Brussell, 14.2.2020

COM(2020) 54 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha

WERREJ

1.Introduzzjoni

2.Puntwalità u tempestività

3.Kompletezza

4.Preċiżjoni tad-data

5.Komparabbiltà

6.Piż fuq in-negozji

7.L-iżvilupp tal-indikaturi

8.Kisbiet u prospettiva

1.Introduzzjoni

L-għan tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2150/2002 tal-25 ta’ Novembru 2002 dwar l-istatistika tal-iskart 1 (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament) huwa li jipproduċi statistika dwar l-iskart. Id-definizzjoni ta’ skart taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart) 2 . L-Artikolu 8(1) tar-Regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin (wara l-ewwel rapport, li kellu jiġi ppreżentat fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament). L-ewwel rapport ġie ppubblikat fl-2008 3 , it-tieni wieħed fl-2011 4 , it-tielet wieħed fl-2014 5 u r-raba’ wieħed fl-2016 6 .

Dan ir-rapport jirreferi għall-kwalità tal-ġbir ta’ data, li sar fl-2018, b’referenza għall-iskart prodott u ttrattat fl-2016. Il-ġbir ta’ data meħtieġ mir-Regolament jikkonsisti fi tliet partijiet: il-ġenerazzjoni tal-iskart, it-trattament tal-iskart u l-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart, dawn tal-aħħar diżaggregati għal-livell NUTS II.

Approċċi nazzjonali differenti u kwalità

Ir-Regolament jistabbilixxi liema data statistika għandha tiġi ppreżentata u l-kwalità meħtieġa minn din id-data. Madankollu, ir-Regolament iħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla tal-metodu speċifiku għat-tfassil tal-istatistika tal-iskart. Dan jippermettilhom li jżommu s-sistemi tal-ġbir tad-data tagħhom u li jimminimizzaw il-piż li ġġib magħha l-konformità mar-Regolament. Id-data tinġabar kull sentejn.

Ir-Regolament (l-Anness I, it-Taqsima 7) jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jippreżentaw rapport ta’ kwalità flimkien mad-data. F’dawn ir-rapporti, l-Istati Membri jirreferu għall-elementi ta’ kwalità li normalment jintużaw fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika 7 u li huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1445/2005 dwar il-kwalità tal-istatistika tal-iskart 8 .

Kontroll tal-kwalità

Sa mill-ewwel ġbir ta’ data fl-2004, il-Kummissjoni (il-Eurostat) stabbiliet sistema effiċjenti ta’ kontroll tal-kwalità f’żewġ stadji biex tivverifika d-data li tirċievi mill-Istati Membri.

Fl-ewwel pass wara li d-data tkun intbagħtet lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ malajr tad-data u tar-rapporti tal-kwalità fi żmien xahrejn wara l-iskadenza għar-rappurtar. F’dan il-pass, il-validazzjoni tad-data tiffoka l-aktar fuq il-koerenza interna tad-data l-ġdida u l-iżviluppi tul iż-żmien. L-analiżi ssir f’livell aggregat ħafna u għandha l-għan li tiskopri interruzzjonijiet ewlenin fis-serje u li tivvalida li d-data hija adatta għall-pubblikazzjoni. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) imbagħad tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni lill-Istat Membru li ppreżenta d-data. Jekk ikun meħtieġ, dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jitlob spjegazzjoni u/jew reviżjoni tad-data.

It-tieni pass huwa validazzjoni fil-fond. Dan jinvolvi l-analiżi tad-data f’livell aktar dettaljat (eż. skont is-settur ekonomiku u skont il-kategorija tal-iskart) u t-tqabbil tal-mudelli u tal-iżviluppi bejn il-pajjiżi. Il-kontrolli tal-validazzjoni jinkludu:

·tqabbil fil-pajjiż innifsu ta’ skart iġġenerat għal kull attività ekonomika b’valuri mis-snin ta’ qabel;

·tqabbil tad-data għal kull attività ekonomika bejn il-pajjiżi;

·tqabbil fil-pajjiż innifsu ta’ skart iġġenerat u skart ittrattat għal kull kategorija ta’ skart;

·kontroverifiki ma’ data tal-iskart minn obbligi oħrajn ta’ rappurtar bħalma huwa l-monitoraġġ dwar il-konformità skont leġiżlazzjoni oħra marbuta mal-iskart.

Ir-riżultati jiġu vverifikati ma’: (i) ir-rapporti ta’ kwalità tal-pajjiżi; (ii) ir-rispons mill-ewwel stadju tal-evalwazzjoni; u (iii) kwalunkwe dokument ieħor disponibbli (eż. dokumentazzjoni ta’ rappurtar mis-snin ta’ qabel). Imbagħad, ir-riżultati jiġu diskussi mal-pajjiżi. L-għan ta’ din il-validazzjoni fil-fond mhuwiex biss li jinstabu l-inkonsistenzi, iżda wkoll li tittejjeb il-kwalità tad-data fuq perjodu ta’ żmien twil.

Il-Kummissjoni (il-Eurostat) tkompli taġġorna l-gwida metodoloġika disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat u tkompli ttejjeb u tirfina s-sistema ta’ kontroll tal-kwalità tad-data.

2.Puntwalità u tempestività

Ir-rapporti tad-data u tal-kwalità għandhom jiġu ppreżentati kull sentejn lill-Kummissjoni (il-Eurostat) fi żmien 18-il xahar mit-tmiem tas-sena bażi 9 .

Il-konformità mal-iskadenza għar-rappurtar għas-sena bażi 2016 ma nbidlitx meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. B’kollox, 23 Stat Membru u żewġ pajjiżi tal-EFTA bagħtu fil-ħin settijiet ta’ data u rapporti tal-kwalità kompluti. Żewġ Stati Membri bagħtu parti mid-data tagħhom b’dewmien ta’ inqas minn xahar. Ħames Stati Membri u pajjiż wieħed tal-EFTA ppreżentaw kemm data kif ukoll rapporti tal-kwalità aktar minn xahar wara l-iskadenza. Żewġ Stati Membri ppreżentaw settijiet tad-data aktar minn 9 xhur wara l-iskadenza.

Il-Kummissjoni (il-Eurostat) qiegħda tieħu passi biex tħeġġeġ lill-pajjiżi jirrevedu l-proċessi tagħhom ta’ produzzjoni statistika u jipprovdu data ta’ kwalità tajba skont l-iskadenzi stabbiliti.

Pubblikazzjoni

Fl-14 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni (il-Eurostat) temmet il-pubblikazzjoni tad-data dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart għas-sena bażi 2016 fil-bażi tad-data tad-disseminazzjoni tal-Eurostat. Fit-18 ta’ Settembru 2018, hija temmet ukoll il-pubblikazzjoni tad-data dwar it-trattament tal-iskart fil-bażi tad-data tad-disseminazzjoni tal-Eurostat 10 .

3.Kompletezza

Il-konsenja ta’ settijiet nazzjonali kompleti tad-data hija kruċjali biex jinħolqu l-aggregati tal-UE. Id-data nieqsa tillimita l-valur informattiv tal-istatistika tal-iskart. Id-data ma tkunx kompluta kull meta l-pajjiżi ma jkollhomx sorsi ta’ data jew id-data ma tkunx suffiċjenti għall-estimi.

Kemm l-għadd ta’ valuri nieqsa kif ukoll l-għadd ta’ pajjiżi li jirrappurtaw valuri nieqsa naqsu b’mod konsiderevoli għall-ġbir ta’ data dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart bejn is-snin bażi 2010 u 2016. Fl-2010, 8 pajjiżi rrappurtaw valuri nieqsa iżda dan naqas għal 3 pajjiżi fis-sena bażi 2016. L-għadd totali ta’ valuri nieqsa naqas minn 1,668 fis-sena bażi 2010 għal 97 fis-sena bażi 2016. Il-biċċa l-kbira tal-valuri nieqsa kienu jikkonċernaw skart mill-unitajiet domestiċi.

It-tendenza hija l-istess għad-data dwar it-trattament tal-iskart. Fl-2016 ma ġie rrappurtat l-ebda valur nieqes tat-trattament tal-iskart, titjib meta mqabbel mal-263 valur nieqes fis-sena bażi 2010.

4.Preċiżjoni tad-data

Kopertura tad-data

L-istatistika dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart trid tinġabar għas-setturi ekonomiċi kollha u għall-unitajiet domestiċi. Din l-istatistika trid tinkludi skart li joriġina minn operazzjonijiet ta’ rkupru u rimi, magħruf ukoll bħala skart sekondarju. L-istatistika trid tkopri wkoll skart minn negozji żgħar (inqas minn 10 impjegati), għalkemm fejn ikun possibbli, dawn in-negozji żgħar jenħtieġ li jiġu eżentati mill-istħarriġ.

L-istatistika dwar it-trattament tal-iskart tkopri l-iskart kollu li huwa rkuprat jew mormi fil-pajjiż stess, irrispettivament mill-oriġini tal-iskart. L-għan bażiku tar-Regolament huwa li tinġabar id-data dwar id-destinazzjoni finali tal-iskart. Ir-Regolament ma jeħtieġx li tinġabar data dwar operazzjonijiet ta’ trattament preparatorju. Madankollu, għal xi kategoriji ta’ trattament, xi pajjiżi rrappurtaw data ta’ qabel it-trattament (bħas-separazzjoni jew il-ħżin) bħala trattament finali. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) talbet lil dawn il-pajjiżi biex jikkoreġu d-data tagħhom. Ġeneralment, il-kopertura tal-ġbir ta’ data għall-istatistika tal-iskart tjiebet għas-sena bażi 2016 meta mqabbla mal-2014. L-għadd ta’ valuri nieqsa naqas, is-sehem tal-iskart li kellu jiġi stmat naqas, u ntużaw sorsi addizzjonali. Meta mqabbel mas-sena bażi 2014, jista’ jiġi osservat titjib fil-kopertura fi tmien pajjiżi għas-sena bażi 2016. Żewġ sejbiet importanti tal-validazzjoni tal-istatistika tal-2016 huma dawn li ġejjin:

·Xi pajjiżi għadhom ma jistgħux jirrappurtaw dwar il-kategorija ta’ trattament “irdim mill-ġdid” jew jużaw il-kategorija tal-irdim mill-ġdid biex jirrappurtaw ir-rimi f’landfill. Din il-problema nstabet waqt il-validazzjoni. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) talbet lill-pajjiżi kkonċernati biex itejbu din is-sitwazzjoni sabiex jirrappurtaw settijiet tad-data kompletament korretti.

·L-iskart minerali huwa ta’ rilevanza relattivament limitata, iżda huwa responsabbli għal sehem kbir mill-iskart totali. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni (il-Eurostat) żviluppat indikatur addizzjonali “Skart għajr l-iskart minerali ewlieni”.

Tqassim skont is-setturi ekonomiċi

L-impatt ġenerali ta’ allokazzjoni ħażina skont is-settur ekonomiku jitqies bħala baxx. Ġeneralment, każijiet rari jiġu identifikati waqt il-validazzjoni u għalhekk jiġu spjegati jew ikkoreġuti. Każijiet bħal dawn ma jseħħux ta’ spiss.

Kategoriji ta’ skart

Ir-Regolament jistabbilixxi li l-kategoriji tal-iskart għar-rappurtar lill-UE għandhom isegwu l-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Iskart għall-Istatistika 11 (EWC-Stat). L-EWC-Stat ma tistipulax klassifikazzjoni speċifika li għandha tintuża għall-ġbir tad-data nazzjonali.

Ħafna mill-pajjiżi jiġbru d-data tagħhom skont il-lista Ewropea tal-iskart 12 , li hija magħmula minn 839 tip ta’ skart. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 849/2010 13 jinkludi tabella ta’ trasformazzjoni biex il-lista Ewropea tal-kodiċijiet tal-iskart tiġi ttrasformata f’kodiċijiet tal-EWC-Stat. L-użu wiesa’ ta’ dawn iż-żewġ klassifikazzjonijiet jiżgura livell għoli ta’ komparabbiltà, tal-inqas fil-livell aggregat mitlub fir-Regolament. Il-Eurostat jikkunsidra l-impatt ġenerali tal-iżbalji fil-klassifikazzjoni fuq il-preċiżjoni tad-data bħala żgħir. Fejn l-iżbalji fil-klassifikazzjoni jirriżultaw f’impatti kbar, dawn jinstabu diġà matul l-ewwel validazzjoni ta’ malajr u jiġu kkoreġuti minnufih mill-Istat Membru kkonċernat. Wieħed minn dawn l-iżbalji seħħ fl-2014, u fl-2016 ma ġie osservat l-ebda żball ta’ dan it-tip.

Id-differenzi bejn il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart

Hemm diversi differenzi bejn l-istatistika għat-trattament tal-iskart u l-istatistika għall-ġenerazzjoni tal-iskart.

L-ammont ta’ skart iġġenerat kien differenti mill-ammont ta’ skart ittrattat fl-UE b’madwar 200 miljun tunnellata mill-2008. Dan huwa ekwivalenti għal madwar 10 % tal-iskart kollu ġġenerat. Ix-xejra ilha stabbli mill-2008: hemm aktar skart iġġenerat milli ttrattat. Id-differenza kienet l-ogħla għall-ħama u għall-iskart likwidu wara t-trattament tal-iskart (madwar 70 %) u l-aktar baxxa (madwar 0 %) għall-ħamrija.

Diversi raġunijiet jistgħu jispjegaw id-differenza bejn l-iskart iġġenerat u l-iskart ittrattat. Dawn id-differenzi huma stabbiliti fil-punti ta’ hawn taħt.

·Mhux l-iskart kollu jiġi ttrattat fil-pajjiż fejn huwa ġġenerat. Id-data tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni ma tinġabarx skont ir-Regolament, u b’hekk id-differenzi li ġejjin mill-importazzjonijiet u mill-esportazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkwantifikati abbażi tad-data tar-Regolament. Stimi bbażati fuq id-data tal-kummerċ estern juru li dan l-effett jispjega madwar għoxrin fil-mija tad-differenza għall-UE kollha. Għall-pajjiżi individwali dan l-effett jista’ jkun ogħla.

·Il-kontenut tal-ilma tal-iskart għandu rwol ukoll. Il-kategoriji kollha tal-iskart ħlief il-ħama huma rrappurtati fil-piż niedi normali. Matul il-proċess tat-trattament minn qabel, bħall-operazzjonijiet tat-trattament preparatorju għar-rimi (it-trattament tal-iskart likwidu, eż., il-lissija jew l-emulsjoni taż-żejt/l-ilma), jintilef il-piż tal-ilma u l-iskart jidħol fit-trattament finali bi tnaqqis sinifikanti fil-piż.

·Xi operazzjonijiet huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness II tar-Regolament, bħal impjanti ta’ koinċinerazzjoni li jużaw biss skart tal-bijomassa partikolari bħala fjuwil.

·Mhux l-iskart kollu jiġi ttrattat fl-istess sena meta jiġi ġġenerat. Xi skart jinħażen temporanjament. Għalhekk skart ittrattat fis-sena t jista’ jkun fih skart iġġenerat fis-sena t-1. Skart iġġenerat fis-sena t jista’ jiġi ttrattat fis-sena t+1.

·It-trattament tal-iskart jista’ joħloq tipi ġodda ta’ skart u għalhekk iżid mal-iskart iġġenerat, eż. l-irmied mill-inċinerazzjoni tal-iskart jista’ jkun skart ukoll. Sabiex tagħmel valutazzjoni kwantitattiva ta’ dan l-effett, il-Kummissjoni (il-Eurostat) tistma l-indikatur “skart sekondarju”, li jaggrega l-iskart li jiġi prodott bit-trattament tal-iskart.

·Il-vetturi jew it-tagħmir mormija jiġu biss irrappurtati bħala tali taħt statistika tal-ġenerazzjoni tal-iskart. It-trattament tal-iskart jitkejjel fit-tmiem tal-katina tat-trattament, jiġifieri wara r-rimi u s-separazzjoni. Vettura tikkonsisti minn materjali differenti, eż. metall u plastik. Fl-aħħar dawn il-materjali jiġu rrapportati taħt statistika tat-trattament tal-iskart. Għalhekk, f’każijiet eċċezzjonali biss il-vetturi u tagħmir simili jiġu rrappurtati taħt statistika tat-trattament tal-iskart.

Għalhekk, id-differenza bejn il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart mhijiex ir-riżultat tal-fatt li l-istatistika għal dawn iż-żewġ kategoriji hija ta’ kwalità differenti. Minflok, tirrifletti differenzi fl-iskop ta’ dawn iż-żewġ kategoriji u l-kunċetti li jintużaw għalihom. Madankollu, skont il-klassi tal-iskart, id-differenza għandha tkun f’ċerti limiti. Jekk jinqabżu dawn il-limiti, l-Istat Membru rispettiv jintalab jagħti spjegazzjonijiet.

5.Komparabbiltà

Komparabbiltà matul iż-żmien

Ir-rapporti tal-kwalità ppreżentati mill-pajjiżi wrew li huma għodod utli biex jimmonitorjaw bidliet metodoloġiċi u l-impatt tagħhom fuq il-komparabbiltà tad-data. Dawn ir-rapporti tal-kwalità juru li mill-2004 ’l hawn kważi l-pajjiżi kollha għamlu titjib konsiderevoli fl-approċċi tagħhom għall-istatistika nazzjonali tal-iskart. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jkomplu jtejbu: (i) il-kwalità tad-data permezz tal-ġbir tad-data tagħhom (eż. jeliminaw il-lakuni fid-data u jtejbu l-kopertura); u (ii) l-effiċjenza tal-metodi tagħhom.

It-titjib fil-ġbir tad-data matul is-snin ħoloq interruzzjonijiet fis-serje kronoloġika. Il-pajjiżi jirrevedu s-settijiet tad-data għas-snin ta’ qabel biex jillimitaw dawn l-interruzzjonijiet, u l-utenti jiġu infurmati dwar dawn ir-reviżjonijiet. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) twissi dwar id-diskontinwità tas-serje kronoloġika fis-settijiet tad-data disseminati.

Il-komparabbiltà fil-pajjiżi kollha

Bis-saħħa tad-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet komuni, il-komparabbiltà tad-data fil-pajjiżi kollha hija ġustament għolja għal ħafna setturi u tipi ta’ skart. Madankollu, għadhom jitfaċċaw xi problemi fit-tqabbil tad-data fil-pajjiżi kollha minħabba d-differenzi fil-kopertura deskritti fit-Taqsima 4. Sabiex tiżdied il-komparabbiltà, huwa ppubblikat l-aggregat “skart mingħajr skart minerali kbir”.

6.Piż fuq in-negozji

Fir-rapporti tal-kwalità tagħhom, il-pajjiżi juru impenn biex il-piż tar-rappurtar jinżamm kemm jista’ jkun baxx. Dan huwa rifless fl-għadd dejjem jiżdied ta’ pajjiżi li: (i) jiġbru informazzjoni dwar il-piż tar-rappurtar; u (ii) jistgħu jikkwantifikaw il-ħin medju li r-rispondenti jkollhom bżonn biex jimlew il-kwestjonarji jew il-formoli ta’ rappurtar. L-informazzjoni tinġabar mir-rispondenti permezz ta’ kwestjonarji jew tiġi ddeterminata minn studji speċifiċi. Madwar nofs l-Istati Membri jużaw id-data amministrattiva bħala s-sors ewlieni tagħhom għall-istatistika tal-iskart u b’hekk jevitaw piż fuq il-fornituri tad-data bi kwestjonarji addizzjonali. Pajjiżi oħrajn jużaw id-data amministrattiva bħala waħda minn bosta sorsi ta’ data. Kumpaniji żgħar huma eżentati mill-istħarriġ b’modi differenti 14 .

Għadd dejjem akbar ta’ pajjiżi implimentaw, jew jippjanaw li jimplimentaw, sistemi ta’ rappurtar elettroniċi. Dawn is-sistemi jgħaddu d-data meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart b’mod awtomatiku mill-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.

7.L-iżvilupp tal-indikaturi

Id-data prodotta tintuża biex jiġu kkalkulati l-indikaturi. Pereżempju, l-indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE dwar “il-ġenerazzjoni tal-iskart għajr l-iskart minerali ewlieni” 15 u dwar “Ir-rata ta’ riċiklaġġ tal-iskart għajr l-iskart minerali ewlieni” 16 huma disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat. Dawn l-indikaturi huma rrappurtati kemm f’kilogrammi għal kull abitant kif ukoll f’perċentwal ta’ skart ittrattat fil-pajjiżi kollha. L-indikatur “l-immaniġġjar tal-iskart għajr l-iskart minerali ewlieni” juri t-trattament finali tal-iskart iġġenerat fuq livell nazzjonali 17 . B’kuntrast mad-data miġbura skont ir-Regolament, dan l-indikatur jinkludi skart esportat filwaqt li jeskludi skart importat.

F’Diċembru 2018, ġie adottat il-pakkett tal-ekonomija ċirkolari 18 . Biex jimmonitorja l-progress fit-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija ċirkolari, il-Eurostat jipprovdi aċċess faċli għad-data rilevanti għal dawk li jfasslu l-politika u għall-pubbliku fil-forma ta’ 10 indikaturi 19 . L-indikaturi ġenerazzjoni tal-iskart, skart tal-ikel, rata tar-riċiklaġġ, flussi ta’ skart speċifiċi u kontribut ta’ materja prima rriċiklata għad-domanda tal-materja prima jiġu prodotti bid-data miġbura skont ir-Regolament, jew jiġu rkuprati direttament minn din id-data.

8.Kisbiet u prospettiva

Sar progress sinifikanti fir-rigward tal-kompilazzjoni tal-istatistika tal-iskart sa mill-aħħar rapport fl-2016. Il-kompletezza tad-data mibgħuta mill-pajjiżi tjiebet b’mod konsistenti. L-istatistika tal-iskart laħqet livell pjuttost għoli ta’ komparabbiltà fil-pajjiżi kollha għal ħafna mill-kategoriji u mis-setturi tal-iskart u qed isir progress konsiderevoli lejn il-kisba ta’ kopertura sħiħa tad-data. B’mod ġenerali, id-data hija ta’ kwalità xierqa għal ħafna mill-pajjiżi. Il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart 20 riveduta skont il-pakkett tal-ekonomija ċirkolari tinkludi regoli aktar preċiżi dwar il-kejl tal-operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart u definizzjonijiet aktar preċiżi. Dan se jtejjeb ukoll il-komparabbiltà tal-istatistika tal-iskart fil-pajjiżi kollha. Il-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri permezz ta’ miżuri oħrajn, pereżempju permezz ta’ seminars u skambji tal-aħjar prattiki. Investigazzjoni statistika ta’ skart minerali ewlieni tkun teħtieġ sforzi addizzjonali.

Wara l-ġbir tad-data tal-2016, id-data dwar il-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart issa hija disponibbli għal 7 snin bażi, jiġifieri, għall-perjodu ta’ bejn l-2004 u l-2016. Bl-estensjoni tas-serje kronoloġika, id-data qed issir dejjem aktar utli, pereżempju, għall-iżvilupp ta’ indikaturi jew bħala kontribut għall-analiżi marbuta mal-klima.

(1)    ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1.
(2)    ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.
(3)      KUMM(2008) 355 finali, 13.6.2008.
(4)      KUMM(2011) 131 finali, 17.3.2011.
(5)      COM(2014) 79 final, 14.2.2014.
(6)      COM(2016) 701 final, 3.11.2016.
(7)    Is-sit web tal-Eurostat dwar ir-Rappurtar tal-Kwalità: https:/ec.europa.eu/eurostat/web/quality/quality-reporting .
(8)    ĠU L 229, 6.9.2005, p. 6.
(9)    Ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002, it-Taqsima 7(2) tal-Annessi I u II.
(10) https://ec.europa.eu/eurostat/web/waste/data/database
(11)    Verżjoni attwali EWC-Stat Rev. 4, li għandha 51 kategorija, stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 849/2010.
(12)    Stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE, kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE. Il-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Iskart għall-Istatistika (EWC-Stat) hija purament ikklassifikata skont il-materjal tal-iskart. Il-lista Ewropea tal-iskart hija ħafna aktar diżaggregata mill-EWC-Stat u hija bbażata fuq il-materjal, l-użu tal-materjal, u l-oriġini tal-iskart.
(13)    ĠU L 253, 28.9.2010, pp. 2–41.
(14)    L-eżenzjoni ta’ kumpaniji żgħar mill-istħarriġ hija trattata b’modi differenti. Xi pajjiżi jkopru l-kumpaniji żgħar permezz ta’ stħarriġ ta’ kampjuni u jestrapolaw ir-riżultati. Madankollu, ħafna mill-pajjiżi jeskludu kompletament il-kumpaniji żgħar. Jekk l-esklużjoni tkun konformi mal-kopertura u mal-objettivi tal-kwalità tal-Artikolu 3 tar-Regolament, iċ-ċifri jistgħu jiġu injorati. B’mod alternattiv, iċ-ċifri jistgħu jiġu estrapolati permezz ta’ mudelli għall-estimi bbażati fuq fatturi. Il-pajjiżi stabbilew limiti ta’ esklużjoni differenti, iddeterminati l-aktar mill-għadd ta’ impjegati jew mill-ammont ta’ skart iġġenerat kull sena. Xi pajjiżi jiġbru flimkien iż-żewġ kriterji sabiex jiżguraw li anke l-kumpaniji żgħar huma koperti mill-ġbir tad-data meta dawn jaqbżu l-limitu ddefinit ta’ ġenerazzjoni tal-iskart.
(15)     https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_12_50/default/table?lang=en
(16)     https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_12_60/default/table?lang=en
(17)    L-indikatur ikopri l-iskart kollu għajr “skart minerali ewlieni”. Dan jipprovdi sett konsistenti ta’ indikaturi li jkopri l-kategoriji kollha tat-trattament tal-iskart tal-Anness II, it-Taqsima 8 tar-Regolament. Is-sett ta’ indikaturi huwa bbażat fuq id-data dwar it-trattament tal-iskart tar-Regolament u jirrifletti l-ammonti ta’ skart li huma mmaniġġjati fl-Istati Membri. Barra minn hekk, id-data statistika dwar il-kummerċ barrani (COMEXT) jew id-data nazzjonali dwar l-importazzjonijiet/l-esportazzjonijiet tal-iskart tintuża biex jiġu inklużi l-ammonti ta’ skart esportat u biex jiġu esklużi mill-kalkolu l-ammonti ta’ skart importat.
(18)     https://ec.europa.eu/environment/circular-economy/index_en.htm
(19)     https://ec.europa.eu/eurostat/web/circular-economy/indicators
(20)     https://ec.europa.eu/environment/waste/target_review.htm