SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)
30 ta’ April 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Regolament (UE) 833/2014 – Artikolu 5i(2)(a) – Projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus iddenominati f’euros – Deroga f’każ ta’ esportazzjoni meħtieġa għall-użu personali – Karti tal-flus maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż mediċi”
Fil-Kawża C‑246/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ April 2024, fil-proċeduri kriminali kontra
ZZ,
fil-preżenza ta’:
Generalstaatsanwaltschaft Frankfurt am Main,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan, J. Passer u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal ZZ, minn M. Amiragov, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Carpus-Carcea u M. Kellerbauer, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5i(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/595 tal‑11 ta’ April 2022 (ĠU 2022, L 114 I, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra ZZ għal tentattiv ta’ esportazzjoni illegali ta’ karti tal-flus lejn ir-Russja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 833/2014
|
3 |
Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014 tipprevedi: “Fit‑22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] ikkonkluda li jekk ir-Russja ma tweġibx għat-talbiet ifformulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas‑27 ta’ Ġunju 2014 u l-konklużjonijiet tiegħu tat‑22 ta’ Lulju, huwa jkun lest biex mingħajr dewmien jintroduċi pakkett ta’ miżuri restrittivi ulterjuri sinifikanti. Huwa għalhekk meqjus xieraq li jiġu applikati miżuri restrittivi addizzjonali bil-għan li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ‘l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Dawn il-miżuri se jinżammu taħt osservazzjoni u jistgħu jiġu sospiżi jew irtirati, jew jiġu supplimentati minn miżuri oħra restrittivi, fid-dawl ta ’ żviluppi fuq il-post.” |
|
4 |
L-Artikolu 5i ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “1. Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru lir-Russja jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluż il-gvern u l-Bank Ċentrali tar-Russja, jew għall-użu fir-Russja. 2. Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każ ta’ bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat membru sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jkunu neċessarji għal:
|
Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/346
|
5 |
Il-premessi 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/346 tal-Kunsill tal‑1 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 63, p. 5), huma fformulati kif ġej: “Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi […] Huwa xieraq ukoll li tiġi pprojbita, suġġetta għal ċerti eċċezzjonijiet, il-provvista ta’ karti tal-flus tal-euro lir-Russja.” |
Ir-Regolament (UE) 2022/345
|
6 |
Il-premessi 2, 3 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/345 tal‑1 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2002, L 63, p. 1) jipprevedu:
[…]
|
Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/578
|
7 |
Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/578 tal-Kunsill tat‑8 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 111, p. 70), tistabbilixxi: “Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’risposta għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi. B’mod partikolari, huwa xieraq li […] tiġi estiża għal kartieri kripto, kif ukoll li l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati f’euro u fuq il-bejgħ ta’ titoli trasferibbli denominati f’euro jiġu estiżi għall-muniti uffiċjali kollha tal-Istati Membri. […]” |
Id-dritt Ġermaniż
|
8 |
Skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 18(1) tal-Außenwirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Kummerċ Barrani), tas‑6 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1482), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AWG”), kull persuna li tikser projbizzjoni ta’ esportazzjoni, ta’ importazzjoni, ta’ tranżitu, ta’ trasferiment, ta’ bejgħ, ta’ xiri, ta’ kunsinna, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, ta’ trażmissjoni jew ta’ investiment stabbilita f’att ġuridiku tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-Unjoni Ewropea direttament applikabbli, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li sservi għall-implementazzjoni ta’ sanzjoni ekonomika adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni għandha tkun suġġetta għal piena ta’ priġunerija minn tliet xhur sa ħames snin. |
|
9 |
Skont l-Artikolu 18(6) tal-AWG, it-tentattiv li jitwettaq wieħed minn dawn ir-reati huwa suġġett għal sanzjonijiet kriminali. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
10 |
Fil‑31 ta’ Mejju 2022, ZZ marret l-ajruport ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja) bl-intenzjoni li tieħu titjira b’destinazzjoni għal Istanbul (it-Turkija), u sussegwentement, minn hemm, titjira lejn Moska (ir-Russja), sabiex tirrisjedi fir-Russja mill‑31 ta’ Mejju sal‑21 ta’ Ġunju 2022. |
|
11 |
Fl-okkażjoni tal-kontroll doganali mwettaq fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main, ġie kkonstatat li ZZ kienet fil-pussess ta’ EUR 14855 u ta’ 99150 Rublu Russu f’karti tal-flus, li hija ma kinitx iddikjarat minn qabel lid-dwana, intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħha kif ukoll sabiex jiffinanzjaw trattamenti mediċi li kellhom jingħataw fir-Russja, jiġifieri kura dentali, trattament ormonali fi klinika ta’ assistenza medika fil-prokreazzjoni u trattament ta’ segwitu għal operazzjoni mammarja fi klinika ta’ kirurġija tal-plastik. |
|
12 |
Il-karti tal-flus iddenominati f’euro ġew issekwestrati fl-ammont ta’ EUR 13800, filwaqt li l-karti tal-flus li kien fadal tħallih għal użu personali sabiex ikopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħha. ZZ finalment irrinunzjat għall-vjaġġ tagħha. |
|
13 |
L-Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) iddikjarat lil ZZ ħatja tad-delitt ta’ tentattiv ta’ esportazzjoni illegali ta’ karti tal-flus, skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 18(1) u (6) tal-AWG, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5i(1) tar-Regolament Nru 833/2014. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni legali tagħha, din il-qorti, billi bbażat ruħha fuq il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament u fuq l-indikazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu personali”, fis-sens tal-Artikolu 5i(2)(a) tal-imsemmi regolament, li jinsabu fis-sit internet tal-Kummissjoni Ewropea, qieset li l-karti tal-flus iddenominati f’euro meħuda mill-akkużata fil-kawża prinċipali mal-ħruġ tagħha mit-territorju Ġermaniż ma kinux jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. |
|
14 |
ZZ ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra s-sentenza tal-ewwel istanza. |
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014 taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja u li din għadha ma ddeċidietx fuq dan il-punt. Hija żżid li din l-interpretazzjoni ma hijiex evidenti li tippermetti li jiġi eskluż kull dubju raġonevoli. |
|
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin: “L-esportazzjoni ta’ karti tal-flus iddenominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru tkun neċessarja għall-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jkunu qegħdin jivvjaġġaw lejn ir-Russja, fis-sens tal-Artikolu 5i(2)(a) tar-[Regolament Nru 833/2014], f’sitwazzjoni fejn dawn il-karti tal-flus ikunu intiżi li jintużaw għal trattamenti mediċi li din il-persuna tkun ser tirċievi fir-Russja (f’dan il-każ, kura dentali, trattament ormonali fi klinika li tipprovdi assistenza għat-tnissil u trattament ta’ kontroll sussegwenti għal operazzjoni fuq is-sider fi klinika ta’ kirurġija plastika)?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
17 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-esportazzjoni minn persuna li tivvjaġġa lejn ir-Russja ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro, sabiex tiffinanzja trattamenti mediċi li din il-persuna tixtieq tibbenefika minnhom f’dan il-pajjiż terz, tikkostitwixxi esportazzjoni neċessarja għall-użu personali tal-imsemmija persuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
18 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑783/19, EU:C:2021:713, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
19 |
Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 5i(1) tar-Regolament Nru 833/2014, huwa pprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru lil jew lejn ir-Russja jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluż il-gvern u l-Bank Ċentrali tar-Russja, jew għall-finijiet ta’ użu fir-Russja. |
|
20 |
Madankollu, konformement mal-Artikolu 5i(2)(a) ta’ dan ir-regolament, tali projbizzjoni ma tapplikax għall-bejgħ, għall-provvista, għat-trasferiment jew għall-esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru sakemm il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jkunu neċessarji għall-użu personali tal-persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn ir-Russja jew ta’ qraba viċini tagħhom li jivvjaġġaw magħhom. |
|
21 |
B’hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5i(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jirriżulta li l-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-bejgħ, għall-provvista, għat-trasferiment jew għall-esportazzjoni ta’ karti tal-flus iddenominati b’mod partikolari f’euro lil “kwalunkwe” persuna fiżika jew ġuridika, għal “kwalunkwe” entità jew korp “fir-Russja” jew “għall-użu fir-Russja”. |
|
22 |
Din il-formulazzjoni tissuġġerixxi li, billi jipprevedi din il-projbizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jeskludi, b’mod ġenerali, it-tqegħid għad-dispożizzjoni, kemm mingħajr ħlas kif ukoll bi skambju għal oġġetti jew għal servizzi, ta’ flus kontanti ddenominati f’euro jew f’munita oħra ta’ Stat Membru għall-benefiċċju ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li hija stabbilita fir-Russja. |
|
23 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-eċċezzjoni għal tali projbizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, qabel kollox, it-tifsira u l-portata tal-kliem “użu personali” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, li la din u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 tiegħu, ma jinkludu definizzjoni, għandhom jiġu ddeterminati konformement mas-sens abitwali ta’ dan il-kliem fil-lingwaġġ komuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam), C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-imsemmija kliem jindikaw, fis-sens komuni tagħhom, użu għall-bżonnijiet proprji tal-persuna kkonċernata, għall-kuntrarju, b’mod partikolari, ta’ użu għal finijiet professjonali, kummerċjali jew ta’ investiment. |
|
24 |
Sussegwentement, il-kelma “neċessarji”, li tinsab ukoll fl-imsemmija dispożizzjoni, timplika, konformement mas-sens abitwali tagħha, li, sabiex tiġi evitata l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5i(1) ta’ dan ir-regolament, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro għandhom ikunu indispensabbli sabiex jiġu ssodisfatti tali bżonnijiet. |
|
25 |
Fl-aħħar nett, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni huma, skont l-Artikolu 5i(2) tar-Regolament Nru 833/2014, dawk neċessarji għall-użu personali “ta’ persuni fiżiċi li jkunu qed jivvjaġġaw lejn ir-Russja jew il-membri tal-familji immedjati tagħhom li jkunu qed jivvjaġġaw magħhom”. Dawn il-kliem jissuġġerixxu li l-flus kontanti ddenominati f’euro li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma permessi skont din id-dispożizzjoni għandhom ikunu maħsuba sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom stess matul il-vjaġġ u r-residenza tagħhom fir-Russja. |
|
26 |
Għaldaqstant, mill-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014 jirriżulta li huma esklużi mill-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 5i, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, minn persuna li tivvjaġġa lejn ir-Russja, tal-flus kontanti ddenominati f’euro li hija neċessarja għaliha sabiex takkwista oġġetti jew servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ikkawżati mill-vjaġġ u mir-residenza fir-Russja ta’ din il-persuna u, jekk ikun il-każ, tal-qraba viċini tagħha li jivvjaġġaw magħha. |
|
27 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5i(1) ta’ dan ir-regolament. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett sabiex ir-regoli ġenerali ma jitilfux is-sustanza tagħhom (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 120 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, bħal dik difiża mill-akkużata fil-kawża prinċipali, li tgħid li huwa biżżejjed li l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus iddenominati f’munita ta’ Stat Membru ma jsegwux għan kummerċjali, professjonali jew ta’ investiment sabiex ikunu jistgħu jaqgħu taħt l-imsemmija eċċezzjoni, tneħħi s-sustanza tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5i(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, huwa possibbli, f’dan il-każ, li jiġu ttrasferiti fir-Russja, mingħajr restrizzjoni, somom ta’ flus iddenominati f’tali munita sabiex hemmhekk isir xiri personali ta’ kull natura, li, barra minn hekk, it-twettiq effettiv tiegħu jkun diffiċli li jiġi vverifikat. |
|
29 |
Konsegwentement, hija biss interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni msemmija minnha, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment u l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus iddenominati f’munita ta’ Stat Membru li l-użu tagħhom huwa intiż li jiffinanzja l-ispejjeż sostnuti mill-vjaġġ u mir-residenza tal-persuna li tmur ir-Russja u tal-qraba viċini tagħha li jivvjaġġaw magħha, li tippermetti li tiġi ggarantita interpretazzjoni stretta ta’ din l-eċċezzjoni mingħajr ma titneħħa s-sustanza tar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 5i(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
30 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 833/2014, mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament jirriżulta, minn naħa, li dan għandu l-għan li japplika miżuri restrittivi addizzjonali “bil-għan li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ‘l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi”. Barra minn hekk, skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2022/578, il-Kunsill qies li kien xieraq, “[f]id-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’risposta għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna”, li jiġu introdotti miżuri restrittivi ġodda, b’mod partikolari billi tiġi estiża l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro għall-muniti uffiċjali kollha tal-Istati Membri. |
|
31 |
Tali projbizzjoni hija intiża, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex tevita li s-sistema ekonomika Russa tibbenefika mill-aċċess għal flus kontanti ddenominati fi kwalunkwe munita ta’ Stat Membru sabiex tkompli żżid l-ispiża tal-azzjonijiet tar-Russja fir-rigward tal-Ukraina. |
|
32 |
Fir-rigward, barra minn hekk, tal-għan li għandu jintlaħaq mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, fid-dawl tal-fatt li l-Unjoni ma adottatx miżuri restrittivi dwar il-moviment tal-persuni lejn ir-Russja għal finijiet b’mod partikolari, tat-turiżmu, u li huwa indispensabbli għall-persuni li jivvjaġġaw u li jirrisjedu f’dan il-pajjiż terz li jiksbu, abbażi ta’ dan, ċerti oġġetti u servizzi, l-introduzzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ din l-eċċezzjoni, li tikkonċerna preċiżament il-persuni li jmorru r-Russja u l-qraba l-iktar mill-qrib tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, għandha tinftiehem bħala intiża biss sabiex tiggarantixxi l-effettività tad-dritt għal tali moviment. |
|
33 |
F’dan il-kuntest, minn naħa, interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, fis-sens li huma biss il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment u l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro u intiżi sabiex jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tar-residenza tal-persuna li tmur fir-Russja u tal-qraba l-iktar qrib tagħha li jivvjaġġaw magħha li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija konformi mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament imfakkra fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza. |
|
34 |
Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, sa fejn tiggarantixxi li persuna li tmur ir-Russja jista’ jkollha l-flus kontanti neċessarji sabiex takkwista l-oġġetti u s-servizzi indispensabbli sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tagħha matul il-vjaġġ u r-residenza tagħha fir-Russja u, jekk ikun il-każ, dawk tal-qraba l-iktar qrib tagħha li jivvjaġġaw magħha, tippermetti wkoll li jinkiseb l-għan li għandu jintlaħaq minn din l-eċċezzjoni, jiġifieri li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt li wieħed jivvjaġġa fir-Russja. |
|
35 |
Minn dan isegwi li l-esportazzjoni minn persuna li tivvjaġġa lejn ir-Russja ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro sabiex tiffinanzja trattamenti mediċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, peress li tali trattamenti ma jissodisfawx bżonnijiet ikkawżati mill-vjaġġ jew mir-residenza ta’ din il-persuna fir-Russja. |
|
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament Nru 833/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esportazzjoni minn persuna li tivvjaġġa lejn ir-Russja ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro, sabiex tiffinanzja trattamenti mediċi li din il-persuna tixtieq tibbenefika minnhom f’dan il-pajjiż terz, ma tikkostitwixxix esportazzjoni neċessarja għall-użu personali tal-imsemmija persuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
37 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 5i(2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/595 tal‑11 ta’ April 2022, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
l-esportazzjoni minn persuna li tivvjaġġa lejn ir-Russja ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro, sabiex tiffinanzja trattamenti mediċi li din il-persuna tixtieq tibbenefika minnhom f’dan il-pajjiż terz, ma tikkostitwixxix esportazzjoni neċessarja għall-użu personali tal-imsemmija persuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.