18.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/108


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/73

tas-17 ta' Jannar 2019

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fl-20 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) tat bidu għal investigazzjoni anti-dumping fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) ta' roti, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju (“roti elettriċi”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament bażiku”).

(2)

Il-Kummissjoni ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta' Bidu”).

(3)

Il-Kummissjoni tat bidu għall-investigazzjoni wara lment li ġie ppreżentat fit-8 ta' Settembru 2017 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (“l-ilmentatur” jew l-“EBMA”). L-ilmentatur jirrappreżenta aktar minn 25 % tar-roti elettriċi kollha prodotti fl-Unjoni. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali riżultanti, u dan kien biżżejjed biex il-bidu tal-investigazzjoni jkun iġġustifikat.

(4)

Fil-21 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-RPĊ, u bdiet investigazzjoni separata. Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

1.2.   Reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet

(5)

Fil-31 ta' Jannar 2018, l-ilmentatur ippreżenta talba għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ta' roti elettriċi mir-RPĊ, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Fit-3 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/671 (ir-“Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”) (4) li jagħmel l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi mir-RPĊ suġġetti għal reġistrazzjoni mill-4 ta' Mejju 2018 'il quddiem.

1.3.   Miżuri proviżorji

(6)

Fit-18 ta' Lulju 2018, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-RPĊ permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 (5) (“ir-Regolament proviżorju”).

(7)

Kif iddikjarat fil-premessa (7) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2016 sat-30 ta' Settembru 2017 (“il-perjodu ta' investigazzjoni” jew “PI”) u l-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sa tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(8)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (“divulgazzjoni proviżorja”), l-ilmentaturi, il-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta' Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products, “is-CCCME”), il-Kollettiva tal-Importaturi Ewropej ta' Roti Elettriċi (Collective of European Importers of Electric Bicycles, (“is-CEIEB”), importaturi individwali mhux relatati, u produtturi esportaturi Ċiniżi individwali għamlu preżentazzjonijiet bil-miktub biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji.

(9)

Il-partijiet li rrikjedew dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Saru seduti ta' smigħ mal-ilmentaturi, mas-CEIEB, mal-importaturi mhux relatati, u ma' produttur esportatur Ċiniż individwali wieħed. Ġiet organizzata seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali ma' dak il-produttur esportatur Ċiniż.

(10)

Il-Kummissjoni qieset il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u indirizzathom kif dettaljat f'dan ir-Regolament.

(11)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li ħasset li kienet meħtieġa għal-konklużjonijiet finali tagħha. Sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-importaturi mhux relatati, saru żjarat ta' verifika fl-istabbilimenti tal-partijiet li ġejjin:

—

BH BIKES EUROPE S.L. (Vitoria, Spanja);

—

BIZBIKE BVBA (Wielsbeke, il-Belġju);

—

NEOMOUV SAS (La Flèche, Franza)

(12)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-RPĊ (“id-divulgazzjoni finali”).

(13)

Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u ġew ikkunsidrati fejn xieraq.

1.5.   Kampjunar

(14)

Il-lista ta' produtturi esportaturi Ċiniżi inkluża fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament ġiet modifikata biex tieħu inkunsiderazzjoni l-bidla fl-isem ta' produttur esportatur Ċiniż wieħed għal Easy Electricity Technology Co., Ltd. u produttur esportatur ieħor Wuxi Shengda Vehicle Technology Co., Ltd ġie miżjud mal-Anness 1.

1.6.   Eżami individwali

(15)

Sitt produtturi esportaturi mhux ikkampjunati għamlu talba formali għal eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Tlieta minn dawk il-kumpaniji kienu gruppi ta' kumpaniji b'total ta' sitt negozjanti relatati. Barra minn hekk, tnejn mill-kumpaniji li formalment talbu eżami individwali talbu wkoll trattament ta' ekonomija tas-suq. Wara divulgazzjoni proviżorja, erbgħa minn dawk il-kumpaniji tennew it-talbiet tagħhom għal eżami individwali.

(16)

Kif spjegat fil-premessa (47) tar-Regolament proviżorju, l-eżami ta' numru tant kbir ta' talbiet kien ikun wisq impenjattiv u ma kienx jippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-perjodu ta' żmien stabbilit fir-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-perjodu ta' żmien addizzjonali bejn il-fażijiet proviżorji u definittivi ma kienx biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista' tqis dan in-numru kbir ta' talbiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li ma tilqa' l-ebda talba għal eżami individwali.

1.7.   Trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

(17)

Is-CCCME, Bodo Vehicle, Suzhou Rununion u Jinhua Vision tennew il-pretensjoni tagħhom li billi l-paragrafu (a)(ii), it-Taqsima 15 tal-Protokoll għall-Adeżjoni tar-RPĊgħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) kien skada wara l-11 ta' Diċembru 2016, l-eżistenza ta' dumping jenħtieġ li tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi tal-produtturi esportaturi Ċiniżi. Il-Kummissjoni indirizzat din il-pretensjoni kif spjegat fit-Taqsima 3.1.1 tar-Regolament proviżorju.

(18)

Il-Kummissjoni applikat il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u applikabbli għall-investigazzjoni preżenti, jiġifieri l-Artikolu 2(7)(a) u (b) tar-Regolament bażiku.

(19)

Giant Electric Vehicle “Giant” wieġbet għad-divulgazzjoni proviżorja, u tenniet il-pretensjonijiet tagħha li l-Kummissjoni kellha tagħti TES lil Giant billi, fil-fehma ta' Giant, kienet tissodisfa l-kriterji tat-TES fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, notevolment il-kriterji 1 u 3. B'mod partikolari, Giant ikkontestat l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interferenza mill-Istat, u ddikjarat li l-possibbiltà ta' interferenza mill-Istat ma kinitx biżżejjed biex ma tintlaqax it-talba għal TES. Barra minn hekk, tenniet l-argumenti tagħha li l-impatt tad-distorsjonijiet fuq il-prezz tal-aluminju ma kienx sinifikanti.

(20)

Dwar il-kriterju 1, il-Kummissjoni sabet interferenza sinifikanti mill-Istat fir-rigward tas-suq tal-aluminju kif deskritt fid-dettall fid-dokument ta' divulgazzjoni tat-TES datat it-3 ta' Mejju 2018, fl-ittra tad-29 ta' Mejju li twieġeb għall-kummenti ta' Giant dwar id-divulgazzjoni tat-TES u fir-Regolament proviżorju, b'mod partikolari l-premessi (88) u (89). Il-Kummissjoni sabet li l-gvern Ċiniż jista' jeżerċita kontroll sħiħ fuq is-suq tal-aluminju u jirregola s-suq tal-aluminju bl-għan li jipprevjeni l-arbitraġġ fis-sens ekonomiku. Il-Kummissjoni sabet li dik is-sitwazzjoni tirriżulta f'suq tal-aluminju b'distorsjonijiet fir-RPĊ u tikkostitwixxi interferenza sinifikanti mill-Istat mill-gvern Ċiniż. Id-distorsjoni fis-suq tal-aluminju hija tant b'saħħitha li ma hemm l-ebda arbitraġġ, li n-nuqqas tiegħu fih innifsu jikkostitwixxi distorsjoni sinifikanti.

(21)

Giant qatt ma kkontestat is-sejbiet tal-Kummissjoni ta' interferenza sinifikanti mill-Istat fis-suq tal-aluminju tar-RPĊ u tal-kontroll sħiħ tal-gvern Ċiniż fuqu. Sempliċement sostniet li l-effett ta' din l-interferenza mill-Istat ma kienx sinifikanti f'termini ta' valur matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-interpretazzjoni proposta, li mhijiex sostnuta mill-ġurisprudenza ċċitata minn Giant (6). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-kriterju 1 jipprekludi l-għoti ta' TES fejn l-Istat interferixxa b'mod sinifikanti fit-tħaddim tal-forzi tas-suq. L-interferenza sinifikanti mill-Istat f'dan ir-rigward ma ssostnix il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq jipprevalu għal produttur li jopera f'tali suq (7).

(22)

Għalhekk, is-sejba tal-Kummissjoni dwar il-kriterju 1 fir-Regolament proviżorju ġiet ikkonfermata.

(23)

Rigward il-kriterju 3 Giant iddikjarat li l-Kummissjoni ma indirizzatx it-talbiet tagħha li l-inċentivi finanzjarji ma kinux sinifikanti u ma ġewx ittrasferiti mis-sistema preċedenti tal-ekonomija mhux tas-suq iżda li kienu espressjoni ta' politika industrijali leġittima. Barra minn hekk, Giant tenniet li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra s-sinifikat tad-drittijiet tal-użu tal-art li ngħataw bażikament mingħajr ħlas matul il-ħajja tagħhom ta' 50 sena.

(24)

Il-Kummissjoni tinnota li l-pretensjoni dwar l-inċentivi finanzjarji kif ukoll il-metodoloġija applikata fir-rigward tad-drittijiet tal-użu tal-art, mhux biss kienet diġà ttrattata b'mod estensiv fid-dokument tad-divulgazzjoni tat-TES, iżda kienet ġiet indirizzata wkoll fl-ittra tad-29 ta' Mejju 2018 li twieġeb għall-kummenti ta' Giant. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Kummissjoni huwa deskritt ukoll fir-Regolament proviżorju, b'mod partikolari fil-premessi (91) u (92).

(25)

Fuq il-bażi tar-raġunament deskritt f'dawk id-dokumenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rata ta' taxxa preferenzjali kienet inċentiv finanzjarju ta' karattru miftuħ u kważi-permanenti li jista' jservi wkoll l-iskop li jattira kapital b'rati mnaqqsa, u b'hekk ixekkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni fuq perjodu ta' żmien twil. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li t-tnaqqis tat-taxxa għall-ispejjeż tar-R&Ż kien rikorrenti u mhux limitat fiż-żmien u għalhekk se jkollu effett simili. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li Giant effettivament ma ħallsitx għad-drittijiet tagħha għall-użu tal-art (ara l-premessa (21) hawn fuq). Giant ma ppreżentat l-ebda argument ġdid.

(26)

Għalhekk, il-kriterju 3, jiġifieri, ir-rekwiżit li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti riportata mis-sistema preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq, jibqa' mhux sodisfatt.

(27)

Is-CEIEB iddikjarat li ċ-ċaħda tat-TES lil produttur esportatur Ċiniż kienet diskriminatorja, billi l-industrija tal-Unjoni tixtri oqfsa tal-aluminju mir-RPĊ u għalhekk tibbenefika wkoll mid-distorsjonijiet fis-suq tal-aluminju fir-RPĊ. Is-CEIEB qajmet ukoll il-kwistjoni tal-importazzjonijiet tal-oqfsa tal-aluminju mir-RPĊ mill-industrija tal-Unjoni skont skema ta' sospensjoni tad-dazju. Dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux. Ix-xiri mill-industrija tal-Unjoni huwa irrilevanti għall-analiżi skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku li għandha l-għan li teżamina jekk produttur esportatur huwiex intitolat għal TES għad-determinazzjoni tal-valur normali. Bħala riżultat, il-Kummissjoni ma qisitx li hija rilevanti għad-determinazzjoni tat-TES.

1.8.   Perjodu ta' investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(28)

Fin-nuqqas ta' kummenti rigward il-perjodu ta' investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat, il-premessa (7) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Affermazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(29)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, tliet produtturi esportaturi Ċiniżi, importatur wieħed u s-CCCME tennew il-pretensjoni tagħhom stabbilita fil-premessi minn (57) sa (63) tar-Regolament proviżorju biex ir-roti elettriċi b'mutur elettriku awżiljarju għal pedali assistiti sa 45 km/h (“roti elettriċi ta' veloċità”) jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott.

(30)

Dawn il-partijiet argumentaw li r-roti elettriċi ta' veloċità għandhom notevolment karatteristiċi u użi intenzjonati differenti, li mhumiex soġġetti għall-istess rekwiżiti regolatorji, li għandhom notevolment prezzijiet u spejjeż differenti, u li, mill-perspettiva tal-konsumaturi, ma jistgħux jinbidlu mar-roti elettriċi l-oħra b'mutur elettriku awżiljarju għal pedali assistiti sa 25 km/h koperti minn din l-investigazzjoni.

(31)

Is-CCCME saħqet li l-Kummissjoni naqset milli tinnota li l-bidla li għamel il-konsumatur fis-softwer fir-rigward tal-limitu massimu msemmi mill-ilmentatur kienet illegali u żiedet li dan il-prospett ma setax jiġi ttrattat bħala possibbiltà probabbli.

(32)

L-ilmentatur qabel li kien illegali li l-konsumaturi jżidu l-limitu massimu tal-assistenza tal-mutur awżiljarju billi jagħmlu tibdil fis-softwer. Madankollu, fakkar li l-pretensjoni tiegħu ma kinitx relatata ma' dik il-possibbiltà iżda mal-modifiki minn operaturi ekonomiċi (importaturi, negozjanti) qabel ma r-roti elettriċi tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Fil-fatt, meta dawk il-bidliet għal programmar ta' softwer jinvolvu tnaqqis fil-limitu massimu ta' assistenza tal-mutur awżiljarju, huma jkunu legali minn perspettiva tal-approvazzjoni tat-tip ta' prodott. L-ilmentatur żied li bidliet bħal dawn għall-ipprogrammar tas-softwer kienu joħolqu riskju ovvju ta' evażjoni tal-miżuri anti-dumping u antisussidji.

(33)

Il-Kummissjoni tosserva li l-premessa (65) tar-Regolament proviżorju ma tirreferix biss għat-tibdil min-naħa tal-konsumatur tas-softwer iżda għall-ipprogrammar tas-softwer inġenerali. Barra minn hekk, l-istess premessa rreferiet b'mod ċar għall-possibbiltà li jinbidel il-limitu massimu kemm billi jiżdied kif ukoll billi jitnaqqas. Filwaqt li s-CCCME tinnota li żieda min-naħa tal-konsumatur tal-limitu massimu ta' assistenza tal-mutur awżiljarju tkun illegali, hija ma tiddubitax tibdil ieħor fl-ipprogrammar tas-softwer, bħalma huma t-tnaqqis tal-imsemmi limitu massimu min-naħa tal-operaturi ekonomiċi msemmija fil-premessa (32) ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, l-argument ma ntlaqax.

(34)

Wara divulgazzjoni finali, is-CCCME argumentat li l-Kummissjoni ppreżentat biss l-argument dwar l-operaturi ekonomiċi iktar milli l-konsumaturi li jbiddlu l-ipprogrammar ta' softwer li jżid jew inaqqas il-limitu massimu tal-mutur awżiljarju għall-ewwel darba fid-divulgazzjoni finali. Din id-dikjarazzjoni hija żbaljata. Kif innotat fil-premessa preċedenti, il-premessa (65) tar-Regolament proviżorju tirreferi għat-tipi kollha ta' programmar ta' softwer, irrispettivament minn min iwettaq l-ipprogrammar tas-softwer. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-premessa (65) tar-Regolament proviżorju tirreferi biss għal programmar ta' softwer li sar mill-konsumaturi u li ma kienx jinkludi programmar ta' softwer imwettaq mill-operaturi ekonomiċi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tosserva li l-inklużjoni fid-divulgazzjoni finali hija biżżejjed biex tippermetti lill-partijiet interessati kollha biex jikkummentaw.

(35)

Is-CCCME saħqet li d-dikjarazzjoni tal-ilmentatur li r-roti elettriċi kollha kienu soġġetti għall-istess testijiet skont in-norma EN 15194 ma kinitx eżatta. Is-CCCME sostniet li n-norma EN 15194 tissoġġetta r-roti elettriċi kollha għall-istess proċeduri tal-ittestjar. Din in-norma, madankollu, ma għandha l-ebda effett fuq id-differenza fil-veloċità li taffettwa rekwiżiti differenti u tagħmel ir-roti elettriċi ta' veloċità mhux interkambjabbli ma' roti elettriċi oħra. Is-CCCME kompliet targumenta li r-roti elettriċi ta' veloċità, għall-kuntrarju tar-roti elettriċi ordinarji, ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tan-norma EN 15194.

(36)

Is-CCCME żiedet li r-roti elettriċi ta' veloċità huma koperti bħala vetturi tat-tip ċiklomuturi għall-użu fit-toroq pubbliċi permezz tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Dan ir-Regolament jeskludi roti elettriċi b'mutur elettriku awżiljarju għal pedali assistiti sa 25 km/h. Ir-regoli addizzjonali li japplikaw għar-roti elettriċi ta' veloċità jkopru t-taxxi, il-liċenzjar u l-assigurazzjoni, il-pjanċi tal-liċenzja u l-elmi konformi għaċ-ċiklomuturi u l-kontrolli tal-konformità tas-sikurezza.

(37)

Is-CCCME żiedet li r-raġunament stabbilit fil-premessa (70) tar-Regolament proviżorju li r-roti elettriċi kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi ma jegħlibx l-argument li hemm tagħmir u rekwiżiti regolatorji distinti assoċjati mar-roti elettriċi ta' veloċità. Is-CCCME sostniet li minħabba dawk ir-rekwiżiti distinti, ir-roti elettriċi ta' veloċità ma kinux interkambjabbli ma' roti elettriċi oħra u li l-konsumaturi kienu jappoġġjaw din l-opinjoni. Sabiex tissostanzja dak l-argument, is-CCCME semmiet l-oppożizzjoni tal-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċiklisti għall-proposta tal-Kummissjoni li titlob assigurazzjoni tar-responsabbiltà ta' partijiet terzi għar-roti elettriċi kollha, mhux biss għar-roti elettriċi ta' veloċità.

(38)

L-ilmentatur tenna l-argument tiegħu li r-roti elettriċi kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi. B'mod partikolari, l-ilmentatur żied li r-roti elettriċi kollha huma magħmula mill-istess partijiet u komponenti tar-roti, u li ma hemmx partijiet tar-roti li jintużaw esklużivament għar-roti elettriċi ta' veloċità. Dan jinkludi l-muturi manifatturati mill-produtturi ewlenin tal-muturi li jistgħu jintużaw biex iħaddmu kull tip ta' roti elettriċi bl-ipprogrammar adegwat tas-softwer. Id-differenza bejn roti elettriċi ta' veloċità u roti elettriċi oħra ma tistax għalhekk tkun stabbilita b'mod affidabbli fuq il-bażi tad-dehra fiżika tagħhom.

(39)

L-ilmentatur żied li l-perċezzjoni tal-konsumatur mhijiex fattur determinanti għad-determinazzjoni tal-ambitu tal-prodott fi proċeduri ta' difiża tal-kummerċ u ddikjara li r-roti elettriċi tal-livelli kollha b'assistenza ta' pedali huma disponibbli fil-kategoriji differenti tal-użu (pereżempju għall-ivvjaġġar, trekking, tlielaq, u fuq il-muntanji) u huma kkummerċjalizzati lill-gruppi ta' klijenti kollha irrispettivament mill-età u s-sess tagħhom. Il-perċezzjoni tal-konsumatur u l-użu għalhekk ma jiġġustifikawx l-esklużjoni tar-roti elettriċi ta' veloċità mill-ambitu tal-prodott.

(40)

L-ilmentatur żied li l-kriterju tal-approvazzjoni tat-tip u b'mod aktar ġenerali l-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 mhumiex adattati għad-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott f'dan il-każ. L-ilmentatur argumenta li mhux ir-roti elettriċi ta' veloċità kollha huma soġġetti għall-approvazzjoni tat-tip iżda biss dawk maħsuba għall-użu fit-toroq pubbliċi. Dan jeskludi, pereżempju, rota tal-muntanji elettrika użata esklużivament għal avvenimenti kompetittivi jew off-roading fil-muntanji li wkoll ma tkunx soġġetta għal rekwiżiti oħra relatati mal-approvazzjoni tat-tip (pjanċa tal-liċenzja, elmu u assigurazzjoni).

(41)

Barra minn hekk, l-ilmentatur argumenta li r-roti elettriċi li mhumiex soġġetti għall-approvazzjoni tat-tip skont ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 huma madankollu soġġetti għar-rekwiżiti preċiżament l-istess tas-sikurezza tal-prodott skont id-direttiva dwar il-makkinarju tal-Unjoni. L-ilmentatur kompla jżid li n-norma applikabbli li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi hija l-istess għar-roti elettriċi kollha, jiġifieri n-norma armonizzata EN 15194 u għalhekk tenna l-pretensjoni riflessa fil-premessa (64) tar-Regolament proviżorju.

(42)

Il-Kummissjoni vvalutat li l-pretensjonijiet imsemmija hawn fuq li saru mis-CCCME dwar l-interkambjabbiltà, ir-rekwiżiti regolatorji u l-perċezzjoni tal-konsumatur kienu ripetizzjoni ta' dawk diġà indirizzati fil-premessi minn (67) sa (73) tar-Regolament proviżorju.

(43)

Il-Kummissjoni nnutat li l-proposta tagħha li testendi l-ħtieġa ta' assigurazzjoni tar-responsabbiltà ta' partijiet terzi għar-roti elettriċi kollha, użata mis-CCCME biex tissostanzja l-istqarrija tad-differenza fil-perċezzjoni tal-konsumatur, bl-istess mod uriet li d-differenzi fir-rekwiżiti regolatorji kienu qed jevolvu u ma pprovdewx bażi xierqa u stabbli biex teskludi r-roti elettriċi ta' veloċità mill-ambitu tal-prodott ikkonċernat.

(44)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata ma kinitx ta' natura li tbiddel is-sejbiet tagħha rigward l-ambitu tal-prodott, jiġifieri li r-roti elettriċi jaqsmu l-istess karatteristiċi fiżiċi u proprjetajiet bażiċi u li l-perċezzjoni tal-konsumatur u l-użi jikkoinċidu b'mod sinifikanti. Għaldaqstant l-argumenti tas-CCCME ma ntlaqgħux.

(45)

Parti interessata waħda argumentat li l-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni għandu jkun limitat għal roti elettriċi ta' livell baxx. Ir-roti elettriċi ta' livell medju u għoli għandhom jitneħħew mill-ambitu tal-prodott, billi allegatament ma hemm l-ebda dumping li jsir fis-segment tal-livell medju u għoli tar-roti elettriċi. Din il-parti interessata ddikjarat li l-kwalità u l-prestazzjoni, il-prezz, l-ispiża u l-marġni tal-profitt tar-roti elettriċi jistgħu jintużaw biex jiddifferenzjaw bejn dawn is-segmenti tas-suq.

(46)

Il-Kummissjoni fakkret li l-prodott ikkonċernat u l-prodott simili ġew definiti fuq il-bażi tal-karatteristiċi fiżiċi tagħhom. Il-kriterji bħall-prezz, l-ispiża u l-marġni tal-profitt ma jistgħux jintużaw biex jiddefinixxu l-prodott ikkonċernat (9). Rigward il-kwalità u l-prestazzjoni, lil hinn mill-fatt li l-parti interessata ma spjegatx kif dawn l-elementi għandhom jiġu mkejla u kwantifikati b'mod sistematiku, il-Kummissjoni tfakkar li l-kwalità u l-prestazzjoni jistgħu jitqiesu permezz ta' aġġustamenti għall-karatteristiċi fiżiċi. F'kull każ, anki jekk dawn kienu rilevanti sabiex jiġi ddefinit l-ambitu tal-prodott, quod non, il-Kummissjoni tinnota li għalkemm bosta partijiet interessati ressqu pretensjonijiet simili matul l-investigazzjoni, ebda waħda minnhom ma pprovdiet informazzjoni pertinenti li kienet tiġġustifika jew tippermetti għal segmentazzjoni possibbli tas-suq. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe prova, il-Kummissjoni f'kull każ kellha tirrifjuta dan l-argument u kkonfermat is-sejbiet stabbiliti fil-premessa (122) tar-Regolament proviżorju.

(47)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (67) sa (74) tar-Regolament proviżorju.

3.   DUMPING

3.1.   Pajjiż analogu

(48)

Ma wasal l-ebda kumment dwar l-għażla tal-industrija tal-Unjoni bħala pajjiż analogu u l-ebda pajjiż analogu alternattiv ma ġie ssuġġerit. Il-premessa (103) tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata.

3.2.   Valur normali

(49)

Kif stabbilit fil-premessa (103) tar-Regolament proviżorju, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili. Ma waslu l-ebda kummenti dwar dan il-punt.

(50)

Żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi kkontestaw il-valuri użati għall-valur normali, billi ħadu eżempji ta' pari ta' tipi ta' prodotti (PCN) fejn wieħed għandu jkun, skont il-fehim komuni fl-industrija tar-roti elettriċi, aktar għali mill-ieħor, iżda fil-fatt kienu orħos. Dawk iż-żewġ produtturi esportaturi ddikjaraw li l-Kummissjoni għandha taġġusta l-valur normali għal kull PCN biex ikun aktar “konformi” mal-ispiża preżunta tal-materjali u l-partijiet użati.

(51)

Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx, minħabba li l-valur normali huwa bbażat fuq il-prezzijiet attwali mħallsa fl-Unjoni għall-prodott simili. Kull rota elettrika hija magħmula minn komponenti multipli, li flimkien ma' fatturi oħra jiddeterminaw il-prezz tal-bejgħ. L-effett konġunt ta' dawk il-komponenti u l-fatturi jista' jkun akbar mill-impatt tad-differenzi fil-prezz ta' komponent partikolari wieħed kif saħqu ż-żewġ produtturi esportaturi. Dawk iż-żewġ produtturi esportaturi ma talbux aġġustament għal differenzi fiżiċi skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament.

(52)

Il-premessi minn (104) sa (106) tar-Regolament proviżorju huma għalhekk ikkonfermati.

(53)

Wara d-divulgazzjoni finali, żewġ produtturi esportaturi argumentaw li l-ispjegazzjoni pprovduta fil-premessa (51) ma tkunx biżżejjed. Dawk il-produtturi esportaturi taw eżempju ta' żewġ PCNs differenti biss fil-livell tal-potenza tal-assistenza tal-magna. F'dan l-eżempju, il-PCN bl-assistenza tal-magna b'inqas potenza tpoġġiet fil-medda ta' valuri normali aktar għaljin mill-PCN b'assistenza tal-magna b'potenza ogħla.

(54)

Il-Kummissjoni nnotat li tali sitwazzjoni ma kinitx tipika għal valur normali użata f'din l-investigazzjoni, peress li fil-parti l-kbira tal-każijiet l-aktar karatteristiċi PCN għaljin kienu jaqgħu f'meded ta' valuri normali aktar għaljin. Tabilħaqq, il-valur normali medju ta' PCNs bl-ogħla livell ta' assistenza huwa ta' 60,8 % ogħla mill-PCNs bil-livell ta' assistenza aktar baxx. Is-sitwazzjoni msemmija fil-premessa (53) tista' sseħħ mingħajr ma tiġi kompromessa l-affidabbiltà ta' dan il-valur normali għal skopijiet ta' paragun ġust, billi l-valur normali huwa bbażat fuq il-bejgħ fl-Unjoni ta' produtturi tal-Unjoni multipli. Dan il-bejgħ b'mod inerenti jinkludi differenzi fil-prezzijiet skont il-mudelli partikulari li jinfluwenzaw il-prezz tal-bejgħ għal kull PCN fit-taħlita tal-bejgħ. Barra minn hekk, il-valur normali tal-prodott ikkonċernat ippreżentati f'meded apparentement jamplifika d-differenza fil-prezz f'xi każijiet. Dan huwa għaliex żewġ PCNs b'differenza żgħira ħafna fil-prezz jistgħu jintwerew f'żewġ meded differenti jekk il-prezzijiet tagħhom ikunu qrib il-limiti tal-medda.

(55)

Fl-assenza ta' kull pretensjoni oħra dwar il-valur normali, il-premessi minn (104) sa (106) tar-Regolament proviżorju, qegħdin b'dan jiġu kkonfermati.

3.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(56)

Fl-assenza ta' kwalunkwe kumment rigward il-prezz tal-esportazzjoni, il-premessi minn (107) sa (109) tar-Regolament proviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

3.4.   Paragun

(57)

Produttur esportatur wieħed iddikjara li l-Kummissjoni ma għandhiex tnaqqas l-ispejjeż tal-kreditu li ġġarrbu bejn il-produttur u l-kumpaniji tal-bejgħ relatati tiegħu fl-Ewropa. Din il-pretensjoni ġiet aċċettata. Dan irriżulta f'aġġustament għall-prezz tal-esportazzjoni ta' anqas minn 1 %.

(58)

L-istess produttur esportatur staqsa jekk il-valur normali kienx jinkludi l-ispejjeż tal-ippakkjar, u jekk iva, jekk il-paragun mal-prezz tal-esportazzjoni kienx isir fir-rigward tal-prodotti ppakkjati. Din il-pretensjoni ġiet aċċettata għall-produtturi esportaturi kollha billi l-valur normali ġie ddeterminat fuq il-bażi ta' prodotti ppakkjati simili. Dan irriżulta f'aġġustament għall-prezz tal-esportazzjoni ta' anqas minn 1 %.

(59)

Fil-premessa (116) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jipprovdu kwantifikazzjoni affidabbli u verifikabbli tal-ispejjeż għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku li tinkludi l-ispejjeż għad-disinn, il-kummerċjalizzazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) ta' importaturi tad-ditta.

(60)

Żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun ippreżentaw pretensjonijiet għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku u pprovdew evidenza mill-importaturi tagħhom fl-Unjoni f'dan ir-rigward. L-evidenza pprovduta kienet tikkonsisti minn data mill-importaturi kkonċernati dwar l-ispejjeż tar-R&Ż u tad-disinn. Dawk l-importaturi ġew spezzjonati bħala parti minn din l-investigazzjoni.

(61)

Il-Kummissjoni qieset id-data ppreżentata biex tiġġustifika l-pretensjonijiet magħmula u aċċettat li ċerti spejjeż tar-R&Ż u tad-disinn kienu fil-fatt meħtieġa fl-operazzjonijiet tal-importaturi tad-ditta. Madankollu ma setgħetx taċċetta d-data tal-importaturi magħżula mill-produtturi esportaturi minħabba li kienet tkopri kwistjonijiet usa' mill-ispejjeż tar-R&Ż u l-ispejjeż tad-disinn tal-importaturi tad-ditta. Id-differenzi sinifikanti fil-kategoriji tal-ispejjeż irrapportati espressi bħala perċentwal tal-fatturat taż-żewġ importaturi tad-ditta ma pprovdewx bażi rappreżentattiva biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż meħtieġa għall-aġġustament mitlub.

(62)

Madankollu, il-Kummissjoni setgħet tidentifika dawk l-ispejjeż fir-rekords tal-produtturi tal-Unjoni li ttieħdu bħala kampjun u li ġew ivverifikati, li pprovdew is-sors tad-data għall-valur normali f'din l-investigazzjoni. Għalhekk il-produtturi tal-Unjoni li ttieħdu bħala kampjun u li ġew ivverifikati, tqiesu bħala sors affidabbli ta' data għal aġġustament tal-valur normali għar-R&Ż u għad-disinn skont l-Artikolu 2(10)(k).

(63)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni għamlet aġġustament ta' 2,3 % għall-valur normali għat-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li biegħu biss roti elettriċi mhux tad-ditta, jiġifieri li pproduċew roti elettriċi fir-RPĊ għad-detenturi tad-ditta fl-Unjoni.

(64)

L-industrija tal-Unjoni nnotat il-pretensjonijiet oriġinali magħmula miż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi għar-R&Ż, id-disinn u aġġustamenti oħra, u argumentat li dawn il-pretensjonijiet ma għandhomx jiġu aċċettati. Huma sostnew ukoll li l-aġġustament ta' 2,3 % magħmul mill-Kummissjoni ma għandux jiġi applikat lil produttur esportatur Ċiniż addizzjonali ieħor, li ma kienx talab l-aġġustament.

(65)

Madankollu rigward l-aġġustament ta' 2,3 %, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq data finanzarja mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm paragun ġust u raġonevoli bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, l-aġġustament kellu jsir għat-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi kkonċernati. Il-pretensjoni tal-industrija tal-Unjoni għalhekk ma ntlaqgħetx.

(66)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi argumentaw li l-aġġustament tar-R&Ż u tad-disinn ma jmissux ġie bbażat fuq id-data verifikata tal-industrija tal-Unjoni, iżda fuq id-data ta' żewġ importaturi mhux relatati pprovduta mill-produtturi esportaturi wara d-divulgazzjoni proviżorja. Dawn l-importaturi affermaw ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tqis id-differenzi fl-ispejjeż rilevanti kollha meħtieġa għal tqabbil tal-prezzijiet. Produttur esportatur wieħed sostna li aġġustament ta' 2,3 % għall-valur normali huwa baxx wisq meta mqabbel mal-ispejjeż tiegħu stess relatati ma' operazzjonijiet ta' markar.

(67)

Il-Kummissjoni spjegat biżżejjed is-sors ta' dan l-aġġustament fil-premessa (61) u nnotat li huma biss l-ispejjeż relatati mal-operazzjonijiet tal-importatur detentur tal-marka li kienu addizzjonali għall-operazzjonijiet ta' importatur standard li setgħu jitqiesu għal dan l-aġġustament.

(68)

Dwar il-pretensjoni li l-Kummissjoni kien messha minflok użat id-data mingħand iż-żewġ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tinnota l-punti li ġejjin. Il-Kummissjoni tinnota li l-użu tad-data tal-industrija tal-Unjoni bħala s-sors għal aġġustament bħal dan sar qabel, fil-proċediment li jikkonċerna ċerti oġġetti ta' ħadid fondut li joriġinaw mir-RPĊ (10), iżda l-Kummissjoni użat ukoll data ta' importaturi mhux relatati, bħal fil-proċediment li jikkonċerna ċerti żraben bil-parti ta' fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-RPĊ u l-Vjetnam (11). F'dan il-każ, il-Kummissjoni sabet li huwa xieraq li tuża d-data tal-produtturi tal-Unjoni li kienu daħlu fi spejjeż relatati mal-immarkar.

(69)

L-ewwel nett bl-użu ta' data mill-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kienet kapaċi tiġbor sett sħiħ ta' data mingħand il-produtturi kollha. Għalhekk, id-data użata hija iktar rappreżentattiva minn dik minn żewġ importaturi mhux relatati.

(70)

It-tieni, il-Kummissjoni ma vverifikatx is-settijiet tad-data pprovduta miż-żewġ importaturi mhux relatati, minħabba li d-data ġiet ippreżentata wara li saru ż-żjarat ta' verifika. Għall-kuntrarju, id-data mill-produtturi tal-Unjoni kienet ġiet speċifikament verifikata.

(71)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li minħabba li d-data mingħand l-industrija tal-Unjoni ntużat biex jiġi kkalkulat il-valur normali, kif ukoll biex jiġi kkalkulat il-prezz mhux dannuż, l-użu ta' data mill-istess kumpaniji kien aktar koerenti.

(72)

Wara d-divulgazzjoni finali, Giant talbet biex l-aġġustament ta' 2,3 % għar-R&Ż u d-disinn jiġi applikat lil parti mill-bejgħ tagħha, fejn dawn l-attivitajiet ġew ipprovduti mill-klijent tagħhom jiġifieri l-importatur detentur tal-marka. Dan l-aġġustament ingħata, filwaqt li wassal għal tnaqqis ta' 1,2 % punti perċentwali fil-marġni tad-dumping tiegħu. Ir-riżultat ġie ddivulgat u ma kienx soġġett għal aktar kummenti.

(73)

Tliet produtturi esportaturi Ċiniżi tennew il-pretensjoni magħmula qabel id-divulgazzjoni proviżorja, stabbilita fil-premessi minn (118) sa (122) tar-Regolament proviżorju, li l-PCN użat mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni kollha għandu jiġi estiż biex jinkludi elementi oħra.

(74)

Dawk it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi ma pprovdew l-ebda informazzjoni ġdida biex jippermettu li din il-pretensjoni tiġi eżaminata mill-ġdid. Is-sejbiet fil-premessi minn (121) sa (122) tar-Regolament proviżorju ġew, għalhekk, ikkonfermati.

(75)

Dawn it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi tennew l-istess pretensjoni wara d-divulgazzjoni finali, mingħajr ma pprovdew ebda informazzjoni ġdida. Kuntrarjament għall-argumenti ppreżentati fil-kummenti l-aktar reċenti tagħhom, il-Kummissjoni kkunsidrat bir-reqqa l-evidenza pprovduta mill-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun u kull informazzjoni oħra disponibbli u spjegat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi minn (118) sa (122) tar-Regolament proviżorju.

(76)

Produttur esportatur Ċiniż wieħed talab evidenza dwar il-livell tal-kummerċ tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq domestiku, użat għal skopijiet ta' kalkolu tal-valur normali, sabiex jikkunsidra jekk pretensjoni għal livell ta' aġġustament tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku kinitx ġustifikata. Din l-informazzjoni, li tqieset bħala kunfidenzjali mill-partijiet interessati kollha, inkluż mill-produttur esportatur Ċiniż stess, saret disponibbli f'meded minn partijiet interessati fil-fajl miftuħ. Din kienet turi li tipikament aktar minn 85 % tal-bejgħ tal-produttur tal-Unjoni fil-kampjun kien għall-bejjiegħa bl-imnut.

(77)

Wara li l-evidenza l-ġdida tqiegħdet fil-fajl miftuħ, il-produttur esportatur Ċiniż ippreżenta pretensjoni għal livell ta' aġġustament tal-kummerċ. Minħabba li dan il-produttur esportatur Ċiniż kellu kumpaniji tal-bejgħ relatati fl-Unjoni, ikkunsidra wkoll li l-aġġustamenti magħmula skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għall-prezz tal-esportazzjoni tiegħu biddlu l-livell tal-kummerċ tal-bejgħ tiegħu minn bejjiegħa bl-imnut għal distributuri. L-istess argument sar wara d-divulgazzjoni finali. Il-Kummissjoni nnutat li l-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku huma maħsuba biex ineħħu l-effett tal-importaturi relatati fl-Unjoni, mhux biex ibiddlu l-livell tal-kummerċ tal-bejgħ, li essenzjalment baqa' (tipikament aktar minn 85 %) għall-bejjiegħa bl-imnut. Wara reviżjoni tal-argumenti ppreżentati, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.

3.5.   Marġni tad-dumping

(78)

Kif spjegat fit-Taqsima 3, il-Kummissjoni qieset il-kummenti tal-partijiet interessati u kkalkulat mill-ġdid il-marġni tad-dumping tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha.

(79)

Il-marġni tad-dumping definittivi mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Tabella 1

Marġni tad-dumping definittivi

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Bodo Vehicle Group Co., Ltd.

86,3 %

Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co.

32,8 %

Jinhua Vision Industry Co., Ltd u Yongkang Hulong Electric Vehicle Co., Ltd.

39,6 %

Suzhou Rununion Motivity Co., Ltd.

100,3 %

Kumpaniji oħra li kkooperaw

48,6 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

100,3 %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(80)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju u l-kummenti li waslu, il-Kummissjoni kompliet teżamina s-sitwazzjoni ta' ċerti produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili li kienu rrapportaw importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kif imsemmi fil-premessi minn (130) sa (132) tar-Regolament proviżorju.

(81)

Skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stabbilixxiet li sitt kumpaniji inizjalment meqjusa bħala parti mill-industrija tal-Unjoni għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni. Wara l-kummenti, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid is-sitwazzjoni ta' dawk is-sitt kumpaniji u kkonkludiet li l-interess rappreżentat mill-attività tal-importazzjoni tagħhom qabeż l-interess rappreżentat mill-attività tal-produzzjoni tagħhom. B'riżultat ta' dan, eskludiet lil dawk is-sitt kumpaniji mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(82)

Minħabba li sitt produtturi tal-Unjoni ġew esklużi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-31 produttur li jifdal jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(83)

L-indikaturi tad-dannu għal sehem mis-suq, produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni, użu tal-kapaċità, volum tal-bejgħ, impjieg u produttività ġew riveduti kif xieraq, kif deskritt fil-premessi (106), (113) u (121).

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(84)

Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (133) sa (135) tar-Regolament proviżorju.

4.3.   Importazzjonijiet mir-RPĊ

(85)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, is-CCCME rrepetiet it-talba tagħha li s-sors u l-istatistiċi dettaljati tal-esportazzjonijiet ippreżentati mill-Ilmentatur jiġu żvelati u tenniet il-pretensjoni tagħha li d-deskrizzjoni tal-metodoloġija segwita mill-Ilmentatur biex tidentifika l-prodott ikkonċernat ma kinitx dettaljata biżżejjed. Is-CCCME ma pprovdietx argumenti ġodda jew addizzjonali b'appoġġ għal dawn il-pretensjonijiet, li kienu diġà indirizzati fil-premessi minn (143) sa (148) tar-Regolament proviżorju. Għaldaqstant, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

(86)

Wara divulgazzjoni finali, is-CCCME kellha dubju dwar għalfejn — minkejja t-tneħħija ta' sitt produtturi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni msemmija fil-premessa (82), is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra baqgħu ma nbidlux. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li is-sehem mis-suq huwa kkalkolat bħala persentaġġ tal-konsum totali tal-Unjoni. Kif intqal fil-premessa (84), il-konsum tal-Unjoni ma ġiex rivedut sa mill-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju. Għaldaqstant l-ishma tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn baqgħu ma nbidlux ukoll.

(87)

Importatur wieħed mhux relatat sostna li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ ma kienx dovut għal prattiki kummerċjali inġusti iżda għat-tnaqqis fl-ispiża tal-litju u għall-kompetizzjoni intensa biex jintrebaħ sehem mis-suq fl-Unjoni. Madankollu, ma spjegax kif dawn l-iżviluppi jinvalidaw xi waħda mis-sejbiet stabbiliti fir-Regolament proviżorju, b'mod partikolari s-sejba ta' dumping. Il-pretensjoni għalhekk ma għandhiex tintlaqa' u r-raġunament fil-premessi minn (151) sa (158) tar-Regolament proviżorju huwa kkonfermat.

(88)

Is-CCCME u xi produtturi esportaturi ddikjaraw li l-Kummissjoni għamlet valutazzjoni żbaljata tal-evoluzzjoni tal-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi billi osservat li kien notevolment taħt il-prezz medju tal-produtturi tal-Unjoni u tal-pajjiżi terzi. Dawk il-partijiet iddikjaraw li l-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma żvela xejn dwar it-twaqqigħ potenzjali tal-prezz fin-nuqqas ta' “analiżi ugwali”, jiġifieri analiżi fuq il-bażi tat-tip ta' prodott. Huma ddikjaraw li l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi li l-prezz medju dejjem jonqos tal-importazzjonijiet Ċiniżi jista' jirrifletti biss bidla fit-taħlita tat-tip ta' prodotti.

(89)

Kif indikat fil-premessa (154) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni taqbel li bidla fit-taħlita tat-tip ta' prodotti tista' tinfluwenza l-evoluzzjoni tal-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ. Madankollu, jibqa' li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu b'mod kostanti u sinifikanti taħt il-prezzijiet medji minn kwalunkwe sors ieħor ta' provvista minkejja l-kuntest li fih is-CCCME stess issostni li l-prodott ikkonċernat tjieb fil-kwalità u estenda għal segmenti ta' prezzijiet ogħla. Barra minn hekk, din ix-xejra li qed tonqos għandha tiġi kkunsidrata f'relazzjoni mal-analiżi ugwali li wasslet għal sejbiet ta' twaqqigħ tal-prezz u dumping sostanzjali.

(90)

Fir-rigward tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, produttur esportatur Ċiniż wieħed b'importaturi relatati fl-Unjoni stqarr li l-Kummissjoni kellha tuża l-valuri CIF irrapportati tal-importazzjonijiet tiegħu minflok il-valur CIF mibni li użat. Huwa ddikjara li l-metodoloġija użata biex tiddetermina l-valur CIF użat fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz għandha tiġi żvelata. Iddikjara wkoll li bl-użu ta' din il-metodoloġija, il-Kummissjoni ġabet b'mod artifiċjali l-prezzijiet tagħha fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni li mhuwiex il-punt fejn tikkompeti mal-produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, huwa kompla jsostni li metodoloġija bħal din introduċiet differenza fil-livell ta' kummerċ li għamel il-paragun tal-prezz inġust.

(91)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li żvelat kif xieraq lill-partijiet kollha kkonċernati, inkluż lill-produttur esportatur Ċiniż inkwistjoni, il-metodoloġija użata għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz (il-prezz unitarju tal-industrija tal-Unjoni ġie mqabbel mal-prezz unitarju ta' kull produttur esportatur għal kull tip ta' prodott u d-differenza kienet immultiplikata bil-kwantità esportata tal-produttur esportatur). It-tieni, l-istess pretensjoni dwar il-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur Ċiniż għall-kalkolu tad-dumping ma ġietx milqugħa kif stabbilit fil-premessa (75). Fil-fatt, għall-istess raġunijiet, jiġifieri l-kostruzzjoni tal-prezz CIF ma tbiddilx il-livell tal-kummerċ tal-bejgħ, li jibqa' b'mod predominanti (tipikament aktar minn 85 %) għall-bejjiegħa bl-imnut, il-Kummissjoni wkoll ikollha ma tilqax il-pretensjoni għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. Fl-aħħar nett, għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma tistax tuża l-prezzijiet CIF irrapportati minħabba li l-bejgħ sottostanti seħħ bejn partijiet relatati. Barra minn hekk, il-produttur esportatur inkwistjoni ma stabbilixxiex kif dawn il-prezzijiet jistgħu jkunu affidabbli minkejja din ir-relazzjoni.

(92)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-istess parti interessata tenniet il-pretensjoni deskritta fil-premessa (90).

(93)

Il-Kummissjoni tfakkar li, sa fejn id-determinazzjoni tal-marġni ta' twaqqigħ tal-prezz huwa kkonċernat, ir-Regolament bażiku ma jippreskrivix metodoloġija speċifika. Il-Kummissjoni għalhekk tgawdi minn marġni wiesa' ta' diskrezzjoni fil-valutazzjoni ta' dan il-fattur. Dan il-marġni ta' diskrezzjoni huwa limitat mill-ħtieġa li l-konklużjonijiet ikunu bbażati fuq evidenza pożittiva u eżami oġġettiv, kif mitlub mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi speċifikament li l-eżistenza ta' twaqqigħ tal-prezz sinifikanti għandha tiġi eżaminata fil-livell tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping, u mhux fil-livell ta' kwalunkwe prezz ta' bejgħ mill-ġdid sussegwenti fis-suq tal-Unjoni.

(94)

Fuq din il-bażi, rigward l-elementi kkunsidrati għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet (b'mod partikolari l-prezz tal-esportazzjoni), il-Kummissjoni trid tidentifika l-ewwel punt li fih isseħħ (jew tista' sseħħ) il-kompetizzjoni ma' produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Dan il-punt huwa fil-fatt il-prezz tax-xiri tal-ewwel importatur mhux relatat għaliex il-kumpanija fil-prinċipju għandha l-għażla li tagħmel l-akkwist tagħha jew mill-industrija tal-Unjoni jew minn klijenti barranin. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, li huwa meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Fil-każ tal-bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta' importaturi relatati, il-punt ta' paragun għandu jkun eżatt wara li l-prodott jaqsam il-fruntiera tal-Unjoni, u mhux fi stadju aktar tard fil-katina tad-distribuzzjoni, pereżempju meta jinbiegħ lil utent finali tal-prodott. Għalhekk, b'analoġija mal-approċċ li ssegwa għall-kalkoli tal-marġni ta' dumping, il-prezz tal-esportazzjoni jinħadem fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti aġġustat kif xieraq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Peress li dan l-Artikolu huwa l-uniku Artikolu fir-Regolament bażiku li jagħti gwida dwar kif jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni, l-applikazzjoni tiegħu b'analoġija hija ġġustifikata.

(95)

Dan l-approċċ jiżgura wkoll koerenza f'każijiet fejn produttur esportatur qed ibigħ il-prodotti direttament lil klijent mhux relatat (kemm jekk huwa importatur kif ukoll jekk huwa utent finali) minħabba li f'dan ix-xenarju, il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid ma jintużawx mid-definizzjoni. Approċċ differenti jwassal għal diskriminazzjoni bejn il-produtturi esportaturi bbażata biss fuq il-kanal tal-bejgħ li jużaw. Il-Kummissjoni tqis li l-istabbiliment tal-prezz tal-importazzjoni rilevanti għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz ma għandux ikun influwenzat mill-kwistjoni jekk l-esportazzjonijiet humiex magħmula għal operaturi relatati jew indipendenti fl-Unjoni. Il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni tiżgura li ż-żewġ ċirkostanzi jirċievu trattament ugwali.

(96)

Għalhekk, sabiex ikun jista' jsir tqabbil ġust, huwa meħtieġ tnaqqis tal-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u tal-amministrazzjoni u l-profitt mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lil klijenti mhux relatati magħmula mill-importatur relatat sabiex jinkiseb prezz CIF affidabbli. Il-Kummissjoni għalhekk ma laqgħetx it-talba.

(97)

Is-CCCME u erba' produtturi esportaturi ddikjaraw li l-fatt li t-talba tagħhom għal aġġustament tal-kummerċ skont il-premessa (157) tar-regolament proviżorju ma ntlaqgħetx, ma kienx jindirizza d-differenza tal-prezzijiet li tirriżulta mil-livell tal-klijenti OEM. Dawn il-partijiet interessati żiedu li paragun tal-prezz ġust kien jeħtieġ aġġustament 'il fuq biex jirrifletti l-marġni kummerċjali tal-klijenti OEM u tas-sidien tad-ditta wara l-importazzjoni. L-istess argument tqajjem ukoll għal darb' oħra wara d-divulgazzjoni.

(98)

Il-Kummissjoni qieset, kif diġà spjegat fil-premessa (157) tar-Regolament proviżorju, it-talba għal aġġustament tal-livell tal-kummerċ u kkonkludiet li ma hemm l-ebda differenza konsistenti u distinta fil-prezz għall-bejgħ OEM u tas-sid tad-ditta fl-Unjoni. L-aġġustament 'il fuq fil-prezz tal-importazzjoni Ċiniża mill-marġni kummerċjali tal-importaturi tad-ditta li allegatament jirrifletti differenza fil-livell tal-kummerċ jimmina l-konklużjoni tal-investigazzjoni li ma teżisti l-ebda differenza konsistenti u distinta fil-prezz għall-bejgħ OEM u tas-sid tad-ditta fl-Unjoni. Għalhekk, it-talba ma ntlaqgħetx.

(99)

Wara divulgazzjoni proviżorja, Giant ressqet talba dwar il-kalkolu tad-dazju konvenzjonali f'każ ta' importazzjonijiet permezz ta' kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importatur. Huma argumentaw li l-ammont ta' dazju doganali konvenzjonali għandu jkun ibbażat fuq il-valur CIF reali, u mhux fuq il-valur CIF maħdum. Din il-pretensjoni ġiet aċċettata. Il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz riveduti kienu jvarjaw bejn 16,2 % u 43,2 % kif indikat fit-Tabella 2.

Tabella 2

Marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz

Kumpanija

Marġni tat-twaqqigħ tal-prezz

Bodo Vehicle Group Co., Ltd.

41,4 %

Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co.

19,4 %

Jinhua Vision Industry Co., Ltd u Yongkang Hulong Electric Vehicle Co., Ltd.

16,2 %

Suzhou Rununion Motivity Co., Ltd.

43,2 %

(100)

Fin-nuqqas ta' xi kumment ieħor fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u wara r-reviżjoni tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz stipulati fil-premessa (99), il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet l-oħra kollha stabbiliti fil-premessi minn (136) sa (157) tar-Regolament proviżorju.

4.4.   Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(101)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, importatur wieħed stqarr li l-Kummissjoni għandha tispjega kif kisbet u stmat l-indikaturi tal-prestazzjoni billi dawk ipprovduti fir-Regolament proviżorju ma kinux konformi maċ-ċifri pprovduti mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. B'mod partikolari, huwa rrimarka li l-ebda wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma kien irrapporta tnaqqis fil-produzzjoni u l-bejgħ.

(102)

Il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa (162) tar-Regolament proviżorju fejn spjegat li l-makroindikaturi ma kinux ibbażati biss fuq informazzjoni miġbura mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun iżda wkoll mill-informazzjoni tas-suq ippreżentata mill-Konfederazzjoni tal-Industriji Ewropej tar-Roti (“CONEBI” ) u mill-istatistika dwar l-importazzjoni.

(103)

Kif spjegat fil-premessa (163) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni użat iċ-ċifra ppreżentata minn CONEBI u vverifikata mill-Kummissjoni għall-konsum. Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni nkiseb billi tnaqqsu l-importazzjonijiet miċ-ċifra totali tal-konsum. Il-produzzjoni kienet stmata fuq il-bażi tal-proporzjonijiet rilevanti tal-bejgħ u l-produzzjoni vverifikati tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

(104)

Kif intqal fil-premessa (164) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija deskritta fl-ilment u li ma sar l-ebda kumment dwarha matul din l-investigazzjoni.

(105)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-Kummissjoni tikkonferma l-premessi minn (159) sa (166) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(106)

Wara l-esklużjoni ta' ċerti kumpaniji mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif spjegat fil-premessi minn (80) sa (83), iċ-ċifri għall-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità fl-Unjoni ġew riveduti kif indikat fit-Tabella 3.

Tabella 3

Il-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2014

2015

2016

PI

Volum tal-produzzjoni (unitajiet)

831 142 Fax:

976 859 Fax:

1 095 632

1 066 470

Indiċi

100

118

132

128

Il-kapaċità tal-produzzjoni (unitajiet)

1 110 641

1 366 618

1 661 587

1 490 395

Indiċi

100

123

150

134

Użu tal-kapaċità

75 %

71 %

66 %

72 %

Indiċi

100

95

88

96

Sors: CONEBI, produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, sottomissjonijiet mill-partijiet interessati

(107)

Il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni għalhekk żdied bi 28 % fil-perjodu kkunsidrat minkejja tnaqqis ta' 3 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni. Il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b'34 % bejn l-2014 u l-perjodu ta' investigazzjoni. Bejn l-2014 u l-2016, il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b'50 %, u mbagħad naqset b'9 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni. L-użu tal-kapaċità naqas minn 75 % fl-2014 għal 72 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni, bi tnaqqis minn 75 % għal 66 % bejn l-2014 u l-2016 u żieda minn 66 % għal 72 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni. Ix-xejriet deskritti fir-Regolament proviżorju baqgħu għaldaqstant l-istess għall-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità wara r-reviżjoni tal-kumpaniji li kkostitwixxew l-Industrija tal-Unjoni.

(108)

Is-CCCME u erba' produtturi esportaturi ddikjaraw li t-tkabbir fil-produzzjoni ma kienx jindika dannu. Huma żiedu wkoll li l-produtturi tal-Unjoni żiedu l-kapaċità tagħhom mill-2014 u l-2016. Dawn il-partijiet interessati ddikjaraw li dan kien possibbli biss għaliex l-industrija tal-Unjoni ma kellhiex kompetizzjoni sal-2016 kif kien jiġi rikonoxxut fl-ilment tagħhom. Huma jżidu li bejn l-2014 u l-2016, l-industrija tal-Unjoni bniet kapaċità eċċessiva kbira sakemm indunaw li l-kapaċità żejda kienet qed taffettwa l-profittabbiltà tagħhom u naqqsu l-kapaċità biex itejbu l-profittabbiltà meta l-bejgħ baqa' b'saħħtu. Huma nnutaw madankollu li l-użu tal-kapaċità baqa' b'saħħtu u li t-tnaqqis osservat fl-2015-16 kien jikkorrispondi għal żieda sinifikanti fil-kapaċità.

(109)

Il-Kummissjoni nnutat li l-ilment qatt ma ddikjara li l-Industrija tal-Unjoni ma kellhiex kompetizzjoni bejn l-2014 u l-2016. Kif iddikjarat fil-premessa (169) tar-Regolament proviżorju, iż-żieda fil-produzzjoni kienet xprunata miż-żieda fil-konsum. Madankollu, wara l-2015, il-produzzjoni u l-konsum kienu jvarjaw b'mod notevoli u dejjem aktar, fejn il-pressjoni ssarfet fuq il-bejgħ u telf kontinwu tas-sehem mis-suq. Bl-istess mod, il-kapaċità żdiedet bl-istess pass bħall-konsum sal-2016 u d-deterjorament tal-użu tal-kapaċità kien għalhekk marbut mal-istess mudell. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (172) tar-Regolament proviżorju, l-indikaturi għall-kapaċità u l-użu tal-kapaċità huma ta' rilevanza limitata fir-rigward tal-profittabbiltà.

(110)

Wara d-divulgazzjoni, is-CEIEB sostniet li ma kien hemm l-ebda rabta bejn id-deterjorament tal-kapaċità u l-użu tal-kapaċità u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ minħabba li kien diffiċli li jiġi ddeterminat liema parti mill-kapaċità ntużat għal roti konvenzjonali, liema parti għal roti elettriċi, u minħabba li l-produzzjoni tar-roti konvenzjonali naqset bi 3,7 % fl-2016 skont ċifri ppubblikati minn CONEBI.

(111)

Il-Kummissjoni fakkret li l-kapaċità u l-użu tal-kapaċità ġew ivverifikati f'rabta mal-prodott investigat u r-roti konvenzjonali kienu esklużi. Għalhekk din it-talba ma ntlaqgħetx.

(112)

Fin-nuqqas ta' xi kumment ieħor fir-rigward tal-produzzjoni, tal-kapaċità ta' produzzjoni u tal-użu tal-kapaċità, u filwaqt li titqies il-korrezzjoni li saret fil-premessa (106), il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (167) sa (172) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(113)

Wara l-esklużjoni ta' ċerti kumpaniji mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif spjegat fil-premessi minn (80) sa (83), iċ-ċifri għall-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ġew riveduti.

Tabella 4

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2014

2015

2016

PI

Volum ta' bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni (unitajiet)

850 971

932 846

1 061 975

1 019 001

Indiċi

100

110

125

120

Sehem mis-suq

75 %

68 %

64 %

51 %

Indiċi

100

92

85

69

Sors: CONEBI, produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, preżentazzjonijiet mill-partijiet interessati

(114)

Il-volum ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għalhekk żdied b'20 % matul il-perjodu kkunsidrat. Bejn l-2014 u l-2016, il-volum ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied b'25 %, u mbagħad naqas b'4 % bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b'mod sinifikanti, minn 75 % fl-2014 għal 51 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Ix-xejriet deskritti fir-Regolament proviżorju baqgħu l-istess għall-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq wara r-reviżjoni tal-kumpaniji li kkostitwixxew l-Industrija tal-Unjoni.

(115)

Wara divulgazzjoni finali, is-CCCME affermat li ż-żieda globali ta' 20 % tal-bejgħ matul il-perjodu kkunsidrat għandha titqies bħala prestazzjoni qawwija u ma tistax tikkostitwixxi indizju ta' dannu materjali.

(116)

Madankollu, iż-żieda ta' 20 % fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għandha titqies fid-dawl ta' żieda ta' 74 % fil-konsum tal-Unjoni matul l-istess perjodu, kif iddikjarat fit-Tabella 2 tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda indikazzjoni li żieda fil-bejgħ li kien ħafna inqas miż-żieda fil-konsum setgħet titqies bħala prestazzjoni qawwija, u tabilħaqq ma tkunx indikattiva ta' dannu materjali.

(117)

Is-CCCME affermat ukoll li, skont l-informazzjoni fl-ilment, il-produtturi tal-Unjoni li appoġġjaw l-ilment ġarrbu biss tnaqqis minuri fis-sehem mis-suq ta' 2 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat. Dan it-tnaqqis allegatament jikkonferma li l-ilmentaturi ma jkunux ġarrbu dannu materjali mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

(118)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, it-terminu tad-dannu huwa definit bħala “dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni”. Għalhekk, il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta dannu lill-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, mhux biss lill-ilmentaturi. Il-Kummissjoni sabet li l-industrija tal-Unjoni sofriet telf sinifikanti fis-sehem mis-suq ta' 24 punt perċentwali. Il-fatt li xi produtturi tal-Unjoni tilfu inqas (jew iktar) sehem mis-suq minn oħrajn ma jpoġġix fid-dubju din il-konstatazzjoni.

(119)

Fin-nuqqas ta' xi kumment ieħor fir-rigward tal-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq u wara l-korrezzjoni li saret fil-premessa (113), il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet l-oħra kollha stabbiliti fil-premessi minn (173) sa (176) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.3.   Tkabbir

(120)

Fin-nuqqas ta' kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (177) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.4.   Impjieg u produttività

(121)

Wara l-esklużjoni ta' ċerti kumpaniji mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif spjegat fil-premessi minn (80) sa (83), iċ-ċifri għall-impjieg u l-produttività tal-industrija tal-Unjoni ġew riveduti.

Tabella 5

L-impjiegi u l-produttività

 

2014

2015

2016

PI

In-numru ta' impjegati

2 488

2 958

3 458

3 493

Indiċi

100

119

139

140

Produttività (unitajiet/impjegat)

334

330

317

305

Indiċi

100

99

95

91

Sors: CONEBI, produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, sottomissjonijiet mill-partijiet interessati

(122)

L-industrija tal-Unjoni għalhekk żiedet il-livell ta' impjieg b'40 % fuq il-perjodu kkunsidrat. Il-biċċa l-kbira ta' din iż-żieda seħħet bejn l-2014 u l-2016. L-impjieg żdied b'punt perċentwal wieħed (1) bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni. Il-produttività naqset b'9 % minħabba ż-żieda fl-impjieg kienet b'pass aktar mgħaġġel miż-żieda fil-produzzjoni. Ix-xejriet deskritti fir-Regolament proviżorju jibqgħu l-istess għall-impjiegi u l-produttività wara r-reviżjoni.

(123)

Fin-nuqqas ta' xi kumment ieħor fir-rigward tal-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq u wara l-korrezzjoni li saret fil-premessa (121), il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet l-oħra kollha stabbiliti fil-premessi minn (178) sa (180) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.5.   Id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping fl-imgħoddi

(124)

Fin-nuqqas ta' xi kumment ieħor dwar il-kobor tal-marġni tad-dumping u l-irkupru mid-dumping fl-imgħoddi, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi 181 u 182 tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(125)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji, is-CEIEB, is-CCCME u erba' produtturi esportaturi oħra sostnew li ż-żieda ta' 15 % fil-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni kienet tmur kontra s-sejbiet tal-Kummissjoni li l-importazzjonijiet Ċiniżi kkawżaw soppressjoni tal-prezz jew depressjoni fil-konfront tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li żżid il-prezzijiet tagħha.

(126)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li s-sena ta' referenza biex titkejjel din iż-żieda kienet l-2014, meta l-industrija tal-Unjoni rreġistrat livell baxx ħafna ta' profittabbiltà u l-inqas marġni ta' profitt tagħha matul il-perjodu kkunsidrat. It-tieni, f'dan il-kuntest, iż-żieda fil-prezzijiet medji rriflettiet l-evoluzzjoni tal-ispejjeż medji tal-produzzjoni u ma marritx lil hinn minnha. It-tielet nett, kif iddikjarat fil-premessa (185) tar-Regolament proviżorju, evoluzzjoni bħal din ma tfissirx neċessarjament li l-ispiża u l-prezz ta' prodott komparabbli żdiedu bl-istess mod bħall-ispiża u l-prezz medju peress li l-firxa tal-prodotti tinbidel kull staġun. Meta wieħed iqis dawn l-elementi u s-sejbiet li jikkonċernaw it-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni għalhekk ma taqbilx mat-talba li ż-żieda fil-prezz medju tal-prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni tinvalida l-eżistenza ta' soppressjoni tal-prezz jew ta' depressjoni.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(127)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, ma ġie ppreżentat ebda kumment fir-rigward tal-kostijiet lavorattivi tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (186) u (187) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.3.   Inventarji

(128)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, is-CEIEB iddikjarat li l-Kummissjoni ma setgħetx, fl-istess ħin, tiddefinixxi t-tmiem tal-istaġun tal-bejgħ f'nofs Lulju meta tivvaluta l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni u fl-aħħar ta' Settembru meta tivvaluta s-sinifikat tal-inventarji fl-analiżi tad-dannu tagħha. Hija sostniet ukoll li ż-żieda fl-inventarju bejn l-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni kienet insinifikanti.

(129)

Il-Kummissjoni qieset li l-istaġun tal-bejgħ dam minn Marzu sa Settembru. Fir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien raġonevoli li wieħed jassumi li żieda sostanzjali oħra fl-importazzjonijiet x'aktarx kienet se ddgħajjef l-effett ta' rimedju tad-dazju minħabba li l-iskadenza għall-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji kienet l-20 ta' Lulju. Fil-fatt, f'dan il-kuntest, kien ifisser li żieda fil-livelli tal-istokkijiet tippermetti lill-importaturi biex ifornu l-prodott ikkonċernat sa tmiem l-istaġun tal-bejgħ. Fir-Regolament proviżorju, abbażi tal-istess xejriet staġjonali, il-Kummissjoni osservat li l-fatt li l-istokkijiet kienu f'Settembru tal-perjodu ta' investigazzjoni f'livell ogħla minn f'Diċembru ta' sena qabel kien jirrifletti żieda kontinwa u sinifikanti fl-istokkijiet minħabba li l-livelli tal-istokkijiet għandhom normalment ikunu baxxi fl-aħħar tal-istaġun tal-bejgħ. Il-Kummissjoni vvalutat li ma kienx hemm kontradizzjoni bejn dawk iż-żewġ analiżi u kkonfermat is-sejbiet deskritti fil-premessi minn (188) sa (191) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

(130)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji, is-CEIEB saħqet li l-marġni ta' profitt tal-industrija tal-Unjoni naqas b'0,4 % biss bejn l-2016 u l-PI meta l-pass tat-tkabbir tal-importazzjonijiet Ċiniżi aċċellera, li juri li ma kien hemm l-ebda dannu. Bl-istess mod, is-CCCME u erba' produtturi esportaturi ddikjaraw li l-livell tal-marġni ta' profitt tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI u l-evoluzzjoni tiegħu matul il-perjodu kkunsidrat ma kkaratterizzawx sitwazzjoni ta' dannu materjali.

(131)

Filwaqt li l-investigazzjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta' volum sinifikanti ta' importazzjonijiet bi prezzijiet ta' dumping u ta' twaqqigħ tal-prezz, stabbilixxiet ukoll is-saħħa fid-domanda fis-suq ta' roti elettriċi li illimita bi ftit l-effetti negattivi fuq il-marġni ta' profitt tal-Industrija tal-Unjoni. Din l-osservazzjoni tinkludi l-perjodu bejn l-2016 u l-PI, indikat mis-CEIEB, fejn iż-żieda qawwija fl-importazzjonijiet mir-RPĊ ħabtet ma' tnaqqis relattivament żgħir fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni minħabba s-saħħa kontinwa fil-konsum. Madankollu, il-Kummissjoni osservat li l-marġni ta' profitt tal-industrija tal-Unjoni naqas fis-snin kollha minbarra waħda u kien b'mod globali f'livelli depressi. Barra minn hekk, il-konklużjoni ta' dannu materjali mhijiex ibbażata fuq indikatur wieħed. Indikaturi oħra, li xi wħud minnhom huma ta' natura finanzjarja bħall-fluss ta' flus, ġew analizzati flimkien mal-evoluzzjoni tal-marġni ta' profitt biex jikkonkludu għal sitwazzjoni ta' dannu materjali. Għalhekk it-talba ma setgħetx tintlaqa'.

(132)

Is-CCCME sostniet ukoll li l-aktar spjegazzjoni probabbli tat-tnaqqis fil-marġni ta' profitt bejn l-2015 u l-perjodu ta' investigazzjoni ma kinitx dovuta għall-pressjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi imma għall-investimenti tal-industrija tal-Unjoni biex iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħha. Is-CCCME sostniet li dan l-argument ma kienx ġie meqjus mill-Kummissjoni.

(133)

Dan il-kumment ġie analizzat fit-Taqsima 5.2.3 tar-Regolament proviżorju, partikolarment taħt il-premessa (221) fejn il-Kummissjoni spjegat li n-nefqa kapitali ma kellhiex impatt materjali fuq il-profittabbiltà tal-Industrija tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta' informazzjoni addizzjonali, it-talba għalhekk ma ntlaqatx.

(134)

Wara d-divulgazzjoni finali, CEIEB vvalutat li l-marġni ta' profitt immirat ta' 4,3 % ma kienx ogħla b'mod sinifikanti mill-marġni ta' profitt matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' 3,4 % u sostniet li l-livell ta' profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni ma kienx evidenza ta' dannu.

(135)

Kif iddikjarat fil-premessa (198) tar-Regolament proviżorju, l-industrija tar-roti elettriċi hija strutturalment negozju b'użu intensiv ta' flus kontanti. Għalhekk huwa importanti li wieħed jara jekk il-profittabilità miksuba tistax tiġġenera fluss ta' flus suffiċjenti biex issostni l-operazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni. Kif muri fit-Tabella 11 tar-Regolament proviżorju, il-fluss tal-flus tal-industrija tal-Unjoni kien dgħajjef matul il-perjodu ta' investigazzjoni, li jammonta għal 0,6 % biss tal-fatturat tal-bejgħ. Għalhekk, meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, u mhux meta wieħed iħares lejn il-profitabbiltà f'iżolament, il-konstatazzjoni dwar il-prestazzjoni finanzjarja batuta tal-industrija tal-Unjoni hija miżmuma.

(136)

Wara divulgazzjoni finali, is-CCCME nnotat li l-investimenti l-kbar u l-impjiegi jistgħu jimplikaw żieda sostanzjali fl-ispejjeż fissi għall-produtturi tal-Unjoni u għandhom impatt sinifikanti fuq il-profittabilità, speċjalment jekk l-użu tal-kapaċità kien baxx.

(137)

Fir-rigward tal-investimenti, kif muri fil-premessa (197) tar-Regolament proviżorju, matul il-perjodu kkunsidrat l-investimenti jirrappreżentaw mhux iktar minn 2 % tal-bejgħ. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-industrija tal-Unjoni ma għamlet l-ebda “investimenti kbar” li seta' kellhom impatt sinifikanti fuq il-profittabilità matul il-perjodu meqjus.

(138)

Fir-rigward tal-impjieg, is-CCCME argumentat li ż-żieda enormi fil-kapaċità kienet riflessa mill-qrib fi tkabbir sostanzjali tal-impjegati. Madankollu, huwa ċar ukoll li ż-żieda fl-impjiegi kienet xprunata wkoll minn żieda sinifikanti fil-produzzjoni.

(139)

Il-Kummissjoni sabet li, b'mod partikolari bejn l-2014 u l-2016, l-impjieg irrifletta l-produzzjoni ħafna aktar mill-qrib milli l-kapaċità tal-produzzjoni. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni, fejn il-bejgħ u l-produzzjoni tal-Unjoni żviluppaw b'mod negattiv minkejja l-konsum dejjem ikbar tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni ma rnexxilhiex tnaqqas mill-impjiegi, u dan wassal għal tnaqqis fil-produttività għal kull impjegat. Tali tnaqqis fil-produttività u l-impatt negattiv konsegwenti fuq il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni huma madankollu marbuta direttament mal-kwantitajiet dejjem ikbar ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping ta' roti elettriċi Ċiniżi matul il-perjodu kkunsidrat.

(140)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar il-profittabbiltà, il-fluss ta' flus, l-investiment, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital, ġiet ikkonfermata l-konklużjoni stabbilita fil-premessi minn (192) sa (199) tar-Regolament proviżorju.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(141)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, is-CCCME u erba' produtturi esportaturi Ċiniżi sostnew li l-fatturi tal-kompetizzjoni ma kinux ġew indirizzati fl-analiżi tad-dannu. Huma sostnew li l-ilment ammetta li l-importazzjonijiet mir-RPĊ ma kinux kwistjoni tas-suq sal-2016, sakemm dawn iffukaw fuq is-segmenti ta' livell baxx u medju tas-suq tal-Unjoni u li l-analiżi tad-dannu kellha tiffoka fuq dawn is-segmenti speċifiċi. Importatur wieħed sostna wkoll li d-dannu, jekk ippruvat, kien essenzjalment jaffettwa jew jiffoka fuq is-segment ta' livell baxx tar-roti elettriċi u, fuq il-bażi tal-esperjenza tiegħu stess, ma kienx jeżisti fis-segmenti ta' livell għoli tas-suq.

(142)

Minkejja l-fatt li t-talbiet tas-CCCME saru fuq qari mhux preċiż tal-ilment, il-Kummissjoni tfakkar li l-konklużjonijiet tagħha ma kinux ibbażati fuq l-ilment iżda fuq l-investigazzjoni tagħha stess u fuq is-sejbiet dwar id-dumping, id-dannu u l-kawżalità. Kif stabbilit fil-premessa (249) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni hija attiva fis-segmenti kollha tas-suq. Dan id-divrenzjar tal-prodott ikkonċernat għalhekk ma kienx ġustifikat u t-talba ma setgħetx tintlaqa'.

(143)

Wara divulgazzjoni finali, is-CCCME argumentat li l-Kummissjoni ma kinitx iddeskriviet fir-Regolament proviżorju kif hija kkaratterizzat il-“prodotti ta' livell baxx” imsemmija fil-premessa (249) tar-Regolament proviżorju. Hija qalet ukoll li l-impatt ta' kull tkabbir fl-importazzjonijiet mir-RPĊ (anki minn pajjiżi terzi) f'dawn l-aħħar snin irid jiġi evalwat b'kunsiderazzjoni tat-taqsimiet speċifiċi tas-suq li fih dawn ir-roti elettriċi importati ġew mibjugħa.

(144)

F'dan ir-rigward, “prodotti ta' livell baxx” huma r-roti elettriċi li jkollhom il-karatteristiċi bażiċi fl-istruttura tal-PCN. Id-definizzjoni ta' “prodotti ta' livell baxx” hija differenti mill-allegata differenzjazzjoni tas-suq f'segmenti. Kif iddikjarat fil-premessa (42), għalkemm bosta partijiet interessati ressqu talbiet simili dwar is-segmentazzjoni, ħadd ma pprovda evidenza li kienet tiġġustifika jew tippermetti għal segmentazzjoni possibbli tas-suq. B'mod partikolari, ebda kriterji fiżiċi jew kriterji oġġettivi oħra ma ġew ipprovduti minn xi parti interessata, fatt li jappoġġja analiżi bbażata fuq segmentazzjoni tas-suq, kif deskritt fil-premessi (45) u(46).

(145)

Is-CCCME argumentat ukoll li peress li t-telf tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni affettwa l-aktar lill-produtturi tal-Unjoni aktar milli l-ilmentaturi, kif spjegat fil-premessa (117), l-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-produzzjoni tal-ilmentaturi allegatament saru f'ħafna segmenti tas-suq distinti. Madankollu, kif diġà ssemma fil-premessa (118), l-analiżi tad-dannu tkopri l-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, mhux biss l-ilmentaturi. Mhuwiex ikkontestat il-fatt li l-industrija tal-Unjoni sofriet telf sinifikanti fis-sehem mis-suq ta' 24 punti perċentwali, l-aktar minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi, li kisbu 17-il punt perċentwali ta' sehem mis-suq matul il-perjodu kkunsidrat.

(146)

Is-CEIEB ma qablitx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar id-dannu. Hija sostniet li l-industrija tal-Unjoni kienet marret tajjeb ħafna bl-eċċezzjoni taż-żamma tas-sehem mis-suq. Is-CEIEB argumentat ukoll li l-indikaturi tal-kapaċità, l-użu, il-volumi tal-bejgħ u l-impjiegi kienu żviluppaw b'mod pożittiv matul il-perjodu kkunsidrat u li s-sejbiet negattivi tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq perjodi ta' analiżi inkonsistenti u iqsar. B'mod partikolari, is-CEIEB saħqet li għall-bejgħ, il-perjodu analizzat kien l-2016-PI, filwaqt li għall-użu tal-kapaċità l-perjodu kien l-2014-2016.

(147)

Is-CCCME u erba' produtturi esportaturi sostnew li d-dikjarazzjoni magħmula fil-premessa (205) tar-Regolament proviżorju li l-indikaturi kollha ċċitati hemmhekk “żviluppaw b'mod negattiv” kienet falza u qarrieqa. Dawn il-partijiet interessati sostnew li l-indikatur tat-“tkabbir” f'termini kemm ta' produzzjoni kif ukoll ta' bejgħ, u l-bejgħ f'termini kemm ta' valur kif ukoll ta' volum, kien sostanzjalment pożittiv matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li l-“kapaċità” tal-industrija tal-Unjoni żdiedet sostanzjalment u li kemm il-profittabbilità kif ukoll il-prezzijiet kienu żdiedu wkoll matul il-perjodu kkunsidrat. Is-CCCME żiedet li kuntrarjament għal dak li kien iddikjarat fil-premessi (204) u (205) tar-Regolament proviżorju, l-indikaturi tal-prestazzjoni u notevolment il-profittabbiltà ma tbaxxewx matul il-perjodu kkunsidrat. Fl-aħħar nett, is-CCCME sostniet li ladarba l-ilmentatur stess ammetta li l-importazzjonijiet mir-RPĊ ma bdewx jikbru u jsiru kompetittivi sal-2016, marġni ta' profitt baxx fl-2014 seta' jkun biss in-nuqqas kummerċjali tal-produtturi tal-Unjoni infushom.

(148)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-iskop tal-analiżi tagħha tad-dannu huwa li tivvaluta l-livell ta' dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Dan jinvolvi valutazzjoni tar-rilevanza ta' kull indikatur tal-prestazzjoni, ir-relazzjonijiet u l-evoluzzjoni tagħhom fil-perjodu kkunsidrat u matulu. Is-sempliċi paragun tal-punti finali ta' kull indikatur meħud separatament ma jistax jirrifletti x-xejriet ekonomiċi fil-post tax-xogħol fl-industrija tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, il-konklużjoni dwar l-indikatur tat-tkabbir ġiet spjegata fil-premessi (177) u (200) tar-Regolament proviżorju u kienet tiddependi fuq id-diverġenza sostanzjali u dejjem tikber bejn l-evoluzzjoni tal-konsum u l-evoluzzjoni tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li ssarfet f'telf sinifikanti ħafna tas-sehem mis-suq. Kif spjegat fil-premessi minn (201) sa (203), l-impatt ta' din id-diverġenza nfirex maż-żmien fuq il-produzzjoni, l-istokkijiet, il-kapaċità, l-użu tal-kapaċità, u l-livell ta' impjieg. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (204), il-marġni ta' profitt baqa' ċertament f'livell baxx u b'xejra ta' tnaqqis fis-snin kollha minbarra waħda. Addizzjonalment, meta wieħed iqis li n-negozju tar-roti elettriċi jagħmel użu intensiv ta' flus kontanti u jiddependi fuq il-finanzjament bankarju, l-analiżi tal-pożizzjoni finanzjarja trid tqis il-qlib tal-profitti fi flussi ta' flus operattivi li ma kienx biżżejjed u ferm taħt il-marġnijiet tal-profitt. B'mod ġenerali, il-Kummissjoni għalhekk ikkonfermat li x-xejriet imsemmija qabel f'din il-premessa kkaratterizzaw sitwazzjoni depressa u negattiva u kkonfermaw il-konklużjoni tagħha li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali.

(149)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma qablitx mat-talba tas-CCCME li l-marġni baxx ta' profitt tal-Industrija tal-Unjoni fl-2014 seta' jkun biss it-tort kummerċjali tagħha peress li l-ilmentatur kien ammetta li l-importazzjonijiet mir-RPĊ ma kinux bdew jikbru u jsiru kompetittivi sal-2016. Il-Kummissjoni qieset li din it-talba kienet ibbażata fuq qari mhux preċiż tal-ilment u, li fi kwalunkwe każ, kienet tikkontradixxi s-sejbiet tal-investigazzjoni li wrew li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kellhom sehem sinifikanti mis-suq ta' 18 % fl-2014, u li diġà kienu rduppjaw fil-volum sal-2016. Għalhekk it-talbiet tas-CCCME ma ntlaqgħux.

(150)

Is-CEIEB kif ukoll żewġ importaturi ddikjaraw li s-sejbiet ta' dannu materjali kienu jiddependu b'mod ċentrali fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni kienet tilfet sehem mis-suq għall-importazzjonijiet mingħajr ma kkunsidrat li dan it-telf kien attribwibbli għal difetti strutturali bħan-nuqqas ta' rikonoxximent ta' opportunitajiet potenzjali fil-ħin adatt, it-twettiq aktar bikri ta' investimenti fil-kapaċità tal-produzzjoni, prodotti li ma jħajrux u mezzi ta' bejgħ inadegwati.

(151)

L-ewwel nett il-Kummissjoni osservat li dawn id-dikjarazzjonijiet dehru li jikkontradixxu t-talbiet tas-CCCME u l-produtturi esportaturi Ċiniżi li ddikjaraw li s-suq tar-roti elettriċi fl-Unjoni kien iddominat mill-industrija tal-Unjoni, li l-importazzjonijiet tar-roti elettriċi Ċiniżi kienu għadhom kif b'mod gradwali laħqu mal-kwalità u l-kompetittività u eventwalment li l-kawża l-aktar probabbli tad-dannu kienet investiment eċċessiv fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(152)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll li s-CEIEB sostniet kemm li l-industrija tal-Unjoni marret tajjeb ħafna matul il-perjodu kkunsidrat (kif iddikjarat fil-premessa (146)) kif ukoll li l-mudell kummerċjali tagħha u l-ġestjoni tiegħu ġew affettwati minn difetti strutturali u nuqqasijiet oħra ddikjarati fil-premessa (151) ta' tali skala li tispjega għalfejn il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied b'20 % biss matul il-perjodu kkunsidrat meta l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b'250 %.

(153)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni vvalutat li sabiex tkun ikkunsidrata, talba bħal din kellha tkun speċifikata u kkwantifikata b'mod preċiż. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni fakkret li filwaqt li t-telf tas-sehem mis-suq kien element importanti tal-analiżi tagħha tad-dannu, din tal-aħħar ma kinitx limitata għalih. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi ta' indikaturi oħra ta' dannu u għall-konklużjoni tagħha ta' twaqqigħ tal-prezz, li kollha jappoġġjaw il-valutazzjoni tagħha tal-analiżi globali tad-dannu. Il-Kummissjoni għalhekk ma laqgħetx it-talba.

(154)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CEIEB sostniet li l-Kummissjoni kienet iddikjarat fil-premessa (115) tad-Dokument ta' Divulgazzjoni Finali Ġenerali li s-sempliċi eżistenza ta' twaqqigħ tal-prezzijiet kien biżżejjed sabiex jissodisfa l-kundizzjoni ta' materjalità u esprimiet in-nuqqas ta' qbil tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni ma tarax din id-dikjarazzjoni taħt il-premessa (115), li tirreferi għal “l-analiżi ta' indikaturi oħra ta' dannu u l-konklużjoni tagħha ta' twaqqigħ tal-prezz, li kollha jappoġġjaw il-valutazzjoni tagħha tal-analiżi globali tad-dannu.”. Għalhekk, l-argument ġie rifjutat.

(155)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji, is-CCCME u erba' produtturi esportaturi saħqu li l-evoluzzjoni tal-indikaturi indiċjati mhux kunfidenzjali tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun dgħajfet sostanzjalment il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

(156)

Kif inhi l-prattika standard tal-Kummissjoni u kif ġie stabbilit fil-premessa (166) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkunsidrat l-indikaturi tad-dannu mikroekonomiċi billi użat id-data vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Dawn l-indikaturi kkontribwixxew għas-sejba ta' dannu materjali iżda ma jistgħux jinqraw bħala li, fihom infushom, jagħmlu sejba materjali kompleta tad-dannu (jew, jekk niġu f'dan, jissostitwixxu d-determinazzjoni globali tad-dannu mwettqa mill-Kummissjoni). Bħal fil-każ tal-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi, ġew stabbiliti għall-industrija tal-Unjoni kollha. Għaldaqstant, l-argument ġie rifjutat.

(157)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (200) sa (206) tar-Regolament proviżorju.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   L-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

(158)

Fin-nuqqas ta' kummenti u b'kunsiderazzjoni għar-reviżjoni tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni skont il-premessi minn (113) sa (114) u tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz skont il-premessa (99), il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (209) tar-Regolament proviżorju.

5.2.   Effetti ta' fatturi oħra

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(159)

Importatur mhux relatat wieħed stqarr li filwaqt li l-livell assolut tal-importazzjonijiet mir-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat kien ferm ogħla mill-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, iż-żieda relattiva tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż jenħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll. B'mod partikolari, din il-parti interessata rrimarkat li l-importazzjonijiet mill-Iżvizzera żdiedu bi 3 000 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-importatur iddikjara li l-importazzjonijiet minn pajjiżi għajr ir-RPĊ kellhom impatt fis-suq li ma jistax jiġi sempliċiment ikkunsidrat bħala marġinali kif iddikjarat fil-premessa (215) tar-Regolament proviżorju.

(160)

Il-Kummissjoni osservat li l-importazzjonijiet mill-Iżvizzera kellhom sehem mis-suq ta' 1 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, l-importatur ma spjegax kif l-osservazzjonijiet tiegħu jistgħu jinvalidaw is-sejba tal-Kummissjoni li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha minbarra mir-RPĊ ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kif immotivat fil-premessi minn (210) sa (214) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk din it-talba ma ntlaqgħetx.

5.2.2.   Il-prestazzjoni mill-industrija tal-Unjoni

(161)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji, is-CCCME u erba' produtturi esportaturi sostnew li ħafna produtturi tal-Unjoni fl-Ewropa Ċentrali importaw il-partijiet mir-RPĊ, u immuntaw u biegħu ir-roti elettriċi fl-Unjoni. Hija żiedet li l-prezz tar-roti elettriċi prodotti minn dawn il-kumpaniji jidher li huwa relattivament baxx, li jista' jkun kawża oħra tad-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni li jipproduċu roti elettriċi ta' livell għoli.

(162)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-ambitu ġeografiku tal-investigazzjoni tagħha huwa s-suq tal-Unjoni, mhux partijiet minnu. L-investigazzjoni wriet li l-produtturi tal-Unjoni ta' roti elettriċi kienu attivi fis-segmenti kollha u li wħud mill-produtturi fil-kampjun kellhom unitajiet ta' produzzjoni lokalizzati fl-Istati Membri li jinsabu f'pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali. Fi kwalunkwe każ, it-talba ma kinitx sostanzjata u ma ntlaqgħetx.

(163)

Barra minn hekk, is-CCCME u erba' produtturi esportaturi sostnew li l-prestazzjoni dgħajfa tal-industrija tal-Unjoni setgħet ġiet ikkawżata mill-iżbalji ta' ġestjoni mill-produtturi tal-Unjoni.

(164)

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġiba tagħha fil-premessa (151). Din it-talba ma kienet tipprovdi l-ebda element ġdid jew ġiet sostanzjata aktar u għalhekk ma ntlaqgħetx.

5.2.3.   L-inċentivi għall-bejgħ tar-roti elettriċi fis-suq tal-Unjoni

(165)

Is-CCCME u erba' produtturi esportaturi ddikjaraw li s-sussidji fis-suq tal-Unjoni setgħu jiffavorixxu l-bejgħ ta' roti elettriċi Ċiniżi irħas u talbu lill-Kummissjoni biex tkompli tinvestiga l-impatt tas-sussidji fuq ix-xejriet tax-xiri ta' roti elettriċi fis-suq tal-Unjoni.

(166)

L-impatt tas-sussidji għall-promozzjoni tal-użu tar-roti elettriċi huwa kwistjoni distinta mis-sejba ta' twaqqigħ tal-prezz u d-dannu mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Għal darba oħra, l-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni hija attiva fis-segmenti kollha tas-suq. Għalhekk, anki jekk is-sussidji allegati kienu rilevanti għal din il-valutazzjoni, dawn ma jispjegawx iż-żieda tar-roti Ċiniżi għad-detriment tar-roti irħas prodotti fl-Unjoni iżda għall-fatt li r-roti Ċiniżi huma oġġett ta' dumping. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

(167)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (210) sa (222) tar-Regolament proviżorju.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(168)

Il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha dwar il-kawżalità stabbiliti fil-premessi minn (223) sa (226) tar-Regolament proviżorju.

6.   INTERESSI TAL-UNJONI

6.1.   Interess tal-Fornituri

(169)

Fil-premessa (228) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni, bi żball indikat li kienet irċeviet ittra ta' appoġġ mingħand CONEBI favur il-miżuri, waqt li l-osservazzjoni kienet saret f'isem l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Industrija tal-Vetturi b'Żewġ Roti u Aċċessorji Relatati (“COLIPED”) li tiġbor flimkien assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' fornituri ta' partijiet.

(170)

Fin-nuqqas ta' xi kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (228) sa (230) tar-Regolament proviżorju.

6.2.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(171)

Fin-nuqqas ta' kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (231) sa (234) tar-Regolament proviżorju.

6.3.   L-interess ta' importaturi mhux relatati

(172)

Matul l-investigazzjoni, 31 importatur, li 19 minnhom kienu jagħmlu parti mis-CEIEB, esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-impożizzjoni tal-miżuri. Tlettax (13) minn dawn il-kumpaniji (li għalihom huwa magħruf il-volum tal-importazzjonijiet) irrappreżentaw b'kollox 10 % tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ fil-perjodu ta' investigazzjoni.

(173)

Kif spjegat fil-premessa (81), sitt kumpaniji li jimmanifatturaw il-prodott simili ġew esklużi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u ġew klassifikati mill-ġdid bħala importaturi mhux relatati. Dawn il-kumpaniji esprimew l-appoġġ tagħhom għall-miżuri. L-importazzjonijiet tagħhom kienu jirrappreżentaw viċin it-12 % tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(174)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, is-CEIEB saħqet li l-ftuħ tal-investigazzjoni kien ikkawża dannu estensiv u divers lil numru kbir ta' importaturi.

(175)

Mal-pubblikazzjoni tar-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni, is-CEIEB wettqet stħarriġ dikjarattiv ma' ħamsa u sittin importatur. L-istħarriġ sab li 21 % ma jkomplux l-operazzjonijiet jekk jiġu imposti dazji definittivi, 33 % kienu diġà waqqfu l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi mir-RPĊ iżda kienu għadhom ma sabux soluzzjoni alternattiva, 39 % kellhom iżidu l-prezz tal-prodotti tagħhom bħala riżultat tal-investigazzjoni u 37,5 % kienu affettwati finanzjarjament bil-bidu tal-investigazzjoni dwar id-dumping.

(176)

Il-Kummissjoni osservat li dan l-istħarriġ sar f'Mejju 2018. Dak iż-żmien, l-informazzjoni disponibbli fl-ilment u fir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni indikat dazju potenzjali ta' 189 %.

(177)

Madankollu, il-Kummissjoni nnutat li l-maġġoranza tal-importaturi mistħarrġa indikaw li huma jkomplu l-attività tagħhom f'każ li jiġu imposti dazji definittivi. Bl-istess mod, il-maġġoranza kienu sabu sors alternattiv ta' provvista jew komplew jimportaw mir-RPĊ.

(178)

Fil-premessa (238) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kienet indikat li l-akbar importaturi setgħu jsibu sorsi oħra ta' roti elettriċi xierqa u/jew kellhom sorsi alternattivi potenzjali ta' forniment barra mir-RPĊ, inkluża l-industrija tal-Unjoni. Din is-sejba ġiet ikkorroborata mill-istħarriġ tas-CEIEB u ġiet ikkonfermata wkoll minn seduti ta' smigħ sussegwenti mas-CEIEB u ma' importaturi oħra.

(179)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li sitt importaturi li jirrappreżentaw volum kbir ta' importazzjonijiet appoġġjaw l-impożizzjoni ta' miżuri, li jikkonferma l-kapaċità tal-importaturi li jadattaw l-attività tagħhom għall-impożizzjoni tal-miżuri.

(180)

Bħala riżultat, il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-impożizzjoni ta' miżuri tista' tħalli effett negattiv fuq l-importaturi ż-żgħar, iżda li l-impatt negattiv tal-impożizzjoni tad-dazji jittaffa bid-disponibbiltà ta' sorsi ta' roti xierqa fl-industrija tal-Unjoni, f'pajjiżi terzi oħra u fir-RPĊ bi prezzijiet ġusti.

(181)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CEIEB ikkoreġiet is-sottomissjoni inizjali tagħha u indikat li l-istħarriġ tagħha ma sarx mal-pubblikazzjoni tar-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni iżda sar disponibbli online mit-22 ta' Ġunju 2018 u kien baqa' aċċessibbli online minn dik id-data 'l hawn.

(182)

Is-CEIEB sostniet ukoll li l-istħarriġ tagħha ma kkonfermax li l-maġġoranza tal-importaturi se tkompli n-negozju tagħha minkejja l-impożizzjoni ta' dazji, u rreferiet għall-informazzjoni ppreżentata waqt is-seduta li saret fit-5 ta' Ottubru 2018. Li CEIEB sostniet ukoll li hija qatt ma pprovdiet evidenza li turi li l-biċċa l-kbira minnhom kienet sabet b'suċċess ktajjen tal-provvista alternattivi mingħajr ebda impatt negattiv fuq in-negozji tagħhom.

(183)

Fuq il-bażi tal-istħarriġ ippreżentat mis-CEIEB, il-Kummissjoni osservat li 21 % ta' dawk li wieġbu indikaw li huma kienu se jwaqqfu l-attività tagħhom jekk kemm-il darba jiġu imposti dazji. Dan ifisser li l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu kienet tal-fehma, f'dak iż-żmien, li dan ma kienx riżultat probabbli. Barra minn hekk, waqt is-seduta tal-5 ta' Ottubru 2018, is-CEIEB ppreżentat informazzjoni għan-nom ta' 15-il importatur, li minnhom, 4 iddikjaraw li ma jkomplux l-attività tagħhom jekk jiġu imposti miżuri definittivi. Dawn l-4 importaturi kienu jirrappreżentaw 8 % tal-fatturat totali tal-15-il importatur ippreżentat. Il-Kummissjoni tfakkar li kkampjunat 5 importaturi mhux relatati fuq il-bażi tal-akbar volum ta' importazzjonijiet fl-Unjoni. Fuq il-bażi ta' dak il-kampjun rappreżentattiv, il-Kummissjoni ġibdet il-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-impatt tal-miżuri fuq l-importaturi. F'dan ir-rigward partikolari, l-ebda wieħed mill-importaturi fil-kampjun ma indika li huwa kien se jiġi kostrett li jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu fil-każ ta' impożizzjoni ta' miżuri definittivi.

(184)

Bl-istess loġika, il-Kummissjoni kkonkludiet li jekk 33 % ta' dawk li wieġbu l-istħarriġ tas-CEIEB iddikjaraw li kienu waqqfu l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi mir-RPĊ iżda kienu għadhom ma sabux soluzzjoni alternattiva, il-maġġoranza kompliet timporta mir-RPĊ jew kienet sabet sors alternattiv ta' provvista. Barra minn dan, matul is-seduta mas-CEIEB fil-5 ta' Ottubru 2018, 12-il importatur (li jirrappreżentaw 96 % tal-fatturat tal-15-il importatur ippreżentat) kienu diġà adattaw il-katina ta' provvista tagħhom jew kienu fil-proċess li jagħmlu dan. L-istess osservazzjoni tapplika għall-importaturi kkampjunati ivverifikati mill-Kummissjoni u preżumibbilment għall-importaturi li esprimew il-fehma tagħhom favur l-impożizzjoni ta' miżuri.

(185)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessi minn (177) sa (179).

(186)

Is-CEIEB żiedet ukoll li l-Kummissjoni ma evalwatx b'mod adegwat id-diffikultà u l-ispejjeż involuti fl-adattament tal-katina ta' provvista ta' importaturi kkawżati mill-impożizzjoni ta' miżuri u ma kkunsidratx is-sitwazzjoni tal-importaturi ż-żgħar.

(187)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' din il-pretensjoni u tirreferi għall-premessa (180) ta' dan ir-Regolament u l-premessa (242) tar-Regolament proviżorju fejn l-effett negattiv tal-impożizzjoni tal-miżuri fuq l-importaturi żgħar ġie ddikjarat b'mod ċar. Barra minn hekk, fil-premessa (243) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impożizzjoni tal-miżuri ma kinitx fl-interess tal-importaturi. Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, il-konstatazzjoni li dan l-impatt negattiv huwa mmitigat mill-possibilità ta' sors adattat ta' roti elettriċi mill-industrija tal-Unjoni, minn pajjiżi terzi oħra u mir-RPĊ bi prezzijiet ġusti mhux dannużi, u li dan mhuwiex akbar mill-effett pożittiv tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni.

(188)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (243) tar-Regolament proviżorju.

6.4.   L-interess tal-utenti

(189)

Is-CCCME, erba' produtturi esportaturi u żewġ importaturi ddikjaraw li l-impożizzjoni ta' miżuri tnaqqas l-għażla tal-konsumatur, iżżid il-prezzijiet u taħdem kontra politiki ambjentali mfassla biex jinkoraġġixxu l-użu ta' roti elettriċi.

(190)

Is-CCCME qajmet dubji dwar il-konklużjoni proviżorja tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni hija attiva fis-segmenti kollha tas-suq u ddikjarat li ma kienet appoġġjata minn l-ebda evidenza mill-Kummissjoni.

(191)

Żewġ importaturi ddikjaraw li l-industrija tal-Unjoni ma kellhiex il-kapaċità ta' produzzjoni biex timla d-domanda u li ma kienx hemm ċertezza jekk sorsi alternattivi ta' provvista setgħux jimlew il-vojt.

(192)

Il-Kummissjoni fakkret li l-verifika tal-produtturi fil-kampjun ikkonfermat li l-industrija tal-Unjoni kienet attiva fis-segmenti kollha tas-suq, inklużi l-prodotti ta' livell baxx.

(193)

Barra minn hekk, kif mistqarr fil-premessa (249) tar-Regolament proviżorju, huwa mistenni li l-miżuri jamplifikaw u jiddiversifikaw il-provvista ta' roti elettriċi mill-Industrija tal-Unjoni u sorsi ta' provvista alternattivi billi jirrestawraw il-kompetizzjoni f'kundizzjonijiet ekwi filwaqt li jżommu l-provvista ta' importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet ġusti.

(194)

Barra minn hekk, il-livell ta' użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni, il-possibbiltà li faċilment tikkonverti linji eżistenti ta' produzzjoni għal roti tradizzjonali għal roti elettriċi, u l-ħeffa li biha l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni tagħha bejn l-2014 u l-2016 f'kuntest negattiv juru li għandha l-potenzjal, ir-riżorsi u l-ħiliet biex taġġusta għal nuqqasijiet potenzjali fil-provvista.

(195)

Il-Kummissjoni ttenni li l-impożizzjoni tal-miżuri fuq roti konvenzjonali ma naqqsitx l-għażla tal-konsumaturi, iżda żiedet id-diversità tal-fornituri u tal-pajjiżi ta' oriġini tagħhom. L-istess żvilupp tas-suq huwa mistenni fil-każ tar-roti elettriċi.

(196)

Fir-rigward tal-impatt tal-miżuri fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi (250) u (251) tar-Regolament proviżorju u b'mod partikolari li l-interess tal-konsumatur ma setax jitnaqqas għall-impatt fuq il-prezzijiet li jirriżulta meta l-importazzjonijiet mir-RPĊ jiġu rrestawrati għal livelli mhux dannużi.

(197)

Għalhekk il-pretensjonijiet ma setgħux jintlaqgħu.

(198)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (244) sa (252) tar-Regolament proviżorju.

6.5.   Interessi oħra

(199)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (253) tar-Regolament proviżorju.

6.6.   Konklużjoni dwar l-interessi tal-Unjoni

(200)

Fil-qosor, l-ebda argument ippreżentat mill-partijiet interessati ma juri li hemm raġunijiet konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ.

(201)

Kull effett negattiv fuq l-importaturi mhux relatati ma jistax jiġi kkunsidrat sproporzjonat u hu mmitigat mid-disponibbiltà tas-sorsi alternattivi tal-provvista, kemm minn pajjiżi terzi kif ukoll mill-industrija tal-Unjoni. L-effetti pożittivi tal-miżuri anti-dumping fuq is-suq tal-Unjoni, b'mod partikolari fuq l-industrija tal-Unjoni, jegħlbu l-effett potenzjalment negattiv fuq il-gruppi ta' interess l-oħra.

(202)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (254) sa (255) tar-Regolament proviżorju.

7.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

(203)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex jiġi evitat li jiġi kkaġunat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping tal-prodott ikkonċernat.

7.1.   Il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu

(204)

Għall-fini ta' determinazzjoni tal-livell ta' dawn il-miżuri, ittieħdu f'kunsiderazzjoni l-marġnijiet tad-dumping misjuba u l-ammont ta' dazju neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni, bla ma jinqabżu l-marġnijiet tad-dumping misjuba.

(205)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, produttur esportatur sostna li l-metodoloġija tal-Kummissjoni biex tikkalkula l-prezz mhux dannuż tal-produtturi tal-Unjoni kienet żbaljata. Huwa ddikjara li billi jitnaqqas il-profitt medju matul il-PI u jiżdied il-profitt fil-mira, il-Kummissjoni injorat il-livelli differenti ta' profitti miksuba mill-produtturi tal-Unjoni għal mudelli differenti. Din il-parti interessata ddikjarat li l-prezz mhux dannuż għandu jiġi kkalkulat billi mill-prezzijiet attwali jitnaqqas il-profitt medju għal kull PCN qabel ma jiżdied il-profitt fil-mira.

(206)

Il-Kummissjoni tfakkar li r-Regolament bażiku ma jipprovdi l-ebda metodoloġija speċifika biex jiġi kkalkulat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna l-prodott simili mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, huwa perfettament aċċettabbli li jitneħħa l-profitt medju tal-industrija tal-Unjoni mill-prezzijiet tal-bejgħ medji tagħha biex tiġi ddeterminata l-ispiża medja tal-produzzjoni tal-prodott simili u mbagħad jiżdied il-profitt fil-mira biex jiġi kkalkulat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. Il-Kummissjoni użat din il-metodoloġija b'mod konsistenti fil-passat u għandha diskrezzjoni sinifikanti meta twettaq din il-valutazzjoni.

(207)

F'din l-investigazzjoni, id-dannu huwa vvalutat għat-tipi ta' prodotti kollha kemm huma. Tabilħaqq, l-indikaturi kollha ta' dannu inklużi l-profittabbiltà u l-profitt fil-mira huma espressi bħala medja għat-tipi kollha tal-prodott tal-prodott ikkonċernat. Meta jiġi stabbilit il-prezz mhux dannuż, dan isir bl-għan li jitneħħa d-dannu mill-industrija tal-Unjoni kkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping kollha kemm huma. Sabiex jitneħħa dan id-dannu, huwa biżżejjed jekk il-prezz mhux dannuż jiġi stabbilit billi jiżdied b'mod uniformi l-prezz tal-bejgħ tat-tipi kollha tal-prodotti bid-differenza bejn il-profitt attwali matul il-perjodu ta' investigazzjoni u l-profitt fil-mira, u b'hekk l-industrija tal-Unjoni tkun tista' tikseb il-profitt fil-mira. Mhuwiex meħtieġ li tiġi vvalutata b'mod individwali s-sitwazzjoni tal-profittabbiltà għal kull tip ta' prodott individwali.

(208)

Għaldaqstant, l-argument ġie rifjutat.

(209)

L-ilmentatur ma qabilx mal-profitt fil-mira użat mill-Kummissjoni biex tikkalkula l-prezz mhux dannuż. Huwa saħaq li l-profitt fil-mira ma għandux ikun il-profitt medju mill-industrija tal-Unjoni iżda l-profitt medju mill-kumpaniji li ma kinux milquta mid-dannu tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-2015. L-ilmentatur argumenta li minħabba li l-profitt fil-mira huwa l-profitt raġonevoli li l-produtturi tal-Unjoni setgħu jiksbu fin-nuqqas ta' dannu kkawżat minn importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping jew sussidjati, il-Kummissjoni ma setgħetx, b'definizzjoni, tieħu bħala l-punt ta' referenza l-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni li diġà huma materjalment milquta mid-dannu tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping jew sussidjati. Bħala alternattiva, l-ilmentatur sostna li l-profitt fil-mira jista' jiġi ddeterminat b'referenza għall-profitt fil-mira tar-roti tradizzjonali (8 %) aġġustat 'il fuq b'1,5 % biex jirrifletti teknoloġija addizzjonali, valur miżjud ogħla u rekwiżiti addizzjonali ta' investiment.

(210)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-profitt fil-mira huwa l-profitt li l-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi tista' tikseb fin-nuqqas ta' dumping dannuż. Bħala konsegwenza, ma jistax jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-profitt miksub minn numru magħżul ta' produtturi tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-argument kellu jiġi rifjutat. F'dak li għandu x'jaqsam mal-affermazzjoni alternattiva (il-profitt fil-mira użat fl-investigazzjoni dwar ir-roti tradizzjonali aġġustat 'il fuq), il-Kummissjoni tfakkar li kull investigazzjoni titwettaq abbażi tal-fatti speċifiċi tal-każ dwar il-prodott ikkonċernat u mhux fuq fatti stabbiliti fl-investigazzjonijiet li jikkonċernaw prodotti oħra. F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni kkonfermat li l-profitt fil-mira użat kien xieraq u li ma kien hemm l-ebda raġuni biex din tirrikorri għal profitt fil-mira ta' prodott ieħor. Għalhekk, l-affermazzjoni ma setgħetx tintlaqa'.

(211)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur tenna l-affermazzjonijiet tiegħu u sostna li, f'kawżi oħra, il-Kummissjoni ma mxietx mal-metodoloġija standard tagħha biex jiġi stabbilit il-profitt fil-mira b'referenza għaċ-ċirkostanzi rilevanti. Kif diġà deskritt fil-premessa (210), il-Kummissjoni tfakkar li kull każ jiġi vvalutat fuq il-bażi tal-fatti speċifiċi tagħha. F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda ċirkustanza partikolari li tiġġustifika l-użu ta' profitt miksub minn ċerti produtturi biss, kif mitlub mill-ilmentatur. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

(212)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li, kif spjegat fil-premessi minn (59) sa (63), hija ħadet inkunsiderazzjoni ċerti spejjeż imġarrba mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun biex jaġġustaw il-prezz mhux ta' dannu tal-industrija tal-Unjoni. Il-livell ta' eliminazzjoni ta' dannu ġie aġġustat kif xieraq, li wassal għal tnaqqis ta' 3 % - 5 % tal-marġni ta' dannu. Kif deskritt fil-premessa (72), l-imsemmi aġġustament kien suġġett għal pretensjoni minn Giant wara d-divulgazzjoni finali. Din il-pretensjoni ġiet aċċettata u t-tnaqqis li jirriżulta mill-marġni ta' twaqqigħ kien żvelat mingħajr l-ebda kumment ulterjuri.

(213)

B'kunsiderazzjoni għall-aġġustament magħmul taħt il-premessa (212) u fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu, ġiet ikkonfermata l-metodoloġija deskritta fil-premessi minn (257) sa (262) tar-Regolament proviżorju.

7.2.   Offerta ta' impenn fuq il-prezz

(214)

Wara d-divulgazzjoni tal-informazzjoni produttur esportatur Ċiniż wieħed, Wettsen Corporation, ippreżenta offerta ta' impenn fuq il-prezz.

(215)

Wettsen Corporation ma kinitx inkluża fil-kampjun, u minkejja li kienet talbet eżami individwali, din it-talba flimkien ma' kull talba oħra għal eżami individwali ma ntlaqgħux.

(216)

L-offerta ta' impenn fuq il-prezz ma ntlaqgħetx għal għadd ta' raġunijiet, li ġew ikkomunikati lil Wettsen Corporation f'ittra separata. Ir-raġunijiet kienu kif ġej:

—

l-ewwel, Wettsen Corporation għandha parti relatata barra r-RPĊ li timmanifattura wkoll roti elettriċi;

—

it-tieni, l-offerta ta' impenn fuq il-prezz iffissat il-Prezz Minimu tal-Importazzjoni (“PMI”) biss għal tliet tipi ewlenin ta' roti elettriċi li ma kinux ikopru t-tipi kollha esportati lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni; kif ukoll,

—

it-tielet, il-PMI propost għal kull tip kien medja tal-prezzijiet tal-bejgħ fi ħdan dak it-tip, kien jippermetti l-bejgħ ta' roti elettriċi bi prezz ogħla bi prezzijiet dannużi minn Wettsen Corporation li iżda fl-apparenza tagħhom jidhru li huma konformi mal-PMI.

7.3.   Miżuri definittivi għar-RPĊ

(217)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward id-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interessi tal-Unjoni, u f'konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell tal-marġni l-aktar baxx tad-dumping u tad-dannu misjuba, skont ir-regola tal-inqas dazju. F'dan il-każ, ħlief għal produttur esportatur wieħed, ir-rata tad-dazju jenħtieġ għalhekk li tiġi stabbilita fil-livell tal-marġnijiet ta' dannu misjuba.

(218)

Huwa osservat li saret investigazzjoni antisussidji b'mod parallel mal-investigazzjoni anti-dumping. Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (12), fid-dawl tal-użu tar-regola tal-inqas dazju u l-fatt li r-rati tas-sussidju definittivi huma inqas mil-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu, huwa xieraq li jiġi impost dazju kompensatorju definittiv fil-livell tar-rati ta' sussidju definittivi stabbiliti u mbagħad jiġi impost dazju anti-dumping definittiv sal-livell rilevanti tal-eliminazzjoni tad-dannu.

(219)

Fil-każ ta' Yadea Technology Group Co., Ltd (“Yadea”), kien stabbilit marġni ta' dannu speċifiku għall-kumpanija (13) fl-investigazzjoni antisussidji parallela fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn Yadea. Il-Kummissjoni għaldaqstant qieset li huwa xieraq li tuża l-marġni ta' dannu speċifiku għall-kumpanija ta' Yadea minflok il-marġni ta' dannu għall-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni anti-dumping meta jitqies l-effett ikkombinat tad-dazji anti-dumping u kompensatorji.

(220)

Barra minn hekk, fil-każ ta' Yadea, il-produttur esportatur b'marġni ta' dumping aktar baxx mil-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu, id-dazju kompensatorju definittiv ġie stabbilit fil-livell tar-rata definittiva ta' sussidju stabbilita u ġie impost dazju anti-dumping definittiv fil-livell tal-marġni ta' dumping rilevanti mnaqqas bl-ammont tad-dazju kompensatorju. Dan it-tnaqqis kien meħtieġ minħabba li f'sitwazzjoni fejn il-valur normali huwa stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, l-impożizzjoni ta' dazju akkumulat li jirrifletti l-livell ta' sussidjar u l-livell sħiħ ta' dumping tista' tirriżulta biex tpaċi l-effetti tas-sussidjar darbtejn (“għadd doppju”). Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li ma kkooperawx fl-investigazzjoni anti-dumping (għalkemm ikkooperaw fl-investigazzjoni parallela antisussidji), huma soġġetti għall-marġni ta' dumping u l-marġni ta' dannu residwi.

(221)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-aċċettazzjoni ta' pretensjoni minn Giant deskritta fil-premessi (72) u (212) kif ukoll bidla tad-dazji kumpensatorji fl-investigazzjoni parallela antisussidji wasslu għal bidla fid-dazji ta' anti-dumping. Din il-bidla ġiet żvelata lil partijiet interessati u ma kinitx suġġetta għal xi kummenti ulterjuri fil-qafas tal-investigazzjoni anti-dumping.

(222)

Għalhekk, ir-rati li bihom se jiġi impost id-dazju anti-dumping definittiv huma stabbiliti fit-Tabella 6 kif ġej:

Tabella 6

Miżuri definittivi

Kumpanija

Marġni tad-dumping

Rata tas-sussidju

Il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu

Dazju kumpensatorju

Dazju anti-dumping

Bodo Vehicle Group Co., Ltd.

86,3 %

15,1 %

73,4 %

15,1 %

58,3 %

Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd;

32,8 %

3,9 %

24,6 %

3,9 %

20,7 %

Jinhua Vision Industry Co., Ltd u Yongkang Hulong Electric Vehicle Co., Ltd.

39,6 %

8,5 %

18,8 %

8,5 %

10,3 %

Suzhou Rununion Motivity Co., Ltd.

100,3 %

17,2 %

79,3 %

17,2 %

62,1 %

Yadea Technology Group Co., Ltd.

48,1 %

10,7 %

62,9 %

10,7 %

37,4 %

Kumpaniji oħra li kkooperaw fl-investigazzjoni anti-dumping (bl-eċċezzjoni tal-kumpaniji soġġetti għar-rata tad-dazju kompensatorja parallela għall-kumpaniji l-oħra kollha li għalihom japplika r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/72 (14)) (Anness I)

48,1 %

9,2 %

33,4 %

9,2 %

24,2 %

Kumpaniji oħra li kkooperaw fl-investigazzjoni anti-dumping, soġġetti għad-dazju kompensatorju parallel għall-kumpaniji l-oħra kollha li għalihom japplika r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/72 (Anness II)

48,1 %

17,2 %

33,4 %

17,2 %

16,2 %

Kumpaniji li ma kkooperawx fl-investigazzjoni anti-dumping, iżda li kkooperaw fl-investigazzjoni parallela antisussidji u elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/72 (Anness III)

100,3 %

9,2 %

79,3 %

9,2 %

70,1 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

100,3 %

17,2 %

79,3 %

17,2 %

62,1 %

(223)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tal-konklużjonijiet ta' din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawk il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta' dazju (għall-kuntrarju tad-dazju applikabbli fil-pajjiż kollu għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk applikabbli esklużivament għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ u li ġie prodott minn dawn il-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati kkonċernati mmanifatturati minn xi kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, bl-isem u bl-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenifikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(224)

Jenħtieġ li kull pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali (pereżempju wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta' entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (15) flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti, b'mod partikolari kull tibdil fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, mal-bejgħ domestiku u esportat, assoċjat pereżempju ma' dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entità tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Jekk xieraq, dan ir-Regolament jiġi għaldaqstant emendat billi tiġi aġġornata l-lista ta' kumpaniji li jibbenefikaw minn rati individwali ta' dazju anti-dumping.

(225)

F'każijiet fejn id-dazju kompensatorju ġie mnaqqas mid-dazju anti-dumping sabiex jiġi evitat għadd doppju, il-ġbir tad-dazju kompensatorju għandu l-għan li jpaċi kemm l-effetti tas-sussidju kompensatorju kif ukoll il-marġni ta' dumping (sal-livell tar-rata ta' sussidju). Bħala konsegwenza, ir-rifużjoni tad-dazju mħallas tista' tingħata biss jekk jintwera li tali dazju jeċċedi r-rata ta' sussidju attwali u l-marġni ta' dumping korrispondenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-investigazzjonijiet ta' rifużjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/1037 jikkunsidraw ukoll is-sitwazzjoni partikolari tal-produttur esportatur fir-rigward tal-marġni reali tad-dumping prevalenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni ta' rimbors.

(226)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw mir-rati tad-dazju anti-dumping individwali aktar baxxi jiżdiedu b'mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, it-tali żieda fil-volum tista' titqies li tikkostitwixxi fiha nfisha bidla fil-mudell tan-negozju minħabba l-impożizzjoni ta' miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Fit-tali ċirkustanzi u diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista' tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista', fost l-oħrajn, teżamina l-ћtieġa għat-tneћћija tar-rati tad-dazju individwali u għall-impożizzjoni konsegwenti ta' dazju għall-pajjiż kollu.

(227)

Biex jiġu mminimizzati kemm jista' jkun ir-riskji ta' ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati ta' dazju, jenħtieġu miżuri speċjali biex tkun żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b'dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn din il-fattura jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(228)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazju anti-dumping, ir-rata ta' dazju tal-“kumpaniji l-oħra kollha” jenħtieġ li ma tapplikax biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx iżda anki għal dawk il-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni sakemm dawn tal-aħħar ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

(229)

Sabiex jiġi żgurat trattament indaqs bejn kwalunkwe esportatur ġdid u l-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, imsemmija fl-Anness I u l-Anness II ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġi previst li d-dazju medju ponderat impost fuq il-kumpaniji msemmija l-aħħar jiġi applikat fuq kwalunkwe esportatur ġdid li f'każ ieħor ikun intitolat għal analiżi skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

(230)

Fid-dawl tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (16), huwa xieraq li tiġi stabbilita r-rata tal-imgħax ta' inadempjenza li jrid jitħallas f'każ ta' rimborż ta' dazji definittivi, billi d-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali ma jipprevedux din ir-rata tal-imgħax, u l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali twassal għal distorsjonijiet bla bżonn bejn l-operaturi ekonomiċi skont liema Stat Membru jintgħażel għall-iżdoganar tal-merkanzija.

7.4.   Retroattività

(231)

Kif speċifikat fil-premessa (5), fit-3 ta' Mejju 2018 il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ soġġetti għar-reġistrazzjoni abbażi ta' rikjesta min-naħa tal-industrija tal-Unjoni. Dik ir-rikjesta, minn dak iż-żmien ġiet irtirata u għalhekk il-kwistjoni ma komplitx tiġi eżaminata.

7.5.   Ġbir definittiv tad-dazju proviżorju

(232)

Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell ta' dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju impost bir-Regolament proviżorju għandhom jinġabru b'mod definittiv.

(233)

Ir-rati definittivi ta' dazju huma anqas mir-rati proviżorji ta' dazju. Għalhekk, l-ammonti miġbura li jeċċedu r-rata definittiva ta' dazju anti-dumping jenħtieġ li jiġu rilaxxati.

(234)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' roti, b'assistenza ta' pedali, b'mutur elettriku awżiljarju, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-prodott ikkonċernat bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (kodiċi TARIC 8711609010).

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Kodiċi TARIC addizzjonali

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Bodo Vehicle Group Co., Ltd.

58,3 %

C382

 

Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd;

20,7 %

C383

 

Jinhua Vision Industry Co., Ltd u Yongkang Hulong Electric Vehicle Co., Ltd.

10,3 %

C384

 

Suzhou Rununion Motivity Co., Ltd.

62,1 %

C385

 

Yadea Technology Group Co., Ltd.

37,4 %

C463

 

Kumpaniji oħra li kkooperaw fl-investigazzjoni anti-dumping (bl-eċċezzjoni tal-kumpaniji soġġetti għar-rata tad-dazju kompensatorja parallela għall-kumpaniji l-oħra kollha li għalihom japplika r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/72) (Anness I)

24,2 %

 

 

Kumpaniji oħra li kkooperaw fl-investigazzjoni anti-dumping, soġġetti għar-rata tad-dazju kompensatorja parallela għall-kumpaniji l-oħra kollha li għalihom japplika r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/72 (Anness II)

16,2 %

 

 

Kumpaniji li ma kkooperawx fl-investigazzjoni anti-dumping, iżda li kkooperaw fl-investigazzjoni antisussidji parallela u elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/72 (Anness III)

70,1 %

 

 

Il-kumpaniji l-oħra kollha

62,1 %

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju anti-dumping speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 isseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fiha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat minn ismu/isimha u l-funzjoni tiegħu/tagħha, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) ta' roti elettriċi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea koperti minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata, għandha tapplika r-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

4.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali. L-imgħax ta' inadempjenza li għandu jitħallas f'każ ta' rimborż li jwassal għal dritt ta' ħlas ta' imgħax ta' inadempjenza għandu jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taħbat id-data tal-iskadenza, miżjuda b'punt perċentwali wieħed.

5.   F'każijiet fejn id-dazju kompensatorju ġie mnaqqas mid-dazju anti-dumping għal ċerti produtturi esportaturi, ir-rikjesti għar-rifużjonijiet skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/1037 għandhom ukoll iwasslu għall-valutazzjoni tal-marġni ta' dumping għal dak il-produttur esportatur prevalenti waqt il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rifużjoni.

6.   Fejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jipprovdi evidenza suffiċjenti lill-Kummissjoni, il-paragrafu 2 jista' jiġi emendat billi jiżdied il-produttur esportatur ġdid fl-anness xieraq mal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għall-medja ponderata xierqa tar-rata tad-dazju anti-dumping. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

—

ma esportax lill-Unjoni l-prodott deskritt fil-paragrafu 1 matul il-perjodu ta' investigazzjoni bejn l-1 ta' Ottubru 2016 u t-30 ta' Settembru 2017,

—

ma huwa relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, kif ukoll

—

ikun effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li jkun daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

Artikolu 2

L-ammonti ggarantiti bid-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju tal-anti-dumping se jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Ir-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet li tirriżulta mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/671 li jagħmel importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni ma għandhiex titkompla. L-ebda dazju anti-dumping definittiv mhu se jiġi impost b'mod retroattiv għall-importazzjonijiet irreġistrati.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta' bidu ta' proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU C 353, 20.10.2017, p. 19.

(3)  Notifika ta' bidu ta' proċediment antisussidji rigward l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ĠU C 440, 21.12.2017, p. 22.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/671 tat-2 ta' Mejju 2018 li jagħmel importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 113, 3.5.2018, p. 4).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 tas-17 ta' Lulju 2018 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/671, ĠU L 181, 18.7.2018, p.7.

(6)  Il-Kawża C-337/09 P, Il-Kunsill v Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, EU:C:2012:471, il-paragrafi 66 u 73. Ara wkoll il-Kawża C-26/96, Rotexchemie v. Hauptzollamt Hamburg-Waltershof, EU:C:1997:261, il-paragrafu 9 u l-Kawża C-338/10, GLS v. Hauptzollamt Hamburg-Stadt, EU:C:2012:158, il-para. 20.

(7)  Il-Kawża C-337/09 P, il-Kunsill v Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group Co. Ltd, EU:C:2012:471, il-paragrafu 90: “ F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-benefiċċju ta' TES jista' jingħata biss lil operatur jekk l-ispejjeż li huwa suġġett għalihom u l-prezzijiet li huwa jistabbilixxi jkunu r-riżultat tal-effetti ħielsa tal-offerta u tad-domanda. Dan ma jkunx il-każ jekk, pereżempju, l-Istat jinterferixxi direttament fuq il-prezz ta' ċerti materji primi jew il-prezz tax-xogħol tal-id. ”

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi b'żewġ jew tliet roti u kwadriċikli. Test b'rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).

(9)  Ara l-Kawża T-394/13 Photo USA Electronic Graphic vs il-Kunsill ECLI:EU:T:2014:964.

(10)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/140 tad-29 ta' Jannar 2018 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fl-Indja, ĠU L 25, 30.1.2018, p. 6.

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 tal-5 ta' Ottubru 2006 jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti tipi ta' lbies għar-riġlejn bil-parti ta' fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 275, 6.10.2006, p. 1).

(12)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(13)  Il-kumpanija ma ssottomettiet ebda informazzjoni speċifika għall-kumpaniji għall-kalkolu ta' marġni ta' dumping individwali.

(14)   ĠU L 16, 18.1.2019, p. 98.

(15)   Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat H, 1049 Brussell, il-Belġju.

(16)  Is-Sentenza f'Wortmann, C-365/15, EU:C:2017:19, il-paragrafi minn 35sa 39.


ANNESS I

Isem il-Kumpanija

Provinċja

Kodiċi TARIC addizzjonali

Acetrikes Bicycles (Taicang) Co., Ltd.

Jiangsu

C386

Active Cycles Co., Ltd.

Jiangsu

C387

Aigeni Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C388

Alco Electronics (Dongguan) Limited

Guangdong

C390

Changzhou Airwheel Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C392

Changzhou Bisek Cycle Co., Ltd.

Jiangsu

C393

Changzhou Rich Vehicle Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C395

Changzhou Sobowo Vehicle Co., Ltd.

Jiangsu

C397

Changzhou Steamoon Intelligent Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C398

Cycleman E-Vehicle Co., Ltd.

Jiangsu

C400

Dongguan Benling Vehicle Technology Co., Ltd.

Guangdong

C401

Dongguan Honglin Industrial Co., Ltd u Melton Industrial (Dong Guan) Co., Ltd

Guangdong

C402

Foshan Lano Bike Co., Ltd.

Guangdong

C405

Foshan Zenith Sports Co., Ltd.

Guangdong

C406

Guangzhou Symbol Bicycle Co., Ltd.

Guangdong

C410

Hangzhou Fanzhou Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C411

Jiangsu Imi Electric Vehicle Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C415

Jiangsu Lvneng Electrical Bicycle Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C416

Jiangsu Stareyes Bicycle Industrial Co., Ltd.

Jiangsu

C417

Jiaxing Onway Ev Tech Co., Ltd.

Zhejiang

C418

Jinhua Enjoycare Motive Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C419

Jinhua Feirui Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C420

Jinhua Jobo Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C421

Jinhua Suntide Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C422

Jinhua Zodin E-Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C424

Kenstone Metal (Kunshan) Co., Ltd.

Jiangsu

C425

Komda Industrial (Dongguan) Co., Ltd.

Guangdong

C426

Kunshan Sevenone Cycle Co., Ltd.

Jiangsu

C427

Nantong Tianyuan Automatic Vehicle Co., Ltd.

Jiangsu

C429

Ningbo Bestar Co., Ltd.

Zhejiang

C430

Ningbo Lvkang Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C431

Ningbo Nanyang Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C432

Ningbo Oner Bike Co., Ltd.

Zhejiang

C433

Ningbo Roadsan New Energy Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C435

Ningbo Zixin Bicycle Industry Co., Ltd.

Zhejiang

C437

Pronordic E-Bikes Limited Company

Jiangsu

C438

Shenzhen Shenling Car Co., Ltd.

Guangdong

C442

Sino Lithium (Suzhou) Electric Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C443

Skyland Sport Tech Co., Ltd.

Tianjin

C444

Suzhou Guoxin Group Fengyuan Imp & Exp. Co., Ltd.

Jiangsu

C446

Tianjin Luodeshengda Bicycle Co., Ltd.

Tianjin

C449

Tianjin Upland Bicycle Co., Ltd.

Tianjin

C450

Easy Electricity Technology Co., Ltd.

Tianjin

C451

Ubchoice Co., Ltd.

Guangdong

C452

Wettsen Corporation

Shandong

C454

Wuxi Shengda Bicycle Co., Ltd. u Wuxi Shengda Vehicle Technology Co.,Ltd

Jiangsu

C458

Wuxi United Mobility Technology Inc

Jiangsu

C459

Xiangjin (Tianjin) Cycle Co., Ltd.

Tianjin

C462

Yong Qi (China) Bicycle Industrial Corp

Jiangsu

C464

Yongkang Juxiang Vehicle Co, Ltd.

Zhejiang

C466

Yongkang Lohas Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C467

Yongkang Mars Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C468

Zhejiang Apollo Motorcycle Manufacturer Co., Ltd.

Zhejiang

C469

Zhejiang Baoguilai Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C470

Zhejiang Goccia Electric Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C472

Zhejiang Jsl Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C473

Zhejiang Kaiyi New Material Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C474

Zhejiang Lianmei Industrial Co., Ltd.

Zhejiang

C475

Zhejiang Tuer Vehicle Industry Co., Ltd.

Zhejiang

C477

Zhejiang Xingyue Vehicle Co., Ltd., Zhejiang Xingyue Overfly Electric Vehicle Co., Ltd. u Zhejiang Xingyue Electric Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C478

Zhongxin Power (Tianjin) Bicycle Co., Ltd.

Tianjin

C480


ANNESS II

Isem il-Kumpanija

Provinċja

Kodiċi TARIC addizzjonali

Aima Technology Group Co., Ltd.

Tianjin

C389

Beijing Tsinova Technology Co., Ltd.

Beijing

C391

Changzhou Hj Pedal Co., Ltd.

Jiangsu

C394

Changzhou Bisek Cycle Co., Ltd.

Jiangsu

C396

Cutting Edge Power Vehicle Int'l TJ Co., Ltd.

Tianjin

C399

Eco International Elebike Co., Ltd.

Jiangsu

C403

Everestt International Industries Ltd.

Jiangsu

C404

Geoby Advance Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C407

Guangdong Commercial Trading Imp. & Exp. Corp., Ltd.

Guangdong

C408

Guangdong Shunde Junhao Technology Development Co., Ltd.

Guangdong

C409

Hangzhou Morakot E-Bike Manufacture Co., Ltd.

Zhejiang

C412

Hangzhou TOP Mechanical And Electrical Technology, Co. Ltd.

Zhejiang

C413

Hua Chin Bicycle & Fitness (H.Z.) Co., Ltd.

Guangdong

C414

Jinhua Yifei Electric Science And Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C423

Nanjing Jincheng Machinery Co., Ltd.

Jiangsu

C428

Ningbo Pugonying Vehicle Technology Co., Ltd.

Zhejiang

C434

Ningbo Shenchima Vehicle Industry Co., Ltd.

Zhejiang

C436

Shandong Eco Friendly Technology Co., Ltd.

Shandong

C439

Shanghai Promising Int'l Trade & Logistics Co., Ltd.

Shanghai

C440

Shenzhen SanDin Cycle Co., Ltd.

Guangdong

C441

Suzhou Dynavolt Intelligent Vehicle Technology Co., Ltd.

Jiangsu

C445

Suzhou Joydeer E-Bicycle Co., Ltd

Jiangsu

C447

Taioku Manufacturing (Jiangsu) Co., Ltd.

Jiangsu

C448

Universali Cycle Corporation (Guang Zhou)

Guangdong

C453

Wuxi Bashan E-Vehicle Co., Ltd.

Jiangsu

C455

Wuxi Merry Ebike Co., Ltd.

Jiangsu

C456

Wuxi METUO Vehicle Co., Ltd.

Jiangsu

C457

Wuyi Simino Industry & Trade Co., Ltd.

Zhejiang

C460

Wuyi Yuema Leisure Articles Co., Ltd.

Zhejiang

C461

Yongkang Aijiu Industry & Trade Co., Ltd.

Zhejiang

C465

Zhejiang Enze Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C471

Zhejiang Luyuan Electric Vehicle Co., Ltd.

Zhejiang

C476

Zhongshan Qiangli Electronics Factory

Guangdong

C479


ANNESS III

Isem il-Kumpanija

Provinċja

Kodiċi TARIC addizzjonali

Changzhou Fujiang Vehicle Co. Ltd

Jiangsu

C484

Jinhua Lvbao Vehicles Co. Ltd

Zhejiang

C486

Suzhou Leisger Vehicle Co. Ltd

Jiangsu

C487

Zhejiang Hangpai Electric Vehicle Co. Ltd

Zhejiang

C488