42002D0579



Official Journal L 184 , 13/07/2002 P. 0024 - 0025


Id-Deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-istati membri, li ltaqaw fil-kunsill

tal-25 ta’ Ġunju 2002

fuq l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, li ltaqaw fil-Kunsill, fuq il-finanzjament u l-amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna mill-Komunità taħt il-Protokoll Finanzjarju tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Istati ta’ l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha iffirmat fil-Cotonou (Benin) fit-23 ta’ Ġunju 2000 u l-allokazzjoni ta’ l-assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Barranin li għalihom ir-Raba’ Parti tat-Trattat tal-KE japplika

(2002/579/KE)

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA’ L-ISTATI MEMBRI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA, LI LTAQAW FIL-KUNSILL,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw is-Sħubija ta’ l-ACP-KE iffirmata fil-Cotonou (Benin) fit-23 ta’ Ġunju 2000, hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejjaħ bħala ’ l-Ftehim ACP-KE,

Billi:

(1) Il-Ftehim ACP-KE mhux ser jidħol fis-seħħ sakemm il-ħtiġijiet kostituzzjonali ta’ kull Stat Membru jkunu kompletati skond l-Artikolu 93 tiegħu.

(2) Il-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi ta’ l-ACP-KE ħa deċiżjoni fit-28 ta’ Frar li biha l-miżuri transitorji applikabbli sa l-1 ta’ Awissu 2000 kienu adottati.

(3) Skond l-Artikolu 366(3) tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ l-ACP-KE, kif emendata bil-ftehim iffirmat fil-Mawrizju fl-4 ta’ Novembru 1995, il-Kunsill tal-Ministri ta’ l-ACP-KE adotta permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2000 [1] il-miżuri transitorji biex ikopru l-perjodu bejn it-2 ta’ Awissu 2000 sa l-1 ta’ Ġunju 2002.

(4) Bid-Deċiżjoni Nru 1/2002, il-Kunsill tal-Ministri ta’ l-ACP-KE emenda id-Deċizjoni Nru 1/2000 imsemmija aktar ‘il fuq billi estenda l-applikazzjoni tagħha sakemm il-Ftehim ACP-KE jidħol fis-seħħ.

(5) Skond l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/2000, ser ikun meħtieġ li l-Istati Membri u l-Komunità jieħdu passi xierqa għal kull wieħed minnhom fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri transitorji.

(6) Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li ltaqaw fil-Kunsill, waslu għal konsensus dwar il-Ftehim Intern fuq il-finanzjament u l-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Komunità lill-Istati ta’ l-ACP li jikkorrispondi għad-disposizzjonijiet fuq il-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Dan il-Ftehim mhuwiex ser jidħol fis-seħħ qabel l-adozzjoni minn kull Stat Membru skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu.

(7) Bid-Deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2000, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri ddeċidew li ċerti disposizzjonijiet tal-Ftehim Intern jiġu applikati fuq bażi provviżorja sa l-1 ta’ Ġunju 2002.

(8) L-istess disposizzjonijiet tal-Ftehim Intern għandhom ikomplu jiġu applikati fuq bażi provviżorja sad-dħul fis-seħħ tiegħu,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-disposizzjonijiet li ġejjin tal-Ftehim Intern dwar id-Disa’ Fond Ewropew Għall-Iżvilupp għandhom ikomplu jiġu applikati b’mod provviżorju mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni:

1. L-Artikoli 14, 15, 16, 19(1), 19(2), 19(3) u 19(4) dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ l-ipprogrammar;

2. L-Artikoli 21 sa 27 għall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ l-ipprogrammar;

3. L-Artikoli 29 u 30 għall-għanijiet tal-preparazzjoni tal-funzjonament tal-Faċilità ta’ l-Investiment, u

4. L-Artikolu 31 għall-għanijiet ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tibqa’ tgħodd sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Intern.

Din għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fil-Lussemburgu, 25 ta’ Ġunju 2002.

Il-President

J. Matas I Palou

[1] ĠU L 195, 01.08.00, p. 46.

--------------------------------------------------