KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑12 ta’ Frar 2026 ( 1 )
Kawża C‑837/24
NOVA IBEROMOLDES - SGPS, S.A.
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) (il-Qorti Arbitrali Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall)
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Kontribuzzjoni ta’ ishma f’kumpannija – Kompatibbiltà ta’ taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli mad-Direttiva 2008/7 – Dazji fuq trasferiment – Trasferiment indirett ta’ proprjetà immobbli permezz tat-trasferiment ta’ mill-inqas 75 % tal-ishma f’kumpannija b’assi ta’ proprjetà immobbli”
I. Introduzzjoni
|
1. |
F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina d-Direttiva 2008/7/KE, relattivament ftit magħrufa, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital”). Din id-direttiva tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu taxxi indiretti fuq id-dħul ta’ kapital. |
|
2. |
Id-domanda ta’ interpretazzjoni li għandha tingħata risposta għaliha tidher stramba f’dan ir-rigward ( 3 ), peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-ammissibbiltà ta’ taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli li, bħala regola ġenerali, ma tintaxxax biss it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli dirett, iżda wkoll it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli indirett ta’ kumpannija proprjetarja ta’ din il-proprjetà immobbli. Kemm għal raġunijiet ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll sabiex jiġu evitati arranġamenti ta’ evażjoni, dan huwa meħtieġ fid-dawl tad-dritt fiskali. Kieku ma kinitx teżisti tali leġiżlazzjoni, kieku l-proprjetajiet immobbli kollha jiġu investiti f’kumpanniji b’kapital azzjonarju u li l-ishma tagħhom sussegwentement jinbiegħu sabiex jintlaħaq ir-riżultat ekonomikament identiku, jiġifieri t-trasferiment tad-dritt tad-disponiment fuq proprjetà immobbli, mingħajr piż fiskali. |
|
3. |
Madankollu, it-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli dovuta fil-kuntest ta’ dħul ta’ kapital korporattiv (fil-kawża ineżami, fil-forma ta’ kontribuzzjoni in natura ta’ ishma ta’ kumpannija oħra proprjetarja ta’ proprjetà immobbli) tikkostitwixxi diffikultà mhux mixtieqa, b’mod partikolari fil-każ ta’ ristrutturazzjoni. Dan jispjega t-tentattiv li jiġi ppreżentat rikors kontriha abbażi tad-dritt tal-Unjoni (fil-kawża ineżami, id-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital). |
|
4. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk għandha l-okkażjoni li tippreċiża l-portata tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital. Ċertament, din id-dispożizzjoni – li ma hijiex ikkontestata – ma tipprojbixxix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu taxxa nazzjonali fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-estensjoni, neċessarja mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, għat-trasferiment ta’ ishma f’kumpanniji proprjetarji ta’ proprjetà immobbli tistax tmur kontra din id-direttiva. Jekk dan ikun il-każ, jista’ jkun li t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli ma tkunx tista’ tinġabar iktar. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali – sa fejn huwa magħruf, bħal spiss, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament paragunabbli mal-Artikolu 20 tal-Karta – ma jippermettix, bħala regola ġenerali, li tranżazzjonijiet ekonomikament identiċi jiġu ttrattati b’mod differenti. Għalhekk, għal darba oħra ( 4 ) hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar iż-żamma fis-seħħ tad-dritt fiskali nazzjonali (mhux armonizzat) tal-Istati Membri, fil-kawża ineżami it-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
5. |
Il-premessi 2 u 7 tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital jispjegaw:
[…]
|
|
6. |
L-Artikolu 1(a) u (b) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni kif ġej: “Din id-Direttiva tirregola l-impożizzjoni ta’ taxxi indiretti fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:
|
|
7. |
L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u suġġetti għall-Artikolu 4, it-transazzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati bħala ‘kontributi ta’ kapital’:
|
|
8. |
L-Artikolu 5(1)(a) u (e) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital jipprovdi: “(1) L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lill-kumpaniji ta’ kapital għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta fir-rigward ta’ dan li ġej:
[…]
|
|
9. |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital jipprevedi: “(1) Minkejja l-Artikolu 5, l-Istati Membri jistgħu jimponu d-dazji u t-taxxi li ġejjin:
[…]
|
|
10. |
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital jipprovdi: “(1) Minkejja l-Artikolu 5(1)(a), Stat Membru li fl‑1 ta’ Jannar 2006 impona dazju fuq il-kontributi ta’ kapital fuq kumpaniji ta’ kapital, minn hawn ‘il quddiem ‘dazju fuq il-kapital’, jista’ jkompli jagħmel dan sakemm jikkonforma ma’ l-Artikoli 8 sa 14.” |
|
11. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital jipprovdi: “(1) Id-dazju fuq il-kapital għandu jiġi impost b’rata unika. (2) Ir-rata ta’ dazju fuq il-kapital applikata minn Stat Membru ma tistax teċċedi r-rata applikata minn dak l-Istat Membru fl‑1 ta’ Jannar 2006. Fejn, wara dik id-data, l-Istat Membru jnaqqas ir-rata applikata, huwa ma jistax jerġa’ jintroduċi rata ogħla. (3) Fl-ebda każ ir-rata ta’ dazju fuq il-kapital ma tista teċċedi 1 %,”. |
B. Id-dritt Portugiż
|
12. |
Fl‑2003, l-Imposto Municipal sobre (as Transmissões Onerosas de) Imóveis (it-taxxa muniċipali fuq it-trasferiment bi ħlas ta’ proprjetà immobbli) ġiet inkorporata permezz tad-Digriet Liġi Nru 287/2003 tat‑12 ta’ Novembru 2003 fl-ordinament ġuridiku Portugiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi IMT”). |
|
13. |
Fiż-żmien tal-fatti (2019), l-Artikolu 2 tal-Kodiċi IMT kien jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u territorjali kif ġej: “1 – It-trasferiment bi ħlas tad-dritt għall-proprjetà jew għad-drittijiet relatati miegħu fuq proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju nazzjonali huwa intaxxat bl-IMT. 2 – Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-kunċett ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli jinkludi wkoll: […]
|
|
14. |
L-Artikolu 12 tal-Kodiċi IMT jirregola l-bażi tat-taxxa: “1 – L-IMT tapplika għall-valur speċifikat fl-att jew fil-kuntratt jew, jekk ogħla, għall-parametru referenzjarju tat-taxxa tal-proprjetà immobbli. […] 4 – Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti japplikaw bla ħsara għar-regoli li ġejjin: […] 19. Fil-każ tat-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 2(2)(d) u (e), it-taxxa hija kkalkolata kif ġej:
|
|
15. |
Ir-rati tat-taxxa stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-Kodiċi IMT ivarjaw minn 1 sa 8 fil-mija, skont il-valur tal-proprjetà immobbli. |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
16. |
Il-proċedura toriġina minn talba għal arbitraġġ imressqa minn NOVA IBEROMOLDES – SGPS, S. A., stabbilita f’Lisbona (iktar ’il quddiem NOVA), kontra l-Autoridade Tributária e Aduaneira (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tat-Taxxa”). |
|
17. |
NOVA hija kumpannija holding (sociedade gestora de participações sociais; SGPS) stabbilita fit‑28 ta’ Marzu 2019 fil-forma ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata. Il-kapital azzjonarju ta’ NOVA tħallas kollu permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura (azzjonijiet u ishma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata) miżmuma mill-azzjonista unika Iberomoldes, SGPS S.A. Għal dak li huwa rilevanti hawnhekk, dawn kienu żewġ ishma tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata “Edilásio Carreira da Silva Lda.”, li kienu jikkostitwixxu l-kapital azzjonarju kollu. |
|
18. |
Fil-mument tat-tassazzjoni, il-kumpannija “Edilásio Carreira da Silva Lda.” kienet il-proprjetarja ta’ żewġ proprjetajiet immobbli b’valur referenzjarju għal finijiet fiskali (iktar ’il quddiem il-“valur referenzjarju) ta’ EUR 140 900.00 u EUR 358 296.50. |
|
19. |
B’mod ġenerali, it-trasferimenti bi ħlas tad-dritt għall-proprjetà (jew għad-drittijiet relatati) relatati ma’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju Portugiż huma suġġetti għal taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli (l-Imposto Municipal sobre [as Transmissões Onerosas de] Imóveis – it-taxxa muniċipali fuq it-trasferiment bi ħlas ta’ proprjetà immobbli, iktar ’il quddiem l-“IMT”) Skont l-Artikolu 2(2)(d) tal-Kodiċi IMT (fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl‑2019), il-kunċett ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli jinkludi wkoll l-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji meta dawn il-kumpanniji jkunu proprjetarji ta’ proprjetà immobbli u jsiru, wara avveniment ta’ wieħed mis-soċji, detenturi ta’ mill-inqas 75 % tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija. |
|
20. |
L-awtorità tat-taxxa (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Leiria, il-Portugall) wettqet spezzjoni tat-taxxa dwar l-IMT għas-sena finanzjarja 2019, iddeterminat il-valuri netti fil-kontabbiltà tal-proprjetajiet immobbli fil‑31 ta’ Marzu 2019, u stabbiliet il-bażijiet taxxabbli għall-finijiet tal-IMT. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-proprjetajiet immobbli li jappartjenu lill-kumpannija “Edilásio Carreira Silva Lda.”, l-awtorità tat-taxxa kkonkludiet li l-ammont ta’ EUR 68 855.61, flimkien mal-interessi fl-ammont ta’ EUR 11 024.45 kienu dovuti fi ħlasijiet tal-IMT. |
|
21. |
Fit-22 ta’ Settembru 2023, NOVA ressqet it-talba għal arbitraġġ li tat lok għal din il-proċedura u kkontestat l-ammont tal-IMT fir-rigward tal-proprjetajiet immobbli li jappartjenu lill-kumpannija “Edilásio Carreira Silva Lda.” |
|
22. |
Skont NOVA, il-kawża ineżami tikkonċerna l-kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju (jiġifieri NOVA nnifisha) fil-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, li, skont l-Artikolu 5(1)(a) ta’ din id-direttiva, ma tistax tkun suġġetta għal taxxi indiretti. It-trasferiment tal-ishma tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata “Edilásio Carreira da Silva Lda.”, li seħħ permezz tad-dħul tal-assi u li wassal għall-iffissar tal-ITM inkwistjoni, ma jaqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, peress li l-“ishma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata” ma humiex titoli [fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva] u peress li l-IMT ma hijiex “dazju fuq trasferiment” (fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva). |
|
23. |
Fil-fehma tal-awtorità tat-taxxa, madankollu, id-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital tippermetti t-tassazzjoni skont l-Artikolu 6 tagħha. Skont il-Kodiċi IMT, it-trasferimenti suġġetti għal dik it-taxxa inkludew ukoll ċerti tranżazzjonijiet direttament jew indirettament konnessi mat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, b’mod partikolari l-akkwist ta’ azzjonijiet. Fil-fatt, il-Kodiċi huwa intiż preċiżament sabiex jevita li s-sjieda ta’ proprjetà immobbli tiġi akkwistata indirettament permezz tal-akkwist ta’ ishma jew ta’ azzjonijiet f’kumpanniji li fl-assi tagħhom jinkludu proprjetà immobbli, mingħajr ma titħallas it-taxxa korrispondenti. |
IV. Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari
|
24. |
It-Tribunal Arbitral Tributario (Centro de Arbitragem Administrativa) (il-Qorti Arbitrali Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-sitt domandi li ġejjin:
|
|
25. |
Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, NOVA, il-Portugall, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li ma tinżammx seduta għas-sottomissjonijiet orali. |
V. Evalwazzjoni legali
A. Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital
|
26. |
L-ewwel waħda mis-sitt domandi tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-portata tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital. L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital jipprovdi f’dan ir-rigward li l-Istati Membri ma jissuġġettawx lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju għal taxxa indiretta fuq id-dħul ta’ kapital. Skont l-Artikolu 3(a) ta’ din id-direttiva, il-kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju hija wkoll ikkunsidrata bħala dħul ta’ kapital. Dan huwa dak li ġara fil-kawża ineżami. |
|
27. |
Sabiex japplika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, it-taxxa nazzjonali fuq it-trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli (fil-kawża ineżami, l-IMT) għandha tikkostitwixxi “taxxa indiretta fuq il-ġbir tal-kapital”. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, din tapplika b’mod partikolari għat-taxxi indiretti fuq id-dħul ta’ kapital ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju. Fil-każ li IMT ma tkunx tali taxxa indiretta, id-domandi l-oħra kollha jkunu superfluwi. |
1. L-IMT bħala taxxa fuq il-ġbir ta’ kapital?
|
28. |
Mis-seba’ premessa jirriżulta li dawn huma taxxi fuq il-kapital akkumulat fil-kuntest ta’ kumpannija. |
|
29. |
Madankollu, fil-kawża ineżami, din hija taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli. Din tintaxxa t-trasferiment tas-setgħa ta’ disponiment minn proprjetà immobbli, ġeneralment permezz ta’ trasferiment ta’ proprjetà lil persuna oħra ( 5 ), u hija, bħala prinċipju, ikkalkolata abbażi tal-prezz imħallas għal dan l-għan. Il-kwistjoni dwar jekk, minn perspettiva dommatika, tali taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli għandhiex titqies bħala taxxa tranżazzjonali (li tikkorrispondi għall-interpretazzjoni storika) jew jekk hijiex taxxa fuq il-valur miżjud paragunabbli għall-VAT (li hija taxxa ġenerali fuq il-konsum) bħala taxxa fuq il-konsum speċifika tista’ titħalla miftuħa (tassazzjoni tal-akkwist ta’ proprjetà għall-konsum partikolari fil-forma ta’ proprjetà immobbli). Fi kwalunkwe każ, taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli bħala tali hija estranja għat-tassazzjoni tal-kapital akkumulat jew għad-dħul ta’ kapital. Minn dan isegwi li taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli ma hijiex taxxa pprojbita fuq id-dħul ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital. |
2. Tassazzjoni tal-akkwist indirett ta’ proprjetà immobbli bħala taxxa fuq id-dħul tal-kapital?
|
30. |
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk is-soluzzjoni mogħtija iktar ’il fuq tistax tiġi affettwata mill-fatt li t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli – bħal fil-kawża ineżami – tiġi imposta fil-kuntest tal-kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju u tal-kontribuzzjoni ta’ ishma. |
|
31. |
Anki minħabba s-sovranità fiskali tal-Istati Membri u l-kompetenzi limitati biss tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, interpretazzjoni wiesgħa fis-sens li kull taxxa marbuta ma’ kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpannija taqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-kapital ma hijiex ammissibbli. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ( 6 ) b’mod differenti fir-rigward tad-Direttiva dwar il-kumpanniji omm u s-sussidjarji, din id-dikjarazzjoni wiesgħa ħafna hija limitata għal din l-aħħar direttiva u ma tistax tiġi trasposta għad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital. Fil-fatt, kif diġà indikat ġustament il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, l-armonizzazzjoni prevista mid-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital ma testendix għat-taxxi diretti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ( 7 ), bħat-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli. |
|
32. |
Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni jekk l-IMT għandhiex tiġi kkunsidrata bħala taxxa oħra li għandha l-istess karatteristiċi bħat-taxxa fuq il-kapital u t-taxxa tal-boll, kif tindika espressament il-premessa 2, u effettivament tintaxxa l-ġbir tal-kapital, jew jekk it-taxxa tiġix imposta biss fl-okkażjoni tal-kostituzzjoni ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, iżda tirrigwarda suġġett taxxabbli differenti. Fil-fatt, id-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital tipprojbixxi biss tali taxxi li għandhom l-istess karatteristiċi, u għalhekk l-istess għan, bħal dazju fuq il-kapital ( 8 ). |
|
33. |
Fil-kawża ineżami, għandu għalhekk jiġi identifikat is-suġġett taxxabbli reali tal-IMT u għandu jiġi eżaminat jekk din tapplikax ukoll meta jiġu ttrasferiti biss ishma ta’ kumpannija li għandha proprjetà immobbli, mingħajr madankollu ma jagħtu lok għal kostituzzjoni jew kontribuzzjoni għall-kumpannija li qiegħda tiġi fformata Fil-fatt, f’tali każ, l-enfasi ma huwiex fuq il-ġbir tal-kapital, iżda qiegħed jiġi ntaxxat oġġett ieħor. |
|
34. |
Huwa wkoll f’dan is-sens li għandha tiġi interpretata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjoni li ppreċediet id-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital (Direttiva 69/335/KEE ( 9 )) fil-kuntest ta’ taxxa fuq it-trasferiment ta’ titoli. F’din il-kawża, ir-Renju ta’ Spanja kien intaxxa t-trasferiment ta’ titoli ta’ kumpanniji (tkun xi tkun il-portata tagħhom) meta l-attivi tagħhom kienu kkostitwiti f’iktar minn 50 % ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fit-territorju nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ċaħdet l-oġġezzjoni tar-Renju ta’ Spanja ( 10 ) li ma kienx it-trasferiment ta’ titoli li kien inkwistjoni f’din il-kawża, iżda t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, billi bbażat ruħha fuq il-fatt taxxabbli stess (it-trasferiment ta’ titoli). |
|
35. |
F’din il-kawża, dan ma kienx jirrigwarda trasferiment ekonomiku ta’ proprjetà immobbli, iżda biss trasferiment ta’ ishma ta’ kumpannija proprjetarja ta’ proprjetà immobbli. Għaldaqstant, l-importanza tal-ishma akkwistati ma kinitx rilevanti. It-taxxa kienet ikkalkolata wkoll skont il-valur tal-ishma u mhux skont il-valur tal-proprjetà immobbli. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-enfasi kien għaldaqstant fuq kull trasferiment ta’ ishma ta’ ċerti kumpanniji (b’ċerti attivi). Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat din it-taxxa fuq it-trasferiment ta’ titoli fid-dawl tad-dispożizzjoni preċedenti tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, filwaqt li madankollu kkonstatat il-konformità tagħha ma’ din id-direttiva ( 11 ). |
|
36. |
Huwa fl-istess sens li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ta’ proprjetà immobbli fil-kuntest ta’ kontribuzzjoni għal assi tal-kumpannija ma hijiex koperta mid-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital (ta’ dak iż-żmien), peress li din ma tikkostitwixxix dazju fuq il-kapital ( 12 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad irreferiet għas-suġġett taxxabbli u kkunsidrat li taxxa li tikkorrispondi pjuttost għal taxxa diretta fuq id-dħul ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital u għalhekk ma tikkostitwixxix taxxa pprojbita ( 13 ). Id-deċiżjoni dwar it-tariffi tar-reġistrazzjoni għan-negozjanti ssegwi wkoll din il-linja. Peress li din it-tariffa kienet tikkonċerna l-kumpanniji kollha b’kapital azzjonarju li, skont il-liġi, kellhom jitqiesu bħala kummerċjanti, iżda kienet tinkludi wkoll forom ġuridiċi oħra (imprendituri individwali), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital ma kinitx tipprekludi dan ( 14 ). |
|
37. |
F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi li joriġinaw minn Franza ( 15 ) tippreżenta l-ikbar prossimità mas-sitwazzjoni fattwali. Din it-taxxa ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, minkejja li kienet inġabret fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni ta’ żewġ kumpanniji b’kapital azzjonarju, peress li din kienet biss l-okkażjoni u mhux is-suġġett taxxabbli. Fil-fatt, it-taxxa nġabret għat-tqegħid fis-servizz ta’ vetturi bil-mutur minn persuna oħra (maħluqa mill-ġdid wara l-amalgamazzjoni) u mhux minħabba l-kontribuzzjoni lil kumpannija b’kapital azzjonarju ( 16 ). |
|
38. |
Eżami iktar fil-fond tal-leġiżlazzjoni Portugiża jippermetti li jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li ma huwiex it-trasferiment ta’ titoli jew ta’ ishma li jipprevali hawnhekk. Is-suġġett taxxabbli tal-IMT huwa – kif isostnu kemm il-Ġermanja kif ukoll il-Portugall – it-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq proprjetà immobbli. L-akkwist indirett tas-sjieda permezz tal-akkwist ta’ mill-inqas 75 % tal-ishma ta’ kumpannija proprjetarja ta’ proprjetà immobbli huwa ekwiparat ma’ dan l-akkwist dirett. |
|
39. |
Din l-ekwiparazzjoni għandha tiġi spjegata mill-fatt li, b’iktar minn 75 % tal-ishma fil-kumpannija, is-setgħa ta’ disponiment ekonomiku tiġi ttrasferita lil persuna oħra mhux biss permezz tal-kumpannija, iżda wkoll permezz tal-proprjetà immobbli tagħha. Huwa għalhekk intaxxat it-trasferiment tas-setgħa ta’ disponiment ekonomiku ta’ proprjetà immobbli minn persuna għal oħra, u mhux kwalunkwe ġbir ta’ kapital. Peress li s-setgħa ta’ disponiment ekonomiku ta’ proprjetà immobbli tista’ tiġi ttrasferita minn persuna għal oħra kemm permezz ta’ akkwist dirett (imsejjaħ asset deal) kif ukoll permezz ta’ akkwist indirett (imsejjaħ share deal), huwa komprensibbli li r-Repubblika Portugiża tittratta bl-istess mod, mill-aspett fiskali, iż-żewġ modi ta’ trasferiment tas-setgħa ta’ disponiment. |
|
40. |
Il-fatt li l-IMT ma hijiex maħsuba sabiex tintaxxa l-kapital akkumulat bil-kontribuzzjoni jew bl-ishma inkorporati, huwa evidenti li l-valur taxxabbli ma huwiex il-valur tal-proprjetà immobbli ( 17 ) inkorporata jew il-valur tal-ishma kkontribwiti iżda biss il-valur tal-proprjetà immobbli li fuqha persuna ġdida (il-kumpannija akkwirenti – fil-kawża ineżami, NOVA) tista’ minn issa ’l quddiem teżerċita kontroll ekonomiku. Dan jimmilita wkoll favur suġġett taxxabbli li ma huwiex paragunabbli ma’ dak ta’ taxxa fuq il-kapital jew fuq it-titoli. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li mhux biss il-kontribuzzjoni lil kumpannija b’kapital azzjonarju, iżda wkoll l-akkwist ta’ 75 % tal-ishma minn, pereżempju, persuna fiżika, li jiskattaw din it-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli. |
|
41. |
Inqis saħansitra li l-issuġġettar għat-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli huwa impost fil-kuntest ta’ “share deal” fir-rigward tal-ugwaljanza bejn it-tassazzjoni tal-persuni taxxabbli u t-tassazzjoni skont il-kapaċità tal-ħlas. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-issuġġettar għat-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli jista’ jiġi evitat relattivament faċilment fil-każ ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli billi tiġi ttrasferita proprjetà immobbli lil kumpannija b’kapital azzjonarju qabel il-bejgħ previst u fil-futur jiġu ttrasferiti biss l-ishma kollha tagħha. |
|
42. |
F’dan ir-rigward, it-tassazzjoni tat-trasferiment tal-maġġoranza dominanti tal-ishma ta’ kumpannija proprjetarja ta’ proprjetà immobbli tikkostitwixxi suppliment neċessarju għal taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli. Madankollu, għalkemm taxxa fuq it-trasferimenti ta’ proprjetà immobbli ma tikkostitwixxix fiha nnifisha taxxa indiretta fuq id-dħul ta’ kapital, suppliment neċessarju għal din it-taxxa lanqas ma jista’ jiġi ttrattat b’mod differenti. Tali suppliment neċessarju, li huwa marbut mat-trasferiment indirett ta’ proprjetà immobbli permezz ta’ trasferiment ta’ ishma f’kumpannija dominanti, u b’hekk jiżgura l-ugwaljanza fit-tassazzjoni u jimplimenta l-prinċipju tal-kapaċità ta’ ħlas fiskali, lanqas ma jista’ jikkostitwixxi taxxa fuq id-dħul ta’ kapital. |
3. Konklużjoni intermedja
|
43. |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ITM ma hijiex “taxxa indiretta fuq il-ġbir tal-kapital”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, b’tali mod li l-Artikolu 5(1) tagħha ma jipprojbixxix dan. |
B. Fuq il-portata tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital
|
44. |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital għad-dazju fuq trasferiment, li, bħall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6(1)(f), għandha biss natura dikjaratorja. Din tal-aħħar tippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jiġbru taxxa fuq il-valur miżjud. Fil-fatt, il-VAT lanqas ma tolqot il-ġbir tal-kapital bħal dazju fuq il-kapital (taxxa fuq il-kontribuzzjonijiet f’kumpanniji), iżda, b’mod ġenerali, il-provvista ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi. |
|
45. |
L-istess japplika għad-dazju fuq trasferiment imsemmi fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital. Dawn it-taxxi jinġabru fl-okkażjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli skont kriterji ġenerali u oġġettivi ( 18 ). Dan huwa l-każ fil-kawża ineżami. Jekk fhimt sew, l-IMT tinġabar fil-kuntest tat-trasferiment tas-sjieda legali jew ekonomika ta’ proprjetà immobbli skont kriterji ġenerali u oġġettivi hekk kif is-setgħa ekonomika ta’ disponiment minn proprjetà immobbli tiġi ttrasferita lil persuna oħra. |
|
46. |
Kuntrarjament għall-fehma ta’ NOVA u tal-Kummissjoni ( 19 ), taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli marbuta mat-trasferiment tad-dritt li wieħed jiddisponi minn proprjetà immobbli tibqa’ dazju fuq trasferiment fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, anki jekk hija biss il-bidla indiretta tat-trasferiment (“share deal”) ta’ proprjetà immobbli li hija ntaxxata. Kif diġà ġie spjegat fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, ir-rekwiżit ta’ tassazzjoni ugwali jista’ saħansitra jintaxxa t-tassazzjoni tal-bidla indiretta fis-sjieda. |
|
47. |
Fl-aħħar, ikun hemm ukoll inkonsistenza fl-interpretazzjoni mal-Artikolu 6 tal-hekk imsejħa Direttiva ATAD ( 20 ), li jirrikjedi b’mod espliċitu li l-Istati Membri jipprevjenu arranġamenti biex jiġu evitati l-leġiżlazzjonijiet fiskali u jintroduċu regola ġenerali kontra l-abbuż fil-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (mhux armonizzata). Ikun kontradittorju li d-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintaxxaw trasferiment indirett ta’ proprjetà immobbli sabiex tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli permezz tat-trasferiment ta’ kumpannija b’proprjetà immobbli. |
|
48. |
Huwa għalhekk li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital ikopri wkoll dazju fuq trasferiment indirett, bħal, fil-kawża ineżami, l-IMT, u jeskludiha, b’mod dikjaratorju, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Konsegwentement, id-domandi preliminari l-oħra kollha u, fl-aħħar mill-aħħar, is-sitt domanda, huma superfluwi. |
C. Is-sitt domanda: eċċess tar-rata tat-taxxa permessa?
|
49. |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ li l-ITM tkun kompatibbli mad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital, l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital jimponix limitazzjoni tar-rata ta’ taxxa tal-ITM. |
|
50. |
Jidhirli li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa diġà kkonfutata li l-ITM taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ġbir tal-kapital u tal-projbizzjoni skont l-Artikolu 5 tagħha. Peress li dan ma huwiex il-każ, l-Artikolu 8 ma jistax jaffettwa r-rata ta’ taxxa tal-IMT. F’dan ir-rigward, taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli – li tkopri t-trasferiment (dirett jew indirett) tas-setgħa li tiġi sfruttata proprjetà immobbli – tista’ tipprevedi rata ta’ taxxa ogħla. |
VI. Konklużjoni
|
51. |
Għaldaqstant nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Arbitral Tributario (Centro de Arbitragem Administrativa) (il-Qorti Arbitrali Fiskali (iċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall) għandha tkun kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 46, p. 11)
( 3 ) Għall-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), ir-risposta hija tant ċara li naqset milli tagħmel rinviju ta’ kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara BFH, sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2007 – II R 65/06, BStBl. II 2008, 489; punt 24) b’riferiment għas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1997, Locamion (C‑8/96, EU:C:1997:601).
( 4 ) Ara, f’kuntest ieħor, is-sentenza reċenti tad‑19 ta’ Diċembru 2024,Credit Suisse Securities (Europe), C‑601/23, EU:C:2024:1048.
( 5 ) Fil-Ġermanja, dan huwa possibbli, pereżempju, anki fl-assenza ta’ trasferiment tas-sjieda, peress li t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli tapplika wkoll għal tranżazzjonijiet legali li, mingħajr ma jistabbilixxu dritt għat-trasferiment tas-sjieda, jippermettu legalment jew ekonomikament lil persuna oħra tisfrutta proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju nazzjonali f’isimha stess (ara l-Artikolu 1(2) tal-Grunderwerbsteuergesetzes Ġermaniża (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq it-Trasferiment ta’ Proprjetà Immobbli)).
( 6 ) Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Banca Mediolanum (C‑92/24 sa C‑94/24, EU:C:2025:599, punt 41 – kwalunkwe taxxa ta’ kwalunkwe tip). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Banca Mediolanum (C‑92/24 sa C‑94/24, EU:C:2025:223, punti 37 et seq.).
( 7 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2001, P. P. Handelsgesellschaft (C‑113/99, EU:C:2001:32, punt 24), u tas‑26 ta’ Settembru 1996, Frederiksen (C‑287/94, EU:C:1996:354, punt 21).
( 8 ) Ara b’mod simili s-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Albert Reiss Beteiligungsgesellschaft (C‑466/03, EU:C:2007:385, punt 48); tat‑18 ta’ Jannar 2001, P. P. Handelsgesellschaft (C‑113/99, EU:C:2001:32, punt 27); tal‑11 ta’ Diċembru 1997, Locamion (C‑8/96, EU:C:1997:601, punt 26); tas‑26 ta’ Settembru 1996, Frederiksen (C‑287/94, EU:C:1996:354, punt 20); u tal‑11 ta’ Ġunju 1996, Denkavit Internationaal et (C‑2/94, EU:C:1996:229, punt 23). B’mod simili s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, HSBC Holdings und Vidacos Nominees (C‑569/07, EU:C:2009:594, punt 29).
( 9 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Lulju 1969 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11).
( 10 ) Digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2010, INMOGOLF (C‑487/09, EU:C:2010:586, punt 17).
( 11 ) Digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2010, INMOGOLF (C‑487/09, EU:C:2010:586, dispożittiv).
( 12 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1997, Immobiliare SIF (C‑42/96, EU:C:1997:602, punt 24).
( 13 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Optiver et (C‑22/03, EU:C:2005:143, punti 33 u 34).
( 14 ) Sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Grillo Star Fallimento (C‑443/09, EU:C:2012:213, punt 43); b’mod simili s-sentenza preċedenti tat‑13 ta’ Frar 1996, Bautiaa und Société française maritime (C‑197/94 u C‑252/94, EU:C:1996:47, punti 33 u 38), li kellha bħala bażi l-argument li t-taxxa kienet imposta fuq fużjonijiet li fihom kienu involuti biss persuni ġuridiċi jew korporazzjonijiet suġġetti għad-dazju fuq il-kapital.
( 15 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1997, Locamion (C‑8/96, EU:C:1997:601).
( 16 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1997, Locamion (C‑8/96, EU:C:1997:601, punti 30 u 31).
( 17 ) Dan il-punt huwa partikolarment enfasizzat fis-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1997, Locamion (C‑8/96, EU:C:1997:601, punt 32).
( 18 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Badischer Winzerkeller (C‑264/04, EU:C:2006:402, punt 32), u tal‑11 ta’ Diċembru 1997, Immobiliare SIF (C‑42/6, EU:C:1997:602, punt 34).
( 19 ) Madankollu, dan ir-raġunament huwa bbażat fuq taxxa b’rabta fissa fuq it-trasferiment ta’ titoli awtorizzata mill-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva fuq il-kapital u tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq id-digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2010, INMOGOLF (C‑487/09, EU:C:2010:586). Madankollu, din kienet taxxa partikolari fuq il-kummerċ tat-titoli, li ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami.
( 20 ) Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat‑12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016, L 193, p. 1). Dwar il-kwistjonijiet tal-kompetenza tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Direttiva 2016/1164 – Tassazzjoni doppja, C‑524/23, EU:C:2025:381, punti 25 et seq.).