European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6826

29.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2024

dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tan-Netherlands

(C/2024/6826)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. In-Netherlands żiedu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjan nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)

Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4)

Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 tan-Netherlands. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024.

(5)

Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6)

Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)

Fis-7 ta' Lulju 2022, in-Netherlands ippreżentaw il-pjan tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fl-4 ta' Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għan-Netherlands (9), li ġiet emendata fl-24 ta' Ottubru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li n-Netherlands ikunu laħqu b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)

In-Netherlands ippreżentaw il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħhom tal-2024 fid-29 ta' April 2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħhom tal-2024 fit-30 ta' April 2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tan-Netherlands dwar il-progress li sar fil-ksib tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom.

(9)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għan-Netherlands. Dan ivvaluta l-progress tan-Netherlands fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tan-Netherlands. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tan-Netherlands fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għan-Netherlands. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal mill-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għan-Netherlands għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati f'Marzu 2024. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, in-Netherlands għandhom quddiemhom vulnerabbiltajiet relatati ma' dejn privat għoli f'kuntest ta' suq fis-settur tal-akkomodazzjoni sopravalutat, li għandhom rilevanza transfruntiera u jibqgħu rilevanti minkejja xi titjib. Il-vulnerabbiltajiet assoċjati mas-surplus kbir fil-kont kurrenti ttaffew permezz tat-tkabbir relattivament qawwi fid-domanda domestika. Is-surplus kbir fil-kont kurrenti kien, u huwa mistenni li jibqa', elevat bis-saħħa ta' surplus sostanzjali fil-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi, li jirrifletti surplus ta' tfaddil domestiku fuq l-investiment għall-ekonomija kollha kemm hi. Madankollu, id-domanda domestika kienet qed tikber b'mod aktar robust milli fiż-żona tal-euro f'dawn l-aħħar snin, li jissuġġerixxi li l-effetti kollaterali tas-surplus fil-kont kurrenti fuq il-bqija taż-żona qed isiru inqas ta' tħassib. Il-preżenza sinifikanti ta' intrapriżi multinazzjonali fin-Netherlands, l-impatt statistiku tal-qligħ korporattiv miżmum, u r-rwol tal-fondi tal-pensjonijiet li jakkumulaw tfaddil kbir li jiġu investiti barra mill-pajjiż huma kollha karatteristiċi li jikkontribwixxu għad-diskrepanza kbira fl-iffrankar u fl-investiment. Id-dejn privat kompla jonqos b'mod konsiderevoli fl-2023, u jista' jkun mistenni tnaqqis ulterjuri, iżda d-dejn għadu għoli. Il-livell għoli ta' dejn flimkien ma' parteċipazzjonijiet kbar ta' assi illikwidi, prinċipalment tfaddil għall-akkomodazzjoni u l-pensjonijiet, jagħmel lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli għall-kundizzjonijiet ekonomiċi li qed jinbidlu, speċjalment minħabba s-suq fis-settur tal-akkomodazzjoni sopravalutat. Il-prezzijiet tad-djar urew xi korrezzjoni għall-biċċa l-kbira tas-sena l-oħra fi sfond ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament aktar stretti iżda jibqgħu sopravalutati anki jekk inqas minn qabel. Ittieħdu xi miżuri biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati, iżda huma meħtieġa aktar sforzi. Jistgħu jiġu segwiti diversi għażliet biex jiġi indirizzat b'mod aktar qawwi n-nuqqas ta' akkomodazzjoni permezz ta' investiment ogħla fl-akkomodazzjoni u t-tneħħija tal-ostakli għall-kostruzzjoni ta' abitazzjonijiet ġodda, filwaqt li jiġu indirizzati aktar l-inċentivi tat-taxxa għas-sjieda tad-djar iffinanzjata mid-dejn. Ir-riformi reċenti fis-suq tal-kiri privat x'aktarx li ma jwasslux għad-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni.

(11)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tan-Netherlands żdied minn 0,1 % tal-PDG fl-2022 għal 0,3 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 50,1 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 46,5 % fi tmiem l-2023.

(12)

Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li n-Netherlands jieħdu azzjoni biex jiżguraw fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali kumplessiva (13), filwaqt li jqisu l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. In-Netherlands ngħataw rakkomandazzjoni li għandhom ikunu lesti li jaġġustaw l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. In-Netherlands ngħataw ukoll rakkomandazzjoni li għandhom jespandu l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li jqisu l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi jużaw il-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14) kienet restrittiva, b'0,8 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,9 % tal-PDG. Dan jinkludi ż-żieda fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza mmirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b'0,4 % tal-PDG. It-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,1 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022 (15). In-Netherlands iffinanzjaw l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-espansjoni tal-grilja elettrika kkonġestjonata, it-twettiq ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-bini pubbliku u l-espansjoni tal-aċċess għal internet b'veloċità għolja fiż-żoni rurali. Fl-24 ta' Mejju 2024, in-Netherlands ippreżentaw l-ewwel talba għal pagament fl-ambitu tal-Faċilità, li l-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tivvalutaha.

(13)

Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta li l-PDG reali ser jikber b'1,1 % fl-2024 u b'1,6 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 2,0 % tal-PDG fl-2024 u 2,1 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 46,8 % sa tmiem l-2024 u 48,1 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jiżdied għal 3,3 % tal-PDG fl-2026, 2,6 % tal-PDG fl-2027 u 3,2 % tal-PDG fl-2028. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż mhuwiex ippjanat li jibqa' taħt il-valur referenzjarju għad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jiżdied gradwalment għal 52,0 % fl-2028.

(14)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber b'0,8 % fl-2024 u 1,5 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ser tkun ta' 2,5 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025.

(15)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 2,0 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 47,1 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda fid-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment nuqqasijiet fid-dħul minħabba distribuzzjoni eċċezzjonalment għolja tad-dividendi fl-2023 b'antiċipazzjoni ta' żieda fit-taxxa fuq l-introjtu tad-dividendi fl-2024, żieda fl-infiq fuq il-benefiċċji soċjali biex tiġi restawrata l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx, żieda fl-għajnuna lill-Ukrajna, kif ukoll investimenti pubbliċi permezz tal-fondi tal-gvern għall-klima, l-infrastruttura u d-difiża. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja, b'0,4 % tal-PDG, fl-2024.

(16)

In-nefqa li tammonta għal 0,1 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tan-Netherlands.

(17)

Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (16) li n-Netherlands jiżguraw politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi jillimitaw iż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (17) fl-2024 għal mhux aktar minn 3,5 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tan-Netherlands hija pprojettata li tiżdied b'6,6 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Dak l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali jikkorrispondi għal 1,3 % tal-PDG fl-2024. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet aktar baxxa milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni (b'1,3 % tal-PDG). Għalhekk, peress li r-rakkomandazzjoni għall-2024 ġiet ifformulata bħala rata ta' tkabbir, il-valutazzjoni tal-konformità trid tqis ukoll l-effett bażi mill-2023. Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni, ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa netta li tirriżulta fl-2024 kienet tkun ogħla mir-rata ta' tkabbir rakkomandata b'inqas minn 0,1 % tal-PDG. Għalhekk, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija vvalutata bħala f'riskju li ma tkunx kompletament konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(18)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li n-Netherlands jieħdu azzjoni biex inaqqsu b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u jużaw l-iffrankar relatat biex inaqqsu d-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, in-Netherlands jiżguraw li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (18) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 1,0 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,1 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B'mod partikolari, id-dazji tas-sisa mnaqqsa fuq id-diżil u l-petrol huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta' 0,9 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (19) tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,5 % tal-PDG f'dik is-sena. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(19)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li n-Netherlands jippreservaw l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex irawmu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jibqa' stabbli fil-livell ta' 3,1 % tal-PDG fl-2024, minn 3,1 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tibqa' stabbli fil-livell ta' 0,2 % tal-PDG fl-2024.

(20)

Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 2,1 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda fid-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment żieda ulterjuri fl-investiment pubbliku ppjanat mill-gvern. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 48,4 % sa tmiem l-2025.

(21)

Ir-redditi mill-proprjetajiet ta' residenza primarja, il-ġid tal-pensjoni u l-investimenti miżmuma f'kumpaniji miżmuma mill-qrib huma ntaxxati b'rati favorevoli meta mqabbla mal-introjtu minn investimenti f'ishma u bonds. Barra minn hekk, it-taxxa fuq l-introjtu minn investimenti f'ishma u bonds hija kkalkulata abbażi ta' redditi preżunti aktar milli reali. It-trattament tat-taxxa preferenzjali ta' proprjetajiet residenzjali permezz tat-tnaqqis tal-imgħax ipotekarju flimkien ma' imputazzjoni ta' taxxa baxxa fuq il-kera jagħti spinta lid-domanda tal-akkomodazzjoni, li jgħolli l-prezzijiet. Barra minn hekk, it-tfaddil għall-pensjoni jgawdi minn ħelsien mit-taxxa sa livelli ta' introjtu komparattivament għoljin. B'riżultat ta' dan, il-ġid tal-unitajiet domestiċi fin-Netherlands huwa kkonċentrat ħafna f'tipi ta' ġid illikwidi, bħall-akkomodazzjoni jew il-pensjonijiet. Dan jesponi lill-unitajiet domestiċi għal riskju ekonomiku akbar matul xokkijiet ekonomiċi u jista' ma jwassalx għal mudell ta' konsum ottimali matul ħajjithom f'ħafna każijiet. It-trattament inugwali tat-taxxa fi ħdan u fost it-tipi ta' assi jwassal ukoll għal arbitraġġ tat-taxxa u jista' jfixkel l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapital. B'riżultat ta' dan, dan it-trattament mhux ugwali huwa rilevanti biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi.

(22)

Minbarra l-inċentivi fiskali msemmija fil-premessa 21, is-sopravalutazzjoni fis-suq tad-djar kienet immotivata wkoll minn nuqqas ta' provvista ta' abitazzjonijiet ġodda. It-tneħħija tal-ostakli li bħalissa qed iżommu lura l-investimenti, inkluż fil-kostruzzjoni residenzjali, tista' tippermetti lill-gvern javvanza b'mod effettiv il-pjanijiet tiegħu biex iżid il-provvista tad-djar u jikkontribwixxi għal riekwilibriju estern. B'riżultat ta' dan, it-tneħħija ta' tali ostakli hija rilevanti biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi. Fl-istess ħin, is-suq tal-kiri privat huwa relattivament żgħir, u jirriżulta f'alternattivi affordabbli u disponibbli limitati għas-sjieda tad-djar. In-nuqqas ta' akkomodazzjoni għall-kiri affordabbli jdgħajjef ukoll il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koeżjoni soċjali.

(23)

In-Netherlands għandhom sistema ta' kura fit-tul żviluppata sew. Filwaqt li n-nefqa fuq il-kura fit-tul fin-Netherlands diġà hija l-ogħla fl-Unjoni, il-kostijiet huma mistennija li jiżdiedu b'mod sostanzjali. Fl-2022, in-nefqa totali fuq il-kura fit-tul fin-Netherlands kienet ta' 3,8 % tal-PDG, l-ogħla valur fl-Unjoni b'marġni wiesa'. Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 jipprojetta li din iċ-ċifra ser tiżdied b' 1,0 punt perċentwali sal-2040 u b' 1,9 punti perċentwali sal-2070. Barra minn hekk, il-kostijiet unitarji għall-forniment ta' kura istituzzjonali fin-Netherlands huma fost l-ogħla fl-Unjoni, anke meta mkejla bħala sehem tal-PDG per capita. Dan jissuġġerixxi li hemm lok għal titjib tas-sostenibbiltà fiskali tal-kura fit-tul billi jitnaqqsu l-ineffiċjenzi fis-sistema mingħajr ma jiġu kompromessi l-kwalità u l-kopertura għolja tagħha. Eżempju ta' ineffiċjenzi bħal dawn huwa li l-muniċipalitajiet, li huma l-fornituri tal-kura fid-djar u soċjali fin-Netherlands, għandhom inċentivi biex jittrasferixxu r-responsabbiltà għall-pazjenti lejn is-settur tal-kura residenzjali minflok ma jkomplu jipprovdulhom kura bbażata fid-dar u fil-komunità kemm jista' jkun. Barra minn hekk, l-ineffiċjenzi fis-sistema tal-kura fit-tul jistgħu jiġu indirizzati, pereżempju billi jintużaw soluzzjonijiet aktar diġitali u innovattivi jew billi jsir investiment fil-prevenzjoni biex jiġi ttardjat il-bidu tal-ħtiġijiet tal-kura fit-tul u d-dipendenza fuq l-appoġġ għall-attivitajiet tal-għajxien ta' kuljum.

(24)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tan-Netherlands permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex iwettqu l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li n-Netherlands jaċċelleraw b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi, b'mod partikolari biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi li huma relatati mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(25)

Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), in-Netherlands huma meħtieġa li jagħmlu rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi jqisu, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. In-Netherlands għamlu progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. Filwaqt li d-differenzi reġjonali fil-PDG per capita baqgħu stabbli u r-reġjuni kollha jikklassifikaw ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni f'termini ta' kompetittività, it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju taffettwa lir-reġjuni b'raggruppamenti ta' industriji intensivi fl-emissjonijiet b'mod differenti. Huwa importanti li titħaffef l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, u l-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. L-objettivi li tiġi appoġġata l-innovazzjoni relatata mat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, kif ukoll li tiġi appoġġata l-ekonomija ekoloġika fir-reġjuni b'raggruppamenti ta' industriji li huma l-aktar milquta mit-tranżizzjoni klimatika, għadhom partikolarment importanti. L-appoġġ għat-tranżizzjonijiet soċjetali f'żoni urbani żvantaġġati fi bliet kbar jibqa' rilevanti. Għad hemm bżonn ta' azzjoni biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u tas-suq tax-xogħol billi jsir investiment f'opportunitajiet ugwali (ta' xogħol) u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni. Meta jitwettaq ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, jenħtieġ li jiġi promoss il-potenzjal għall-ittestjar u l-pilotaġġ ta' soluzzjonijiet biex jgħinu fit-tnaqqis tal-konġestjoni tal-grilja elettrika peress li dan ser jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika tan-Netherlands. In-Netherlands jistgħu jużaw il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), biex jappoġġaw it-trasformazzjoni tal-industrija u jiffaċilitaw l-investimenti fil-manifattura tat-teknoloġiji b'emissjonijiet żero netti, inkluż fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

(26)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni, in-Netherlands qed jiffaċċaw diversi sfidi addizzjonali relatati mas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, l-edukazzjoni bażika, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u d-depożiti eċċessivi tan-nitroġenu.

(27)

Is-sehem tal-impjieg flessibbli (kemm ħaddiema b'kuntratti temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom) fis-suq tax-xogħol għadu għoli fin-Netherlands. Dan jindika riskju persistenti ta' segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b'effetti partikolarment distorsivi fil-marġini tas-suq tax-xogħol. Dan jista' jamplifika l-inugwaljanza fl-opportunitajiet u jkun problematiku għall-produttività. Ċertu ammont ta' flessibbiltà fis-suq tax-xogħol jista' jgħin biex jikkontribwixxi għall-adattabilità tal-ekonomija u jista' wkoll jakkomoda aħjar il-preferenzi individwali. Madankollu, l-użu eċċessiv ta' tipi flessibbli ta' impjiegi jista' jkollu effetti negattivi fuq il-ħaddiema u l-ekonomija usa'. Pereżempju, il-parteċipazzjoni fit-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja hija sfida għal dawk b'arranġamenti flessibbli ta' impjieg b'kuntratt, li, min-naħa tiegħu, jnaqqas l-investiment fil-ħiliet u jaggrava d-dgħufija tal-produttività. F'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, il-Gvern Olandiż ħabbar miżuri biex jindirizza d-differenzi bejn l-arranġamenti tax-xogħol permanenti u dak flessibbli. Dawk il-miżuri jinkludu t-tneħħija ta' kuntratti ta' żero sigħat u s-sostituzzjoni ta' kuntratti "on-call" fil-forma preżenti tagħhom b'tip ġdid ta' kuntratt li jipprovdi aktar sigurtà tal-introjtu għall-ħaddiema, u titjib fis-sigurtà tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. Il-progress rapidu fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni ta' dawk il-pjanijiet u l-infurzar effettiv ser ikunu importanti biex jiġi żgurat li l-għażla ta' ċertu tip ta' kuntratt ta' impjieg tkun immotivata minn ħtiġijiet speċifiċi għall-impjieg jew mill-preferenzi tal-persuni li jkollhom impjieg, filwaqt li tittejjeb ukoll il-pożizzjoni soċjali u tal-impjieg tal-persuni f'impjieg flessibbli u titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol.

(28)

In-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet kien diġà prevalenti fis-suq tax-xogħol Olandiż qabel il-kriżi tal-COVID-19, iżda minn dak iż-żmien sar aktar mifrux. Setturi bħat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u l-impjiegi tekniċi u l-impjiegi relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika jiffaċċaw nuqqasijiet strutturali, li huma mistennija li jippersistu, parzjalment minħabba l-iżviluppi demografiċi. Minkejja rata ta' parteċipazzjoni ġenerali għolja, in-Netherlands għad għandhom riżerva ta' ħaddiema potenzjali mhux utilizzati biżżejjed, bħal persuni ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni jew dawk li jaħdmu f'impjieg part-time. Dan in-nuqqas ta' utilizzazzjoni ta' parti mill-forza tax-xogħol, flimkien ma' nuqqasijiet ta' ħiliet, joħloq riskju għall-kompetittività Olandiża u jista' jżomm lura l-investimenti, inkluż fil-bini ta' abitazzjonijiet ġodda, li jagħmilha rilevanti għall-iżbilanċi makroekonomiċi fin-Netherlands. Huwa meħtieġ approċċ komprensiv biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll il-ħtiġijiet u l-ostakli speċifiċi għas-settur. Biex tiżdied il-provvista ta' ħaddiema, in-nies jistgħu jiġu inċentivati biex jaħdmu aktar sigħat, inkluż permezz ta' miżuri ta' politika li jippromwovu l-kwalità tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet jew ta' taħriġ mill-ġdid permezz ta' miżuri mmirati u mfassla apposta, b'mod partikolari għal dawk fil-marġini tas-suq tax-xogħol u l-persuni inattivi, jista' jgħin biex itaffi n-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet u jtejjeb l-eżiti soċjali. Minħabba n-nuqqas eżistenti ta' ħaddiema fis-setturi kollha u l-istaġnar fil-produttività tax-xogħol, il-miżuri ta' politika min-naħa tad-domanda jistgħu jiffukaw fuq il-promozzjoni ta' setturi b'valur miżjud għoli kif ukoll setturi relatati mal-isfidi tas-soċjetà, bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, it-trawwim tal-mobbiltà transsettorjali u ż-żieda fl-investimenti li jtejbu l-produttività u fir-riċerka u l-iżvilupp.

(29)

Minkejja s-sehem li għadu relattivament għoli, għalkemm qed jonqos, ta' studenti ta' 15-il sena li għandhom l-ogħla prestazzjoni, ir-riżultati tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-2022 juru żieda qawwija fl-għadd ta' dawk li ma jilħqux biżżejjed ħiliet fil-matematika, ix-xjenza u l-qari. It-tnaqqis ivarja sostanzjalment bejn binarji differenti fl-edukazzjoni sekondarja, bl-istudenti fl-aktar binarji baxxi – id-diversi perkorsi tal-edukazzjoni sekondarja prevokazzjonali (vmbo) – juru l-akbar tnaqqis fil-punteġġi tat-testijiet. Barra minn hekk, l-istudenti bi sfond ta' migrazzjoni (studenti nattivi b'ġenituri mwielda barra mill-pajjiż u studenti mwielda barra mill-pajjiż) ma jilħqux kważi d-doppju daqs l-istudenti mingħajr sfond ta' migrazzjoni fil-matematika u x-xjenza, filwaqt li d-differenza hija kemxejn iżgħar fil-qari. Id-deterjorament tal-ħiliet bażiċi huwa wieħed mill-akbar fl-Unjoni u jdgħajjef l-eżiti tal-edukazzjoni u tas-suq tax-xogħol kif ukoll il-produttività u l-kompetittività fit-tul. In-nuqqas dejjem akbar ta' għalliema jista' jaggrava l-isfidi fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-ekwità u l-kwalità tal-edukazzjoni. Għalhekk, in-Netherlands jistgħu jevalwaw il-miżuri eżistenti li jindirizzaw il-ħiliet bażiċi u jirreveduhom kif meħtieġ, sabiex iżidu l-impatt tagħhom, speċjalment għall-iskejjel b'popolazzjoni ta' studenti żvantaġġati. Barra minn hekk, in-Netherlands jistgħu jieħdu miżuri biex iżidu l-permeabbiltà tal-binarji tal-iskejjel sekondarji tagħhom u jestendu l-inċentivi tagħhom biex jattiraw aktar għalliema lejn skejjel b'popolazzjoni skolastika żvantaġġata.

(30)

Minħabba l-konġestjoni dejjem tiżdied tal-grilja elettrika, l-operaturi tan-network spiss ikollhom jirrifjutaw talbiet għall-aċċess għall-grilja mingħand produtturi u konsumaturi ġodda tal-elettriku. Il-konġestjoni tal-grilja tirriskja li tnaqqas ir-ritmu tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u tillimita l-attività ekonomika, li jagħmilha rilevanti għall-iżbilanċi makroekonomiċi fin-Netherlands. Għalhekk, iż-żieda fil-kapaċità u l-flessibbiltà tal-grilja tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni hija essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, jitħaffef il-varar kemm tal-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta, tiġi ssodisfata d-domanda għall-elettriku, u tittejjeb il-kompetittività. Il-pjan tas-sistema tal-enerġija nazzjonali, adottat f'Diċembru 2023, jitlob investimenti f'kapaċità addizzjonali ta' grilja u ta' ħżin li jridu jiġu implimentati issa. Sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti meħtieġa fl-espansjoni tal-infrastruttura tal-elettriku, proċeduri aktar rapidi għall-għoti ta' permessi għan-networks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku huma kruċjali. Dan iħaffef ukoll l-implimentazzjoni ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq l-art u lil hinn mill-kosta. Fl-aħħar nett, bħala parti mill-kundizzjonijiet ta' qafas, hemm lok biex tiġi indirizzata l-konġestjoni permezz ta' miżuri u regolamenti tekniċi (eż. inċentivi tariffarji jew limitazzjonijiet fil-ħinijiet l-aktar intensivi).

(31)

Prattiki agrikoli intensivi jistgħu jikkawżaw depożiti eċċessivi ta' nitroġenu, b'riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa tal-ħamrija u fuq l-ekosistemi akkwatiċi u tal-baħar li jwasslu għal deterjorament tal-kapital naturali, filwaqt li fl-istess ħin ipoġġu restrizzjonijiet sinifikanti fuq l-għoti ta' permessi għal attività ta' kostruzzjoni li tarmi n-nitroġenu u l-użu ta' infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli. B'riżultat ta' dan, dawk il-prattiki huma rilevanti għall-iżbilanċi makroekonomiċi fin-Netherlands. Huwa meħtieġ appoġġ kontinwu biex tiġi mmotivata tranżizzjoni lejn agrikoltura sostenibbli, inkluż il-biedja organika, filwaqt li jiġu żgurati l-kompetittività u l-ġustizzja soċjali. F'konformità mal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni tagħhom, in-Netherlands jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-għadd ta' bhejjem, l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn agrikoltura ċirkolari u organika, l-inċentivar tat-tixrib mill-ġdid u t-tneħħija ta' ħamrija b'livell għoli ta' karbonju mill-produzzjoni, kif ukoll it-tnaqqis tal-użu ta' pestiċidi kimiċi u fertilizzanti inorganiċi. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur tista' tittejjeb, pereżempju permezz tal-iżvilupp ulterjuri tas-sinjali tal-kwalità tal-Unjoni, rikonoxximent akbar tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, aktar diġitalizzazzjoni u innovazzjoni fl-agrikoltura, u disponibbiltà akbar ta' prodotti organiċi għall-konsumaturi. Għad hemm lok biex jiżdied aktar l-investiment fil-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma.

(32)

Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tan-Netherlands, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba' u l-ħames rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro.

(33)

Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta' żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet marbuta ma' dejn għoli privat f'kuntest ta' suq ta' akkomodazzjoni sopravalutat. Ir-Rakkomandazzjoni (1) tikkontribwixxi kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, f'konformità mal-premessa 31,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.

Jippreżentaw il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, jillimitaw it-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, maż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat u ż-żamma tad-dejn tal-gvern estiż f'livell prudenti fuq terminu medju. Jallinjaw it-tassazzjoni ta' tipi differenti ta' introjtu mill-ġid, fost oħrajn, biex jitnaqqas il-preġudizzju tad-dejn tal-unitajiet domestiċi. Ineħħu l-ostakli għall-kostruzzjoni ta' abitazzjonijiet ġodda, u jiżguraw l-affordabbiltà u d-disponibbiltà tal-akkomodazzjoni fis-suq tal-kiri privat. Jindirizzaw iż-żieda mistennija fin-nefqa relatata mal-età billi jagħmlu s-sistema tal-kura fit-tul aktar kosteffettiva.

2.

Jaċċelleraw b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li jiżguraw it-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, ikomplu jiffokaw fuq il-prijoritajiet maqbula u jippromwovu l-ittestjar u l-pilotaġġ ta' soluzzjonijiet biex jgħinu fit-tnaqqis tal-konġestjoni tal-grilja tal-elettriku, filwaqt li jqisu l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

3.

Jimplementaw miżuri biex inaqqsu l-inċentivi għall-użu ta' kuntratti flessibbli jew temporanji. Jindirizzaw in-nuqqasijiet ta' ħaddiema u ħiliet strutturali u speċifiċi għas-settur, inkluż billi jisfruttaw il-potenzjal tax-xogħol mhux utilizzat biżżejjed, u billi jinkoraġġixxu l-mobbiltà lejn setturi bi produttività għolja u setturi relatati mal-isfidi tas-soċjetà. Itejbu l-ħiliet bażiċi, inkluż billi jindirizzaw in-nuqqas ta' għalliema u billi jipprovdu appoġġ imfassal apposta għall-iskejjel żvantaġġati.

4.

Itejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas biex jagħtu spinta lill-investiment fil-grilji għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, b'mod partikolari biex jaċċelleraw l-użu tal-enerġija rinnovabbli u jtejbu l-kompetittività. Jagħmlu aktar sforzi fir-rigward tal-agrikoltura sostenibbli.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(8)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(9)  ST 12275/22 INIT u ST 12275/22 ADD 1.

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-4 ta' Ottubru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tan-Netherlands (ST 13613/23 INIT u ST 13613/23 ADD 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-politiki ekonomiċi tan-Netherlands u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tan-Netherlands tal-2022 (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 154).

(13)  Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tan-Netherlands fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat fil-livell ta' 9,7 % f'termini nominali, abbażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.

(14)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.

(15)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali żdiedet b'0,2 punti perċentwali meta mqabbla mal-2022.

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 tan-Netherlands u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 tan-Netherlands (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 176).

(17)  In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(18)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(19)  Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) il-miżuri ta' darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.

(20)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6826/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)