dispożizzjonijiet kummerċjali li hemm f’dan il-ftehim huma ta’ natura eċċezzjonali konnessi mal-politika implimentata fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u ma jikkostitwixxu, għall-Unjoni Ewropea, ebda preċedent fil-politika kummerċjali tal-Komunità fir-rigward ta’ pajjiżi terzi apparti dawk tal-Balkani tal-Punent.

(3) Soġġett għal konklużjoni possibbli aktar tard, il-Ftehim inizjalat fis-7 ta’ Novembru 2007 għandu għalhekk jiġi ffirmat f'isem il-Komunità Ewropea,

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw, f'isem l-Unjoni, il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

2007/0255 (AVC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, partikolarment l-Artikolu 310 tiegħu flimkien ma' l-aħħar sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw il-kunsens tal-Parlament Ewropew[5],

Wara li kkunsidraw l-approvazzjoni tal-Kunsill mogħtija skond l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

Billi

(1) Il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra ġie ffirmat f'isem il-Komunità Ewropea, fi... 2007, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill ... /KE.[6].

(2) Id-dispożizzjonijiet kummerċjali li hemm fil-Ftehim huma ta' natura eċċezzjonali, marbuta mal-politika implimentata fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni u ma jikkostitwixxu, għall-Unjoni Ewropea, ebda preċedent fil-politika kummerċjali tal-Komunità fir-rigward ta' pajjiżi terzi diversi minn dawk tal-Balkani tal-Punent.

(3) Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra, l-Annessi u l-Protokolli annessi miegħu, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet konġunti u d-dikjarazzjoni tal-Komunità mehmuża ma' l-Att Finali, huma b'dan approvati f'isem il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

It-testi msemmija fl-ewwel paragrafu huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fi ħdan il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni meta dan ta' l-aħħar jingħata s-setgħa sabiex jaġixxi mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha tiġi ddeterminata mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jew, fejn ikun xieraq, mill-Kummissjoni, kull wieħed skond id-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattati.

2. Il-President tal-Kunsill għandu, skond l-Artikolu 120 tal-Ftehim, jippresiedi fuq il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippresiedi fuq il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, skond ir-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

3. Id-deċiżjoni għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea għandha tittieħed fuq bażi ta' każ b'każ mill-Kunsill u l-Kummissjoni rispettivament.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa, f'isem il-Komunità Ewropea, li jiddepożitaw l-att ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 138 tal-Ftehim. Il-President tal-Kummissjoni għandu jiddepożita l-imsemmi att ta' approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni

Il-President Il-President

[1] COM(2005) 476 finali tat-12 ta’ April 2005

[2] 12591/05 PESC 786 COSDP 615 COWEB 138 + COR 1

[3] 12589/05 u 12591/05 PBSK

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU C , , p. .

[6] ĠU C , , p. .