RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni ġenerali tal-konsegwenzi ekonomiċi tar-rekwiżiti għad-divulgazzjoni pajjiż pajjiż stabbiliti fl-Artikolu 89 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 /* COM/2014/0676 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni
ġenerali tal-konsegwenzi ekonomiċi tar-rekwiżiti
għad-divulgazzjoni pajjiż pajjiż stabbiliti fl-Artikolu 89
tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013
I.
Introduzzjoni
Id-Direttiva 2013/36/UE[1]
(“CRD”) tintroduċi fl-Artikolu 89 tagħha obbligu ġdid ta’
rapportar pubbliku pajjiż pajjiż (“CBCR”) għal banek u ditti ta’
investiment (“istituzzjonijiet”). L-istituzzjonijiet se jkollhom jirrapportaw
kull sena, għal kull pajjiż li fih għandhom stabbiliment,
id-dejta dwar (a) l-isem/l-ismijiet tagħhom, l-attivitajiet,
il-pożizzjoni ġeografika, (b) il-fatturat, (c) in-numru ta’ persunal,
(d) il-qligħ jew it-telf qabel it-taxxa, (e) it-taxxa fuq il-profitt jew
it-telf u (f) is-sussidji pubbliċi riċevuti. L-istituzzjonijiet huma meħtieġa li
jirrapportaw id-dejta taħt a), b) u c)
mill-1 ta’ Lulju 2014. Għad-dejta taħt d), e) u f)
hemm previst arranġament speċjali: fil-fażi inizjali, 14
mill-ikbar istituzzjonijiet Ewropej[2]
(“G-SIIs tal-UE”) biss kellhom jirrapportaw din id-dejta, fuq bażi
kunfidenzjali, lill-Kummissjoni. L-iskadenza għal dan ir-rapportar
kunfidenzjali inizjali kienet l-1 ta’ Lulju 2014 u ġiet
irrispettata mill-14-il G-SIIs tal-UE kollha. Fil-fażi li jmiss,
jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2015 l-istituzzjonijiet kollha
li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 89
(“istituzzjonijiet li jirraportaw”) se jkunu meħtieġa li jiddivulgaw
l-informazzjoni kollha stipulata fl-Artikolu 89, sakemm il-Kummissjoni ma
tiddeċidix li tiddifferixxi l-obbligi tas-CBCR. L-Artikolu 89 jistipula li l-Kummissjoni
tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
sal-31 ta' Diċembru 2014 dwar il-konsegwenzi ekonomiċi
negattivi potenzjali tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni pubblika pajjiż
pajjiż. Il-Kummissjoni, wara li kkonsultat mal-EBA, l-EIOPA u l-ESMA, kif
xieraq, hi mitluba li twettaq valutazzjoni ġenerali fir-rigward ta' tali
konsegwenzi inkluż l-impatt fuq il-kompetittività l-investiment u d-disponibbiltà
tal-kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Skont l-Artikolu 89
f’każ li jiġu identifikati effetti negattivi sinifikanti,
il-Kummissjoni tqis li tipproponi li jiġu emendati l-obbligi tas-CBCR, u
tista’ tiddeċiedi li tiddifferixxi dawn l-obbligi. Għaldaqstant l-għan ewlieni ta’ dan
ir-rapport huwa li jipprevedi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk is-CBCR
iwassalx għal effetti ekonomiċi negattivi sinifikanti. Permezz ta’ sejħa miftuħa
għall-offerti[3],
il-Kummissjoni tat studju lil kuntrattur estern dwar il-konsegwenzi
pożittivi u negattivi potenzjali tas-CBCR. L-istudju magħmul
mill-kuntrattur estern kien jinkludi stħarriġ tal-partijiet
interessati[4]
u analiżi ekonometrika ("l-analiżi ekonometrika")[5].
Il-Kummissjoni kkonsultat mal-EBA, l-EIOPA u l-ESMA. Hija kkonsultat ukoll
direttament mal-partijiet interessati, inklużi fost l-oħrajn l-14-il
G-SIIs tal-UE[6]
u diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili interessati
fil-kwistjoni. Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika[7] u avveniment ta'
sensibilizzazzjoni[8].
Għaldaqstant il-partijiet interessati kollha ngħataw opportunità
biżżejjed sabiex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom. Fuq din
il-bażi, l-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha tal-effetti
ekonomiċi possibbli tas-CBCR.
II.
Kuntest
Il-premessa (52) tas-CRD tispjega li
"Iż-żieda fit-trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet ta'
istituzzjonijiet, u b'mod partikolari fir-rigward tal-profitti magħmula,
it-taxxi mħallsa u s-sussidji li jirċievu, hija essenzjali sabiex
tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni
fis-settur finanzjarju. Rapportar obbligatorju f'dan il-qasam jista'
għalhekk jitqies bħala element importanti tar-responsabbiltà
korporattiva tal-istituzzjonijiet lejn il-partijiet interessati u
s-soċjetà." Is-CBCR se jgħin lill-partijiet interessati sabiex
jifhmu aħjar dwar l-istrutturi tal-gruppi, l-attivitajiet u
l-preżenza ġeografika tagħhom. Barra minn hekk is-CBCR
għandu jgħin sabiex jiġi mifhum jekk it-taxxi humiex qed jiġu
mħallsa fejn verament isseħħ l-attività kummerċjali.
Id-divulgazzjoni u t-trasparenza huma meqjusa bħala għodod
regolatorji ewlenin li jgħinu sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji
jimplimentaw b’mod effettiv l-obbligi tagħhom u li huma responsabbli
għall-istrateġiji kummerċjali li huma jadottaw. L-obbligi ġodda tas-CBCRiridu jitqiesu
fl-isfond tal-kriżi finanzjarja ta’ dan l-aħħar, fejn livelli
mingħajr preċedent ta’ appoġġ pubbliku kienu
meħtieġa sabiex tiġi rrestawrata l-istabbiltà finanzjarja u
l-fiduċja taċ-ċittadini fis-settur finanzjarju kienet ġiet
affettwata b'mod serju. Dan wassal għal talbiet qawwija biex il-banek juru
aktar responsabbiltà u aktar trasparenza fir-relazzjonijiet tagħhom
mal-pubbliku. Indipendentement mill-kriżi finanzjarja, hemm
dejjem aktar talbiet fuq il-kumpaniji sabiex jerfgħu r-responsabbiltà
tal-impatt tagħhom fuq is-soċjetà, u l-kontribut li n-negozji
jagħmlu f’forma ta’ tassazzjoni qed jitqies dejjem aktar bħala parti
mir-responsabbiltà soċjali korporattiva. Dan żied id-domanda
għal aktar trasparenza fl-affarijiet fiskali ta’ intrapriżi kbar
b’mod partikolari fejn għandhom attivitajiet transfruntiera sinifikanti.
III.
Valutazzjoni
tal-effetti ekonomiċi tas-CBCR
Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati
jistennew li s-CBCR se jkollu xi impatt pożittiv fuq it-trasparenza u
r-responsabbiltà ta', u fuq il-fiduċja pubblika fis-settur finanzjarju
Ewropew.[9] Madankollu,
diversi gruppi ta’ partijiet interessati jqisu li gwida addizzjonali dwar
il-kontenut eżatt tal-punti li jridu jiġu rrapportati ttejjeb
it-trasparenza u l-konsistenza, tnaqqas ir-riskji li d-dejta tiġi mifhuma
ħażin u tnaqqas il-piż amministrattiv. Hawn isfel il-konsegwenzi ekonomiċi potenzjali
tas-CBCR, b’mod partikolari fuq il-kompetittività, l-investiment,
id-disponibbiltà tal-kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja huma
eżaminati. Il-riżultati jirriflettu r-rispons li ġie
riċevut minn partijiet interessati bħala parti
mill-istħarriġ imwettaq mill-Kummissjoni u mill-kuntrattur estern,
mill-konsultazzjoni pubblika u mill-avveniment ta' sensibilizzazzjoni, kif
ukoll mir-riżultati tal-analiżi ekonometrika.
A.
Impatt
fuq il-kompetittività
Il-maġġoranza tal-partijiet interessati
jikkunsidraw li mhux se jkun hemm impatt negattiv fuq il-kompetittività ta’
istituzzjonijiet li jirrapportaw.[10]
Madankollu, xi wħud isostnu li, minħabba n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet
globali ekwi, l-istituzzjonijiet li jirrapportaw, meta mqabbla ma’
istituzzjonijiet mhux marbuta bis-CBCR, ser ikunu żvantaġġati
peress li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' piżijiet u
spejjeż amministrattivi addizzjonali, billi dawn se jkunu
ffaċċjati minn skrutinju pubbliku dwar id-dejta tagħhom u
għax se jkollhom jiddivulgaw informazzjoni kummerċjali aktar
speċifika minn kompetituri tagħhom li ma jirrapportawx. Dawn il-partijiet
interessati, li huma f’minoranza, jemmnu li s-CBCR se jkollu impatt negattiv
fuq il-kompetittività, għalkemm b'mod ġenerali ma jistennewx li dan
l-impatt negattiv ikun qawwi. Oħrajn jistennew li s-CBCR ser ikollu impatt
pożittiv fuq il-kompetittività ta’ istituzzjonijiet li jirrapportaw. Huwa
ssuġġerit li ż-żieda fit-trasparenza u r-responsabbiltà li
tirriżulta mis-CBCR se tinkoraġġixxi lil istituzzjonijiet li
jirrapportaw sabiex jikkunsidraw aħjar għadd ta’ riskji li
jirriżultaw mill-organizzazzjoni interna u l-attivitajiet tagħhom. B’dan
il-mod, trasparenza aħjar isservi mhux biss biex jiġu żvelati
problemi possibbli, iżda wkoll biex dawn jiġu evitati. Għalhekk
għandha l-potenzjal li tnaqqas r-riskji minn skandli li jkunu ta’
ħsara għar-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-investitur u
l-fiduċja tal-klijenti u tista' tikkontribwixxi biex jerġa’ jkun hemm
fiduċja pubblika fis-settur tas-servizzi finanzjarji fl-UE. Huma
jikkunsidraw ukoll li s-CBCR jista' jattira investituri u klijenti li
jagħrfu l-valur ta’ aktar trasparenza, li min-naħa tagħhom
jista’ jirriżulta f’vantaġġ kompetittiv għal
istituzzjonijiet li jirrapportaw. Il-kost għall-konformità mas-CBCR x’aktarx li
huwa intrinsikament proporzjonali mad-daqs u d-dimensjoni multinazzjonali
tan-negozju tal-istituzzjoni li tirrapporta. L-istituzzjonijiet li
jirrapportaw, speċjalment il-gruppi multinazzjonali, x’aktarx li diġà
għandhom sistemi sofistikati għall-ġbir tad-dejta. Il-kost ta’
konformità mas-CBCR mhux mistenni li jkun sinifikanti.[11] L-informazzjoni divulgata skont is-CBCR ma tidhirx
li hija kummerċjalment kunfidenzjali. Il-livell ta’ informazzjoni
divulgata skont is-CBCR mhix biżżejjed għall-partijiet
interessati sabiex jiksbu għarfien dettaljat dwar l-istrateġiji
kummerċjali tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw. Mill-inqas tlieta
mill-G-SIIs tal-UE diġà ppubblikaw b’mod volontarju dejta tas-CBCR,
apparentement mingħajr tħassib li jiddivulgaw informazzjoni
kummerċjali kunfidenzjali jew effetti kompetittivi oħra. Ir-riżultati tal-analiżi ekonometrika
jissuġġerixxu li titjib fil-kwalità tad-divulgazzjoni, li huwa
għan ewlieni tas-CBCR, huwa assoċjat ma’ tnaqqis fil-kapaċità
tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw li jaħbu l-prestazzjoni reali
tagħhom (manipulazzjoni tal-qligħ). L-istudju jindika li punt
wieħed ta’ żieda fil-livell ta’ divulgazzjoni (f’indikatur kompost
minn skala 0-52) jnaqqas il-probabbiltà ta’ qligħ ta’ ġestjoni
bi 3,5 % għall-kampjun ta' banek fl-istudju.[12] Għalkemm l-analiżi ekonometrika ma
tindirizzax l-impatti fuq il-kompetittività b'mod dirett, l-analiżi tal-letteratura
tissuġġerixxi li livelli akbar ta’ divulgazzjoni jistgħu
jippermettu lill-banek sabiex isiru aktar kompetittivi (pereżempju
għax dawn inaqqsu l-problema tal-assimetrija tal-informazzjoni,
jiffaċilitaw l-allokazzjoni tar-riżorsi u tiżdied il-fiduċja).
B’mod ġenerali, l-istudju jissuġġerixxi li huwa improbabbli li
s-CBCR iwassal għal effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Xi partijiet interessati jistennew li l-obbligi ta'
divulgazzjoni tas-CBCR se jaffettwaw ir-rata tat-taxxa effettiva tal-banek.
Is-CBCR fih nnifisu mhuwiex miżura fiskali iżda miżura
għar-responsabbiltà korporattiva u għat-trasparenza. Dan mhux se
jkollu effett dirett fuq ir-rata tat-taxxa imposta fuq istituzzjonijiet li
jirrapportaw. Kwalunkwe żieda f’tassazzjoni effettiva tkun biss
konsegwenza indiretta. Huwa diffiċli ħafna li wieħed ibassar
il-probabbiltà ta’ żieda possibbli ta’ rati ta’ tassazzjoni (effettivi) li
indirettament jirriżultaw mis-CBCR. Dan jiddependi minn diversi fatturi
bħall-approċċ attwali tal-istituzzjonijiet għal
kwistjonijiet fiskali, ir-rispons tal-awtoritajiet għad-divulgazzjoni ta'
informazzjoni dwar il-pagamenti kollha tat-taxxa fuq bażi ta' pajjiż
pajjiż u r-rispons tal-pubbliku għad-dejta tas-CBCR ippubblikata.
Anki jekk istituzzjoni li tirrapporta tbiddel l-approċċ tagħha
tat-taxxa, xorta jkun diffiċli li jiġi ddeterminat jekk dan kienx
effett indirett tas-CBCR, jew jekk huwiex riżultat ta' żviluppi
oħra f’dan il-qasam. Tali żieda tista’ possibbilment ikollha wkoll
effett pożittiv fuq il-kompetizzjoni, fis-sens li tista’ tikkontribwixxi
għat-titjib tal-livell ekwu għal istituzzjonijiet iżgħar li
ma joperawx b’mod transkonfinali. B’mod aktar ġenerali, l-impatt ekonomiku
ġenerali ta’ kwalunkwe żieda ta’ rata ta' taxxa effettiva jkun
diffiċli biex jitkejjel u jkun jiddependi fuq riżultati differenti.[13]
Filwaqt li mil-lat negattiv wieħed seta’ jistenna tnaqqis fl-attività
ekonomika tal-entità li tirrapporta, huwa probabbli li jkun hemm fatturi ta'
kontrobilanċ bħalma huma d-disponibbiltà ta’ dħul addizzjonali
għall-infiq pubbliku li jista' jipprovdi benefiċċji
lis-soċjetà u l-ekonomija b'mod ġenerali, u jżid il-fiduċja
tal-pubbliku.
B.
Impatt
fuq l-investiment
Il-partijiet interessati ġew mistoqsija dwar
l-effetti tas-CBCR fuq investiment minn u f'istituzzjonijiet li jirrapportaw.[14] Fir-rigward tal-ewwel mistoqsija, jiġifieri
dwar l-effett tas-CBCR fuq investiment f’istituzzjonijiet li jirrapportaw,
il-maġġoranza tal-partijiet interessati jistennew li mhux ser ikun
hemm impatt. Huma jikkunsidraw li d-deċiżjonijiet ta' investiment
huma bbażati fuq fatturi oħra apparti d-dejta li għandha
tiġi divulgata skont l-Artikolu 89 u li d-deċiżjonijiet ta'
investiment huma xprunati minn benefiċċji ekonomiċi potenzjali aktar
milli mid-divulgazzjoni. Ta’ min jinnota wkoll li l-istituzzjonijiet li
japplikaw għal finanzjament fuq is-swieq tal-kapital diġà pprovdew
aktar informazzjoni dettaljata milli huwa meħtieġ skont
l-Artikolu 89. Madankollu hemm xi tħassib li f’każijiet
individwali l-attrattività tal-istituzzjonijiet fis-suq tal-kapital tiġi
affettwata b’mod negattiv jekk id-divulgazzjonijiet jiġu mifhuma
ħażin u/jew jitqiesu b’mod negattiv mill-pubbliku. Barra minn hekk,
xi partijiet interessati jsostnu li l-introduzzjoni tas-CBCR tista’ toħloq
tħassib dwar kundizzjonijiet ekwi u li r-rekwiżiti addizzjonali ta’
divulgazzjoni jistgħu jnaqqsu l-attrattività tal-UE bħala post
għall-investiment (minħabba l-piż u l-ispejjeż
amministrattivi assoċjati). Madankollu, il-biċċa l-kbira
tal-partijiet interessati jaqblu li s-CBCR mhux se jaffettwa r-rieda
tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw sabiex jibqgħu fl-UE. Xi partijiet interessati jistennew effett
pożittiv fuq l-investiment f’istituzzjonijiet li jirrapportaw. Huma
jsostnu li hemm domanda globali li qiegħda tiżdied mill-investituri
għal dejta aktar trasparenti u aktar affidabbli (jew aktar komprensiva)
dwar il-kumpaniji li huma jinvestu fihom. Id-divulgazzjoni tkun tista'
tipprovdi lill-investituri b'bażi aktar b'saħħitha
għat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' investiment sodi u
żżid il-kapaċità tagħhom li jżommu l-banek
responsabbli. It-trasparenza, inkluż is-CBCR, tgħin lill-investituri
sabiex jidentifikaw il-fatturi ta’ riskju u l-irregolaritajiet finanzjarji u
twassal għal ġestjoni aħjar tar-riskju mill-istituzzjonijiet.
Għalhekk, twassal għal aktar stabbiltà fis-settur bankarju, u
tagħmlu aktar interessanti għal investiment. Fl-aħħar nett,
qed jiġi argumentat li l-investituri qegħdin dejjem aktar iqisu
fatturi bħalma huma s-sostenibbiltà u t-trasparenza
f’deċiżjonijiet ta’ investiment u li d-divulgazzjoni tista’ tattira
aktar investiment minn investituri soċjalment responsabbli. Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, jiġifieri
dwar l-effett tas-CBCR fuq investimenti magħmula minn istituzzjonijiet li
jirrapportaw, il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jistennew li
mhux ser ikun hemm impatt. Ir-riżultati tal-analiżi ekonometrika jissuġġerixxu
li huwa improbabbli li s-CBCR ikollu impatt negattiv fuq l-investiment.
Għall-kuntrarju, jirriżulta li punt wieħed addizzjonali
fl-indiċi ta’ divulgazzjoni jżid il-kost effettiv tal-kapital ta’
ekwità b’0,2 % punti. Għalhekk, it-titjib fil-kwalità ta’
divulgazzjoni, kif perċepit mis-swieq tal-kapital b'riżultat
tas-CBCR, jista’ jwassal għal kost effettiv tal-kapital ta’ ekwità aktar
baxx għall-banek. Dan jista’ jsarraf f’rati ta’ self aktar baxxi u
jippermetti lill-kumpaniji sabiex jinvestu aktar fin-negozju tagħhom u
jespandu.[15]
Barra minn hekk, l-analiżi bibljografika
tissuġġerixxi li titjib fid-divulgazzjoni ġenerali huwa
assoċjat ma’riżultati aktar sodi fis-swieq tal-kapital bħal kost
ta’ ekwità aktar baxx, minħabba inqas informazzjoni asimmetrika u
spejjeż tal-aġenzija aktar baxxi. Tnaqqis fil-kost ta' ekwità
ġie assoċjat ma' investiment akbar kemm fis-settur finanzjarju u kif
ukoll dak mhux finanzjarju.
C.
Impatt
fuq id-disponibbiltà ta’ kreditu
Il-partijiet interessati ġew mistoqsija dwar l-effetti
tas-CBCR fuq l-għoti ta’ kreditu lil istituzzjonijiet li jirrapportaw u
minn istituzzjonijiet li jirrapportaw.[16] Fir-rigward tal-ewwel mistoqsija, jiġifieri
dwar l-effetti tas-CBCR fuq l-għoti ta’ kreditu lil istituzzjonijiet li
jirrapportaw, il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jikkunsidraw
li mhux ser ikun hemm impatt. Minoranza żgħira ta' partijiet interessati
jibżgħu li jista’ jkun hemm xi impatt negattiv. Qed jiġi
argumentat li d-divulgazzjonijiet jistgħu jinftiehmu ħażin u
jwasslu għal sentiment negattiv. B’mod partikolari fir-rigward
tal-informazzjoni fuq is-sussidji pubbliċi, parti interessata waħda
ssostni li dan jista’ jwassal għal perċezzjoni ta’ bank li huwa
“mirfud”, u jwassal għal żieda fil-kosti ta’ finanzjament
tal-operaturi. Oħrajn jistennew impatt pożittiv. Konformi
sew mal-kummenti dwar l-impatt fuq l-investiment, hemm l-argument li żieda
fit-trasparenza tista’ ttejjeb il-fiduċja fl-istituzzjonijiet li
jirrapportaw, li twassal għal fehim aħjar dwar riskju ta' kumpanija u
għalhekk ġestjoni tar-riskju aħjar u livelli aktar baxxi ta’
riskju għal perjodu twil ta’ żmien. Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, jiġifieri
dwar l-effetti tas-CBCR fuq l-għoti ta’ kreditu lil istituzzjonijiet li
jirrapportaw, il-partijiet interessati, jaqblu b'mod ġenerali li s-CBCR
mhux se jkollu impatt la fuq l-għoti ta’ kreditu minn istituzzjonijiet li
jirapportaw, u lanqas fuq il-prezz jew il-kwalità ta’ kreditu disponibbli
għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi. Ir-riżultati ekonometriċi
jissuġġerixxu li x’aktarx is-CBCR ma jkollu l-ebda impatt negattiv
fuq il-kapaċità tal-banek biex ikollhom aċċess għas-swieq
tal-kapital. Għall-kuntrarju, ir-riżultati jissuġġerixxu li
punt wieħed addizzjonali fl-indiċi ta’ divulgazzjoni jnaqqas il-kost
effettiv tal-kapital ta’ ekwità b’ 0.2 % punti. Għalhekk,
it-titjib fil-kwalità tad-divulgazzjoni b'riżultat tas-CBCR jista’ anki
jkollu impatt żgħir fuq it-tnaqqis fil-kost tal-kapital ta’ ekwità
tal-banek, u dawn il-benefiċċji jistgħu jiġu mgħoddija
lil kumpaniji fis-settur mhux finanzjarju u lil unitajiet domestiċi
fil-forma ta’ rati ta' self aktar baxxi.[17]
L-analiżi bibljografika tissuġġerixxi
li rati tas-self għal banek aktar baxxi jistgħu jwasslu wkoll
għal żieda fid-disponibbiltà ta’ kreditu hekk kif il-banek,
b’ħarsien minn marġini akbar, huma aktar lesti li jżidu
l-provvista tas-self.
D.
Impatt
fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja;
Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati[18]
jaqblu li s-CBCR mhux se jkollu impatt fuq l-istabbiltà tas-sistema
finanzjarja. Huma jindikaw li, anke jekk hemm potenzjal għal volatilità
f’negozji individwali, dan ma jaffettwax is-settur kollu. Huma jinnottaw ukoll
li l-volatilità hi dovuta għal bosta raġunijiet, u li ma jkunx
possibbli li tiġi identifikata l-volatilità li tirriżulta biss minn
divulgazzjonijiet skont l-Artikolu 89. Wieħed innota li jista’ jkun
hemm xi riskju tad-divulgazzjonijiet li jaffettwaw il-perċezzjoni
tas-settur, iżda xorta ma kienx mistenni impatt notevoli. Minoranza żgħira biss ta’ partijiet
interessati ma jaqblux u jsemmu pereżempju li s-self interbankarju jista’
jkun affettwat jekk informazzjoni dettaljata dwar il-pożizzjoni ta' taxxa
ta' bank tkun disponibbli jew tindika li hemm riskju ta’ nuqqas ta’ ftehim
pubbliku tad-dejta minħabba applikazzjoni inkonsistenti u
interpretazzjonijiet differenti. Madankollu dawn il-partijiet interessati ma
jsostnux li l-impatt negattiv ikun qawwi. Uħud mill-partijiet interessati minflok
jistennew impatt pożittiv, u fost oħrajn, skont huma, aktar
divulgazzjoni tgħin lill-investituri u lil partijiet interessati oħra
sabiex jifhmu aħjar kif is-settur finanzjarju qiegħed jopera kif
ukoll ix-xejriet tiegħu ta’ sjieda, tista’ twassal għal ġestjoni
aħjar tar-riskji u għal sostenibbiltà, u żżid
il-fiduċja u tnaqqas il-volatilità tas-suq. Ir-riżultati tal-analiżi ekonometrika
jissuġġerixxu li żieda fil-kwalità ta’ divulgazzjoni jista’
jkollha impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-kontabilità. Ir-riżultati
jissuġġerixxu li żieda b'punt fid-divulgazzjoni żżid
il-preċiżjoni tal-previżjonijiet tal-analiżi”
b’ 0,49 % punti[19]
u tnaqqas il-probabbiltà ta’ qligħ ta’ ġestjoni b’ 3.5 %[20]. Dan
ifisser li wara l-implimentazzjoni tas-CBCR, l-informazzjoni pprovduta minn
istituzzjonijiet finanzjarji tista’ ssir aktar informattiva
għall-partijiet interessati esterni, u tirrifletti aħjar
il-kundizzjoni ekonomika reali tal-istituzzjoni. Dan jista’ jirriżulta
f’inqas volatilità u iktar stabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, l-analiżi bibljografika
tissuġġerixxi li d-divulgazzjonijiet bankarji jista’ jkollhom impatt
pożittiv fuq l-istabbiltà finanzjarja hekk kif dawn jistgħu jtaffu
l-problemi ta’ informazzjoni asimmetrika, jiffaċilitaw
il-monitoraġġ tal-istituzzjonijiet u jtejbu l-governanza.
E.
Valutazzjoni
Peress li d-dispożizzjonijiet tas-CBCR
għadhom ma daħlux kompletament fis-seħħ, din
il-valutazzjoni hija essenzjalment eżerċizzju ffukat ’il quddiem –
kif meħtieġ mill-Artikolu 89 tad-Direttiva 2013/36/UE – sabiex
jiġi determinat jekk is-CBCR huwiex mistenni li jkollu effetti
ekonomiċi negattivi sinifikanti. Is-CBCR huwa mistenni mill-partijiet interessati li
jkollu xi impatt pożittiv fuq it-trasparenza u r-responsabbiltà ta', u fuq
il-fiduċja pubblika fis-settur finanzjarju Ewropew. Madankollu, huwa
ssuġġerit li t-trasparenza se tibbenefika minn gwida addizzjonali
dwar il-kontenuti eżatti tal-punti li jridu jiġu rrapportati u minn
implimentazzjoni konsistenti fl-Istati Membri. Il-bilanċ tal-opinjonijiet fost il-partijiet
interessati huwa li s-CBCR mhux se jkollu impatt sinifikanti fuq il-kompetittività,
l-investiment u d-disponibbiltà tal-kreditu jew l-istabbiltà tas-sistema
finanzjarja. Dawk li jopponu, il-biċċa l-kbira tagħhom jirreferu
għar-riskju ta’ nuqqas ta’ fehim pubbliku tad-dejta u għall-piż
amministrattiv akbar. Is-sostenituri tas-CBCR jindikaw għadd ta' effetti
pożittivi: l-investituri se jkunu jistgħu jagħmlu
deċiżjonijiet ta' investiment aktar infurmati u aktar ikunu
jistgħu jżommu l-banek responsabbli. Is-CBCR se jwassal għal
ġestjoni aħjar tar-riskji minn istituzzjonijiet li jirrapportaw, u
b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ skandli u tiżdied l-istabbiltà fis-settur
finanzjarju. Is-CBCR se jattira l-investituri u l-klijenti li jagħrfu
l-valur ta' trasparenza akbar u ġeneralment iwassal għal aktar
fiduċja fis-settur finanzjarju Ewropew. Ir-riżultati tal-analiżi ekonometrika
jissuġġerixxu li kwalità itjeb ta' divulgazzjoni – li hi għan
ewlieni tas-CBCR – twassal għal għadd ta' riżultati
pożittivi. Kwalità ta' divulgazzjoni akbar tista’ twassal għal
tnaqqis tal-kost tal-kapital ta’ ekwità li jista' jiġi mgħoddi lil
negozji u unitajiet domestiċi f’forma ta’ rati ta’ self aktar baxxi u
għaldaqstant jibbenefikaw mid-disponibbiltà ta’ kreditu u investiment. Dan
jista’ jwassal ukoll għal tnaqqis fil-kapaċità tal-istituzzjonijiet
li jirrapportaw li jaħbu l-prestazzjoni reali tagħhom (manipulazzjoni
tal-qligħ) u aktar kwalità fil-kontabbiltà li jistgħu
jirriżultaw f’iktar kompetittività u iktar stabbiltà finanzjarja. Hija l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata
b'mod partikolari fuq ir-riżultati tal-istudju u l-opinjonijiet espressi
mill-partijiet interessati, li, f'dan l-istadju, ir-rapportar ta' informazzjoni
pubblika pajjiż pajjiż skont l-Artikolu 89 tad-Direttiva
2013/36/UE mhux mistenni li jkollu impatt ekonomiku negattiv sinifikanti, b'mod
partikolari fuq il-kompetittività, l-investiment u d-disponibbiltà tal-kreditu
jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Għall-kuntrarju, jidher li jista’ jkun hemm xi
impatt pożittiv limitat. Ir-rispons mingħand il-partijiet interessati
u l-analiżi tal-ewwel sett ta’ divulgazzjonijiet kunfidenzjali
jissuġġerixxu li l-effetti benefiċjarji tal-Artikolu 89
jistgħu jitjiebu billi jiġu indirizzati xi elementi relatati
mal-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.
IV.
KONKLUŻJONI
F'dan l-istadju, r-rapportar pubbliku
tal-informazzjoni, pajjiż pajjiż, skont l-Artikolu 89
tad-Direttiva 2013/36/UE, mhux mistenni li jkollu impatt ekonomiku
negattiv sinifikanti, b'mod partikulari fuq il-kompetittività, l-investiment,
id-disponibbiltà tal-kreditu jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.
Għall-kuntrarju, jidher li jista' jkun hemm xi impatt pożittiv
limitat, madankollu l-effetti benefiċjarji tal-Artikolu 89
jistgħu jitjiebu billi jiġu indirizzati xi elementi relatati
mal-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, peress li ma ġie
identifikat l-ebda impatt negattiv sinifikanti fir-rigward ta' rapportar ta'
informazzjoni pubblika pajjiż pajjiż, l-obbligi skont
l-Artikolu 89 tad-Direttiva 2013/36/UE ma għandhomx jiġu
differiti u għandhom jiġu applikati, kif previst, b’mod
sħiħ mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem. [1]
Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess
għall-attività ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni
prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta' ditti tal-investiment, li
temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar
id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE
ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338. [2] L-hekk
imsejħa istituzzjonijiet globali sistematikament importanti awtorizzaw
fl-Unjoni, kif identifikati internazzjonalment, l-Aġġornament
tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja ta' grupp ta' banek globali ta'
importanza sistemika fl-1 ta' Novembru 2012 http://www.financialstabilityboard.org/publications/r_121031ac.pdf. [3] Offerti
Ref MARKT/2013/205/F. [4] Firxa ta' partijiet
interessati ġew ikkonsultati inklużi organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili, gvernijiet, regolaturi, banek u
assoċjazzjonijiet kummerċjali. [5] L-istudju tal-kuntrattur
estern jista' jiġi kkonsultat fuq : http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/corporate_governance_in_financial_institutions_en.htm [6]
Sommarju tal-konsultazzjoni mal-14-il G-SIIs tal-UE jista' jiġi kkonsultat
fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/corporate_governance_in_financial_institutions_en.htm [7]
Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jiġu kkonsultati fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2014/country-by-country-crd4/contributions_en.htm [8] L-avveniment ta'
sensibilizzazzjoni sar fit-2 ta’ Ottubru 2014.
Il-parteċipanti kienu jirrappreżentaw gruppi ta’ partijiet
interessati differenti. Sommarju tad-diskussjoni jista' jiġi kkonsultat
fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/corporate_governance_in_financial_institutions_en.htm#240711 [9] Ara s-sommarju
tad-diskussjoni li seħħet fl-avveniment ta’ sensibilizzazzjoni,
it-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika u r-rapport tal-kuntrattur
estern, il-paġni 87, 91, 145-147. [10] Ara s-sommarju
tad-diskussjoni li seħħet fl-avveniment ta' sensibilizzazzjoni,
it-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika, is-sommarju
tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni tal-G-SIIs u r-rapport
tal-kuntrattur estern, paġna 139. [11] Għal aktar
dettalji, ara r-rapport tal-kuntrattur estern, paġna 97 u s-sommarju
tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni tal-G-SIIs. [12] Ir-rapport
tal-kuntrattur estern, paġni 73-83 u 84-85. [13] Għal aktar
dettalji, ara r-rapport tal-kuntrattur estern paġni 93-96. [14] Ara s-sommarju
tad-diskussjoni li seħħet waqt l-avveniment ta' sensibilizzazzjoni,
it-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika, is-sommarju
tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni tal-G-SIIs u r-rapport
tal-kuntrattur estern, paġni 140-141. [15] Ir-rapport
tal-kuntrattur estern, paġni 46-55 u 84-85. [16] Ara s-sommarju
tad-diskussjoni li seħħet waqt l-avveniment ta' sensibilizzazzjoni,
it-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika, is-sommarju
tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni tal-G-SIIs u r-rapport
tal-kuntrattur estern, paġni 142-143. [17] Ir-rapport
tal-kuntrattur estern, paġni 46-55 u 84-85. [18] Ara s-sommarju
tad-diskussjoni li seħħet fl-avveniment ta' sensibilizzazzjoni,
it-tweġibiet għall konsultazzjoni pubblika, is-sommarju
tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni tal-G-SIIs u r-rapport
tal-kuntrattur estern, paġna 144. [19] Ir-rapport
tal-kuntrattur estern, paġni 64-72 u 84-85. [20] Ir-rapport tal-kuntrattur
estern, paġni 73-83 u 84-85.