|
10.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 175/24 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1432
tas-7 ta’ Lulju 2023
dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż għas-Sustanzi Kimiċi li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2023) 4493)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-28 ta’ Settembru 2022, f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-Uffiċċju Federali Ġermaniż għas-Sustanzi Kimiċi (“l-awtorità kompetenti tal-Ġermanja”) adotta deċiżjoni biex ikunu jistgħu jsiru t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF mill-utenti professjonali għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”) mis-7 ta’ Ottubru 2022 sal-5 ta’ April 2023. F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha. |
|
(2) |
Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tal-Ġermanja, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru hija kkawżata minn mikroorganiżmi, bħall-batterji, il-moffa u l-ħmira, li jikbru fl-ilma qiegħed u jieħdu vantaġġ mill-idrokarburi fil-fjuwil fl-interfaċċa bejn il-fjuwil u l-ilma. Mingħajr trattament, il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magni tal-inġenji tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tagħhom, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-prevenzjoni u t-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika, meta tiġi identifikata, huma għalhekk kruċjali sabiex jiġu evitati problemi operattivi fl-inġenji tal-ajru. |
|
(3) |
Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 14697-50-8) bħala sustanzi attivi. Biobor JF huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6, (“preservattivi għal prodotti matul il-ħżin”), kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) ma ġewx evalwati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6. Billi dawk is-sustanzi mhumiex elenkati fost il-kombinamenti ta’ sustanzi/tipi ta’ prodotti inklużi fil-programm ta’ rieżami fis-17 ta’ Marzu 2022, kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma japplikax għal dawk is-sustanzi attivi u dawn għandhom jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkunu fihom ikunu jistgħu jiġu awtorizzati wkoll fil-livell nazzjonali. |
|
(4) |
Fis-27 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti tal-Ġermanja biex tippermetti l-estensjoni tal-azzjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret abbażi ta’ tħassib li s-sikurezza tat-trasport tal-ajru tista’ tkompli tiġi pperikolata mill-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u abbażi tal-argument li Biobor JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika. |
|
(5) |
Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Ġermanja, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenju tal-ajru għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (jiġifieri, Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji severi fl-imġiba tal-magni tal-inġenji tal-ajru li kienu osservati wara t-trattament b’dak il-prodott. Għalhekk, Biobor JF huwa l-uniku prodott disponibbli għal dak l-użu rrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru. |
|
(6) |
Kif indikat mill-awtorità kompetenti tal-Ġermanja, it-tindif manwali tat-tankijiet tal-fjuwil huwa possibbli biss meta sar isir skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattur. Madankollu, ħafna drabi t-tindif manwali jkun akkumpanjat minn trattament bijoċidali, kif meħtieġ skont proċeduri tal-avjazzjoni miftiehma, u jeħtieġ ir-rimi tal-fjuwil tal-avjazzjoni kkontaminat kollu, u xogħol impenjattiv fiżikament u mentalment fit-tank dejjaq tal-fjuwil skont bosta prekawzjonijiet tas-sikurezza. Għalhekk, it-tindif manwali tat-tankijiet tal-fjuwil jenħtieġ li jiġi evitat kemm jista’ jkun. |
|
(7) |
Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, il-manifattur ta’ Biobor JF ħa passi għal awtorizzazzjoni tal-prodott. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih Biobor JF hija mistennija li tiġi ppreżentata fl-ewwel nofs tal-2024. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni possibbli tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda dawk il-proċeduri jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien biex jitlestew. |
|
(8) |
In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jitrażżan biżżejjed bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għaldaqstant jixraq li l-awtorità kompetenti tal-Ġermanja titħalla testendi l-azzjoni. |
|
(9) |
Billi l-azzjoni skadiet fil-5 ta’ April 2023, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Uffiċċju Federali Ġermaniż għas-Sustanzi Kimiċi jista’ jestendi l-azzjoni sas-7 ta’ Ottubru 2024 biex ikunu jistgħu jsiru t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF mill-utenti professjonali għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Uffiċċju Federali Ġermaniż għas-Sustanzi Kimiċi.
Għandha tapplika mis-6 ta’ April 2023.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294 10.10.2014, p. 1).