SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
27 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Speċifikazzjonijiet tekniċi – Offerta ta’ provvista ta’ partijiet ta’ bdil ekwivalenti għall-oriġinali ta’ marka preċiża – Assenza ta’ prova ta’ approvazzjoni – Dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza għall-oriġinal mill-offerent – Kunċett ta’ ‘manifattur’ – Mezzi ta’ prova – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/25/UE”
Fil-Kawżi magħquda C‑68/21 u C‑84/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 u l‑11 ta’ Frar 2021, fil-proċedura
Iveco Orecchia SpA
vs
APAM Esercizio SpA (C‑68/21),
Brescia Trasporti SpA (C‑84/21),
fil-preżenza ta’:
Veneta Servizi International Srl unipersonale,
VAR Srl,
Di Pinto fiċjali Dalessandro SpA,
Bellizzi Srl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Iveco Orecchia SpA, minn F. Brunetti u A. Vitale, avvocati, |
|
– |
għal APAM Esercizio SpA, minn E. Zani, avvocato, |
|
– |
għal Brescia Trasporti SpA, minn A. Salvadori, avvocato, |
|
– |
għal Veneta Servizi International Srl unipersonale, minn S. Lago, A. Calegari, N. Creuso, N. de Zan u A. Manzi, avvocati, |
|
– |
għal Var Srl, minn M. Goria u S. Viscio, avvocati, |
|
– |
għal Di Pinto & Dalessandro SpA kif ukoll għal Bellizzi Srl, minn M. Lancieri, avvocato, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Pluchino, avvocatessa dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, M. Huttunen u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Mejju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punt 27 tal-Artikolu 3 kif ukoll tal-Artikoli 10, 19 u 28 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1) kif ukoll tal-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [għoti ta’ kuntratti] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija u s-servizzi postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn Iveco Orecchia SpA, minn naħa, u APAM Esercizio SpA (C‑68/21) u Brescia Trasporti SpA (C‑84/21), min-naħa l-oħra, dwar żewġ kuntratti pubbliċi mogħtija minn dawn tal-aħħar. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2007/46
|
3 |
Skont il-premessi 2, 3 u 14 tad-Direttiva 2007/46:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz tal-partijiet u t-tagħmir maħsuba għall-vetturi approvati skond din id-Direttiva. Ħtiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV”. |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tapplika għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi mfassla u mibnija fi stadju wieħed jew aktar għall-użu fit-triq, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati mfassla u mibnija għal tali vetturi. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor hemmhekk:
[…]
[…]
[…]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Obbligi tal-manufatturi”: “1. Il-manifattur hu responsabbli lejn l-awtorità ta’ l-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess ta’ approvazzjoni u biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni, kemm jekk il-manifattur hu involut direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata kif ukoll jekk le. […]” |
|
8 |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati”, huwa fformularj: “1. L-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE fir-rigward ta’ sistema li tikkonforma mad-dettalji fil-folder ta’ informazzjoni u li tissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi stipulati fid-Direttiva, jew ir-Regolament, separat rilevanti, kif hemm preskritt fl-Anness IV jew l-Anness XI. 2. L-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE lil komponent jew unità teknika separata fir-rigward ta’ komponent jew unità teknika separata li tikkonforma mad-dettalji fil-folder ta’ informazzjoni u li tissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi stipulati fid-Direttiva, jew ir-Regolament, separat rilevanti, kif hemm preskritt fl-Anness IV. […]” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE”: “1. Il-manifattur ta’ komponent jew unità teknika separata, kemm jekk hi parti minn sistema kif ukoll jekk le, għandu jwaħħal ma’ kull komponent jew unità manifatturata f’konformità mat-tip approvat il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE meħtieġa mid-Direttiva jew ir-Regolament separat rilevanti. 2. Meta ma tkunx meħtieġa marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE, il-manifattur għandu jwaħħal ta’ l-inqas: l-isem jew il-marka kummerċjali [trade mark], u n-numru tat-tip u/jew numru ta’ identifikazzjoni tiegħu. […]” |
|
10 |
L-artikolu 28 ta’ din id-direttiva, intitolat “Bejgħ u dħul fis-servizz ta’ komponenti u unitajiet tekniċi separati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ komponenti jew unitajiet tekniċi separati fil-każ biss li jikkonformaw mal-ħtiġijiet ta’ l-atti regolatorji rilevanti u li huma mmarkati kif suppost skond l-Artikolu 19.” |
|
11 |
L-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Informazzjoni intiża għal manifatturi ta’ komponenti jew unitajiet tekniċi separati” jipprevedi: “Il-manifattur tal-vettura għandu jagħmel disponibbli lill-manifatturi ta’ komponenti jew unitajiet tekniċi separati dawk id-dettalji kollha, inkluż, kif jista’ jkun il-każ, tpinġijiet speċifikament elenkati fl-anness jew l-appendiċi għal att regolatorju li huma meħtieġa għal approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ komponenti jew unitajiet tekniċi separati, jew meħtieġa biex tinkiseb awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 31. […]” |
|
12 |
L-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Rekwiżiti għall-iskop tal-approvazzjoni tat-tip KE tal-vetturi” fih żewġ partijiet. Fil-parti I ta’ dan l-anness, tinsab il-lista tal-atti regolatorji tal-Unjoni, filwaqt li l-Parti II telenka ċerti regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), filwaqt li tippreċiża li approvazzjoni skont dawn ir-regolamenti għandha titqies li tissostitwixxi approvazzjoni tat-tip KE skont id-direttiva partikolari jew ir-regolament partikolari msemmi fit-tabella tal-Parti I. |
Ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002
|
13 |
L-Artikolu 1(u) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal‑31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 158), li, skont l-Artikolu 12(3) tiegħu, skada fil‑31 ta’ Mejju 2010, kien jiddefinixxi: “‘spare parts ta’ kwalità li taqbel’ tfisser esklusivament li ‘spare parts’ magħmula minn kwalsijasi mpriża li tista’ tiċċertifika f’kull moment li l-partijiet inkwistjoni jaqblu mal-kwalità tal-komponenti li huma jew kienu wżati għall-assemblaġ tal-imsemmija vetturi bil-mutur”. |
Id-Direttiva 2014/25
|
14 |
Il-premessi 56 u 83 tad-Direttiva 2014/25 huma b’hekk ifformulati:
[…]
|
|
15 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li: “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-entitajiet kontraenti fir-rigward ta’ kuntratti kif ukoll kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stipulati fl-Artikolu 15. 2. Fis-sens ta’ din id-Direttiva l-akkwist huwa l-akkwist, permezz ta’ kuntratt ta’ provvisti, xogħlijiet jew servizzi ta’ xogħlijiet, ta’ provvisti jew servizzi minn entità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-entitajiet kontraenti, dejjem jekk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jkunu maħsuba għall-kisba ta’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14.” |
|
16 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘awtoritajiet kontraenti’ tfisser awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika, l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati mil-liġi pubblika”. |
|
17 |
L‑Artikolu 4(1)(a) tad‑Direttiva 2014/25 jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, entitajiet kontraenti huma entitajiet li:
|
|
18 |
Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Servizzi ta’ trasport”: “Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil. […]” |
|
19 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi li din kienet tapplika, fir-rigward tal-kuntratti ta’ provvisti, għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kien daqs jew ogħla mil-limitu ta’ EUR 414000, sakemm dawn il-kuntratti ma kinux esklużi bis-saħħa tal-esklużjonijiet previsti fl-Artikoli 18 sa 23 jew skont l-Artikolu 34 dwar it-tkomplija tal-attività inkwistjoni. |
|
20 |
L-Artikolu 60 tal-istess direttiva, intitolat “Speċifikazzjonijiet tekniċi messi”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti fil-punt 1 tal-Anness VIII għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumenti tal-akkwist. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistabbilixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ xogħlijiet, servizz jew provvista. […] 2. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura tal-akkwist u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist pubbliku għal kompetizzjoni. 3. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin: […]
[…] 4. Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marki kummerċjali [trade marks], privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din ir-referenza għandha tkun permessa, fuq bażi eċċezzjonali, fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u intelliġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafu 3. Din ir-referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’. 5. Fejn entità kontraenti tuża l-għażla li tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3, ma għandhiex tiċħad offerta minħabba r-raġuni li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għalihom ġiet ippreżentata l-offerta ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li hi rreferiet għalihom, ladarba l-offerent jagħti prova fl-offerta tiegħu bi kwalunkwe mezz adatt, inkluż il-mezz ta’ prova msemmi fl-Artikolu 62 li s-soluzzjonijiet proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’mod ekwivalenti. […]” |
|
21 |
Skont l-Artikolu 62 tad-Direttiva 2014/25 intitolat “Rapporti tat-test, ċertifikazzjoni u mezzi oħra ta’ prova”: “1. L-entitajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu rapport tat-test minn korp għall-valutazzjoni tal-konformità jew ċertifikat maħruġ minn tali korp bħala mezz ta’ prova ta’ konformità mar-rekwiżiti jew kriterji stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-kriterji tal-għoti jew fil-kondizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt. Fejn l-entitajiet kontraenti jirrikjedu l-preżentazzjoni ta’ ċertifikati mfasslin minn korp għall-valutazzjoni tal-konformità speċifiku, l-entitajiet kontraenti għandhom jaċċettaw ukoll ċertifikati minn korpi għall-valutazzjoni tal-konformità ekwivalenti oħrajn. 2. L-entitajiet kontraenti għandhom jaċċettaw mezzi adatti oħra ta’ prova li huma differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, bħal dossier tekniku tal-manifattur, fejn l-operatur ekonomiku konċernat ma kellux aċċess għaċ-ċertifikati jew għar-rapporti dwar l-ittestjar imsemmija fil-paragrafu 1, jew l-ebda possibilità li jiksibhom fil-limiti taż-żmien rilevanti, sakemm in-nuqqas ta’ aċċess mhuwiex attribwibbli lill-operatur ekonomiku konċernat u sakemm l-operatur ekonomiku konċernat jagħti prova li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jissodisfaw ir-rekwiżiti jew il-kriterji stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-kriterji tal-għoti jew fil-kondizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt. […]” |
Id-dritt Taljan
Id-Digriet Nru 32721 tal-Ministeru għall-Infrastruttura u t-Trasport tat‑28 ta’ April 2008
|
22 |
Id-Direttiva 2007/46 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-decreto no 32721 del Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti – Recepimento della direttive 2007/46/KE del Parlamento europeo e del Consiglio del 5 settembre 2007, relativa all’ omologazione dei veicoli a motore e dei loro rimorchi, nonché dei sistemi, Componenti ed entità tecniche destinati a tali veicoli (id-Digriet Nru 32721 tal-Ministeru għall-Infrastruttura u t-Trasport li Jittrasponi d-Direttiva 2007/46 tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi), tat‑28 ta’ April 2008 (Suppliment Ordinarju għall-ĠURI Nru 162, tat‑12 ta’ Lulju 2008). |
|
23 |
Dan id-digriet jiddefinixxi, fl-Artikolu 3(ff), il-“manifattur” bħala “il-persuna jew il-korp responsabbli quddiem l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess ta’ approvazzjoni skont it-tip jew tal-awtorizzazzjoni u tal-konformità tal-produzzjoni. Mhux essenzjali li l-persuna jew il-korp tkun involuta direttament fl-istadji kollha tal-manifattura tal-vettura, tas-sistema, ta’ komponent jew ta’ unità teknika separata suġġetta għal approvazzjoni”. |
Id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 445 tat‑28 ta’ Diċembru 2000
|
24 |
Skont l-Artikolu 49 tad-decreto del Presidente della Repubblica no 445 –Testo unico delle disposizioni legislative e regolamentari in materia di documentazione amministrativa (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 445 – Test Uniku tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi u Regolamentari fil-qasam tad-Dokumentazzjoni Amministrattiva) tat‑28 ta’ Diċembru 2000 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 42 tal‑20 ta’ Frar 2001), “iċ-ċertifikati […] oriġinali, ta’ konformità KE, tat-trade marks jew tal-privattivi ma jistgħux jiġu ssostitwiti b’dokument ieħor, sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix mod ieħor”. |
Id-Digriet leġiżlattiv Nru 50/2016 tat‑18 ta’ April 2016
|
25 |
Skont l-Artikolu 68 tad-decreto legislativo no 50 – Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50, dwar il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), tat‑18 ta’ April 2016 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 91, tad‑19 ta’ April 2016): “1. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti f’punt 1 tal-Anness XIII jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt u jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tax-xogħlijiet, tas-servizzi jew tal-provvisti. […] […] 5. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu fformulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin: […] b) permezz ta’ riferiment għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, fl-ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, il-Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-istandards internazzjonali, sistemi ta’ riferimenti tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew, fl-assenza tagħhom, l-istandards nazzjonali, l-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn, il-kalkolu u t-twettiq ta’ xogħlijiet u l-użu tal-provvisti; Kwalunkwe riferiment għandu jkun segwit bit-terminu ‘jew ekwivalenti’; […] 6. Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal trade mark, privattiva, tip, oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu ffavoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Dan ir-riferiment għandu jkun permess fuq bażi eċċezzjonali, fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u li tinftiehem biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafu 5. Dan ir-riferiment għandu jkun akkumpanjat mill-kliem “jew ekwivalenti”. 7. Fejn awtoritajiet kontraenti jużaw l-għażla li tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 5, ma għandhiex tiċħad offerta minħabba r-raġuni li x-xogħlijiet, provvisti jew servizzi offerti ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirreferu għalihom, ladarba l-offerent jagħti prova fl-offerta tiegħu bi kwalunkwe mezz adegwat, inkluż il-mezzi ta’ prova msemmija fl-Artikolu 86, li s-soluzzjonijiet proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti definiti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’mod ekwivalenti.” |
|
26 |
L-Artikolu 86(5) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprevedi li “[i]l-prova tal-kompetenzi tekniċi tal-operaturi ekonomiċi tista’ tiġi prodotta permezz ta’ mezz wieħed jew iktar minn dawk elenkati fil-Parti II tal-Anness XVII skont in-natura, il-kwantità jew l-importanza, u l-użu tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi”. |
|
27 |
Il-Parti II(k) tal-Anness XVII tal-imsemmi digriet leġiżlattiv tipprevedi li l-mezzi ta’ prova li juru l-kapaċitajiet tekniċi f’dak li jirrigwarda l-prodotti li għandhom jiġu pprovduti huma: “i) kampjuni, deskrizzjonijiet jew ritratti, li l-awtentiċità tagħhom trid tiġi ċċertifikata fuq talba tal-awtorità kontraenti titlob dan; ii) ċertifikati mfassla minn istituti jew aġenziji uffiċjali tal-kontroll tal-kwalità b’kompetenza rrikonoxxuta li jikkonfermaw il-konformità tal-prodotti identifikati b’mod ċar mir-riferimenti għall-ispeċifikazzjonijiet jew standards tekniċi”. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Kawża C‑68/21
|
28 |
Permezz ta’ sejħa għal offerti ppubblikata fil‑21 ta’ Awwissu 2018, APAM Esercizio, impriża pubblika li topera fis-settur tat-trasport pubbliku lokali f’Mantova (l‑Italja), nediet proċedura sabiex jiġi konkluż ftehim qafas dwar il-provvista “ta’ partijiet ta’ bdil oriġinali Iveco jew ekwivalenti għal karozzi tal-linja” u li l-valur tagħha kien stmat għal EUR 710000. |
|
29 |
L-Artikolu 5.1. tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Tipoloġija tal-partijiet ta’ bdil”, kien jiddistingwi bejn tliet tipi ta’ partijiet ta’ bdil, jiġifieri, l-“partijiet ta’ bdil maħsuba għas-sigurtà tal-vettura u għall-protezzjoni tal-ambjent”, l-“partijiet ta’ bdil oriġinali (jew tal-ewwel montatura)” u l-“ispare parts ekwivalenti”, fejn dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala “l-partijiet tal-bdil (partijiet, komponenti, tagħmir) ta’ kwalità ekwivalenti għal dik tal-oriġinali, jew partijiet ta’ kwalità mill-inqas ugwali għal dik tal-komponenti użati għall-assemblaġġ tal-vettura, prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards ta’ produzzjoni proprji tal-manifattur tal-parti ta’ bdil oriġinali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
30 |
F’dan ir-rigward kien speċifikat li “l-partijiet tal-bdil [ekwivalenti] msemmija, konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ, jistgħu jiġu mmanifatturati minn kwalunkwe impriża li tista’ tiċċertifika, f’kull mument, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ (UNI‑CEI‑ENISO/IEC 17050), li l-kwalità tal-partijiet tal-bdil prodotti tikkorrispondi għal dik tal-partijiet oriġinali użati għall-immuntar tal-vetturi bil-mutur inkwistjoni”. |
|
31 |
L-Artikolu 5.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Ċertifikazzjonijiet u dikjarazzjonijiet”, ippreveda li, fil-każ tal-provvista ta’ parti ta’ bdil ekwivalenti, l-offerent “għandu jippreżenta, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti, u għall-parti tal-bdil ekwivalenti proposta, iċ-ċertifikazzjoni ta’ konformità jew approvazzjoni speċifika tal-komponent ta’ sostituzzjoni pprovduta mill-manifattur jew mill-korp ta’ approvazzjoni jew il-laboratorju tal-ittestjar iċċertifikati skont l-istandard ISO 45000”. |
|
32 |
Fost id-dokumenti amministrattivi li kellhom jiġu ppreżentati fl-offerta, skont l-Artikolu 15 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jinsabu, f’dan l-Artikolu 15(d) “[…] id-dokumentazzjoni teknika xierqa għal kull parti ta’ bdil ekwivalenti proposta, akkumpanjata minn: […] Ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-prodott, meta jkun obbligatorju, maħruġ mill-manifattur tal-parti tal-bdil ekwivalenti proposta; ċertifikat ta’ ekwivalenza tal-prodott ipprovdut fir-rigward tal-prodott ta’ oriġini (jew tal-ewwel montatura) korrispondenti, f’termini ta’ sostitwibbiltà perfetta, mingħajr l-użu ta’ ebda adattament, tal-parti tal-bdil, tal-assemblaġġ jew tas-sistema li fuqha din għandha tiġi mmuntata u tal-karatteristiċi ta’ prestazzjoni li jiggarantixxu funzjonalità u sigurtà regolari tal-prodott fis-sistema, kif ukoll ħajja identika, maħruġ mill-produttur tal-parti tal-bdil ekwivalenti proposta”. |
|
33 |
Tliet impriżi pparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, fosthom, b’mod partikolari, Veneta Servizi International Srl unipersonale (iktar ’il quddiem, “VSI”) u Iveco Orecchia, żewġ impriżi stabbiliti fl-Italja. |
|
34 |
B’deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2019, APAM Esercizio tat il-kuntratt lil VSI definittivament. |
|
35 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia – Sezione stacata di Brescia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lombardia – Sezzjoni ta’ Brescia, l-Italja), Iveco Orecchia, ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni, ikkontestat l-għoti tal-kuntratt lil VSI. Insostenn ta’ dan ir-rikors, Iveco Orecchia sostniet, b’mod partikolari, li VSI kellha tiġi eskluża mis-sejħa għal offerti minħabba n-natura inkompleta tal-offerta li hija kienet ippreżentat, peress li din l-impriża ma kinitx ipprovdiet, għall-finijiet tal-prova tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-partijiet ta’ bdil allegatament prodotti minnha, iċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni jew ta’ konformità kif ukoll id-dokumenti tekniċi li l-preżentazzjoni tagħhom kienet prevista, taħt piena ta’ esklużjoni, mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Skont Iveco Orecchia, VSI fil-fatt illimitat ruħha li tippreżenta awtoċertifikazzjoni ġenerali tal-ekwivalenza ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil, filwaqt li allegat, għalkemm kienet biss negozjant, li hija kienet kemm il-manifattur (fabbricante) u l-manifattur (costruttore) ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil. |
|
36 |
Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2019, it-Tribunale amministrativo regionale della Lombardia – Sezione stacata di Brescia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia – Sezzjoni ta’ Brescia, l-Italja), ċaħdet ir-rikors ta’ Iveco Orecchia bħala infondat. Din il-qorti kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni mehmuża mas-sejħa għal offerti u dwar id-dokumentazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-offerenti kienet tirrikjedi l-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ konformità jew ta’ approvazzjoni speċifika, li jfisser li kien biżżejjed li tali ċertifikat jiġi sottomess. Barra minn hekk, Iveco Orecchia ma stabbilixxietx, fir-rigward tal-partijiet ta’ bdil individwali koperti mis-suq inkwistjoni, fuq liema bażi legali kien neċessarju li tiġi prodotta wkoll prova li tiddikjara l-approvazzjoni ta’ dawn il-partijiet. |
|
37 |
Iveco Orecchia appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). |
Kawża C‑84/21
|
38 |
Permezz ta’ sejħa għal offerti ppubblikata fil‑21 ta’ Novembru 2018, Brescia Trasporti, impriża pubblika li topera fis-settur tat-trasport pubbliku lokali fi Brescia (l-Italja), nediet proċedura ta’ għoti, b’valur bażiku tal-kuntratt stmat għal EUR 2100000, “il-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja tad-ditra Iveco mgħammra b’mutur Iveco Cig 7680570EDB”. |
|
39 |
L-Artikolu 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi annessi mad-dokumentazzjoni dwar is-sejħa għal offerti, intitolat “Definizzjonijiet tekniċi”, kien jiddefinixxi tliet tipi ta’ spare parts, jiġifieri, l-“partijiet ta’ bdil oriġinali”, l-“partijiet ta’ bdil (jew tal-ewwel montatura)” u l-“partijiet ta’ bdil ekwivalenti”, fejn dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala “l-partijiet tal-bdil (partijiet, komponenti, tagħmir) ta’ kwalità ekwivalenti għal dik tal-oriġinali, jew partijiet ta’ kwalità mill-inqas ugwali għal dik tal-komponenti użati għall-assemblaġġ tal-vettura, prodotti skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards ta’ produzzjoni proprji tal-manifattur tal-parti ta’ bdil oriġinali”. |
|
40 |
Skont l-Artikolu 3 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fir-rigward ta’ “partijiet ta’ bdil ekwivalenti”, l-offerta għandha tkun akkumpanjata, taħt piena ta’ esklużjoni, minn “ċertifikat tal-manifattur tal-parti ta’ bdil li għal kull parti ta’ bdil jattesta: i) li l-kwalità tal-partijiet tal-bdil hija suffiċjentement għolja sabiex l-użu tagħhom ma jikkompromettix ir-reputazzjoni tan-network awtorizzata; ii) in-natura perfettament interkambjabbli tagħha mal-partijiet tal-bdil oriġinali, […] mingħajr ma wieħed jirrikorri għal ebda adattament tal-parti tal-bdil, tal-assemblaġġ jew tas-sistema li fuqha din għandha tiġi mmuntata”. Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi wkoll li “[i] l-fornitur għandu wkoll jippreżenta ċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-prodott, meta dan ikun obbligatorju. F’dak li jirrigwarda l-firrodi tal-brejkijiet, id-diski tal-brejkijiet u t-tnabar, il-fornitur għandu jippreżenta, flimkien mad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, iċ-ċertifikat li jattesta l-approvazzjoni Komunitarja [skont ir-Regolament Nru 90 (KEE-ONU).]” |
|
41 |
Żewġ impriżi pparteċipaw fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri, VAR Srl, kumpannija stabbilita wkoll fl-Italja, u Iveco Orecchia. |
|
42 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2019, Brescia Trasporti tat il-kuntratt lil VAR definittivament. |
|
43 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia — Sezione stacata di Brescia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia — Sezzjoni ta’ Brescia), Iveco Orecchia, ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni, ikkontestat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lil VAR. Insostenn ta’ dan ir-rikors, Iveco Orecchia sostniet, b’mod partikolari, li VAR kellha tiġi eskluża mis-sejħa għal offerti minħabba n-natura inkompleta tal-offerta li hija kienet issottomettiet, peress li din l-impriża ma pprovdietx, fir-rigward tal-partijiet ta’ bdil ekwivalenti li hija pproponiet, ċertifikati tal-manifattur li jiddikjaraw l-ekwivalenza tal-partijiet ta’ bdil offerti minn din l-impriża. Iċ-ċertifikati maħruġa minn VAR stess ma humiex rilevanti, peress li din hija kummerċjant/distributur ta’ partijiet ta’ bdil u mhux manifattur (fabbricante/costruttore). Barra minn hekk, VAR ma pprovdietx ċertifikati li jikkonfermaw l-approvazzjoni ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil u lanqas informazzjoni dwar l-approvazzjoni eventwali tagħhom. |
|
44 |
Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Awwissu 2019, it-Tribunale amministrativo regionale della Lombardia – Sezione stacata di Brescia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia – Sezzjoni ta’ Brescia, l-Italja), ċaħdet ir-rikors ta’ Iveco Orecchia bħala infondat. Din il-qorti kkunsidrat, b’mod partikolari, li offerent li juri l-ekwivalenza tal-prodotti tiegħu ma jistax jiġi eskluż minn sejħa għal offerti u li l-leġiżlazzjoni rilevanti ma irrikjedietx li kull komponent ta’ vettura jiġi approvat. It-teżi li tgħid li l-partijiet ta’ bdil kollha intiżi mill-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 għandhom ikunu s-suġġett ta’ approvazzjoni speċifika ma hijiex fondata. L-assenza ta’ prova ta’ approvazzjoni tat-tip għall-brejkijiet b’tambur ta’ riżerva ekwivalenti offruti minn VAR, li għalihom hija rikjesta approvazzjoni mir-Regolament Nru 90 KEE-NU, ma hijiex rilevanti, peress li, b’mod partikolari, dan ir-regolament japplika biss għall-vetturi rreġistrati wara Novembru 2016. |
|
45 |
Iveco Orecchia appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
46 |
Di Pinto & Dalessandro Spa u Bellizzi srl, żewġ kumpanniji stabbiliti fl-Italja u li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-suq tal-manutenzjoni tal-karozza tal-linja, intervjenew fl-imsemmija proċedura. |
Id-domandi preliminari
|
47 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti relatati mal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, dak tal-ekwivalenza ta’ partijiet ta’ bdil proposti mill-offerenti għall-partijiet ta’ bdil oriġinali, li jippreżupponi evalwazzjoni tal-kwalità tal-partijiet ta’ bdil inkwistjoni kif ukoll paragun tal-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dak tal-approvazzjoni ta’ tali partijiet ta’ bdil, li jimplika li dawn jikkorrispondu għal speċifikazzjoni teknika Ewropea jew nazzjonali. |
|
48 |
Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li l-prinċipju li jgħid li, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, prodotti ekwivalenti huma ammessi huwa intiż sabiex jipproteġi l-kompetizzjoni libera u l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti. |
|
49 |
Il-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil suġġetti għal approvazzjoni, b’mod partikolari jekk ikunu jistgħu jikkompromettu s-sigurtà tal-vetturi u l-prestazzjonijiet ambjentali, huwa possibbli biss meta dawn il-partijiet ikunu ġew approvati u awtorizzati mill-awtorità kompetenti fil-qasam ta’ approvazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 jinkludi l-lista ddettaljata tal-kategoriji ta’ komponenti li għalihom hemm leġiżlazzjoni rilevanti u speċifika dwar l-approvazzjoni. |
|
50 |
Fil-proċeduri tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni li tinsab fis-sejħa għal offerti u dwar id-dokumentazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-offerenti kienet tirrikjedi l-provvista taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni, fil-każ fejn tali approvazzjoni kienet obbligatorja. F’dan il-każ, madankollu, l-offerenti rebbieħa pprovdew, u l-awtoritajiet kontraenti aċċettaw, bħala prova alternattiva tal-ekwivalenza tal-prodotti ta’ bdil proposti għall-partijiet ta’ bdil oriġinali, dikjarazzjoni tal-offerent li ma kinitx akkumpanjata miċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni rikjest jew minn dokumenti tekniċi ekwivalenti oħra, pereżempju testijiet ta’ verifika ta’ konformità. |
|
51 |
Fl-ewwel lok, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk, għall-partijiet ta’ bdil ekwivalenti suġġetti għal approvazzjoni, l-offerent għandux jipproduċi wkoll, taħt piena ta’ esklużjoni tal-offerta tiegħu, iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni bħala prova li l-imsemmija partijiet huma effettivament ekwivalenti għall-partijiet oriġinali jew, għall-inqas, jipproduċi l-prova konkreta li l-parti ta’ bdil ġiet approvata, jew jekk huwiex biżżejjed, bħala alternattiva għal dawn id-dokumenti, li tiġi pprovduta dikjarazzjoni tal-offerent li l-partijiet ta’ bdil proposti fl-offerta tiegħu jkunu ekwivalenti għall-partijiet oriġinali. |
|
52 |
Skont il-qorti tar-rinviju, jidher li, jekk parti ta’ bdil taqa’ taħt wieħed mill-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, hija tista’ tiġi kkummerċjalizzata biss jekk tkun ġiet approvata minn qabel, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ natura raġonevoli, ta’ funzjonament tajjeb u ta’ imparzjalità. Issa, ma huwiex eskluż li jiġi kkunsidrat li jista’ jkun biżżejjed, minflok il-prova ta’ tali approvazzjoni, li jiġi pprovdut ċertifikat ta’ ekwivalenza li jiddikjara li l-parti ta’ bdil hija konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti mis-sejħa għal offerti inkwistjoni. |
|
53 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat minn liema entità għandhom joħorġu d-dikjarazzjonijiet ta’ ekwivalenza u, b’mod partikolari, jekk dawn għandhomx neċessarjament jiġu stabbiliti mill-manifattur tal-parti ta’ bdil proposta jew jekk dawn jistgħux ukoll jiġu stabbiliti minn bejjiegħ mill-ġdid jew negozjant. |
|
54 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “manifattur (fabbricante)”, kif iddefinit fil-punt 27 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva li jkollha l-effett li tikkoinċidi ma’ dik ta’ “manifattur (costruttore)”. L-Artikolu 1(1)(u) tar-Regolament Nru 1400/2002 jimmilita favur tali approċċ. Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett jista’ wkoll jinftiehem f’sens usa’, jiġifieri bħala li jkopri l-produttur, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur jew l-operatur li jqiegħed fis-suq u jikkummerċjalizza, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, il-partijiet ekwivalenti mmanifatturati minn oħrajn. |
|
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri fiż-żewġ kawżi prinċipali u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod identiku f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
56 |
B’deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2021, il-Kawżi C‑68/21 sa C‑84/21 ġew magħquda kemm għall-finijiet tal-proċedura miktuba u orali kif ukoll għal dawk tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Kummenti preliminari
|
57 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Għal dan il-għan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu l-qrati nazzjonali sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati nazzjonali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Għal dawn il-finijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tal-imsemmi liġi li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tirreferi biss, fid-domandi preliminari tagħha, għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 kif ukoll għal numru ta’ prinċipji tad-dritt, kemm mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti kif ukoll mid-domandi preliminari tagħha jirriżulta li l-imsemmija domandi jirrigwardaw il-provi li l-produzzjoni tagħhom tista’ jew għandha tintalab lill-offerenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti. Minn dan isegwi li, sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw speċifikament il-provi li l-produzzjoni tagħhom tista’ jew għandha tintalab lill-offerenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti sabiex jiġi stabbilit li l-offerti tagħhom huma konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti minn din is-sejħa għal offerti. |
|
60 |
Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu, fir-rigward ta’ sejħiet għal offerti bħal dawk imsemmija fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, fl-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, iż-żewġ sejħiet għal offerti inkwistjoni fil-proċeduri fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 1(1) u (2), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, peress li huma intiżi għall-akkwist ta’ provvisti minn entitajiet kontraenti li joperaw network intiż li jipprovdi servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-karozza tal-linja, li dawn il-provvisti huma intiżi għall-eżerċizzju ta’ din l-attività u li l-valur tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqbeż il-limitu previst mill-imsemmija direttiva. |
|
61 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, skont l-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1), id-Direttiva 2007/46 tħassret b’dan ir-regolament b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2020, madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti li taw lok għall-proċeduri fil-kawża prinċipali seħħew qabel din id-data. Għaldaqstant, huma d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 li huma rilevanti għar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari. |
|
62 |
Fit-tielet lok, mid-domandi preliminari jirriżulta li dawn jirrigwardaw biss il-leġiżlazzjoni relatata mal-partijiet ta’ bdil għall-karozzi tal-linja li jaqgħu taħt it-tipi ta’ komponenti, fis-sens tal-punt 24 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, intiżi mill-atti regolatorji, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, b’dawn tal-aħħar li jinsabu fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva. |
Fuq l-ewwel domanda
|
63 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li tinqasam f’żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2007/46 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità kontraenti tkun tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti intiża għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja ddestinati għas-servizz pubbliku, offerta li tipproponi komponenti li jaqgħu taħt l-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, mingħajr ma tkun akkumpanjata minn ċertifikat li jiddikjara l-approvazzjoni ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil u mingħajr ma jagħti informazzjoni dwar l-eżistenza effettiva ta’ tali approvazzjoni jew jekk, fid-dawl tal-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza għall-partijiet oriġinali approvati, li ġejja mill-offerent, hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti tali aċċettazzjoni. |
|
64 |
Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, għandu jitfakkar, qabel kollox, li d-Direttiva 2007/46 hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 ta’ din id-direttiva “sabiex jiġu sostitwiti bi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali” u li “[l]-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u speċifikati f’atti regolatorji”. |
|
65 |
B’hekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/46 jiddefinixxi l-għan ta’ din id-direttiva bħala li tistabbilixxi “qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità”. |
|
66 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, din “tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz tal-partijiet u t-tagħmir maħsuba għall-vetturi approvati skond din id-Direttiva”. |
|
67 |
Barra minn hekk, sabiex tiġi ddelimitata l-portata tal-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, għalkemm id-Direttiva 2007/46 tagħmel distinzjoni bejn diversi tipi ta’ approvazzjoni, jista’ jiġi dedott mir-riferiment f’din id-domanda speċifikament għall-Artikoli 10, 19 u 28 ta’ din id-direttiva li l-imsemmija domanda tirrigwarda biss l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-att li permezz tiegħu Stat Membru jiddikjara li tip ta’ vettura, ta’ sistema, ta’ komponent jew ta’ entità teknika tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi applikabbli tal-imsemmija direttiva u l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew fl-Anness XI tal-istess direttiva, peress li dan l-aħħar anness huwa intiż għal vetturi għal użu speċjali u dispożizzjonijiet li huma applikabbli għaliha. |
|
68 |
Fil-fatt, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2007/46 jinsab fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Twettiq tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE”, filwaqt li l-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva jikkonċerna, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-“[m]arka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE” u l-Artikolu 28(1) tal-istess direttiva, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, jirreferi għall-Artikolu 19 tad-Direttiva 2007/46. |
|
69 |
It-tieni, id-Direttiva 2007/46 tistabbilixxi, fl-Artikolu 6 tagħha, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ tip ta’ vettura, kif ukoll, fl-Artikolu 7, il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ sistemi, ta’ komponenti jew ta’ unitajiet tekniċi separati. Peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-komponenti inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali ma ġewx approvati bit-tip ta’ vettura li għaliha kienu proposti mill-offerenti, iżda kienu ppreżentati bħala ekwivalenti għall-komponenti ta’ oriġini approvati ma’ din it-tip ta’ vettura, għandu jiġi kkunsidrat li huma rilevanti għal din il-kawża d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 dwar l-approvazzjoni KE ta’ sistemi, ta’ komponenti jew ta’ unitajiet tekniċi separati. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2007/46 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ komponent għal komponent li, minn naħa, huwa konformi mal-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-manifattur, u, min-naħa l-oħra, jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tad-direttiva partikolari jew tar-regolament partikolari applikabbli, kif huwa indikat fl-Anness IV ta’ din id-direttiva. |
|
71 |
Sussegwentement, l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2007/46 jipprevedi li l-manifattur ta’ komponent għandu jwaħħal ma’ kull komponent immanifatturat konformement mat-tip approvat il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE rikjesta mid-direttiva partikolari jew regolament partikolari rilevanti. |
|
72 |
Fl-aħħar, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2007/46, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ komponenti biss jekk l-imsemmija komponenti jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-atti regolatorji applikabbli u jkunu debitament immarkati skont l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva. |
|
73 |
Minn naħa, minn qari flimkien tal-Artikolu 10(2), tal-Artikolu 19(1), tal-Artikolu 28(1) u tal-Anness IV tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-komponenti intiżi mill-atti regolatorji, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva, elenkati f’dan l-anness, huma suġġetti għal obbligu ta’ approvazzjoni, sakemm dawn l-atti regolatorji jipprevedu tali approvazzjoni. |
|
74 |
Min-naħa l-oħra, minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-istrument magħżul mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tad-Direttiva 2007/46, sabiex juri li l-komponenti ta’ vettura jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV ta’ din id-direttiva, huwa dak tal-approvazzjoni. |
|
75 |
Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan ewlieni tal-leġislazzjoni rigward l-approvazzjoni tal-vetturi li, konformement mal-premessa 14 tad-Direttiva 2007/46 “hu li jiġi żgurat li vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda li jitqiegħdu fis-suq jipprovdu livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali.” Permezz tal-metodu ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ komponent, l-Istat Membru kkonċernat jiddikjara, kif jirriżulta mid-definizzjoni li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, li dan il-komponent jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għal din id-direttiva u tal-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV tagħha jew fl-Anness XI tagħha; u li jikkonferma b’hekk li dan il-komponent għandu livell ogħli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ambjent. |
|
76 |
Ċertament, mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2007/46 jirriżulta li approvazzjoni tat-tip tal-KE ma hijiex rikjesta għal kull tip ta’ komponent. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn it-twaħħil ta’ marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ma huwiex rikjest, li jfisser li ċerti tipi ta’ komponenti jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu li tinkiseb tali approvazzjoni. |
|
77 |
Madankollu, din il-konstatazzjoni ma taffettwax il-konklużjoni msemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-komponenti msemmija mill-atti regolatorji li jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 huma suġġetti għal obbligu ta’ approvazzjoni, sakemm dawn l-atti regolatorji jipprevedu tali approvazzjoni. Għaldaqstant, tali komponenti jistgħu jinbiegħu jew jitqiegħdu fis-servizz, skont l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, biss jekk ikunu ġew approvati. |
|
78 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ imparzjalità, ta’ kompetizzjoni sħiħa u ta’ amministrazzjoni tajba, li għalihom għamlet riferiment il-qorti tar-rinviju. Fir-rigward, l-ewwel, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li, sa fejn tip ta’ komponent għandu jkun is-suġġett ta’ approvazzjoni, dan l-obbligu jaqa’ fuq kull manifattur. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi obbligu għalhekk ma għandux il-konsegwenza ta’ diskriminazzjoni mwettqa għad-detriment ta’ produtturi ta’ partijiet ta’ bdil ekwivalenti għall-partijiet ta’ bdil oriġinali meta mqabbla mal-produtturi ta’ dawn il-partijiet ta’ bdil tal-aħħar. |
|
79 |
F’dak li jirrigwarda, it-tieni, l-effett ta’ tali obbligu ta’ approvazzjoni fuq il-kompetizzjoni, minbarra l-fatt li, kif għadu kif ġie kkonstatat, dan l-obbligu jaqa’ fuq kull manifattur ta’ komponenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2007/46, il-manifattur ta’ vettura għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-produtturi tal-komponenti għal din it-tip ta’ vettura l-elementi kollha meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ tali komponenti. |
|
80 |
Fir-rigward, it-tielet, tal-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ amministrazzjoni tajba, il-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif dawn il-prinċipji jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 imsemmija fl-ewwel domanda. |
|
81 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel domanda, li hija intiża sabiex tiddetermina jekk awtorità kontraenti tistax taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti bħal dawk imsemmija minn din id-domanda, offerta li tipproponi komponenti li jaqgħu taħt l-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 li ma tistabbilixxix li dawn il-komponenti kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni, peress li tali offerta hija akkumpanjata minn dikjarazzjoni tal-offerent li tgħid li l-imsemmija komponenti huma ekwivalenti għall-partijiet oriġinali approvati, hemm lok li jiġi rrilevat, kif qal l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċetti ta’ “approvazzjoni” u ta’ “ekwivalenza” għadhom kontenut differenti. |
|
82 |
Kif jirriżulta mill-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, l-approvazzjoni tiċċertifika, wara kontrolli xierqa mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, li, fil-każ ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ komponent, tip ta’ komponent huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/46, inklużi r-rekwiżiti tekniċi li jinsabu fl-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV ta’ din id-direttiva. |
|
83 |
Il-kunċett ta’ “ekwivalenza” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2007/46 u jindika, skont is-sens ordinarju tiegħu, il-kwalità li jkun hemm l-istess valur jew funzjoni. Għaldaqstant, l-ekwivalenza ta’ komponent tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dan il-komponent għandux l-istess kwalitajiet bħal komponent ieħor, irrispettivament minn jekk dan tal-aħħar ġiex approvat jew le. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-provi ta’ approvazzjoni u dawk ta’ ekwivalenza għalhekk ma humiex interkambjabbli, peress li komponent ta’ tip approvat jista’ ma jkunx ekwivalenti għall-komponent oriġinali intiż minn sejħa għal offerti. |
|
84 |
Ċertament, ma huwiex eskluż li komponenti ta’ tip mhux approvat ikunu, fil-fatt, ekwivalenti għall-komponenti oriġinali msemmija fis-sejħa għal offerti inkwistjoni. Madankollu, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda, kif ġie rrilevat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, li l-komponenti li jaqgħu taħt tip li għalih l-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 jipprevedu approvazzjoni, jistgħu jinbiegħu jew jiddaħħlu fis-servizz, skont l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, biss jekk dan it-tip ta’ komponent kien is-suġġett ta’ tali approvazzjoni, għandu jiġi konkluż li, għal dawn it-tipi ta’ komponenti, il-prova tal-approvazzjoni ma tistax tiġi ssostitwita b’dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza ġejja mill-offerent. |
|
85 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25, li jsemmu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jinsabu f’sejħa għal offerti bħal dawk li taw lok għall-proċeduri fil-kawża prinċipali u l-provi li permezz tagħhom l-offerenti jistgħu jistabbilixxu li l-offerti tagħhom jikkorrispondu għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. |
|
86 |
Mill-Artikolu 60(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jiddefinixxu l-karatteristiċi rikjesti tax-xogħlijiet, tas-servizzi jew tal-provvisti intiżi mill-imsemmija direttiva, jagħtu lill-operaturi ekonomiċi ugwaljanza fl-aċċess għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u ma għandhomx l-effett li joħolqu ostakoli mhux iġġustifikati għall-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni. |
|
87 |
L-Artikolu 60(4) tad-Direttiva 2014/25 jippermetti, b’mod eċċezzjonali, li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jirreferu “għal marki kummerċjali [trade marks], privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika”, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi pprovduta deskrizzjoni preċiża u li tinftiehem biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt, u sakemm tali riferiment ikun akkumpanjat mill-kliem “jew ekwivalenti”, possibbiltà li s-sejħiet għal offerti li taw lok għall-proċeduri fil-kawża prinċipali użaw. |
|
88 |
F’każ bħal dan, l-Artikolu 60(5) tad-Direttiva 2014/25 jippermetti lill-offerent jipproduċi l-prova li s-soluzzjonijiet li huwa jipproponi jissodisfaw b’mod ekwivalenti r-rekwiżiti ddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi “bi kwalunkwe mezz adatt, inkluż il-mezz ta’ prova msemmi fl-Artikolu 62” ta’ din id-direttiva, li jinkludu, minbarra l-mezzi msemmija fl-Artikolu 62(1) tal-imsemmija direttiva, bħal ċertifikat maħruġ minn korp ta’ evalwazzjoni tal-konformità, “mezzi adatti […] ta’ prova” fis-sens tal-Artikolu 62(2) tal-istess direttiva. |
|
89 |
Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 83 tad-Direttiva 2014/25, sabiex l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiġu redatti f’termini ta’ prestazzjonijiet u ta’ rekwiżiti funzjonali u sabiex jiġi evitat li l-imsemmija speċifikazzjonijiet tekniċi jirrestrinġu b’mod artifiċjali l-kompetizzjoni billi jistabbilixxu rekwiżiti li jiffavorixxu lil operatur ekonomiku partikolari billi jużaw il-karatteristiċi prinċipali tal-provvisti, tas-servizzi jew tax-xogħlijiet li huwa joffri abitwalment. |
|
90 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-premessa 56 tagħha, id-Direttiva 2014/25 ma tistax tinjora r-rekwiżiti imperattivi imposti minn regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam, b’mod partikolari, tas-sigurtà u tal-protezzjoni ambjentali, bħar-rekwiżit ta’ approvazzjoni stabbilit, għal dawn l-istess raġunijiet, mid-Direttiva 2007/46. |
|
91 |
Għalhekk, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2014/25 ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/46, peress li din tal-aħħar hija intiża, skont it-premessa 3 tagħha, li tiżgura livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat. Sa fejn id-Direttiva 2007/46 timponi, preċiżament, fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, l-approvazzjoni ta’ ċerti partijiet ta’ bdil ta’ vetturi, dan ir-rekwiżit isir inevitabbli u ma jistax jiġi evitat b’riferiment għad-Direttiva 2014/25. |
|
92 |
Fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, is-sejħa għal offerti hija intiża għall-provvista ta’ komponenti li setgħu jkunu partijiet oriġinali Iveco jew ekwivalenti. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, il-komponenti intiżi mill-atti regolatorji li jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, li huma suġġetti għall-obbligu ta’ approvazzjoni, jistgħu jinbiegħu jew jitqiegħdu fis-servizz biss jekk ikunu ġew suġġetti għal tali approvazzjoni. |
|
93 |
Konsegwentement, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mid-Direttiva 2007/46, peress li l-komponenti huma suġġetti għal obbligu ta’ approvazzjoni, huma biss il-komponenti li kienu s-suġġett ta’ tali approvazzjoni u għalhekk jistgħu jiġu kkummerċjalizzati, li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti fis-sens tat-termini tal-imsemmija sejħiet għal offerti. |
|
94 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2007/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità kontraenti tkun tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja intiżi għas-servizz pubbliku, offerta li tipproponi komponenti li jaqgħu taħt it-tip ta’ komponent intiż mill-atti regolatorji li jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, mingħajr ma tkun akkumpanjata minn dan iċ-ċertifikat li jiddikjara dan it-tip ta’ ċertifikazzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
|
95 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kelma “manifattur”, li tinsab fil-punt 27 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, li awtorità kontraenti tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti intiża għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja ddestinati għal servizz pubbliku, bħala prova tal-ekwivalenza ta’ komponenti, li jaqgħu taħt l-atti regolatorji intiżi fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 u offruta mill-offerent, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza maħruġa minn dan l-offerent, meta l-imsemmi offerent, filwaqt li jikkwalifika lilu nnifsu bħala l-manifattur ta’ dawn il-komponenti, ikun biss bejjiegħ mill-ġdid jew negozjant.. |
|
96 |
Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Lulju 2018, VAR u ATM (C‑14/17, EU:C:2018:568, punt 35), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), “fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt jirreferu għal trade mark [marka], għal oriġini jew għal produzzjoni speċifika, l-entità kontraenti għandha teħtieġ li l-offerent juri diġà fl-offerta tiegħu, il-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti proposti meta mqabbla ma’ dawk iddefiniti f’dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.” |
|
97 |
F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-awtorità kontraenti “għandha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar ta’ mezzi li jistgħu jintużaw mill-offerenti sabiex jagħtu prova ta’ din l-ekwivalenza fl-offerti tagħhom. Din is-setgħa għandha, madankollu, tiġi eżerċitata b’tali mod li l-mezzi ta’ prova ammessi mill-entità kontraenti effettivament jippermettu lil dik l-entità twettaq evalwazzjoni utli tal-offerti li tressqu quddiemha u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan isir”. |
|
98 |
L-istess interpretazzjoni għandha tingħata għall-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25, li ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/17, peress li dawn l-artikoli jirrikjedu, bħall-Artikolu 34 ta’ din l-aħħar direttiva, li offerent li jixtieq jibbaża ruħu fuq il-possibbiltà li jipproponi prodotti ekwivalenti għal dawk iddefiniti b’riferiment għal marka, għal oriġini jew għal produzzjoni speċifika, jipproduċi, diġà fl-offerta tiegħu, u bi kwalunkwe mezz xieraq, il-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti kkonċernati. |
|
99 |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, minkejja s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-awtorità kontraenti f’dan ir-rigward, il-mezzi ta’ prova ammessi minnha għandhom jippermettulha effettivament twettaq evalwazzjoni utli tal-offerta sabiex tiddetermina jekk din hijiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi intiżi mis-sejħa għal offerti inkwistjoni. |
|
100 |
Sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala “mezz adatt”, fis-sens tal-Artikolu 60(5) u tal-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2014/25, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza għandha għalhekk issir minn istanza li tista’ tiggarantixxi tali ekwivalenza, li jirrikjedi li din l-istanza tassumi r-responsabbiltà teknika għall-komponenti inkwistjoni u jkollha l-mezzi neċessarji sabiex tiżgura l-kwalità ta’ dawn il-komponenti. Issa, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfatti biss mill-produttur jew mill-manifattur tal-imsemmija komponenti. |
|
101 |
Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2014/25 li jipprevedi li jista’ jkun mezz ta’ prova xieraq “dossier tekniku tal-manifattur”, li jfisser li din il-prova toriġina mill-produttur tal-parti ta’ bdil inkwistjoni. Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-Artikolu 1(u) tar-Regolament Nru 1400/2002, li jgħid li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “spare parts ta’ kwalità li taqbel” tfisser “esklusivament li ‘spare parts’ magħmula minn kwalsijasi mpriża li tista’ tiċċertifika f’kull moment li l-partijiet inkwistjoni jaqblu mal-kwalità tal-komponenti li huma jew kienu wżati għall-assemblaġ tal-imsemmija vetturi bil-mutur” Għalkemm dan ir-regolament skada fil‑31 ta’ Mejju 2010, l-Artikolu 1(u) tiegħu kien jikkonferma li, sabiex tkun rilevanti, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza kellha ssir mill-produttur. |
|
102 |
Barra minn hekk, skont il-punt 37 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, il-kelma “manifattur” hija ddefinita bħala “il-persuna jew il-korp responsabbli għall-awtorità ta’ l-approvazzjoni għall-aspetti kollha ta’ l-approvazzjoni tat-tip jew għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni”, fejn din il-persuna jew korp ma għandux neċessarjament jintervjeni direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ vettura, ta’ sistema, ta’ komponent jew ta’ entità teknika suġġetta għall-approvazzjoni. |
|
103 |
Għalkemm din id-definizzjoni tirreferi biss għall-vetturi u għall-partijiet ta’ bdil suġġetti għall-approvazzjoni, hija tipprovdi indikazzjonijiet utli sabiex jiġi ddeterminat min jista’ jitqies bħala l-“manifattur” ta’ komponent, sabiex jiġi eżaminat jekk dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza li ġejja minn persuna li tikkwalifika lilha nnifisha bħala “manifattur” ta’ dan il-komponent tistax tikkostitwixxi mezz ta’ prova xieraq. Fil-fatt, minn din id-definizzjoni jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “manifattur” ta’ komponent, impriża ma għandhiex neċessarjament tintervjeni direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ dan il-komponent. |
|
104 |
Hija utli wkoll f’dan il-kuntest id-definizzjoni tat-termini “parts jew tagħmir oriġinali” li tinsab fil-punt 26 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46 li tgħid li “[h]uwa preżunt sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju, li partijiet ikunu partijiet oriġinali jekk il-manifattur tal-partijiet jiddikjara li l-partijiet huma ta’ kwalità pariġġ għall-komponenti użati fl-assemblaġġ tal-vettura in kwistjoni u ġew manifatturati skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni tal-manifattur tal-vettura”. |
|
105 |
Fil-fatt, minn din id-definizzjoni jirriżulta li, sabiex tkun kapaċi tistabbilixxi li parti ta’ bdil tista’ titqies li hija parti oriġini, dikjarazzjoni f’dan is-sens għandha ssir mill-manifattur ta’ dan il-komponent, minkejja l-fatt li l-manifattura tal-imsemmi komponent issir skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni previsti mill-manifattur tal-vettura li għaliha huwa intiż. |
|
106 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala mezz ta’ prova xieraq, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti bħal dawk li taw lok għall-proċeduri prinċipali, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza ta’ komponent għandha toriġina mill-manifattur ta’ dan il-komponent, minkejja li dan il-manifattur mhux neċessarjament għandu jintervjeni direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni tal-imsemmi komponent. |
|
107 |
Min-naħa l-oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tista’ tikkostitwixxi mezz ta’ prova xieraq dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza li ġejja minn bejjiegħ jew negozjant. |
|
108 |
Minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-kawżi prinċipali, l-offerenti jistgħux jiġu kklassifikati bħala “manifatturi” tal-komponenti li huma pproponew, għandu jiġi ppreċiżat, sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, li, kuntrarjament għal dak li ċerti partijiet li ħadu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sostnew, il-fatt li offerent jimmanifattura partijiet ta’ bdil differenti minn dawk koperti mis-sejħa għal offerti inkwistjoni, irrispettivament minn jekk huwiex irreġistrat f’kamra tal-kummerċ jew jekk huwiex irreġistrat ma’ kamra tal-kummerċ jew jekk l-attività tiegħu kellhiex ċertifikazzjoni ta’ kwalità huwa irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-offerent jistax jitqies bħala l-manifattur tal-komponenti li qed jipproponi fl-offerta tiegħu. |
|
109 |
Barra minn hekk, l-argument li jgħid li interpretazzjoni usa’ tal-kunċett ta’ “manifattur” hija meħtieġa minħabba l-fatt li, skont ċerti direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u b’mod partikolari tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 2) kif ukoll tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE(ĠU 2019, L 136, p. 28, rettifika fil-ĠU 2019, L 305, p. 61 u fil-ĠU 2020, L 86, p. 18), il-kunċett ta’ “produttur” jinftiehem b’tali mod li jinkludi lill-operatur li jillimita ruħu sabiex jikkummerċjalizza l-prodott, billi jwaħħal il-marka tiegħu miegħu, mingħajr ma jkun ipparteċipa materjalment fil-proċess ta’ manifattura, għandu wkoll jitwarrab. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/44 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/771, u għalhekk ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. |
|
110 |
Fl-aħħar, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, li l-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti proposti minn offerent, meta mqabbla ma’ dawk iddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fis-sejħa għal offerti, għandha diġà tiġi pprovduta fl-offerta u li din il-prova effettivament tippermetti lill-entità kontraenti twettaq evalwazzjoni utli tal-offerti li jkunu ġew ippreżentati lilha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. |
|
111 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 60 u 62 tad-Direttiva 2014/25 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kelma “manifattur”, li tinsab fil-punt 27 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46, jipprekludu li awtorità kontraenti tkun tista’ taċċetta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti intiża għall-provvista ta’ partijiet ta’ bdil għal karozzi tal-linja intiżi għas-servizz pubbliku, bħala prova tal-ekwivalenza ta’ komponenti, intiżi mill-atti regolatorji msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 u proposti mill-offerent, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza maħruġa minn dan l-offerent, meta dan tal-aħħar ma jistax jitqies bħala l-manifattur ta’ dawn il-komponenti. |
Fuq l-ispejjeż
|
112 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.