11.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Lulju 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2000/96/KE dwar mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b'mod progressiv fin-network tal-Komunità taħt id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 5457)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/539/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 dwar l-istabbiliment ta' network għas-sorveljanza epidemoloġika u kontroll ta' mard li jinxtered fil-Komunità (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 3(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/96/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b'mod progressiv fin-network tal-Komunità taħt id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), telenka ċertu mard li jittieħed li għandu jiġi kopert minn sorveljanza epidemjoloġika fin-netwerk, inluż “Mard li jista' jiġi evitat b'tilqim”. Din il-kategorija tinkludi mard li hemm diġà tilqim disponibbli għalih, u mard ieħor li għalih it-tagħrif xjentifiku u tekniku huwa disponibbli għall-elaborazzjoni u l-produzzjoni ta' tilqim fi ħdan perjodu relattivament qasir.

(2)

Reċentement ħareġ vajrus patoġeniku ġdid tal-influwenza li t-trażmissjoni minn bniedem għal ieħor ġiet irreġistrata fl-Amerika ta' Fuq, u li diġà infirex ma' diversi Stati Membri. Peress li din is-sitwazzjoni epidemika ġdida toħloq riskju serju għal evoluzzjoni ta' influwenza pandemika, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa identifikat il-mard ikkawżat minn dak il-vajrus bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali skont ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005).

(3)

Din il-marda ġdida għandha tiġi kklassifikata fil-kategorija ta' “Mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim” kif, anki jekk l-ebda tilqim m'hu disponibbli bħalissa għall-prevenzjoni tagħha, it-tagħrif xjentifiku u tekniku huwa disponibbli għall-elaborazzjoni u l-produzzjoni ta' tilqim hekk kif jiġi definittivament identifikat l-oriġini tagħha.

(4)

Dan il-vajrus huwa kopert taħt “Influwenza” diġà msemmija fil-punt 2.1 tal-Anness I għad-Deċiżjoni 2000/96/KE Madankollu, fid-dawl tal-pandemija potenzjali maħluqa minn dan il-vajrus u l-ħtieġa ta' koordinazzjoni immedjata u effiċjenti bejn il-Komunità u l-Istati Membri f'dak ir-rigward, dan il-vajrus għandu jissemmaspeċifikament bħala wieħed mit-tipi possibbli tal-vajrus tal-influwenza. Din l-indikazzjoni speċifika min-naħa tagħha tippermetti l-adozzjoni ta' definizzjoni ta' każ speċifiku skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/253/KE tad-19 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi d-definizzjonijiet ta' każ għar-rappurtaġġ ta' mard li jinxtered fin-netwerk tal-Komunità permezz tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u għalhekk komunikazzjoni ta' informazzjoni mmirata aħjar fi ħdan in-netwerk Komunitarju skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2119/98/KE.

(5)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/363/KE tat-30 ta' April 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2002/253/KE li tistabbilixxi d-definizzjonijiet ta' każ għar-rappurtaġġ ta' mard li jinxtered fin-netwerk tal-Komunità permezz tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) diġà introduċiet definizzjoni tal-każ speċifiku Influwenza A (H1N1) fl-Anness għad-Deċiżjoni 2002/253/KE. Għalhekk jinħtieġ li jingħata effett retroattiv għal din id-Deċiżjoni sabiex ikun żgurat li huwa applikabbli mill-istess data bħad-Deċiżjoni 2009/363/KE.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-punt 2.1. tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/96/KE, it-terminu “Influenza” huwa sostitwit minn “Influwenza inkluż Influwenza A (H1N1)”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-30 ta' April 2009.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1.

(2)   ĠU L 28; 3.2.2000, p. 50.

(3)   ĠU L 86, 3.4.2002, p. 44.

(4)   ĠU L 110, 1.5.2009, p. 58.