|
10.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 204/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/930
tal-1 ta’ Marzu 2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw in-natura, is-severità u t-tul ta’ żmien tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kif issir referenza fl-Artikolu 181(1)(b), u l-Artikolu 182(1)(b), ta’ dak ir-Regolament
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikulari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 181(3) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 182(4) tiegħu
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 181(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jobbliga lill-istituzzjonijiet, fil-kwantifikazzjoni tal-parametri tar-riskju li għandhom ikunu assoċjati mal-gradi jew aggregazzjoni tal-klassifikazzjoni, biex jużaw l-istimi proprji tal-LGD li jkunu adatti għal tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jekk dawk l-istimi jkunu aktar konservattivi mill-medja fuq perjodu twil. Bl-istess mod, l-Artikolu 182(1)(b), ta’ dak ir-Regolament jobbliga li l-istituzzjonijiet jużaw stimi proprji tal-fattur ta’ konverżjoni (“CF”) li jkunu adatti għal tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jekk dawk l-istimi jkunu aktar konservattivi mill-medja fuq perjodu twil. |
|
(2) |
Minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ portafolli differenti, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu obbligati jidentifikaw il-fażijiet ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku separatament għal kull tip ta’ skopertura, kif definit fl-Artikolu 142(1)(2), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. |
|
(3) |
Jenħtieġ li n-natura ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għal tip partikolari ta’ skoperturi tiġi speċifikata b’referenza għall-ġabra ta’ indikaturi ekonomiċi li huma kkunsidrati jew bħala varjabbli spjegattivi għaċ-ċiklu ekonomiku speċifiku għal dak it-tip ta’ skoperturi, jew indikaturi tiegħu. Jenħtieġ li l-ġabra ta’ indikaturi ekonomiċi tinkludi kemm indikaturi makroekonomiċi kif ukoll dawk relatati mal-kreditu. Dan sabiex jiġi żgurat li, fil-każ ta’ tip komparabbli ta’ skoperturi, l-istituzzjonijiet, b’mod ġenerali, jidentifikaw l-istess tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. |
|
(4) |
Anki jekk il-livell ta’ LGDs realizzati u CFs realizzati jista’ jkun sostanzjalment ogħla mill-medja fuq perjodu twil bħala riżultat ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw tnaqqis fir-ritmu ekonomiku ma jitqisux bħala l-ekwivalenti tal-kundizzjonijiet użati għall-ittestjar tal-istress. Il-kundizzjonijiet użati għall-ittestjar tal-istress jistgħu jkunu aktar severi u potenzjalment jużaw xenarji aktar estremi li mhux neċessarjament ikunu bbażati fuq osservazzjonijiet storiċi. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, u l-atti delegati li jissupplimentawh, jipprovdu b’mod adegwat għat-twettiq tal-ittestjar tal-istress f’każijiet fejn dan ikun meħtieġ, u d-dispożizzjonijiet relatati mal-istimi tal-LGD proprju u tas-CF proprju ma jinkludu l-ebda rekwiżit bħal dan għall-ittestjar tal-istress. L-ispeċifikazzjoni ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għall-finijiet ta’ stimi tal-LGD proprju u u s-CF proprju jenħtieġ li jkunu bbażati, minflok, fuq kundizzjonijiet ekonomiċi osservati storikament. |
|
(5) |
Jenħtieġ li s-severità ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tiġi speċifikata b’referenza għall-aktar valuri severi ta’ 12-il xahar osservati tul perjodu ta’ żmien storiku xieraq għall-ġabra ta’ indikaturi ekonomiċi li jikkaratterizzaw in-natura ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għat-tip partikolari ta’ skoperturi kkunsidrati. Għal kull indikatur ekonomiku fil-ġabra, jenħtieġ li jintuża l-aktar valur sever ta’ 12-il xahar minħabba li dan jilħaq bilanċ bejn l-istabbiltà u l-identifikazzjoni tal-aktar kundizzjonijiet severi osservati fuq perjodu ta’ żmien adegwat. Dan l-approċċ intgħażel għas-sempliċità tal-viżwalizzazzjoni ta’ 12-il xahar u wkoll minħabba li medja itwal tista’ potenzjalment iddgħajjef il-kundizzjonijiet avversi osservati dwar xi indikatur ekonomiku. Valuri aktar frekwenti, pereżempju valuri trimestrali, jistgħu jkunu soġġetti għal influwenzi staġjonali. Min-naħa l-oħra, valuri inqas frekwenti, pereżempju valuri li jirrappreżentaw medji ta’ 36-il xahar, jistgħu jkunu qed jaħbu kundizzjonijiet severi. |
|
(6) |
Anke fil-każ ta’ indikaturi ekonomiċi rrappurtati kull sena, it-12-il xahar li magħhom huma relatati l-indikaturi mhumiex neċessarjament l-istess fil-każijiet kollha. Xi indikaturi huma relatati mas-snin kalendarji, oħrajn mas-snin finanzjarji, oħrajn mas-snin fiskali u l-bqija. Għall-fini tal-identifikazzjoni tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, jenħtieġ għalhekk li jkun possibbli, fil-każ kemm tal-indikaturi ekonomiċi rrappurtati kull sena kif ukoll tal-indikaturi rrapportati fuq bażi aktar frekwenti, li jintużaw perjodi ta’ 12-il xahar li jibdew fi kwalunkwe mument matul is-sena. |
|
(7) |
Minħabba li tip ta’ skoperturi jistgħu jinkludu skoperturi relatati ma’ negozji, setturi jew żoni ġeografiċi differenti, tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għal xi tip ta’ skoperturi jista’ jinkorpora jew perjodu wieħed ta’ “tnaqqis fir-ritmu ekonomiku” jew inkella diversi li jkunu distinti. Perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għandu jiġi rikonoxxut bħala perjodu ta’ żmien speċifikat li fih xi indikatur ekonomiku rilevanti juri fuq il-valur l-aktar sever tiegħu fi żmien 12-il xahar. Jekk il-livelli massimi jew minimi relatati mal-valur l-aktar sever ta’ 12-il xahar osservat għal żewġ indikaturi ekonomiċi jew aktar jintlaħqu simultanjament jew ftit wara xulxin, dawk l-indikaturi ekonomiċi kollha għandhom jiġu attribwiti għall-istess “perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku”. Ir-raġuni li tippermetti l-possibbiltà ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jkun jinkludi aktar minn perjodu wieħed distint ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku hija li jiġi żgurat li kull indikatur ekonomiku rilevanti jiġu kkunsidrat fl-ispeċifikazzjoni ta’ perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li ma jikkoinċidux li għandhom jiġu analizzati fil-kuntest ta’ stima tal-LGD u ta’ CF li jkunu marbuta ma’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. |
|
(8) |
Sabiex tiġi evitata kumplessità eċċessiva, huwa xieraq li tiġi stabbilita lista ta’ indikaturi ekonomiċi li għandhom jitqiesu fil-każijiet kollha. Madankollu, minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ portafolli partikolari, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu obbligati wkoll li jqisu indikaturi ekonomiċi addizzjonali li jkunu varjabbli spjegattivi għaċ-ċiklu ekonomiku speċifiku għat-tip partikolari ta’ skoperturi, jew inkella jkunu indikaturi tiegħu. |
|
(9) |
Minħabba d-diversità ġeografika u settorjali wiesgħa tal-portafolli, mhuwiex prattikabbli li jiġu stabbiliti s-sorsi preċiżi tad-data li għandhom jintużaw għal kull indikatur elenkat f’kull ġurisdizzjoni tad-dinja u f’kull settur. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet diġà huma obbligati, skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jużaw data affidabbli u li jkollhom fis-seħħ sistemi robusti għall-validazzjoni tal-istima tal-parametri ta’ riskju kollha. B’riżultat ta’ dan, l-istituzzjonijiet fi kwalunkwe każ se jkunu obbligati jagħtu prova tal-preċiżjoni u l-affidabbiltà tas-sorsi tad-data użati minnhom biex jiksbu l-valuri tal-indikaturi. Għalhekk mhuwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi f’dan ir-Regolament dwar is-sorsi preċiżi ta’ data li għandhom jintużaw. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jużaw sorsi ta’ data adegwati li jkunu affidabbli, iżda jenħtieġ li ma jkunux obbligati jiksbu data għal indikaturi ekonomiċi disponibbli jekk l-ispejjeż biex jagħmlu dan ikunu sproporzjonati, fil-kunsiderazzjoni tat-tip ta’ indikatur kif ukoll tal-materjalità tat-tip ta’ skoperturi taħt konsiderazzjoni fir-rigward tat-tipi l-oħra ta’ skoperturi fil-portafoll. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-indikaturi ekonomiċi jitqiesu f’livelli jew bidliet ta’ livelli kif ikun adegwat, fil-kunsiderazzjoni tal-mod li bih l-indikatur ekonomiku ikun is-soltu rappurtat u sa fejn ikun kapaċi jiżvela ċikliċità. |
|
(12) |
Jenħtieġ li jiġi inkluż indikatur ekonomiku mal-ġabra ta’ indikaturi ekonomiċi rilevanti, darba għal kull ġurisdizzjoni, jew żona ġeografika iżgħar fejn xieraq, li jkun jirrappreżenta sehem materjali tat-tip ta’ skoperturi li jkun qed jiġu kkunsidrati. Dan sabiex jiġi żgurat li l-ġabra ta’ indikaturi tkun tirrifletti b’mod ġust it-taħlita ġeografika tal-iskoperturi f’dak it-tip ta’ skoperturi. Jenħtieġ li regola simili tapplika għal kull settur tal-industrija li jkun jirrappreżenta sehem materjali tat-tip ta’ skoperturi. Jenħtieġ li jkun biss fejn ġurisdizzjonijiet differenti jew setturi differenti tal-industrija juru komovimenti qawwija f’valuri realizzati ta’ indikaturi ekonomiċi li l-istituzzjonijiet jitħallew jiġbru flimkien dawk il-ġurisdizzjonijiet jew setturi għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. |
|
(13) |
Il-perjodu storiku ta’ żmien li matulu jenħtieġ li jiġu eżaminati l-valuri għal xi indikatur ekonomiku partikolari jenħtieġ li jiġi speċifikat. Jenħtieġ li jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien prestabbilit ta’ 20 snin għal kull indikatur ekonomiku. Dan sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ osservazzjoni storika jkun ikopri mill-inqas żewġ ċikli ekonomiċi. Madankollu, meta dawk l-20 snin ma jkunx fihom valuri severi biżżejjed, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiġu obbligati jħarsu lura lejn perjodu aktar imbiegħed fl-istorja tad-data. Jenħtieġ li l-valuri jitqiesu bħala “mhux severi biżżejjed” jekk il-varjabbiltà tal-indikatur ekonomiku matul dak il-perjodu ta’ osservazzjoni ta’ 20 sena ma jkunx rappreżentattiv tal-firxa probabbli tal-varjabbiltà ta’ dak l-indikatur fil-futur. |
|
(14) |
Għal raġunijiet ta’ sempliċità u komparabbiltà, jenħtieġ li l-perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jkun ta’ mill-inqas 12-il xahar. Sabiex tiġi żgurata preċiżjoni akbar fir-riżultati, jenħtieġ li dak il-perjodu ta’ żmien jiġi ttrattat bħala minimu. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu obbligati japplikaw durata itwal fejn l-aktar valur(i) sever(i) għall-indikatur(i) ekonomiku/ci assoċjat(i) ma’ perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jkun(u) jimplika(w) tnaqqis fir-ritmu ekonomiku itwal. Jenħtieġ li t-tul ta’ perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jkun jirrifletti kundizzjonijiet avversi fl-imġiba ċiklika speċifika għat-tip ta’ skoperturi li qed jiġu kkunsidrati, aktar milli bidliet strutturali fl-ekonomija li jwasslu għal effetti fit-tul fuq il-valuri tal-indikaturi ekonomiċi. |
|
(15) |
Ir-rekwiżiti għall-istima tal-LGDs u s-CFs fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jobbligaw lill-istituzzjonijiet jiddokumentaw l-għamla u d-dettalji operazzjonali tas-sistemi ta’ klassifikazzjoni tagħhom, inkluż it-tfassil tal-proċessi tagħhom għall-identifikazzjoni tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u li jiġbru evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-istima f’dak ir-Regolament. B’żieda ma’ dan, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jobbliga wkoll lill-istituzzjonijiet li jirrieżaminaw l-istimi tal-LGD u s-CF tagħhom u kwalunkwe data tal-input meħtieġa biex jagħmlu dawn l-istimi meta toħroġ informazzjoni ġdida u, fi kwalunkwe każ, mill-inqas darba fis-sena. |
|
(16) |
Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib peress li jittrattaw in-natura, is-severità u t-tul ta’ żmien ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jaffettwa żewġ parametri tar-riskju differenti li t-tnejn jintużaw għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjonijiet Interni (IRB), jiġifieri l-istimi proprji tal-LGD u l-istimi proprji tas-CF. Sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għall-finijiet tal-LGD u d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għall-finijiet tas-CF ikunu konsistenti u li jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex jiġi żgurat aċċess faċli għal dawk id-dispożizzjonijiet, huwa mixtieq li jiġu inklużi l-istandards tekniċi regolatorji meħtieġa mill-Artikolu 181(3) u l-istandards tekniċi regolatorji meħtieġa mill-Artikolu 182(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f’Regolament wieħed. |
|
(17) |
Minħabba l-interazzjoni ma’ atti oħra tal-Unjoni rilevanti għal stimi proprji tal-LGD u s-CF, id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi differita sal-1 ta’ Jannar 2021. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet se jkollhom jikkonformaw mal-livell limitu ta’ materjalità rivedut stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/171 (2). |
|
(18) |
Dan ir-Regolament hu bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni. |
|
(19) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 ta’ dak ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Speċifikazzjoni tan-natura, is-severità u t-tul ta’ żmien ta’ fażi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 181(1)(b), jew 182(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għandu jiġi identifikat għal kull tip ta’ skopertura, kif definit fl-Artikolu 142(1)(2), ta’ dak ir-Regolament.
2. Fl-identifikazzjoni ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għal tip partikolari ta’ skoperturi, għandhom japplikaw ir-regoli ta’ speċifikazzjoni li ġejjin:
|
(a) |
in-natura tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku hija kkaratterizzata minn ġabra ta’ indikaturi ekonomiċi li huma kklassifikati bħala rilevanti għal skoperturi fi ħdan dak it-tip ta’ skoperturi skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2 (“is-sett ta’ indikaturi rilevanti”); |
|
(b) |
f’termini ta’ severità, tnaqqis fir-ritmu ekonomiku huwa indikat mill-valur l-aktar sever relatat ma’ perjodu ta’ 12-il xahar (“l-aktar valur sever ta’ 12-il xahar”) li jiġi osservat, għal kull indikatur ekonomiku fil-ġabra ta’ indikaturi rilevanti, fuq perjodu ta’ żmien storiku ddeterminat għal dak l-indikatur ekonomiku skont l-Artikolu 3 (“il-perjodu ta’ żmien applikabbli”); |
|
(c) |
tnaqqis fir-ritmu ekonomiku huwa magħmul minn perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku wieħed jew inkella diversi perjodi distinti li jkopru l-livelli massimi u l-livelli minimi relatati mal-aktar valuri severi ta’ 12-il xahar għall-indikaturi ekonomiċi fil-ġabra ta’ indikaturi rilevanti, b’kull perjodu bħal dan ikun ta’ tul ta’ żmien determinat skont l-Artikolu 4 (“it-tul ta’ perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku”). |
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-punt (b), il-perjodi ta’ 12-il xahar li magħhom huma relatati l-valuri għal xi indikatur ekonomiku jistgħu jibdew fi kwalunkwe ħin fi ħdan il-perjodu ta’ żmien applikabbli.
4. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-punt (c):
|
(a) |
perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku huwa perjodu li fih xi indikatur ekonomiku jilħaq il-valur l-aktar sever tiegħu fi 12-il xahar. |
|
(b) |
meta, fil-każ ta’ indikaturi ekonomiċi differenti korrelatati b’mod sinifikanti, il-livelli massimi jew minimi marbuta mal-aktar valuri severi ta’ 12-il xahar jintlaħqu simultanjament jew ftit wara xulxin, il-perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li fihom dawk l-indikaturi jilħqu l-valur l-aktar sever tagħhom ta’ 12-il xahar għandhom jiġu ttrattati bħala perjodu wieħed ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jkun ikopri l-aktar valuri severi ta’ 12-il xahar għal dawk l-indikaturi kollha. |
Artikolu 2
Il-ġabra ta’ indikaturi rilevanti
1. L-indikaturi ekonomiċi li ġejjin għandhom jiġu kklassifikati bħala rilevanti fil-każ ta’ skoperturi fi ħdan tip partikolari ta’ skoperturi:
|
(a) |
għat-tipi kollha ta’ skoperturi:
|
|
(b) |
minbarra l-indikaturi ekonomiċi elenkati fil-punt (a):
|
|
(c) |
minbarra l-indikaturi ekonomiċi elenkati fil-punti (a) u (b), kwalunkwe indikatur ekonomiku ieħor li huwa varjabbli spjegattiv għaċ-ċiklu ekonomiku speċifiku għal skoperturi fit-tip ta’ skoperturi kkunsidrati, jew indikatur tiegħu. |
2. L-indikaturi ekonomiċi identifikati għal skoperturi fi ħdan tip ta’ skoperturi skont il-paragrafu 1 għandhom jirriflettu d-distribuzzjoni ġeografika u, fejn applikabbli, id-distribuzzjoni settorjali tal-iskoperturi f’dak it-tip ta’ skoperturi.
Għal dak l-iskop, indikatur ekonomiku għandu jiġi inkluż fil-ġabra ta’ indikaturi rilevanti kif ġej:
|
(a) |
darba għal kull ġurisdizzjoni jew, fejn xieraq, darba għal kull żona ġeografika fi ħdan ġurisdizzjoni, koperta minn sehem materjali ta’ dak it-tip ta’ skoperturi; kif ukoll |
|
(b) |
darba għal kull settur, fejn applikabbli, kopert minn sehem materjali ta’ dak it-tip ta’ skoperturi. |
Madankollu, fejn l-indikaturi ekonomiċi li għandhom jiġu inklużi skont it-tieni subparagrafu juru moviment konġunt qawwi fil-ġurisdizzjonijiet differenti, jew fejn xieraq, żoni ġeografiċi differenti fi ħdan ġurisdizzjoni, jew, fejn applikabbli, setturi differenti, jista’ minflok jintgħażel indikatur ekonomiku komuni biex jirrifletti dawk il-ġurisdizzjonijiet, żoni ġeografiċi jew setturi b’mod ġenerali.
Artikolu 3
Determinazzjoni tal-perjodu ta’ żmien applikabbli
Għall-finijiet tal-Artikolu 1(2)(b), il-perjodu storiku ta’ żmien applikabbli għal xi indikatur ekonomiku għandu jkun il-perjodu ta’ 20 snin li jintemm fil-mument li fih l-istituzzjoni tidentifika t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku skont dan ir-Regolament. Madankollu, fejn il-varjabbiltà ta’ indikatur ekonomiku matul dak il-perjodu ta’ 20 sena ma tkunx rappreżentattiva tal-firxa probabbli ta’ varjabbiltà ta’ dak l-indikatur fil-futur, il-medda taż-żmien storika applikabbli għal dak l-indikatur għandha tkun ta’ tul itwal biżżejjed biex jiġu pprovduti valuri li jkunu rappreżentattivi ta’ dik il-firxa probabbli ta’ varjabbiltà.
Artikolu 4
Tul ta’ perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku
Għall-finijiet tal-Artikolu 1(2)(c), it-tul ta’ perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għandu jiġi ddeterminat kif ġej:
|
(a) |
f’xi każ li jaqa’ taħt l-Artikolu 1(4)(b), perjodu wieħed ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għandu jkun dak il-perjodu li jkun twil biżżejjed biex ikopri l-limiti massimi u dawk minimi marbuta mal-aktar valuri severi ta’ 12-il xahar osservati għall-indikaturi ekonomiċi differenti assoċjati ma’ dak il-perjodu wieħed ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku; |
|
(b) |
fil-każijiet kollha, kemm jekk jaqgħu taħt l-Artikolu 1(4)(b) jew le, fejn id-diversi valuri ta’ 12-il xahar osservati għall-indikatur jew indikaturi ekonomiċi inkwistjoni matul il-perjodu ta’ żmien applikabbli ma jiddevjawx b’mod sinifikanti mill-valur l-aktar sever tagħhom ta’ 12-il xahar tul perjodu ta’ żmien speċifiku u kontinwu fi ħdan il-perjodu ta’ żmien applikabbli, il-perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għandu jkun twil biżżejjed biex jirrifletti s-severità mtawla osservata għall-indikatur ekonomiku jew l-indikaturi ekonomiċi inkwistjoni; |
|
(c) |
fil-każijiet kollha, kemm jekk jaqgħu taħt l-Artikolu 1(4)(b) jew le, meta l-indikatur jew indikaturi ekonomiċi juru li kien hemm livelli massimi jew minimi eżatt maġenb dawk il-livelli massimi jew minimi relatati mal-aktar valuri severi ta’ 12-il xahar osservati għall-indikatur jew l-indikaturi ekonomiċi inkwistjoni matul il-perjodu ta’ żmien applikabbli u dawk il-livelli massimi u minimi eżatt maġenb xulxin ma jkunux jiddevjaw b’mod sinifikanti mill-valur l-aktar sever ta’ 12-il xahar osservat għal dak l-indikatur jew dawk l-indikaturi matul dak il-perjodu ta’ żmien u dawk il-livelli massimi u minimi eżatt maġenb xulxin ikunu relatati mal-istess kundizzjoni ekonomika kumplessiva, il-perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għandu jkun twil biżżejjed biex ikun jirrifletti l-perjodu mtawwal kollu li fih ikunu ġew osservati dawk il-livelli massimi jew minimi maġenb xulxin; |
|
(d) |
f’xi każ li jkun jaqa’ taħt l-Artikolu 1(4)(a), meta la l-punt (b), u lanqas il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu ma jkunu japplikaw, il-perjodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għandu jkun il-perjodu ta’ 12-il xahar li miegħu ikun marbut l-aktar valur sever ta’ 12-il xahar. |
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 27.06.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/171 tad-19 ta’ Ottubru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment għal obbligi ta’ kreditu skaduti (ĠU L 32, 6.2.2018, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).