5.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 391/45


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1923

tal-4 ta’ Novembru 2021

dwar Miżura ta’ Assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-bini ta’ kapaċità għall-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1), u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1), stabbiliet Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex jinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), il-punt (b)(i) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

Il-Bożnija-Ħerzegovina tibqa’ wieħed mill-aktar pajjiżi kkontaminati bil-mini fid-dinja, primarjament bħala riżultat tal-konflitt bejn l-1992 u l-1995. Il-preżenza ta’ mini u munizzjon mhux splodut għadha problema kbira għas-sigurtà tal-pajjiż, hija theddida diretta għall-popolazzjoni u tfixkel b’mod sever ir-riabilitazzjoni ta’ wara l-kunflitt u l-irkupru ekonomiku. Dawn l-oġġetti huma wkoll ta’ theddida għall-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) u persunal ieħor tal-UE.

(3)

Il-Ftehimiet ta’ Paċi ta’ Dayton, l-Anness 1-A dwar l-Aspetti Militari tal-Ftehim ta’ Paċi, u l-Istruzzjonijiet tal-Kmandant tal-EUFOR lill-Partijiet, il-Bidla 25, il-Kapitolu 5, jipprevedu obbligu għall-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina fir-rigward tat-tneħħija tal-mini. Il-Liġi dwar id-Difiża tal-Bożnija-Ħerzegovina tiddefinixxi l-azzjonijiet kontra l-mini bħala waħda mill-ħames missjonijiet ewlenin tal-Forzi Armati tal-Bożnija-Ħerzegovina (AFBiH). L-AFBiH hija l-akbar organizzazzjoni tat-tneħħija tal-mini fil-Bożnija-Ħerzegovina; il-proċeduri operattivi standard tagħha ġew stabbiliti għat-tneħħija ta’ mini u l-munizzjon mhux splodut (UXO) u għall-programmi ta’ taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni tar-riskju tal-UXO. Dawn ġew armonizzati kemm mal-Istandard tal-BiH għat-Tneħħija ta’ Mini u ta’ UXO kif ukoll mal-istandards internazzjonali rilevanti, inkluż l-Istandards Internazzjonali għal Azzjoni rigward il-Mini.

(4)

Il-Konklużjonijiet tal-1 ta’ Lulju 2021 tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà dwar l-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għal Lulju – Diċembru 2021 żammew bħala prijorità ewlenija għal dak il-perijodu Miżura ta’ Assistenza biex tappoġġa lill-AFBiH. L-għan tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li jtejjeb il-kapaċitajiet tal-AFBiH, bil-ħsieb li dawk il-kapaċitajiet jintużaw fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina f’missjonijiet militari tal-PSDK u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe appoġġ ieħor għat-tneħħija tal-mini ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, u t-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji b’mod ġenerali.

(5)

Fir-rapport regolari tiegħu ta’ kull sitt xhur dwar l-Operazzjoni Althea, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) enfasizza b’mod konsistenti l-ħtieġa ta’ assistenza lill-Battaljun tat-Tneħħija tal-Mini tal-AFBiH.

(6)

Fid-9 ta’ Settembru 2021, meta ġie ppreżentat is-36 rapport ta’ kull sitt xhur dwar l-Operazzjoni EUFOR Althea, il- Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) innota l-ħtieġa urġenti kontinwa li tinstab soluzzjoni biex tittejjeb il-kapaċità operattiva tal-Battaljun tat-Tneħħija tal-Mini tal-AFBiH. Għal dak il-għan, il-KPS stieden lir-Rappreżentant Għoli biex jippreżenta proposti għall-konsiderazzjoni, inkluż proposti taħt l-EPF.

(7)

Fit-18 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Bożnija-Ħerzegovina/Operazzjoni EUFOR Althea li jħeġġu lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex isaħħu l-isforzi tagħhom fir-rigward ta’ aktar rimi ta’ munizzjon, armi u splussivi żejda, u tat-tneħħija ta’ mini għal skopijiet umanitarji.

(8)

Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Jannar 2020 indirizzata lill-Kmandant tal-EUFOR, il-Ministru tad-Difiża tal-Bożnija-Ħerzegovina talab appoġġ urġenti għall-AFBiH b’tagħmir ewlieni għat-tneħħija tal-mini, filwaqt li indika l-obsolexxenza avvanzata tal-materjal eżistenti u l-impossibbiltà li jkun hemm konformità mal-objettiv stabbilit li jitneħħew il-mini kompletament mill-pajjiż sal-2027.

(9)

Fl-ittra tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2021 indirizzata lir-Rappreżentant Għoli, il-Ministeru tad-Difiża tal-Bożnija-Ħerzegovina ġedded it-talba tiegħu lill-Unjoni biex tappoġġa lill-AFBiH permezz ta’ akkwist ta’ tagħmir ewlieni għat-tneħħija tal-mini bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza tal-attivitajiet tat-tneħħija tal-mini mwettqa mill-AFBiH.

(10)

Il-Miżura ta’ Assistenza ser tiġi implimentata b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari il-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa iffinanzjati taħt l-EPF.

(11)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Twaqqif, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   Miżura ta’ Assistenza għall-benefiċċju tal-Ministeru tad-Difiża tal-Bożnija-Ħerzegovina (il-“benefiċjarju”) hija b’dan stabbilita, li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

2.   L-objettiv tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li saħħaħ u taġġorna l-kapaċitajiet tal-Battaljun tat-Tneħħija tal-Mini tal-AFBiH permezz tal-forniment ta’ tagħmir adegwat. Dan ser jikkontribwixxi biex il-Bożnija-Ħerzegovina tkun tista’ tipproteġi aħjar il-popolazzjoni ċivili tagħha u żżid il-kontribut tal-AFBiH għall-operazzjonijiet u l-missjonijiet militari tal-PSDK, filwaqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni Ewro-Atlantika u l-kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti billi ssaħħaħ u taġġorna l-kapaċitajiet tal-Battaljun tat-Tneħħija tal-Mini tal-AFBiH.

3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin:

(a)

Mobilità: 34 vettura ta’ trasportazzjoni (4×4);

(b)

Appoġġ: 34 vettura medika (4×4);

(c)

Teknoloġija: 150 dettetur tal-metall.

4.   Id-durata tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun ta’ 30 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ EUR 10 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

3.   In-nefqa taħt il-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun eliġibbli għal finanzjament għal 48 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni, bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

konformità tal-Battaljun tat-Tneħħija tal-Mini tal-AFBiH mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza għall-iskopijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li l-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati fl-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi previsti mill-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, u f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-Miżuri ta’ Assistenza taħt l-EPF.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-monitoraġġ li l-benefiċjarju qed jirrispetta għall-obbligi previsti fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 3 u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali minn unitajiet tal-AFBiH appoġġati mill-Miżura ta’ Assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir għandu jiġi organizzat kif ġej:

(i)

verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-Miżura ta’ Assistenza tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(ii)

kontroll fuq il-post, fejn il-benefiċjarju għandu jagħti lir-Rappreżentant Għoli l-possibbiltà li jwettaq kontroll fuq il-post fuq talba ta’ dan tal-aħħar.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq l-ewwel valutazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza 18-il xahar wara l-konsenja tat-tagħmir. Fejn meħtieġ, dan jista’ jinvolvi żjara fuq il-post tat-tagħmir ikkonsenjat. Għandha ssir evalwazzjoni finali malli l-Miżura ta’ Assistenza titlesta. Din għandha tinkludi eżerċizzju usa’ tat-tagħlimiet meħuda.

Artikolu 6

Rapportar

Matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-ħruġ, f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill itemm il-Miżura ta’ Assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).