|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/296 |
13.2.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/296
tal-31 ta’ Ottubru 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-proċedura għall-approvazzjoni ta’ white paper dwar il-kriptoassi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(8), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-proċedura għall-approvazzjoni ta’ white paper dwar il-kriptoassi skont l-Artikolu 17(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1114 hija marbuta mill-qrib mal-proċedura applikabbli għan-notifika ta’ informazzjoni rilevanti lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 17(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament minħabba li l-awtorità kompetenti ma tistax tapprova l-white paper dwar il-kriptoassi fil-każ ta’ opinjoni negattiva mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jew, fejn applikabbli, mill-bank ċentrali rilevanti skont l-Artikolu 17(5), it-tielet subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. Fl-istess ħin, skont l-Artikolu 17(5) ta’ dak ir-Regolament, l-informazzjoni ppreżentata lill-BĊE u, fejn applikabbli, lill-bank ċentrali rilevanti, li abbażi tagħha għandhom joħorġu opinjoni, hija meħtieġa li tkun kompluta u li tinkludi l-white paper dwar il-kriptoassi ppreżentata mill-emittent lill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jispeċifikaw aktar il-proċedura għall-approvazzjoni ta’ white paper dwar il-kriptoassi msemmija fl-Artikolu 17(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1114 jistabbilixxu proċess simili għal dak stabbilit fl-Artikolu 17(3) ta’ dak ir-Regolament. B’mod partikolari, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jipprevedu valutazzjoni tal-kompletezza bl-istess regoli u skedi ta’ żmien bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114. |
|
(2) |
Sabiex tiġi żgurata t-tlestija rapida u effiċjenti tal-proċess ta’ approvazzjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi bl-aktar mod proporzjonat, jenħtieġ li l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi kif ukoll il-komunikazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni ieħor bejn l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-awtorità kompetenti u bejn l-awtorità kompetenti u l-BĊE jew, kif applikabbli, bank ċentrali rilevanti, issir permezz ta’ mezzi elettroniċi, li jippermettu komunikazzjoni u żamma tar-rekords aktar faċli u aktar rapidi. Minħabba l-aspettattivi għoljin ta’ diliġenza kemm fuq l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll fuq l-istituzzjonijiet, għandu jkun mistenni li jinkiseb livell għoli ta’ sigurtà. |
|
(3) |
Fejn, matul il-valutazzjoni tal-kompletezza, awtorità kompetenti ssib li l-white paper dwar il-kriptoassi jkollha neqsin xi wħud mill-elementi meħtieġa mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, u titlob lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jippreżentaw mill-ġdid il-white paper dwar il-kriptoassi b’dawk l-elementi addizzjonali, jenħtieġ li l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun tista’ turi lill-awtorità kompetenti kif l-informazzjoni addizzjonali fil-white paper riveduta tindirizza dik it-talba. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi previst li kull verżjoni riveduta tal-white paper dwar il-kriptoassi ppreżentata lill-awtorità kompetenti jkun fiha tali spjegazzjoni, kif ukoll fajl annotat tal-white paper dwar il-kriptoassi li jenfasizza b’mod ċar il-bidliet kollha li saru meta mqabbla mal-verżjoni ppreżentata ta’ qabel, u fajl finali fejn ma jiġux enfasizzati tali bidliet. |
|
(4) |
F’termini tal-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-proċedura li hija komuni għall-approvazzjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi u n-notifika lill-awtorità kompetenti, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ dik il-parti tal-proċedura li hija relatata mal-komunikazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-informazzjoni sħiħa lill-BĊE u, fejn applikabbli, lill-bank ċentrali rilevanti, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-prattikalitajiet u l-loġistika ta’ dak l-iskambju ta’ informazzjoni sabiex tiġi żgurata t-tmexxija bla xkiel u effiċjenti tiegħu. |
|
(5) |
L-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jistabbilixxi skeda ta’ żmien għall-ħruġ tal-opinjoni tal-BĊE u, kif applikabbli, tal-bank ċentrali rilevanti, iżda ma jispeċifikax l-implikazzjonijiet tal-iskadenza tal-iskeda ta’ żmien għall-valutazzjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi mill-awtorità kompetenti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-awtorità kompetenti tibda valutazzjoni sostantiva tal-white paper dwar il-kriptoassi wara opinjoni pożittiva jew wara li tgħaddi l-iskadenza għall-ħruġ tal-opinjoni. F’każ li l-BĊE jew il-bank ċentrali rilevanti joħroġ opinjoni aktar tard milli mistenni, l-awtorità kompetenti xorta tista’ tikkunsidraha sakemm ma tkunx għaddiet l-iskadenza għall-proċess ta’ approvazzjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi. |
|
(6) |
Matul il-valutazzjoni sostantiva tal-white paper dwar il-kriptoassi mill-awtorità kompetenti, li għandha l-għan li tiżgura l-konformità tal-white paper dwar il-kriptoassi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2023/1114, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tkun tista’ titlob titjib fil-white paper dwar il-kriptoassi ppreżentata mill-istituzzjoni ta’ kreditu lill-awtorità kompetenti. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-white paper dwar il-kriptoassi tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament bl-aktar mod effiċjenti, jiġifieri mingħajr ma jkollha tibda mill-ġdid il-proċedura kollha għall-approvazzjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi, li tista’ ddewwem b’mod sproporzjonat it-tnedija tat-token irreferenzjat ma’ assi. Jagħti wkoll il-possibbiltà lill-awtorità kompetenti titlob lill-istituzzjoni ta’ kreditu biex tindirizza kwalunkwe kumment jew suġġeriment tal-BĊE jew tal-bank ċentrali rilevanti fl-opinjoni pożittiva tagħha. Sabiex ikun hemm approċċ bla xkiel u armonizzat għall-proċedura ta’ approvazzjoni, jenħtieġ li tiġi speċifikata l-iskeda ta’ żmien għad-deċiżjoni finali tal-awtorità kompetenti dwar l-approvazzjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi. |
|
(7) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea. L-Awtorità Bankarja Ewropea żviluppat dan l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u mal-BĊE. |
|
(8) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ white paper dwar il-kriptoassi
1. Meta istituzzjoni ta’ kreditu tippreżenta l-white paper dwar il-kriptoassi lill-awtorità kompetenti għall-fini tal-approvazzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tipprovdi punt ta’ kuntatt għall-awtorità kompetenti biex tippreżenta l-komunikazzjonijiet kollha lilha.
2. Fuq is-sit web tagħhom l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu dettalji ta’ kuntatt għall-finijiet tal-approvazzjonijiet ta’ white papers dwar il-kriptoassi.
3. Il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ white paper dwar il-kriptoassi kif ukoll ta’ notifiki jew ta’ komunikazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u banek ċentrali u istituzzjonijiet ta’ kreditu rilevanti oħra f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom isiru b’mezzi elettroniċi.
Artikolu 2
Konferma tar-riċevuta ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ white paper dwar il-kriptoassi
1. L-awtorità kompetenti għandha tagħti konferma tar-riċevuta tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ white paper dwar il-kriptoassi fi żmien jumejn tax-xogħol wara li tirċievi l-applikazzjoni.
2. Il-konferma msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
in-numru ta’ referenza tal-applikazzjoni; |
|
(b) |
il-punt ta’ kuntatt fl-awtorità kompetenti li lilu jistgħu jiġu indirizzati mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni. |
Artikolu 3
Valutazzjoni tal-kompletezza tal-white paper dwar il-kriptoassi
L-awtorità kompetenti għandha, fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ white paper dwar il-kriptoassi, tivvaluta l-kompletezza tal-white paper dwar il-kriptoassi fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114.
Artikolu 4
Talba għal informazzjoni nieqsa għal white paper dwar il-kriptoassi
1. Meta l-awtorità kompetenti tikkonkludi li l-white paper dwar il-kriptoassi ma tkunx kompluta fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-istituzzjoni ta’ kreditu bl-informazzjoni nieqsa u għandha tistabbilixxi skadenza sa meta dik l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun meħtieġa tipprovdi l-informazzjoni nieqsa.
2. L-iskadenza għall-għoti ta’ kwalunkwe informazzjoni nieqsa msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż l-20 jum tax-xogħol mid-data tat-talba. Sakemm tgħaddi l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, għandu jiġi sospiż il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 3. Kwalunkwe talba ulterjuri mill-awtorità kompetenti għal tlestija jew għal kjarifika tal-informazzjoni għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 3 għandha tkun fid-diskrezzjoni tagħha iżda ma għandhiex tirriżulta f’sospensjoni tal-perjodu definit.
3. Wara kwalunkwe talba mill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tippreżenta white paper riveduta dwar il-kriptoassi lill-awtorità kompetenti sal-iskadenza stabbilita fit-talba. Il-preżentazzjoni mill-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tinkludi dan li ġej:
|
(a) |
il-white paper riveduta dwar il-kriptoassi f’verżjoni finali, u mhux immarkata; |
|
(b) |
il-white paper riveduta dwar il-kriptoassi f’verżjoni bil-bidliet kollha mmarkati b’mod ċar, li tenfasizza l-informazzjoni supplimentari kollha li hija ġdida meta mqabbla mal-verżjoni oriġinali tal-white paper dwar il-kriptoassi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 1; |
|
(c) |
spjegazzjoni dwar kif l-informazzjoni supplimentari, riflessa fil-verżjoni msemmija fil-punt (b), tindirizza t-talba tal-awtorità kompetenti skont il-paragrafu 1 għall-għoti ta’ informazzjoni nieqsa. |
Artikolu 5
Notifika tal-kompletezza ta’ white paper dwar il-kriptoassi
1. Fejn, wara li jitlesta l-proċess stabbilit fl-Artikolu 4, l-awtorità kompetenti tivvaluta l-white paper dwar il-kriptoassi bħala kompluta, hija għandha tinnotifika lill-istituzzjoni ta’ kreditu dwar il-kompletezza tal-white paper dwar il-kriptoassi. In-notifika għandha tistabbilixxi d-data li titqies kompluta fiha l-white paper dwar il-kriptoassi.
2. Fejn, wara li jitlesta l-proċess stabbilit fl-Artikolu 4, l-awtorità kompetenti tivvaluta l-white paper dwar il-kriptoassi bħala mhux kompluta, hija għandha tirrifjuta l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ white paper dwar il-kriptoassi u tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-istituzzjoni ta’ kreditu.
Artikolu 6
Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtorità kompetenti u l-BĊE u l-banek ċentrali rilevanti fir-rigward tal-white paper dwar il-kriptoassi
1. Il-komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 17(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandha ssir mhux aktar tard minn jumejn tax-xogħol min-notifika msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-BĊE u, fejn applikabbli, il-bank ċentrali rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 17(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament 2023/1114, għandhom, fi żmien jumejn tax-xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kompluta, jipprovdu lill-awtorità kompetenti dawn iż-żewġ punti li ġejjin:
|
(a) |
il-konferma tar-riċevuta tal-informazzjoni; |
|
(b) |
il-punt ta’ kuntatt li lilu jistgħu jiġu indirizzati mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni. |
Artikolu 7
Valutazzjoni sostantiva ta’ white paper dwar il-kriptoassi
Wara opinjoni pożittiva mill-BĊE jew, fejn applikabbli, il-bank ċentrali rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 17(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2023/1114, jew wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ 20 jum tax-xogħol stabbilit fl-Artikolu 17(5), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament mingħajr l-ebda opinjoni maħruġa mill-BĊE jew mill-bank ċentrali rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha twettaq valutazzjoni sostantiva tal-white paper dwar il-kriptoassi fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 8
Talba għal bidliet fil-white paper dwar il-kriptoassi
1. Fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mill-opinjoni pożittiva tal-BĊE jew, fejn applikabbli, il-bank ċentrali rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 17(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2023/1114, jew wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ 20 jum tax-xogħol stabbilit fl-Artikolu 17(5), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament mingħajr l-ebda opinjoni maħruġa mill-BĊE jew mill-bank ċentrali rilevanti, l-awtorità kompetenti tista’ tinnotifika l-istituzzjoni ta’ kreditu b’talba debitament ġustifikata għall-bidliet fil-white paper dwar il-kriptoassi. It-talba għandha tistabbilixxi skadenza sa meta dik l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun meħtieġa tipprovdi l-white paper aġġornata dwar il-kriptoassi.
2. L-iskadenza għall-istituzzjoni ta’ kreditu biex tipprovdi l-white paper aġġornata dwar il-kriptoassi mitluba mill-awtorità kompetenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż l-10 jum tax-xogħol wara l-ħruġ tat-talba għal bidliet mill-awtorità kompetenti.
3. Wara kwalunkwe talba mill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tippreżenta white paper riveduta dwar il-kriptoassi lill-awtorità kompetenti sal-iskadenza stabbilita fit-talba. Il-preżentazzjoni mill-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tinkludi dan kollu li ġej:
|
(a) |
il-white paper riveduta dwar il-kriptoassi f’verżjoni finali, u mhux immarkata; |
|
(b) |
il-white paper riveduta dwar il-kriptoassi f’verżjoni bil-bidliet kollha mmarkati b’mod ċar, li tenfasizza l-bidliet kollha li jkunu saru meta mqabbla mal-verżjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi ppreżentata jew f’konformità mal-Artikolu 1, jew, fejn tkun intalbet informazzjoni addizzjonali mill-awtorità kompetenti, f’konformità mal-Artikolu 4; |
|
(c) |
spjegazzjoni dwar kif il-bidliet magħmula, riflessi fil-verżjoni msemmija fil-punt (b), jindirizzaw it-talba tal-awtorità kompetenti, skont il-paragrafu 1, biex isiru bidliet sostantivi fil-white paper dwar il-kriptoassi. |
Artikolu 9
Approvazzjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi
1. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-istituzzjoni ta’ kreditu bid-deċiżjoni finali tagħha rigward l-approvazzjoni tal-white paper dwar il-kriptoassi fi żmien 10 ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi l-white paper l-ġdida dwar il-kriptoassi msemmija fl-Artikolu 8(3) jew, meta ma tintalab l-ebda bidla fil-white paper dwar il-kriptoassi, 10 ijiem tax-xogħol minn opinjoni pożittiva mill-BĊE jew, fejn applikabbli, il-bank ċentrali rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 17(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2023/1114, jew wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ 20 jum tax-xogħol stabbilit fl-Artikolu 17(5), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament mingħajr l-ebda opinjoni maħruġa mill-BĊE jew mill-bank ċentrali rilevanti.
2. Il-white paper dwar il-kriptoassi ma għandhiex tiġi ppubblikata qabel ma tkun approvatha l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/296/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)