Brussell, 21.6.2021

COM(2021) 339 final

2021/0163(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għas-Slovakkja

{SWD(2021) 161 final}


2021/0163 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għas-Slovakkja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,    

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikulari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt ta’ tfixkil fuq l-ekonomija tas-Slovakkja. Fl-2019, il-prodott domestiku gross per capita (PDG per capita) tas-Slovakkja kien 55 % tal-medja tal-UE. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG reali tas-Slovakkja naqas b’4,8 % fl-2020 u mistenni li jonqos b’0,2 % kumulattivament fl-2020 u fl-2021. L-aspetti aktar fit-tul b’impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika fit-terminu medju jinkludu b’mod partikolari l-konċentrazzjoni tal-attività ekonomika fil-manifattura tradizzjonali b’rati baxxi ta’ innovazzjoni u valur miżjud fost id-diskrepanzi fil-ħiliet; barra minn hekk, piż regolatorju għoli u nuqqasijiet fl-amministrazzjoni pubblika u fis-sistema ġudizzjarja qed itellfu l-investimenti privati.

(2)Fid-9 ta’ Lulju 2019 u fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill indirizza r-rakkomandazzjonijiet lis-Slovakkja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod partikolari, il-Kunsill irrakkomanda li jittieħdu miżuri biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku filwaqt li tiġi salvagwardjata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul; li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa; li jittejbu l-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni fil-livell kollha u jitrawmu l-ħiliet; li l-politika ekonomika tiġi ffukata fuq l-investiment fit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika u f’oqsma oħra, filwaqt li jitqiesu d-disparitajiet reġjonali; li jittejbu l-effettività u l-integrità tas-sistema ġudizzjarja, jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, u jiġu ggarantiti servizzi pubbliċi ta’ kwalità u ambjent imprenditorjali favorevoli. Wara li vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-ħin tal-preżentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Kummissjoni jirriżultalha li nkiseb progress sostanzjali fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet dwar it-teħid tal-miżuri kollha neċessarji biex tindirizza l-pandemija b’mod effettiv u biex tipprovdi sostituzzjoni tal-introjtu adegwata.

(3)[Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro rrakkomandat lill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro biex jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex, fost l-oħrajn, jiggarantixxu pożizzjoni ta’ politika li tappoġġa l-irkupru, u jkomplu jtejbu l-konverġenza, ir-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill irrakkomandat ukoll li jissaħħu l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali, tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja u li tiġi finalizzata l-UEM u jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro.] [Jekk ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma tiġix adottata sakemm tiġi adottata s-CID (Council Implimenting Decision), il-premessa tiġi kkanċellata].

(4)Fid-29 ta’ April 2021, is-Slovakkja ippreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Din il-preżentazzjoni segwiet proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali, sħab soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Ir-responsabbiltà nazzjonali rigward il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tirfed is-suċċess tal-implimentazzjoni u l-impatt dejjiemi tagħhom fil-livell nazzjonali kif ukoll il-kredibilità tagħhom fil-livell Ewropew. Skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament.

(5)Jenħtieġ li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jsegwu l-objettivi ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 u tal-Istrument għall-Irkupru tal-UE stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 2 sabiex jagħti appoġġ lill-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19, kif ukoll jippromwovu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għas-sitt pilastri msemmijin fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri se jikkostitwixxu sforz koordinat ta’ investiment u riformi madwar l-Unjoni. Permezz tal-implimentazzjoni koordinata u simultanja ta’ dawn ir-riformi u investimenti u l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntieri, dawn ir-riformi u investimenti se jsaħħu lil xulxin u jiġġeneraw effetti kollaterali pożittivi madwar l-Unjoni kollha. Għalhekk, aktar minn terz tal-impatt tal-Faċilità fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Istati Membri se jiġi mill-effetti kollaterali minn Stati Membri oħra.

Rispons ibbilanċjat li jikkontribwixxi għas-sitt pilastri

(7)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (a), u t-Taqsima 2.1 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jirrappreżenta fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha kemm huma msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, u jqis l-isfidi speċifiċi u l-allokazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat.

(8)Il-pjan jippreżenta sett ibbilanċjat ta’ riformi u investimenti li jindirizzaw kemm il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll l-isfidi soċjoekonomiċi u ambjentali strutturali ewlenin li jaffettwaw lis-Slovakkja, filwaqt li jsegwi objettivi ta’ koeżjoni u jikkontribwixxi għas-sitt pilastri kollha msemmijin fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241. Jippreżenta sett wiesa’ ta’ miżuri għal ekonomija innovattiva, li jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku b’mod partikolari permezz ta’ investiment fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, flimkien mal-investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet. L-objettiv ġenerali huwa li jinkiseb tkabbir sostenibbli u trasformazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà Slovakka li tħares ’il quddiem, u b’hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja. Il-pjan jiffoka fuq ħames oqsma ta’ politika ewlenin: l-ekonomija ekoloġika, l-edukazzjoni, ix-xjenza u l-innovazzjoni, is-saħħa, u l-amministrazzjoni pubblika u d-diġitalizzazzjoni. Għall-ħames oqsma ewlenin kollha, il-pjan jispjega b’mod espliċitu u koerenti kif dawn jikkontribwixxu għas-sitt pilastri. Approċċ bħal dan jikkontribwixxi biex jiġi ggarantit li kull pilastru jiġi indirizzat fil-fond.

(9)It-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija huma fil-qalba tat-tfassil tal-pjan. Ir-riformi ekoloġiċi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jżidu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-integrazzjoni tagħhom fil-grilja, itejbu l-prestazzjoni enerġetika u ekoloġika tal-bini, iżidu s-sehem ta’ modi ta’ trasport sostenibbli u jiddekarbonizzaw il-proċessi industrijali, u b’hekk jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ mitigazzjoni tal-klima u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja. Riformi u investimenti importanti huma previsti biex tiżdied ir-reżiljenza tal-pajsaġġ u tal-ekosistemi għat-tibdil fil-klima b’enfasi fuq ir-rivitalizzazzjoni tal-passaġġi tal-ilma. Ir-riformi diġitali u l-investimenti għandhom jgħinu biex jimmodernizzaw is-Slovakkja, u jappoġġaw oqsma bl-akbar diskrepanzi fl-investiment. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u tal-iskejjel, l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u s-sostenn għall-innovazzjoni.

(10)Il-pjan jippreżenta azzjonijiet ta’ politika mmirati sew rilevanti għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-potenzjal tal-innovazzjoni u t-tkabbir tal-produttività mistennija jingħataw spinta permezz ta’ miżuri li jtejbu l-ekosistema tar-riċerka, l-ambjent imprenditorjali, il-kwalità u r-relevanza tal-edukazzjoni ogħla flimkien mal-eżiti edukattivi, inkluż ir-riforma kurrikulari u t-tħejjija aħjar tal-għalliema. Jenħtieġ li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju jibbenefikaw mill-impuls qawwi tad-domanda skattat mill-investimenti appoġġati mill-pjan kif ukoll mill-assistenza mmirata għall-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Il-pjan jidentifika l-isfidi soċjoekonomiċi t-tajba għall-koeżjoni soċjali u territorjali, u jinkludi azzjonijiet rilevanti biex dawn jiġu indirizzati. Għandu l-għan, b’mod partikolari, li jsaħħaħ l-inklużjoni fl-edukazzjoni ta’ tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali u tfal minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati, inkluża l-popolazzjoni Rom. It-tħassib dwar il-koeżjoni u d-disparitajiet reġjonali huma indirizzati permezz tar-riforma ambizzjuża tal-kura fl-isptarijiet, kif ukoll permezz ta’ miżuri ta’ diġitalizzazzjoni għall-amministrazzjoni pubblika. Il-pjan huwa mistenni wkoll li jtejjeb is-saħħa u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali. Fil-qasam tal-kura tas-saħħa, il-pjan jippreżenta sett komprensiv ta’ riformi u investimenti li għandhom l-għan li jtejbu r-reżiljenza, l-effiċjenza, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-sistema Slovakka tal-kura tas-saħħa. L-investimenti jiffukaw l-ewwel nett fuq il-kura fl-isptarijiet, il-kura fit-tul, is-saħħa mentali u l-kura primarja. Wieħed jistenna li l-investimenti fis-sistemi u l-infrastruttura tat-twissija bikrija jtejbu l-kapaċità tar-rispons għall-kriżijiet. Ir-riforma tal-pensjonijiet mistennija tagħmel lis-Slovakkja anqas vulnerabbli għar-riskji għas-sostenibbiltà. Il-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss huma koperti b’mod partikolari mill-pakkett komprensiv ta’ miżuri mmirati lejn it-titjib tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, mill-edukazzjoni u l-indukrar bikrija tat-tfal sal-edukazzjoni ogħla.

L-indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż

(11)Skont l-Artikolu 19(3), il-punt (b) u t-Taqsima 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza mistenni li jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom (Klassifikazzjoni A) identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inklużi l-aspetti fiskali tagħhom, indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat jew l-isfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(12)Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mar-rispons immedjat tal-politika fiskali għall-pandemija jistgħu jitqiesu bħala barra mill-ambitu tal-PRR tas-Slovakkja, minkejja l-fatt li s-Slovakkja ġeneralment wieġbet b’mod adegwat u suffiċjenti għall-bżonn immedjat biex tappoġġa l-ekonomija b’mezzi fiskali fl-2020 u fl-2021 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali. Madankollu, ir-rakkomandazzjoni biex jinkiseb l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2020 ma għadux rilevanti, kemm minħabba li skada l-perjodu baġitarju korrispondenti kif ukoll peress li f’Marzu 2020 ġiet attivata l-Klawżola Liberatorja Ġenerali tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir fil-kuntest tal-kriżi tal-pandemija.

(13)Il-pjan jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom spjegati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lis-Slovakkja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u fl-2020, l-aktar dwar l-edukazzjoni inklużiva, il-governanza pubblika u l-investiment li jsaħħaħ il-produttività fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif ukoll il-kontribut tiegħu biex jonqsu d-diverġenzi reġjonali. 

(14)L-isfida biex jiżdied il-pass tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jittrattawha b’mod adegwat is-sett ta’ miżuri inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja. L-isfidi li ilhom jeżistu fil-qasam tal-edukazzjoni, l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa, kif ukoll fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huma indirizzati wkoll b’miżuri komprensivi li mistennija jittrattaw in-nuqqasijiet l-aktar serji, bħall-kwalità baxxa u l-inklużività tal-edukazzjoni, il-koordinazzjoni frammentata tal-politika dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-kooperazzjoni pubblika-privata insuffiċjenti, u prestazzjoni dgħajfa tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Miżuri addizzjonali proposti fil-pjan biex jitjiebu s-sistema ġudizzjarja, l-akkwist pubbliku u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu biex jindirizzaw b’mod effettiv ħafna mill-isfidi sottostanti. Barra minn hekk, diversi riformi mistennija li jtejbu s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

Il-kontribut għall-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali

(15)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (c), u t-Taqsima 2.3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza mistenni li jkollu impatt qawwi (Klassifikazzjoni A) fuq it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tas-Slovakkja, filwaqt li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq il-mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni.

(16)Simulazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni juru li l-pjan għandu l-potenzjal li jżid il-PDG tas-Slovakkja b’medja ta’ bejn 1,3 % u 1,8 % matul il-perjodu 2021-2026 3 . L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija mistennija li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fis-Slovakkja. Jenħtieġ li l-investimenti inklużi fil-pjan jagħtu spinta lid-domanda aggregata f’terminu minn qasir sa medju, filwaqt li jtejbu l-pożizzjoni ċiklika tal-ekonomija Slovakka, u b’hekk itaffu l-effetti ekonomiċi negattivi tal-kriżi tal-COVID-19. L-enfasi tal-investimenti fuq proġetti ta’ kostruzzjoni u rinnovazzjoni, f’konformità sħiħa mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, hija partikolarment ta’ benefiċċju f’dan ir-rigward, billi s-settur tal-kostruzzjoni Slovakk intlaqat ħażin mill-pandemija.

(17)F’terminu minn medju sa twil, l-investimenti flimkien mar-riformi ppjanati mistennija li jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tat-tkabbir potenzjali, u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn mudell ekonomiku aktar diversifikat b’enfasi akbar fuq attivitajiet b’valur miżjud ogħla. Dan għandu jgħin biex l-ekonomija Slovakka tibqa’ kompetittiva u tadatta għax-xejriet industrijali tal-awtomatizzazzjoni u l-bidla diġitali. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija mistennija li żżid il-produzzjoni potenzjali u li jkollha impatt dejjiemi fuq il-prestazzjoni ekonomika tas-Slovakkja. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-effett fit-tul jirriżulta minn miżuri li jinkoraġġixxu l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, bħar-riforma tal-governanza tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, li jtejbu kemm il-koordinazzjoni kif ukoll il-finanzjament. Dan jirriżulta wkoll mit-titjib tal-kapital uman u d-daqs u l-kompożizzjoni tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol billi jestendi l-edukazzjoni preprimarja, ir-riforma tal-kurrikulu tal-iskejjel, u jtejjeb il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni ogħla, bil-għan li tiżdied il-produttività fis-Slovakkja.

(18)Il-pjan mistenni jnaqqas l-inugwaljanzi soċjali u d-disparitajiet territorjali fil-pajjiż. Is-Slovakkja tal-Lvant u Ċentrali għandhom it-tendenza li jkollhom prestazzjoni ferm agħar mill-parti tal-Punent tal-pajjiż, f’termini ta’ diversi indikaturi tas-suq tax-xogħol u soċjali interkonnessi, bħal pereżempju s-sehem ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja, il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ, u r-rata ta’ reġistrazzjoni tat-tfal f’faċilitajiet preskolastiċi. L-isfidi li jikkonċernaw l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni mistennija li jiġu indirizzati mir-riforma tal-kurrikuli fl-iskejjel billi jitrawmu l-kompetenzi u l-ħiliet diġitali, kif ukoll tiġi stabbilita sistema ta’ miżuri ta’ appoġġ edukattivi. Billi l-eżiti edukattivi tal-istudenti jiddeterminahom ħafna l-ambjent soċjoedukattiv tagħhom, hemm inklużi fil-pjan riformi li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċessibilità u l-kwalità tal-edukazzjoni u l-indukrar bikrija tat-tfal, it-tisħiħ tas-servizzi ta’ konsulenza, it-trażżin tas-segregazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ klassijiet b’żewġ xiftijiet fl-iskejjel. Dawn ir-riformi mistennija jnaqqsu t-tluq bikri mill-iskola, b’mod partikolari fost l-istudenti żvantaġġati, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-mobilità soċjali u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet. Huwa mistenni li r-riformi komprensivi u l-investimenti fl-edukazzjoni għolja jtejbu l-kwalità u r-relevanza tagħha billi jibdlu s-sistemi tal-governanza, il-finanzjament, l-akkreditazzjoni u l-evalwazzjoni xjentifika. L-iżvilupp ta’ servizzi formali ta’ kura fit-tul flimkien mal-kindergartens għandu jtaffi l-piż sproporzjonat fuq il-familji, speċjalment fuq in-nisa li jieħdu ħsieb persuni dipendenti u se jippermettilhom jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Dawn il-politiki huma konformi mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(19)Id-disponibbiltà usa’ tal-kura tas-saħħa mentali hija konformi mal-istrateġija ta’ deistituzzjonalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-enfasi fuq il-forniment fid-dar u fil-komunità ta’ servizzi ta’ kura fit-tul, li jsaħħu l-kura palljativa u jindirizzaw il-governanza frammentata ta’ dan is-settur huma passi importanti għall-promozzjoni tal-aċċess għal servizzi ta’ kura fit-tul li huma affordabbli u ta’ kwalità. Il-modernizzazzjoni tan-network tal-isptarijiet għandha tgħin biex iżżid il-kwalità u l-kosteffettività tas-servizzi tas-saħħa, filwaqt li ttejjeb l-aċċessibbiltà tagħhom anki f’reġjuni anqas żviluppati wkoll. Dan jenħtieġ li jintlaħaq ukoll permezz ta’ investimenti bil-għan li titjieb l-aċċessibilità tas-servizzi tal-kura primarja f’reġjuni mhux milħuqa biżżejjed. L-investimenti fl-infrastruttura relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari programm ta’ rinnovazzjoni tal-bini għandhom joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni fis-Slovakkja kollha, inkluż għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet.

“La tagħmilx ħsara sinifikanti"

(20)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (d), u t-Taqsima 2.4 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza mistenni jiżgura li l-ebda miżura (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment inkluża fil-pjan ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”).

(21)Is-Slovakkja wettqet valutazzjoni kompleta ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” tal-miżuri kollha inklużi fil-pjan billi segwiet il-gwida teknika ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” tal-Kummissjoni Ewropea (2021/C 58/01). L-impatt ambjentali potenzjalment dannuż tal-miżuri rilevanti kollha huwa indirizzat permezz ta’ assigurazzjonijiet xierqa u miżuri ta' mitigazzjoni ggarantiti permezz ta’ arranġamenti ta’ monitoraġġ. Dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni huma riflessi fl-istadji importanti u l-miri applikabbli għall-industrija tad-dekarbonizzazzjoni, ir-rinnovazzjonijiet tal-bini, inklużi s-sostituzzjoni tal-bojlers, l-enerġija idroelettrika, l-użu tal-bijomassa, l-iskemi ta’ investiment fir-RŻI u strumenti finanzjarji li jappoġġaw l-innovazzjoni.

Il-kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità

(22)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e), u t-Taqsima 2.5 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri li fil-parti l-kbira jikkontribwixxu (Klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jiffurmaw ammont li jirrappreżenta 43 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan ikkalkulata skont il-metodoloġija tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali tal-2030 għall-Enerġija u l-Klima.

(23)Ir-riformi u l-investimenti fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, immirati b’mod partikolari lejn it-titjib tal-aċċess tal-enerġija rinnovabbli għall-grilja, flimkien ma’ programm ambizzjuż ta’ rinnovazzjonijiet tal-bini bbażat fuq standards għoljin tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-iskema ta’ dekarbonizzazzjoni tal-industrija, huma mistennija jgħinu lis-Slovakkja tilħaq l-objettivi tagħha ta’ dekarbonizzazzjoni għall-2030 u jappoġġaw it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari. Pakkett komprensiv ta’ riformi u investimenti fit-trasport għandu jappoġġa l-elettromobilità, it-trasport pubbliku tal-passiġġieri u t-trasport intermodali tal-merkanzija. Dan mistenni jagħti spinta lis-sistema kumplessiva tal-mobilità, li għandha tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija Slovakka.

(24)Ir-riformi u l-investimenti relatati mal-ippjanar tal-pajsaġġ, tal-protezzjoni tan-natura u l-ġestjoni tal-ilma mistennija li jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi li taffaċċa s-Slovakkja fir-rigward tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tas-sorsi tal-ilma, tan-natura u tal-bijodiversità.

Il-kontribut għat-tranżizzjoni diġitali

(25)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f), u t-Taqsima 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri li fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jiffurmaw ammont li jirrappreżenta 21 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan ikkalkulata skont il-metodoloġija tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2021/241.

(26)Il-pjan jippreżenta pakkett ambizzjuż ta’ miżuri li jħaddnu t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u s-soċjetà Slovakka. Il-miżuri fl-edukazzjoni jpoġġu l-ħiliet diġitali fil-qalba tagħhom, billi jikkombinaw kurrikuli riveduti, taħriġ tal-għalliema u investimenti f’tagħmir diġitali tal-iskejjel flimkien mad-diġitalizzazzjoni fl-edukazzjoni ogħla. B’mod parallel, il-pjan jinkludi l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ ħiliet diġitali għall-adulti ta’ kull età sabiex tiġi ggarantita l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà li qed tinbidel bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni. Il-pjan jintroduċi wkoll miżuri biex jinħoloq mudell ta’ governanza effettiv għat-trasformazzjoni diġitali. Dan għandu jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ ekosistema diġitali u fl-aħħar mill-aħħar għandu jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija inġenerali. L-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs, se jippermettilhom jibqgħu kompetittivi billi jissimplifikaw il-proċessi tal-produzzjoni u jużaw teknoloġiji innovattivi.

(27)Il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku għandhom jitjiebu bis-saħħa ta’ pjattaforma diġitali ġdida li tipprovdi servizzi pubbliċi ċċentrati fuq l-utent, flimkien ma’ ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-IT fl-amministrazzjoni pubblika. Biex tikkomplementa dan l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi diġitali, is-Slovakkja beħsiebha saħħaħ u tistandardizza ċ-ċibersigurtà fis-setturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Il-parteċipazzjoni f’erba’ proġetti diġitali multinazzjonali, inkluż l-użu ta’ Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali u s-sħubija fil-proġett tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, issaħħaħ ukoll il-kontribut diġitali tal-pjan.

Impatt dejjiemi

(28)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (g), u t-Taqsima 2.7 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza mistenni jkollu impatt dejjiemi fuq is-Slovakkja fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A).

(29)Il-pjan tas-Slovakkja jinkludi sett kbir ta’ riformi strutturali li x’aktarx ikollhom impatt dejjiemi f’ħafna oqsma ta’ politika kif ukoll fuq l-amministrazzjoni pubblika u l-istituzzjonijiet. B’mod partikolari, ir-riformi ġudizzjarji u r-riformi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus mistennija jkollhom impatt dejjiemi, u għaldaqstant huwa importanti li dawn ir-riformi u l-implimentazzjoni tagħhom jkunu f’konformità mar-rekwiżiti tal-dritt tal-UE dwar l-indipendenza ġudizzjarja. Huwa ta’ importanza partikolari li jkun hemm involviment xieraq tal-ġudikatura, il-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili matul il-proċess kollu tar-riforma. Barra minn hekk, l-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet u amministrazzjoni pubblika se jsaħħu strutturalment l-effiċjenza u jtejbu l-kwalità tas-servizzi pubbliċi. Pakkett ta’ riforma komprensiv fil-livelli kollha tal-edukazzjoni għandu jtejjeb il-bażi tal-ħiliet tal-popolazzjoni. Ir-riformi fil-kura tas-saħħa u l-kura soċjali mistennija jtejbu l-effettività u l-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa, li għandha min-naħa tagħha ttejjeb l-istatus tas-saħħa tal-popolazzjoni u ttaffi d-disparitajiet fl-eżiti sanitarji fost il-gruppi soċjoekonomiċi.

(30)Il-miżuri ta’ investiment mistennija jappoġġaw u jsaħħu l-impatt pożittiv tar-riformi strutturali fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja. Investiment imdaqqas biex tiġi modernizzata s-sistema ferrovjarja għandu jattira aktar passiġġieri lejn dan il-mod ta’ trasport sostenibbli, jgħin it-tranżizzjoni ekoloġika u jappoġġa l-koeżjoni reġjonali. L-investimenti ekoloġiċi fl-industrija, inkluż fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, għandhom jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni ta’ dan is-settur u għal arja aktar nadifa madwar is-Slovakkja. Programm ambizzjuż tal-effiċjenza enerġetika, flimkien ma’ riforma tal-ġestjoni tal-iskart tal-kostruzzjoni, jippermetti r-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini, b’impatt dejjiemi fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ dan is-settur ewlieni u t-titjib tal-użu mill-ġdid tiegħu. Ir-riformi fil-kura tas-saħħa huma appoġġati minn investiment fi sptarijiet u faċilitajiet oħra ta’ kura. L-investiment jagħti dinamiżmu lir-riformi edukattivi, pereżempju billi jipprovdi apparat diġitali u taħriġ lill-għalliema, irendi l-binjiet tal-iskejjel sekondarji u tal-universitajiet aċċessibbli għal kulħadd, jew billi jinbnew kindergartens ġodda. Programmi ta’ boroż ta’ studju u ta’ żvilupp għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla u l-internazzjonalizzazzjoni tagħha. Programm kbir ta’ investiment għandu jinjetta wkoll finanzjament f’sistema riformata ta’ riċerka u innovazzjoni, u jżid l-attraenza tas-Slovakkja għall-kumpaniji u wkoll għall-ħaddiema tas-sengħa, u b’potenzjal sinifikanti għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija lejn attivitajiet b’valur miżjud ogħla. L-impatt dejjiemi tal-pjan jista’ jissaħħaħ ukoll permezz ta’ sinerġiji bejn il-pjan u programmi oħra, inklużi dawk ffinanzjati mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, l-aktar billi jindirizzaw b’mod sostantiv l-isfidi territorjali radikati fil-fond u jippromwovu żvilupp bilanċjat.

Monitoraġġ u implimentazzjoni

(31)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (h), u t-Taqsima 2.8 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jiżguraw monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-iskeda ta’ żmien prevista, l-istadji importanti u l-miri, kif ukoll l-indikaturi relatati.

(32)Is-Slovakkja qed tistabbilixxi sistema ta’ implimentazzjoni komprensiva bi rwol ewlieni tal-Awtorità Nazzjonali għall-Implimentazzjoni u l-Koordinazzjoni responsabbli biex jintlaħqu l-istadji importanti u l-miri u biex jintalbu l-pagamenti. Għal dan il-għan, l-Awtorità Nazzjonali għall-Implimentazzjoni u l-Koordinazzjoni se jkollha d-dritt li titlob informazzjoni mingħand l-entitajiet kollha involuti – implimentaturi, intermedjarji, benefiċjarji u persuni oħra kkonċernati - dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti, inklużi l-istadji importanti u l-miri korrispondenti. L-ambitu u n-natura tal-istadji importanti u l-miri huma ġeneralment komprensivi u koerenti. Il-perjodu ta’ żmien tal-istadji importanti u tal-miri huwa raġonevoli, bir-riformi antiċipati u li jipprovdu l-bażi għall-investimenti. L-istadji importanti u l-miri jitqiesu mfassla tajjeb b’indikaturi robusti li jiżguraw monitoraġġ u evalwazzjoni xierqa matul l-implimentazzjoni.

(33)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-sostenn finanzjarju mill-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2021/241. Jista’ jintalab appoġġ tekniku mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku biex jassisti lill-Istati Membri jimplimentaw il-pjan tagħhom.

Spejjeż

(34)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (i), u t-Taqsima 2.9 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni mogħtija fil-pjan dwar l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija moderatament (Klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u tikkorrispondi mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

(35)Is-Slovakkja pprovdiet ġustifikazzjoni, evidenza u metodoloġija robusti għall-biċċa l-kbira tal-ispejjeż li mistennija ġġarrab skont il-pjan. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż u d-dokumenti ta’ sostenn huma pprovduti b’mod relattivament tajjeb ħafna. Il-metodoloġiji użati spiss jirreferu għal proġetti komparabbli mwettqa fis-Slovakkja fil-passat reċenti, inkluż fl-ambitu tal-finanzjament tal-Unjoni. Meta dan ma kienx possibbli, bi ftit eċċezzjonijiet limitati, spiss saru stimi raġonevoli u plawżibbli b’kalkoli affidabbli fuq il-bażi ta’ informazzjoni minn Stati Membri oħra jew minn istituzzjonijiet ċertifikati u indipendenti. Għal diversi stimi tal-ispejjeż, il-punti ta’ riferiment huma bbażati fuq il-prezzijiet tas-suq disponibbli. Is-Slovakkja pprovdiet il-validazzjoni tal-istimi tal-ispejjeż minn korpi indipendenti sa ċertu punt biss, iżda l-Unità tal-Valur għall-Flus (parti integrata tal-Ministeru tal-Finanzi) ġiet indikata bħala l-entità indipendenti ta’ validazzjoni għal diversi komponenti. Is-salvagwardji biex tiġi ggarantita l-indipendenza tagħha ġew ġustifikati.

(36)Għal għadd limitat ta’ miżuri, il-miri jew il-parametri referenzjarji tal-ispejjeż huma inqas ċari, deskritti b’mod relattivament ġenerali, jew ibbażati fuq ftit informazzjoni komparabbli, jew fuq informazzjoni li huwa diffiċli wieħed jivverifika l-affidabilità tagħha. Spiss minħabba l-natura bla preċedent tal-investimenti (bħall-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u d-diġitalizzazzjoni), xi stimi tal-ispejjeż ma għandhomx parametri referenzjarji komparabbli tal-ispejjeż. Fl-istess ħin, minħabba n-nuqqas ta’ preċedenti komparabbli u l-fatt li l-metodoloġiji minn isfel għal fuq huma spjegati fil-parti l-kbira tagħhom, is-Slovakkja pprovdiet biżżejjed spjegazzjonijiet u ġustifikazzjonijiet għal dawn il-miżuri.

(37)Sakemm għadhom ma ġewx finalizzati l-Ftehim u l-Programm ta’ Sħubija għall-perjodu ta' programmazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni 2021-2027, id-demarkazzjoni ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament għal proġetti f’oqsma simili mhijiex dejjem indikata b’mod ċar. Madankollu, is-Slovakkja tinsab impenjata li ddaħħal fis-seħħ salvagwardji b’saħħithom biex tiggarantixxi li jiġi evitat il-finanzjament doppju, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll ta’ proġett, pereżempju għall-finanzjament ta’ spejjeż differenti skont l-istess miżura. Fl-aħħar nett, l-ispiża totali stmata tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u tikkorrispondi mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

(38)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (j), u t-Taqsima 2.10 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-arranġamenti proposti fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-miżuri addizzjonali li jinsabu f’din id-Deċiżjoni huma adegwati (Klassifikazzjoni A) biex jipprevjenu, jidentifikaw u jirrettifikaw korruzzjoni, frodi u kunflitti ta’ interess meta jkunu qed jintużaw il-fondi pprovduti skont dak ir-Regolament, u l-arranġamenti huma mistennija li jevitaw b’mod effettiv il-finanzjament doppju minn dan ir-Regolament u minn programmi oħra tal-Unjoni. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ strumenti u għodod oħra biex jippromwovu u jinfurzaw il-konformità mad-dritt tal-UE, fosthom biex jipprevjenu, jidentifikaw u jirrettifikaw il-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, kif ukoll biex jipproteġu l-finanzi tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(39)B’mod ġenerali, l-identifikazzjoni tal-atturi responsabbli għall-kontrolli u l-awditjar fis-Slovakkja hija spjegata tajjeb u l-indipendenza u s-segregazzjoni tal-funzjonijiet tal-awtorità tal-awditjar huma stabbiliti b’mod ċar, inkluż kif hija minquxa fil-leġiżlazzjoni Slovakka. L-awtorità Nazzjonali għall-Implimentazzjoni u l-Koordinazzjoni hija responsabbli għat-tħejjija u t-trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ħlas ta’ appoġġ finanzjarju, id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u s-sommarju tal-awditi. L-atturi tal-awditjar, ir-relazzjonijiet tagħhom u l-kapaċità amministrattiva tagħhom huma spjegati wkoll. Saret disponibbli informazzjoni komprensiva dwar miżuri li ttieħdu biex jiġu ttrattati irregolaritajiet serji u min hu responsabbli għal dawn il-miżuri. Dawk responsabbli se jirċievu taħriġ u l-protezzjoni tal-informaturi hija kustodita mil-liġi, filwaqt li sa Settembru 2021 l-uffiċċju tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta se jkun għalkollox operattiv. Il-verifiki tal-ġestjoni mill-Ministeri/korpi ta’ implimentazzjoni mhux biss se jivverifikaw in-nuqqas ta’ irregolaritajiet serji iżda wkoll l-ilħiq tal-istadji importanti u l-miri. L-arranġamenti u l-mekkaniżmi għall-ġbir, il-ħżin u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data dwar ir-riċevituri finali huma spjegati u l-obbligu taż-żamma tar-rekords kif jeżiġi l-Artikolu 22(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/241 huwa impost fuq il-korpi ta’ implimentazzjoni u l-benefiċjarji. Jenħtieġ li tiddaħħal fis-seħħ sistema ta’ repożitorju għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Faċilità u din se tkun operazzjonali sa dak iż-żmien li ssir l-ewwel talba għal pagament. Jenħtieġ li s-sistema tkun tinkludi, mill-inqas, il-funzjonalitajiet li ġejjin: (a) tiggarantixxi l-ġbir ta’ data u l-monitoraġġ tal-ksib tal-istadji importanti u l-miri; u (b) tiġbor, taħżen u tiggarantixxi aċċess għad-data kif jeżiġi l-Artikolu 22(2), il-punt (d) minn (i) sa (iii) tar-Regolament. Għal dan il-għan għandu jiżdied stadju importanti ieħor.

(40)Miżuri għall-identifikazzjoni u l-evitar ta’ finanzjament doppju huma inklużi b’mod komprensiv. L-Awtorità Nazzjonali għall-Implimentazzjoni u l-Koordinazzjoni se taħdem biex tikkoordina l-atturi involuti fl-implimentazzjoni tal-Faċilità. Huwa ċar mill-pjan li l-korpi ta’ koordinazzjoni responsabbli għall-Faċilità u għall-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni se jikkollaboraw biex jevitaw il-finanzjament doppju fl-istadju tal-ipprogrammar u tal-implimentazzjoni. Filwaqt li l-arranġamenti għall-kontrolli biex jiġi evitat finanzjament doppju fl-istadju tal-implimentazzjoni mhumiex dettaljati ħafna, is-Slovakkja tinsab impenjata li ddaħħal fis-seħħ salvagwardji b’saħħithom biex tiggarantixxi li jiġi evitat il-finanzjament doppju, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll ta’ proġett. Il-pjan jipprovdi informazzjoni estensiva dwar il-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjoni biex timplimenta u tawditja l-RRF fis-Slovakkja. Jagħti wkoll informazzjoni estensiva dwar il-mandati legali tad-diversi korpi li jwettqu kontrolli fuq l-implimentazzjoni tal-pjan. Madankollu, ħafna mill-bażi ġuridika hija bbażata fuq l-“Att dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza” li għadu abbozz. Dan ifisser li l-mandat u l-kompetenza eżatti tal-korp ta’ koordinazzjoni u tal-korpi l-oħra kollha ta’ implimentazzjoni x’aktarx li se jkunu magħrufa biss wara l-adozzjoni tal-pjan. L-Att dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkun daħal fis-seħħ sa dak iż-żmien li ssir l-ewwel talba għal pagament u f’dak il-mument mhux se jiddevja f’sens materjali mid-deskrizzjoni fornita fil-pjan. Għal dan il-għan għandu jiżdied stadju importanti ieħor. It-twettiq ta’ dan l-istadju importanti, kif ukoll l-istadju importanti msemmi fil-premessa ta’ hawn fuq, huwa prekundizzjoni għal kull żborż skont il-Faċilità (ħlief għall-prefinanzjament).

Koerenza tal-pjan

(41)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (k), u t-Taqsima 2.11 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan jinkludi fil-parti l-kbira (Klassifikazzjoni A) miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi u tal-proġetti ta’ investiment pubbliku li jirrappreżentaw azzjonijiet koerenti.

(42)Il-pjan Slovakk għall-irkupru u r-reżiljenza jippreżenta pakkett komprensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin bi spinta qawwija ta’ riforma. Il-pjan huwa ċċentrat fuq tliet pilastri interkonnessi ta’ pajjiż innovattiv, sostenibbli u b’saħħtu u ħames oqsma ta’ politika ewlenin, li huma implimentati permezz ta’ 18-il komponent. Is-sinerġiji huma ggarantiti f’komponenti tematiċi, bħal pereżempju komponenti ta’ edukazzjoni, kif ukoll orizzontalment f’għadd ta’ komponenti, pereżempju meta jiġu applikati rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika għal rinnovazzjonijiet ta’ binjiet pubbliċi jew it-tranżizzjoni diġitali tal-amministrazzjoni. L-investimenti f’sistemi ġodda ta’ informazzjoni u f’għodod tad-data huma sistematikament inklużi. Hemm bilanċ evidenti bejn ir-riformi u l-investimenti f’kull komponent. Huwa mistenni li xi riformi jkollhom impatt trażversali fuq l-effiċjenza tal-infiq, pereżempju r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, jew titjib fl-ambjent imprenditorjali u fis-sistema ġudizzjarja. Ir-riformi huma ġeneralment ikkonċentrati fl-ewwel snin, pereżempju l-ottimizzazzjoni tan-network tal-isptarijiet u r-riforma tal-governanza tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet għal investiment effettiv. Il-komplementarjetajiet b’sostenn mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni huma evidenti u ppreżentati fil-komponenti u miġbura fil-qosor fil-livell tal-pjan sa fejn hu possibbli f’dan l-istadju. Il-linji ta’ demarkazzjoni mhumiex dejjem ċari għalkollox, billi kemm il-Ftehim kif ukoll il-Programm ta’ Sħubija għadhom ma ġewx finalizzati.

Ugwaljanza

(43)Il-pjan fih sensiela ta’ miżuri li mistennija jindirizzaw l-isfidi tal-pajjiż fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-pjan jipprevedi sistema ta’ twissija bikrija għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola, li taffettwa b’mod sproporzjonat lin-nisa minn ambjenti żvantaġġati. Dan jinkludi opportunitajiet ta’ mentoraġġ u tutoraġġ. Sabiex tiġi indirizzata d-disponibbiltà baxxa tal-faċilitajiet ta’ kindergarten u l-impatt tagħha fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fuq il-prestazzjoni skolastika tat-tfal aktar tard, jenħtieġ li jiġi introdott intitolament legali għall-edukazzjoni preskolastika għat-tfal mill-età ta’ tliet snin. Il-parti tal-pjan li tittratta l-inklużività tal-edukazzjoni tinkludi riformi u investimenti biex tiġi stabbilita sistema ta’ miżuri ta’ sostenn edukattivi għal studenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali, jiġu modernizzati l-programmi ta’ taħriġ tal-għalliema, titnaqqas is-segregazzjoni fl-edukazzjoni u tingħata promozzjoni għas-servizzi ta’ kura bikrija f’komunitajiet Rom emarġinati, kif ukoll jitjieb l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla għal studenti żvantaġġati. Is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità huma indirizzati f’diversi partijiet tal-pjan, inkluż fir-rigward tar-rinnovazzjoni tal-binjiet u l-aċċessibbiltà mtejba tagħhom, it-trasport sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni u l-kura tas-saħħa soċjali u mentali. L-isfidi li jiffaċċjaw l-anzjani huma indirizzati wkoll, b’mod partikolari permezz tal-appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tagħhom u t-titjib tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u dawk soċjali fit-tul. Il-pjan jinkludi wkoll mekkaniżmu orizzontali biex fil-fażi ta’ implimentazzjoni jitqiesu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

Awtovalutazzjoni tas-sigurtà

(44)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja jikkonferma li l-awtovalutazzjoni tas-sigurtà tal-investimenti f’kapaċitajiet diġitali skont ir-Regolament (UE) 2021/241 mistennija tkun parti integrali mill-istadju ta’ implimentazzjoni, bħala parti mill-analiżi u t-tfassil fl-iżvilupp ta’ sistemi ġodda tal-IT. Is-Slovakkja beħsiebha tiffinanzja investimenti fil-konnettività diġitali minn sorsi oħra.

Proġetti transfruntieri u multinazzjonali

(45)Il-pjan jipproponi diversi proġetti transfruntieri, l-aktar biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni diġitali. Dan għandu jippermetti lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jibbenefikaw minn servizzi tan-network tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej. Proġetti oħra jinkludu, fost l-oħrajn, l-investiment f’kompjuter bi prestazzjoni għolja, biex ikun parti mill-proġett tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC), u kontribut possibbli għall-komunikazzjoni kwantistika tal-UE u l-infrastruttura tal-blockchain, it-tħejjija ta’ konnessjonijiet transfruntiera mal-Istati Membri ġirien kollha. Il-pjan jinkludi miżura li ssaħħaħ il-konnessjoni tal-elettriku mal-Ungerija, li tippermetti konnessjoni ta’ aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli domestiċi mal-grilja domestika. Il-pjan jinkludi appoġġ għal parteċipazzjoni usa’ mill-entitajiet Slovakki fi proġetti tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li għandu jinkoraġġixxi lill-kumpaniji jiżviluppaw proġetti innovattivi u lir-riċerkaturi u d-ditti biex ikollhom aċċess għal konsorzji internazzjonali, u b’hekk jippromwovi internazzjonalizzazzjoni.

Proċess ta’ konsultazzjoni

(46)Il-pjan jinkludi sommarju tal-proċess ta’ konsultazzjoni mwettaq għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tiegħu. It-tħejjijiet bdew fis-sajf tal-2020. Il-Pjan Nazzjonali ta’ Riforma Integrata, ippubblikat f’Ottubru 2020 u mħejji bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati, ipprovda bażi analitika għall-pjan. Mill-ħarifa 2020, it-tħejjijiet irriflettew fuq il-konsultazzjonijiet ta’ firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni interministerjali standardizzata rċeviet kważi 2 500 kumment. L-awtoritajiet għamlu sforzi biex jirriflettu fuq il-proposti mill-pubbliku u mill-partijiet ikkonċernati li spiss kienu mmirati lejn kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-avvenimenti pubbliċi kienu fil-biċċa l-kbira organizzati online.

(47)Għall-fażi ta’ implimentazzjoni tal-pjan, mistenni jitwaqqaf Kunsill tal-Gvern għall-pjan bħala korp konsultattiv biex jiggarantixxi djalogu strutturat mal-partijiet ikkonċernati ewlenin. Sabiex jiġi żgurat li l-atturi rilevanti jieħdu responsabbiltà, huwa kruċjali li l-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-sħab soċjali, jiġu involuti matul l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi inklużi fil-pjan.

Valutazzjoni pożittiva

(48)Wara l-valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni rigward il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja bil-konstatazzjoni li l-pjan jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont mogħti mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan fil-forma ta’ sostenn finanzjarji mhux ripagabbli.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(49)L-ispiża totali stmata tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja hija ta’ EUR 6 575 000 000. Billi l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE)2021/241 u, barra minn hekk, billi l-ammont tal-ispejjeż totali stmati tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima disponibbli għas-Slovakkja, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja allokata għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja tkun ugwali għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għas-Slovakkja.

(50)F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għas-Slovakkja jrid jiġi aġġornat sat-30 ta’ Ġunju 2022. Bħala tali, f’konformità mal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li issa jkun hemm ammont disponibbli għas-Slovakkja għal impenn legali sal-31 ta’ Diċembru 2022. Jekk meħtieġ wara l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, jenħtieġ li l-Kunsill, bi proposta mill-Kummissjoni, jemenda din id-Deċiżjoni biex jinkludi l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata mingħajr dewmien żejjed.

(51)L-appoġġ li għandu jingħata jrid jiġi ffinanzjat mis-self mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 5 . Jenħtieġ li l-appoġġ jitħallas f’pagamenti parzjali ladarba s-Slovakkja tkun issodisfat l-istadji importanti u l-miri rilevanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(52)Is-Slovakkja talbet il-prefinanzjament ta’ 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Dan l-ammont jenħtieġ li jkun disponibbli għas-Slovakkja soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(53)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kull programm ieħor tal-Unjoni ħlief ir-Regolament (UE) 2021/241 jew għal proċeduri marbuta ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza

Il-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż l-istadji importanti u l-miri rilevanti, l-indikaturi rilevanti marbuta mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti biex il-Kummissjoni tagħti aċċess sħiħ għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2
Kontribuzzjoni finanzjarja

1.L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli għas-Slovakkja kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ sostenn mhux ripagabbli li jammonta għal EUR 6 328 586 359 6 . Ammont ta’ EUR 4 642 807 510 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment sal-31 ta’ Diċembru 2022. Soġġett għall-aġġornament previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 li jikkalkola ammont għas-Slovakkja li jkun ugwali għal dan l-ammont jew ogħla minnu, ammont ieħor ta’ EUR 1 685 779 848 għandu jkun disponibbli biex jiġi impenjat legalment mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

2.Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni disponibbli għas-Slovakkja fi ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Anness. Ammont ta’ EUR 822 716 227 għandu jkun disponibbli bħala pagament ta’ prefinanzjament, ugwali għal 13 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni tista’ tiżborża l-prefinanzjament u l-ħlasijiet parzjali f’segment wieħed jew f’diversi segmenti. Id-daqs tas-segmenti għandu jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament.

3.Il-prefinanzjament għandu jkun rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ u f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Il-prefinanzjament għandu jitħallas billi jitnaqqas proporzjonalment mill-pagament tal-ħlasijiet parzjali.

4.Ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali f’konformità mal-Ftehim ta’ Finanzjament għandu jkun kondizzjonali għall-finanzjament disponibbli u deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/241, li s-Slovakkja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-impenji legali msemmija fil-paragrafu 1, sabiex wieħed ikun eliġibbli għal pagament, l-istadji importanti u l-miri għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026.

Artikolu 3
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17-75.
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I , 22.12.2020, p. 23).
(3)    Simulazzjonijiet bħal dawn jirriflettu l-impatt kumplessiv tan-NextGenerationEU, li jinkludi wkoll ir-ReactEU, kif ukoll aktar finanzjament għal Orizzont, InvestEU, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, l-Iżvilupp Rurali u RescueEU. Simulazzjoni bħal din ma tinkludix l-impatt pożittiv possibbli tar-riformi strutturali, li jistgħu jkunu sostanzjali.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).
(5)    ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(6)    Dan l-ammont jikkorrispondi għall-allokazzjoni finanzjarja wara li jitnaqqas is-sehem proporzjonali tas-Slovakkja tal-ispejjeż tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, ikkalkulat skont il-metodoloġija tal-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament.