IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.9.2025
COM(2025) 538 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-attività tal-EURES 2022-2024
Ippreżentat skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/589
Werrej
1
Sommarju Eżekuttiv
2
Introduzzjoni
3
Il-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa u l-EURES
4
Ħarsa Ġenerali lejn l-Attivitajiet Ewlenin
4.1
Servizzi ta’ appoġġ għall-ħaddiema u għall-impjegaturi
4.2
Riżorsi u governanza
4.3
Appoġġ trażversali mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO)
4.4
Attivitajiet immexxija mill-Kummissjoni Ewropea
5
Rakkomandazzjonijiet mir-rapport preċedenti
5.1
Progress dwar ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin
5.2
Oqsma li fihom għad fadal aktar azzjonijiet x’jittieħdu
6
Rakkomandazzjonijiet
6.1
Rakkomandazzjonijiet għall-pajjiżi parteċipanti tal-EURES
6.2
Rakkomandazzjonijiet għall-ECO
6.3
Passi ewlenin għall-Kummissjoni
7
Konklużjonijiet
|
Sommarju Eżekuttiv
Dan ir-rapport biennali jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-EURES bejn l-1 ta’ Lulju 2022 u t-30 ta’ Ġunju 2024, kif deskritt fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/589 dwar il-EURES. L-objettiv primarju tal-EURES huwa li jappoġġa l-mobilità intra-UE ġusta tal-forza tax-xogħol permezz tal-ħidma tal-persunal tal-EURES u l-portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol (il-portal tal-EURES).
Fl-2024, il-EURES iċċelebra t-30 anniversarju tiegħu b’kampanja ta’ komunikazzjoni u b’avvenimenti estensivi ta’ sensibilizzazzjoni li saru kemm wiċċ imb wiċċ kif ukoll online madwar l-Ewropa kollha.
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-persunal tal-EURES ipproċessa 474 711-il applikazzjoni għal impjieg u 663 878 post tax-xogħol vakanti, u organizza 20 166 avveniment. Dawn l-attivitajiet iffokaw fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ ġenerali lil persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi, kif ukoll servizzi mmirati relatati ma’ apprendistati, ma’ traineeships, ma’ assistenza ta’ wara r-reklutaġġ u ma’ skemi ta’ mobilità.
Minkejja l-investimenti sinifikanti fl-iżvilupp tal-portal, biex jiġi żgurat li jibqa’ jkun hemm għodda xierqa għat-tqabbil tan-nies mal-impjiegi u tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-mobilità, in-numru ta’ persuni rreġistrati li qed ifittxu impjieg mal-EURES naqas matul il-perjodu ta’ rapportar u l-portal tal-EURES u l-funzjonalitajiet ta’ tqabbil tiegħu mhumiex qegħdin jintużaw biżżejjed. In-numru ta’ organizzazzjonijiet privati fin-network kiber biss b’mod moderat bi promozzjoni limitata tal-espansjoni tan-network EURES għal Membri jew għal Sħab ġodda.
Sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-EURES u jiġu indirizzati l-isfidi eżistenti, in-network għandu jikkunsidra l-azzjonijiet li ġejjin:
·L-espansjoni u d-diversifikazzjoni tan-network - il-pajjiżi parteċipanti għandhom jinvolvu b’mod attiv lill-Membri u lis-Sħab il-ġodda biex jiżguraw network EURES aktar dinamiku u inklużiv.
·Il-massimizzazzjoni tal-effettività tal-portal tal-EURES u tal-użu tiegħu min-network billi l-portal jiġi konness b’mod sistematiku mal-istrumenti eżistenti, pereżempju, billi jiġu żviluppati funzjonalitajiet ġodda biex jappoġġaw il-Jiem Ewropej tal-Impjiegi Online (EOJDs, European Online Job Days), l-implimentazzjoni sħiħa tal-inizjattiva ta’ sinerġiji tal-EURES-Europass, l-Iskema ta’ Mobilità Mmirata (TMS, Targeted Mobility Scheme) u s-Sħubijiet Transfruntiera (CBPs, Cross-border Partnerships), kif ukoll billi tiġi żgurata kwalità aħjar tad-data għat-tqabbil tas-CVs (Curriculum Vitae) mal-postijiet tax-xogħol vakanti.
·L-iżgurar tal-adattabilità għall-bidliet fis-suq tax-xogħol: sabiex jibqa’ rilevanti u effettiv, il-EURES jeħtieġ li jallinja s-servizzi tiegħu man-nuqqas kontinwu ta’ ħaddiema u ħiliet, id-domandi li qed jevolvu għall-ħiliet, id-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika.
|
Introduzzjoni
Imniedi fl-1994, il-EURES huwa network kooperattiv li jinkludi l-Kummissjoni Ewropea, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA, European Labour Authority), is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES, Public Employment Services) nazzjonali, u Membri u Sħab oħra fil-pajjiżi tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera. Dan jappoġġa l-mobilità ġusta tal-forza tax-xogħol billi jipprovdi informazzjoni u servizzi tal-impjiegi lil persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi, filwaqt li jtejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan in-network.
Ir-Regolament (UE) 2016/589 dwar il-EURES saħħaħ in-network billi: (i) żied it-trasparenza tad-domanda u tal-provvista fis-suq tax-xogħol Ewropew; (ii) espanda t-tipi ta’ postijiet tax-xogħol vakanti ppubblikati fuq il-portal tal-EURES biex jiġu inklużi l-apprendistati u t-traineeships; (iii) tejjeb it-tqabbil tas-CVs mal-postijiet tax-xogħol vakanti (JVs, Job Vacanies); (iv) standardizza s-servizzi għall-persuni li qed ifittxu impjieg u għall-impjegaturi; u (v) kabbar in-network u introduċa l-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO, European Skills, Competences and Occupations) biex jiġu deskritti l-okkupazzjonijiet, il-ħiliet u l-kompetenzi fis-CVs u fil-JVs. Dawn l-isforzi huma appoġġati minn sitt deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament fil-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fil-EURES.
Matul perjodu ta’ 30 sena, il-EURES sar parti vitali mill-istruttura ta’ appoġġ tas-suq tax-xogħol tal-UE, u jiffaċilita l-mobilità ġusta u jtejjeb il-prestazzjoni soċjali u ekonomika. Is-servizzi tal-EURES jingħataw permezz tan-network tiegħu ta’ aktar minn 1 000 konsulent madwar l-Ewropa u permezz tal-portal tal-EURES, li jipprovdi għodod online lil persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi. In-network operazzjonali jikkonsisti f’Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCOs, National Coordination Offices), normalment marbuta mal-PES jew mal-ministeri tax-xogħol, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO, European Coordination Office) ġestit mill-2021 mill-ELA, u Membri u Sħab oħra bħas-servizzi privati tal-impjiegi u s-sħab soċjali. Flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u mal-ELA, l-NCOs huma membri tal-Grupp Ewropew ta’ Koordinazzjoni (ECG), European Coordination Group, li jissorvelja l-funzjonament u l-attivitajiet tan-network.
L-iskop ta’ dan ir-rapport huwa li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet imwettqa min-network EURES bejn Lulju 2022 u Ġunju 2024 u li jaqsam rakkomandazzjonijiet ewlenin immirati lejn it-tisħiħ tal-effettività tal-EURES fl-appoġġ ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta u effiċjenti madwar l-Ewropa.
Id-data msemmija f’dan ir-rapport inġabret mill-NCOs u ġiet aggregata mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni. Parti mid-data tiġi mir-rapporti tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni tal-EURES, filwaqt li l-ECO rrapporta dwar l-attivitajiet fil-livell tagħhom. Xi għarfien huwa ispirat ukoll mis-sejbiet tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol ippubblikat f’Mejju 2025.
Il-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa u l-EURES
Il-mobilità tal-forza tax-xogħol bejn l-Istati Membri tal-UE qed tkompli tikber. Fl-1 ta’ Jannar 2023, 10,1 miljun ċittadin tal-UE (bejn l-20 u l-64 sena) kienu jgħixu fi Stat Membru differenti miċ-ċittadinanza tagħhom, 2 % aktar mis-sena ta’ qabel. In-numru ta’ ħaddiema transfruntiera żdied b’madwar 3 % għal 1,83 miljun u n-numru ta’ postazzjonijiet (stmat min-numru ta’ PD A1s ipprovduti) żdied għal 5,5 miljun fl-2023. Jekk jittieħdu dawn iċ-ċifri flimkien, wieħed jista’ jikkalkula li aktar minn 8 % tal-impjiegi mħallsa fl-UE jinvolvu dimensjoni transfruntiera. Iċ-ċifri għall-movimenti transfruntiera qed jiżdiedu saħansitra aktar malajr: fl-2023, 738 000 ċittadin tal-UE u tal-EFTA rritornaw lejn il-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom wara li għexu barra minn pajjiżhom (6 % aktar mis-sena ta’ qabel) u 976 000 marru f’pajjiż ieħor tal-UE/EFTA, jiġifieri pajjiż li mhumiex ċittadini tiegħu), 14 % aktar mis-sena ta’ qabel
.
Sadanittant, ir-riżultati tan-network EURES naqsu f’dawn l-aħħar snin. Il-EURES iffaċilita mill-inqas 84 580 kollokament fl-2018 u 83 360 kollokament fl-2019, filwaqt li r-rapporti annwali dwar il-Mobilità Intra-UE tal-Forza tax-Xogħol stmaw li 880 000 persuna biddlu l-pajjiż fl-UE għax-xogħol fl-2018, u 825 000 fl-2019. Għalhekk, il-kollokamenti tal-EURES kienu jikkorrispondu għal 9,6 % tal-persuni li ċċaqilqu, li kienu attivi fis-suq tax-xogħol fl-2018, u 10,1 % fl-2019. Fl-2021, fl-2022 u fl-2023 (matul u wara l-pandemija tal-COVID-19) kien hemm 53 200, 48 731 u 48 129 kollokament tal-EURES rispettivament, meta mqabbel man-numru ta’ persuni attivi mill-UE li ċċaqilqu f’dawk is-snin: 650 000, 713 000 u 976 000 rispettivament. Dan ifisser li s-sehem tal-EURES mill-kollokamenti intra-UE
f’dawn is-snin naqas għal 8,2 % (2021), għal 6,8 % (2022) u għal 4,9 % (2023).
Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tal-EURES, speċjalment fuq il-portal tal-EURES, qed tiffaċċja wkoll sfidi sinifikanti. B’mod partikolari, l-istatistika għall-2024 turi li madwar 3 % biss tas-CVs fuq il-portal ġew irrieżaminati mill-persunal tal-EURES, minkejja investimenti f’titjib fil-portal, fl-iżvilupp tal-kontenut u fl-isforzi promozzjonali. Il-portal għandu aktar minn 1,1 miljun CV minn persuni li qed ifittxu impjieg, li esprimew ir-rieda tagħhom li jsibu impjieg f’pajjiż ieħor, madankollu l-profili tagħhom mhumiex qed jintużaw b’mod attiv, u l-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi qed jitilfu l-opportunitajiet.
Min-naħa l-oħra, eżempju ta’ inizjattiva b’importanza dejjem tikber u b’valur miżjud huwa l-Jiem Ewropej tal-Impjiegi Online (EOJDs), li huma eżempju ta’ kollaborazzjoni transfruntiera ta’ suċċess, fejn il-pajjiżi jingħaqdu flimkien biex jorganizzaw u jiffaċilitaw dawn l-avvenimenti. Il-pjattaforma tal-EOJD uriet li hija riżorsa siewja ħafna għan-network, u tikkontribwixxi għar-reputazzjoni tal-EURES għall-provvista ta’ servizzi ta’ kwalità għolja, flimkien mal-appoġġ dirett individwalizzat mill-konsulenti lill-persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi. Madankollu, il-portal tal-EURES għadu ma ġiex kollegat mal-EOJDs, u għalhekk mhumiex qed jiġu esplorati sinerġiji bbażati fuq kombinazzjoni aħjar ta’ dawn iż-żewġ strumenti tal-EURES.
Stħarriġ, intervisti u l-istudju tal-każ tal-EURES juru li numru ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati jinsabu mħassba dwar l-effettività operazzjonali tan-network
. Meħtieġa analiżi fil-fond biex wieħed jifhem kif il-persunal tal-EURES qed iwettaq tqabbil tal-impjiegi jekk mhux permezz tal-portal. L-identifikazzjoni tal-metodi alternattivi li jiddependu minnhom se tgħin biex jiġi vvalutat jekk dawn il-prattiki humiex aktar effettivi u jekk ir-riżorsi għandhomx jiġu riallokati biex jiġu appoġġati aħjar l-objettivi ewlenin tal-EURES. L-ECO għandu jintroduċi mill-ġdid sistema għall-monitoraġġ tal-attivitajiet fuq il-portal u r-riżultati tagħhom.
Ħarsa Ġenerali lejn l-Attivitajiet Ewlenin
1.1Servizzi ta’ appoġġ għall-ħaddiema u għall-impjegaturi
Attivitajiet ta’ tqabbil u ta’ kollokament
Bejn Lulju 2022 u Ġunju 2024, il-persunal tal-EURES ipproċessa 474 711-il applikazzjoni għall-impjiegi, li jirriflettu żieda mill-445 206 fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti. Matul l-istess perjodu ta’ żmien, ġew ipproċessati 663 878 post tax-xogħol vakanti, tnaqqis mis-718 168 fil-perjodu preċedenti. Il-EURES organizza total ta’ 20 116-il avveniment, li minnhom 70 % kienu enfasizzati fuq l-għoti ta’ informazzjoni lill-persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi, 8 % kienu enfasizzati fuq ir-reklutaġġ, u 22 % kienu attivitajiet kombinati ta’ reklutaġġ u ta’ informazzjoni. In-numru totali ta’ kollokamenti miksuba matul il-perjodu ta’ rapportar kien 93 785, li jirrappreżenta żieda minn 85 780 fil-perjodu preċedenti. Mil-lat ta’ ġestjoni tal-kontijiet, inħolqu 3 643 kont ġdid matul il-perjodu ta’ rapportar. Barra minn hekk, tneħħew 5 320 kont minħabba l-inattività bħala parti mit-tindif tal-kontijiet imwettaq f’Jannar 2024.
Informazzjoni u gwida
Il-persunal tal-EURES ipprovda firxa ta’ servizzi matul il-perjodu ta’ rapportar, inkluża konsulenza online u personali, appoġġ fl-abbozzar ta’ postijiet tax-xogħol vakanti, u l-organizzazzjoni ta’ workshops. Matul dan il-perjodu, ġew irrapportati total ta’ 3 666 663 kuntatt individwali mal-ħaddiema u 383 325 kuntatt mal-impjegaturi. Il-biċċa l-kbira tal-interazzjonijiet mal-ħaddiema ffokaw fuq il-kollokamenti, li jammontaw għal 43 % tal-kuntatti, filwaqt li 47 % tal-interazzjonijiet tal-impjegaturi enfasizzaw fuq l-għoti ta’ informazzjoni ġenerali dwar il-EURES. Xejra notevoli matul il-perjodu ta’ rapportar kienet il-bidla fl-oriġini tal-kuntatti. L-interazzjonijiet mal-ħaddiema fi ħdan il-pajjiż żdiedu għal 53 % tal-kuntatti totali, minn 44 % fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti. Bl-istess mod, il-kuntatti tal-impjegaturi fl-istess pajjiż żdiedu għal 79 %, u dan jirrifletti enfasi fuq ir-reklutaġġ domestiku.
Servizzi ta’ appoġġ speċifiċi
L-assistenza ta’ wara r-reklutaġġ baqgħet prijorità għall-pajjiżi tal-EURES, b’enfasi fuq il-gwida relatata mat-taxxa, mas-sigurtà soċjali, mal-akkomodazzjoni, u mal-edukazzjoni għall-familji. Xi pajjiżi espandew l-isforzi tagħhom billi pprovdew korsijiet tal-lingwa mingħajr ħlas u għodod ta’ apprendiment elettroniku biex jippromwovu ż-żamma fit-tul u l-integrazzjoni tal-ħaddiema mobbli. L-attivitajiet biex jiġu appoġġati ż-żgħażagħ, b’mod partikolari fl-apprendistati u fit-traineeships, raw progress matul il-perjodu ta’ rapportar. Il-portal tal-EURES offra 468 108 apprendistati u 27 364 internship, li jirrappreżentaw żieda mill-212 726 u mis-17 001 rispettivament fil-perjodu preċedenti. Inizjattiva notevoli waħda kienet il-kampanja tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.
1.2Riżorsi u governanza
Riżorsi umani
Il-persunal tal-EURES jinkludi kemm konsulenti li jaħdmu fil-PES nazzjonali u reġjonali kif ukoll f’organizzazzjonijiet Membri jew Sħab oħra tal-EURES. Bejn l-2022 u l-2024, in-numru totali ta’ persunal tal-EURES naqas bi ftit minn 2 371 għal 2 345, bin-numru tal-persunal full-time li wkoll naqas minn 1 179 għal 1 153. Dawn iċ-ċifri jinkludu kemm konsulenti li jaħdmu fuq il-EURES fil-PES nazzjonali jew reġjonali kif ukoll dawk li jaħdmu f’organizzazzjonijiet Membri jew Sħab oħra tal-EURES.
Riżorsi finanzjarji
Il-kompożizzjoni tal-baġits tal-NCOs tvarja bejn il-pajjiżi tal-EURES. 7 pajjiżi rrapportaw li rċevew finanzjament Ewropew (iċ-Ċekja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, l-Iżlanda, is-Slovenja u s-Slovakkja), 16 irċevew biss finanzjament nazzjonali (il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, Spanja, Franza, il-Kroazja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Iżvizzera), u l-bqija tal-pajjiżi rrapportaw mudelli ta’ finanzjament imħallta (il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Polonja u l-Iżvezja).
L-infrastruttura tal-IT
Il-pajjiżi tal-EURES komplew itejbu s-servizzi diġitali tagħhom u jtejbu l-interoperabbiltà tal-pjattaformi tagħhom biex jiffaċilitaw it-trasferiment tal-postijiet tax-xogħol vakanti u tas-CVs għall-portal tal-EURES. L-introduzzjoni ta’ awtentikazzjoni obbligatorja b’żewġ fatturi fl-2022 inizjalment wasslet għal tnaqqis fil-kontijiet irreġistrati, iżda wara li ġiet introdotta mill-ġdid l-awtentikazzjoni volontarja b’fattur wieħed f’Ottubru 2023, żdiedu l-influssi medji fix-xahar. Sal-aħħar ta’ Ġunju 2024, il-portal tal-EURES kellu 114 408 kontijiet irreġistrati, inklużi 109 521 persuna li qed tfittex impjieg u 3 246 maniġer ta’ kumpaniji.
Governanza u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
Il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fi ħdan il-EURES tinvolvi l-NCOs, is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, is-sħab soċjali, u organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi oħra. L-interazzjonijiet ewlenin isiru fil-laqgħat tal-ECG, f’sessjonijiet bilaterali mal-NCOs, u fi gruppi ta’ ħidma formali dwar il-komunikazzjoni, it-taħriġ u l-interoperabbiltà. L-ECO appoġġa wkoll b’mod finanzjarju u amministrattiv il-laqgħat ta’ skambju tal-maniġers u tal-koordinaturi tal-linji, u organizza workshops dwar suġġetti bħaċ-ċiklu ta’ programmazzjoni u s-sistema ta’ kejl tal-prestazzjoni. Barra minn hekk, l-ECO appoġġa l-iskambji bejn il-Membri tal-ECG billi stabbilixxa u ħarriġhom dwar l-użu taċ-Ċentru ta’ Riżorsi ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għall-Amministraturi, in-Negozji u ċ-Ċittadini (CIRCABC, Communication and Information Resource Centre for Administrations, Businesses and Citizens) bħala pjattaforma kollaborattiva bbażata fuq l-IT. Stħarriġ li vvaluta l-kooperazzjoni tal-NCOs mas-sħab soċjali nazzjonali u laqgħat bilaterali online mas-sħab soċjali fil-livell tal-UE enfasizzaw ir-rieda tal-NCOs għal kollaborazzjoni mtejba, filwaqt li tħeġġet il-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali fil-laqgħat tal-ECG.
Komunikazzjoni fil-pajjiżi tal-EURES
Fil-perjodu ta’ referenza, saru 20 451 avveniment, li laħqu 648 019-il persuna. Dan jirrappreżenta żieda meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti (12 887 avveniment u 537 696 parteċipant). Waħda mill-aktar avvenimenti notevoli kienet il-Kampanja EURES għaż-Żgħażagħ fl-2022 u fl-2023. B’baġit ta’ EUR 146 000, il-kampanja kisbet 20,5 miljun impressjoni fuq il-media soċjali. Bħala parti mill-kampanja tat-30 anniversarju tal-EURES, l-ECO kkollabora wkoll mal-kampanja tal-Kummissjoni għas-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Il-kampanja kienet tinkludi azzjonijiet u materjali tal-kampanja fil-livell Ewropew u nazzjonali. Ir-riżultati tal-ewwel semestru tal-2024 irreġistraw 566 avveniment b’47 190 parteċipant, bil-31 pajjiżi kollha li ħadu sehem fl-attivitajiet tal-kampanja. Sa Settembru 2024, il-media soċjali tal-kampanja kienet laħqet 41 miljun persuna, għamlet 120 miljun impressjoni, u kisbet 23 miljun viżwalizzazzjoni tal-vidjos, u kien hemm żieda ta’ 20 % fit-traffiku għall-portal tal-EURES. Il-baġit totali tal-kampanja fl-ewwel nofs tal-2024 kien EUR 1,2 miljun.
1.3Appoġġ trażversali mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni (ECO)
Koordinazzjoni, governanza u riżorsi finanzjarji
L-ECO jkompli jissorvelja u jiffaċilita ċ-ċiklu ta’ programmazzjoni u jikkoordina l-attivitajiet tal-NCOs madwar in-network. Bħala l-forum primarju ta’ governanza tan-network, l-ECG iltaqa’ seba’ darbiet biex imexxi attivitajiet u jindirizza l-prijoritajiet strateġiċi. Barra minn hekk, saru laqgħat ad hoc biex jiġu diskussi suġġetti kritiċi, inklużi l-istrateġija ppjanata tal-EURES għall-2025-2030, l-inizjattivi taż-żgħażagħ, in-nuqqas ta’ ħaddiema, u l-iżviluppi relatati mal-portal tal-EURES. Dawn il-laqgħat kellhom rwol importanti fit-trawwim tal-allinjament strateġiku u fl-iżgurar ta’ kollaborazzjoni effettiva fin-network kollu. L-operazzjonijiet tal-EURES ġew allokati EUR 19,49 miljun mill-baġit tal-ELA matul il-perjodu ta’ rapportar.
Tħaddim u żvilupp tal-portal tal-EURES
L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, bħala ECO, għandha r-rwol ta’ sid is-sistema għall-portal tal-EURES, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea tkompli timmaniġġja l-iżvilupp u l-manutenzjoni tekniċi tiegħu. Saret ħidma biex il-portal jiġi allinjat mal-qafas ġenerali tat-tfassil u tal-funzjonalità tal-Kummissjoni Ewropea, b’aġġornamenti ulterjuri antiċipati. L-isforzi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-portal inkludew iż-żieda tal-kwalità tad-data tal-postijiet tax-xogħol vakanti u tas-CVs biex jittejbu l-funzjonijiet ta’ tqabbil awtomatizzat, li jibbażaw fuq l-adozzjoni tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO). Sar xi progress f’dan il-qasam f’diversi pajjiżi parteċipanti tal-EURES, bl-appoġġ kontinwu pprovdut mill-ECO, mill-Kummissjoni u minn xi ftit NCOs biex tittejjeb il-kwalità tal-immappjar madwar in-network. Il-pjattaforma tal-Jiem Ewropej tal-Impjiegi (Online) (EOJDs) appoġġat 70 avveniment matul il-perjodu ta’ rapportar, filwaqt li involviet lill-persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi. Dawn l-avvenimenti ġew organizzati b’baġit ta’ EUR 1,39 miljun u pprovdew opportunitajiet siewja għat-tqabbil u għar-reklutaġġ ta’ 105 198 parteċipant mill-EOJDs fin-network kollu.
Taħriġ u żvilupp professjonali
L-Akkademja għat-Taħriġ tal-EURES tat total ta’ 154 sessjoni ta’ taħriġ matul il-perjodu ta’ rapportar, li għalihom attendew 3 369 parteċipant fost il-konsulenti tal-EURES u persunal ieħor tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES. Dawn is-sessjonijiet koprew varjetà ta’ suġġetti, inklużi l-immappjar tal-ESCO, l-użu tal-għodod ta’ komunikazzjoni, u n-navigazzjoni tal-portal tal-EURES. Fl-2023, ġew introdotti miżuri ta’ kontroll tal-kwalità biex tittejjeb l-esperjenza tat-taħriġ. L-ECO rrieżamina 10 % tas-sessjonijiet ta’ taħriġ kull 6 xhur biex jiżgura li jinżammu l-ogħla standards. Ġew introdotti wkoll formati innovattivi ta’ taħriġ, b’avvenimenti bħall-EURES in Action, li ċċelebra t-30 anniversarju tal-EURES. Dawn l-avvenimenti kienu jinkludu parteċipazzjoni ibrida u attivitajiet interattivi ta’ żvilupp professjonali, li komplew irawmu l-kollaborazzjoni u l-involviment fi ħdan in-network.
Helpdesk
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-helpdesk tal-EURES ipproċessa total ta’ 22 359 domanda mingħand l-utenti, li juri tnaqqis żgħir meta mqabbel mal-perjodu preċedenti. Fl-2023, ġie introdott kuntratt qafas ġdid, li saħħaħ il-kapaċità tal-helpdesk biex jassisti lill-persuni li qed ifittxu impjieg, lill-impjegaturi u lill-persunal tal-EURES b’mod aktar effettiv.
Networking, skambju ta’ prattiki tajbin u apprendiment reċiproku
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-EURES organizza diversi avvenimenti li enfasizzaw l-impenn tiegħu għall-kollaborazzjoni u għall-kondiviżjoni tal-għarfien. Avvenimenti notevoli kienu jinkludu workshops ta’ apprendiment reċiproku, roundtables dwar iċ-ċiklu ta’ programmazzjoni, u t-tnedija ta’ rapporti dwar in-nuqqas u l-eċċessi ta’ ħaddiema. Dawn l-isforzi ġew ikkomplementati minn sħubijiet mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (EUROFOUND, European Foundation for the Improvement of Living and Working Conditions) u maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop, European Centre for the Development of Vocational Training), li ffokaw fuq it-titjib tal-għarfien dwar il-mobilità u t-titjib tal-funzjonalitajiet tad-dashboard tal-EURES. Il-EURES kompla juri l-impenn tiegħu għat-trawwim tal-kooperazzjoni transfruntiera permezz ta’ proġetti ta’ ġemellaġġ, workshops strateġiċi ta’ previżjoni u avvenimenti nazzjonali, li kellhom rwol sinifikanti fit-tisħiħ tal-kollaborazzjoni u fl-iffaċilitar tal-iskambju tal-għarfien madwar in-network.
Attivitajiet ta’ komunikazzjoni
Il-EURES espanda b’mod sinifikanti l-firxa tiegħu matul il-perjodu ta’ rapportar permezz ta’ kampanji mmirati tal-media soċjali, immexxija mill-ECO. Dawn l-isforzi żiedu l-viżibbiltà fost il-pjattaformi, bin-numru ta’ segwaċi fuq Facebook jikber għal aktar minn miljun, fuq LinkedIn 437 027, fuq Twitter/X 71 053 u fuq media soċjali oħra (Instagram u YouTube) 81 591. Il-kampanji kollaborattivi komplew jenfasizzaw l-impenn tal-EURES għall-promozzjoni tas-servizzi tiegħu. In-network EURES appoġġa inizjattivi bħas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, l-isfruttament tas-sħubijiet, l-influwenzaturi u l-materjali speċifiċi għall-pajjiżi biex jittejbu l-effettività u l-ħidmiet biex jintlaħqu n-nies, ta’ dawn il-kampanji. Il-kampanja tat-30 anniversarju kellha impatt partikolari, kif irrapportat hawn fuq.
Analiżi tal-mobilità u tax-xejriet tas-suq tax-xogħol
Ir-rapporti tal-EURES tal-2022 u tal-2023 dwar in-nuqqas u l-eċċessi ta’ ħaddiema ġew ippubblikati matul il-perjodu ta’ rapportar. Dawn ir-rapporti pprovdew analiżijiet tal-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol u esploraw il-possibbiltajiet għall-potenzjal ta’ tqabbil transnazzjonali u x-xejriet tal-mobilità. Il-kollaborazzjoni mas-Cedefop u mal-EUROFOUND kompliet tavvanza l-iżvilupp ta’ dashboards interattivi, u b’hekk tejbet l-aċċessibbiltà u l-użu tad-data fis-suq tax-xogħol.
1.4Attivitajiet immexxija mill-Kummissjoni Ewropea
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni segwiet l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-Regolament EURES billi bagħtet ittri lil kull wieħed mis-27 Stat Membru. Dawn l-ittri staqsew dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni korretta ta’ aspetti speċifiċi tar-Regolament, bl-għan li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mar-Regolament EURES, jiġifieri l-proċessi ta’ ammissjoni, it-trażmissjoni tal-postijiet tax-xogħol vakanti u tas-CVs, u l-implimentazzjoni tal-immappjar tal-ESCO fit-trasferimenti tad-data. Din l-inizjattiva fittxet li tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas tal-EURES madwar l-UE. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li timmonitorja dawn l-oqsma u se twettaq azzjonijiet ta’ segwitu meta jkunu neċessarji biex tindirizza kwalunkwe nuqqas jew problema ta’ konformità, biex ittejjeb l-integrità u l-effettività tan-network.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrapportat kull 6 xhur fil-laqgħat tal-ECG dwar l-implimentazzjoni u l-konformità mar-Regolament EURES.
Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ bilaterali lill-pajjiżi tal-EURES fl-immappjar tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali tagħhom skont l-ESCO. Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Litwanja u l-Awstrija lestew l-immappjar tal-klassifikazzjoni nazzjonali tal-okkupazzjonijiet tagħhom skont l-ESCO, filwaqt li l-ħidma għadha għaddejja fil-Liechtenstein. Barra minn hekk, iċ-Ċekja, l-Estonja u l-Awstrija mmappjaw jew bdew jimmappjaw il-klassifikazzjoni tal-ħiliet tagħhom skont l-ESCO.
Biex tappoġġa lill-pajjiżi tal-EURES fit-twettiq tal-obbligi tagħhom relatati mal-implimentazzjoni tal-ESCO fil-EURES, il-Kummissjoni u l-ELA organizzaw sessjoni ta’ taħriġ ta’ jumejn għall-persunal tekniku tal-EURES u tal-PES fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2023. Barra minn hekk, il-lista tal-ESCO ta’ ħiliet ekoloġiċi ġiet ippreżentata f’sessjoni ta’ taħriġ tal-EURES organizzata mill-ELA fid-19 ta’ Ġunju 2024.
Inizjattiva ewlenija fil-ħarifa tal-2024 kienet il-proġett ta’ sinerġiji tal-EURES-Europass, li qed joħloq approċċ aktar integrat f’dawn iż-żewġ portali Ewropej. Il-proġett jipproponi li jiżdiedu s-servizzi offruti lill-persuni li qed ifittxu impjieg billi jippermetti navigazzjoni mingħajr xkiel bejn il-portali u jneħħi kwalunkwe duplikazzjoni tas-servizzi. Il-Europass se jsir il-punt ċentrali ta’ dħul għall-persuni li qed ifittxu impjieg, u jippermettilhom joħolqu profil, jivvalutaw il-ħiliet tagħhom, jiksbu rakkomandazzjonijiet għall-impjiegi u għat-taħriġ u jaqsmu l-profil tagħhom fuq il-EURES.
Is-CBPs tal-EURES jibbenefikaw mill-appoġġ taħt il-fergħa tal-Impjiegi u Innovazzjoni Soċjali (EaSI, Employment and Social Innovation) tal-FSE+. Kif identifikat fl-Artikolu 3 tar-Regolament EURES, is-sħubijiet transfruntieri tal-EURES huma raggruppamenti ta’ Membri jew ta’ Sħab tal-EURES u, meta rilevanti, ta’ partijiet ikkonċernati oħra barra min-network EURES, li stabbilew strutturi reġjonali għall-kooperazzjoni fit-tul f’reġjuni transfruntiera biex joffru servizzi fl-oqsma tal-kollokament, tar-reklutaġġ, u tal-informazzjoni għall-ħaddiema transfruntiera. Is-CBPs tal-EURES irrapportaw total ta’ 72 761 kuntatt individwali ma’ persuni li qed ifittxu impjieg, 7 724 kuntatt individwali ma’ impjegaturi, u aktar minn 3 145 reklutaġġ fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport. L-attivitajiet tas-CBPs enfasizzaw ukoll fuq l-għoti ta’ informazzjoni lill-persuni li qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi, u s-suġġetti l-aktar diskussi maż-żewġ gruppi kienu s-sigurtà soċjali, il-kollokamenti, u mistoqsijiet ġenerali dwar il-EURES.
|
Is-CBPs jappoġġaw b’mod attiv l-ibbilanċjar tan-nuqqas ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema fiż-żoni tal-fruntieri ġeografiċi tagħhom, spiss b’miżuri innovattivi ħafna, bħall-inizjattiva “Mill-grawnd għax-xogħol”, implimentata mill-
EURES-T Oberrhein/Rhin supérieur
fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Iżvizzera. Din tlaqqa’ flimkien lill-impjegaturi u lill-persuni li qed ifittxu impjieg biex jikkompetu f’avveniment sportiv fi grawnd jew f’faċilità sportiva oħra. Fil-bidu, il-parteċipanti ma jkunux jafu min huwa impjegatur u min hija persuna li qed tfittex impjieg. L-impjegaturi jidentifikaw ruħhom fl-aħħar tal-ġurnata u jintervistaw lill-persuni li qed ifittxu impjieg li jixtiequ jimpjegaw. Il-persuni li qed ifittxu impjieg ma għandhomx bżonn jipprovdu CV jew ittra ta’ motivazzjoni. L-ewwel avveniment seħħ f’Ġunju 2024 b’124 persuna li qed ifittxu impjieg u 18-il negozju li kienu qed ifittxu n-nies, li jvarjaw minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, Small and Medium-sized Enterprises) sa kumpaniji kbar. Ir-riżultati kienu sodisfaċenti ħafna billi n-negozji kollha minbarra wieħed impjegaw persuni li kienu qed ifittxu impjieg.
|
L-Iskema ta’ Mobilità Mmirata (TMS, Targeted Mobility Scheme) tal-EURES tibbenefika wkoll mill-appoġġ taħt il-fergħa EaSI tal-FSE+. L-objettiv ġenerali tat-TMS huwa li tgħin lill-persuni li qed ifittxu impjieg (b’mod partikolari ż-żgħażagħ, il-persuni diżokkupati u l-persuni minn gruppi vulnerabbli) biex isibu impjieg, traineeship jew apprendistat fi Stat Membru ieħor tal-UE, fl-Iżlanda jew fin-Norveġja, u biex tgħin lill-impjegaturi (speċjalment lill-SMEs) isibu persuni adattati għall-postijiet tax-xogħol vakanti tagħhom li diffiċli biex jimlew billi jirreklutaw ħaddiema minn pajjiż ieħor tal-UE, mill-Iżlanda jew min-Norveġja. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-azzjoni twettqet mill-Ġermanja, mill-Italja u mill-Iżvezja bħala mexxejja tal-konsorzju u ppermettiet 4 955 kollokament u appoġġat 402 SMEs.
Rakkomandazzjonijiet mir-rapport preċedenti
In-network EURES jopera fi ħdan qafas regolatorju definit sew li jiddeskrivi l-funzjonijiet maħsuba tiegħu, ir-rwoli li l-membri tiegħu mistennija jaqdu u s-servizzi li mistennija jipprovdu. L-aħħar rapport kien fih diversi rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament EURES u jiġi promoss il-funzjonament aħjar tan-network.
1.5 Progress dwar ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin
L-isforzi biex jiżdied in-numru ta’ CVs trasferiti għall-portal tal-EURES kienu ta’ suċċess, bil-pajjiżi kollha tal-EURES li issa huma konnessi bis-sħiħ mat-trasferiment awtomatizzat tas-CVs. Dan jiżgura fluss aktar faċli u konsistenti ta’ data ta’ persuni li qed ifittxu impjieg, li jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ tqabbil tal-impjiegi fin-network kollu.
Sar progress sinifikanti fit-titjib tal-għodod ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ għodda ta’ programmazzjoni online li taħdem tajjeb. Dan iffaċilita l-ġbir u r-rapportar tad-data, naqqas il-piżijiet amministrattivi fuq l-NCOs u tejjeb l-effiċjenza ġenerali.
Barra minn hekk, jidher li l-ECO alloka biżżejjed riżorsi umani lill-EURES u dan saħħaħ il-kapaċità tiegħu li jappoġġa n-network, jiffaċilita l-koordinazzjoni u jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ewlenin.
1.6 Oqsma li fihom għad fadal aktar azzjonijiet x’jittieħdu
Filwaqt li sar progress fl-oqsma koperti mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport preċedenti, għad fadal ċerti sfidi biex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tan-network EURES.
Il-proċess ta’ mmappjar tal-ESCO, għalkemm teknikament fis-seħħ fi kważi l-Istati Membri kollha, mhux qed jintuża bil-potenzjal sħiħ tiegħu. Il-postijiet tax-xogħol vakanti u s-CVs mhumiex qed jiġu mmappjati kif previst qabel ma jintbagħtu fil-portal tal-EURES, li jdgħajjef b’mod sinifikanti l-iskop tal-klassifikazzjoni tal-ESCO, u jillimita l-potenzjal tagħha li ttejjeb l-akkuratezza tat-tqabbil tal-impjiegi u l-interoperabbiltà transfruntiera. Huwa essenzjali li din il-problema tiġi indirizzata biex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-benefiċċji tal-integrazzjoni tal-ESCO.
B’mod simili, filwaqt li l-pajjiżi kollha stabbilew sistema ta’ ammissjoni għall-Membri u għas-Sħab il-ġodda, mhux l-NCOs kollha qed jaħdmu b’mod attiv biex jespandu n-network. Fil-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2022 u t-30 ta’ Ġunju 2024, in-network ra żieda netta ta’ 24 organizzazzjoni (18-il Sieħeb, 3 Membri, u 3 Membri tal-PES), li wasslet għal total ta’ 271 organizzazzjoni ammessa sat-30 ta’ Ġunju 2024, li tirrifletti tkabbir ta’ 10 % minn 247 organizzazzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2022. Meħtieġ approċċ aktar immirat biex jiġi żgurat li s-sistema ta’ ammissjoni ssarraf fi tkabbir ulterjuri tan-network, u biex jitnaqqsu d-differenzi fl-enfasi, fl-operazzjonijiet u fl-iżvilupp bejn il-pajjiżi li jaħdmu mal-Membri u mas-Sħab u dawk li ma jaħdmux magħhom.
Fl-aħħar nett, meħtieġa aktar sforzi biex jittejbu s-sinerġiji bejn il-EURES u inizjattivi oħra ta’ mobilità tal-UE. Dan jinkludi l-proġett ta’ sinerġiji tal-EURES-Europass li ġie pospost ripetutament u jeħtieġ aktar attenzjoni biex jiġi żgurat li din l-inizjattiva ewlenija tiġi implimentata b’suċċess.
Rakkomandazzjonijiet
1.7 Rakkomandazzjonijiet għall-pajjiżi parteċipanti tal-EURES
Titjib tal-kwalità tad-data u użu tal-portal tal-EURES
Huwa importanti li l-Istati Membri jkomplu jaħdmu għat-titjib tal-kwalità tad-data biex itejbu l-effettività tal-portal tal-EURES. Feedback ċar mill-persunal tal-EURES lill-ECO dwar liema servizzi huma meħtieġa għandu rwol essenzjali fl-iżgurar li dawn jibbenefikaw bis-sħiħ mis-servizzi disponibbli fuq il-portal.
Titjib tas-sensibilizzazzjoni u involviment fi ħdan in-network EURES
L-NCOs għandhom javvanzaw strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati biex jattiraw Membri u Sħab ġodda billi jenfasizzaw il-benefiċċji ewlenin bħall-aċċess għas-CVs u għall-JVs fuq il-portal tal-EURES, l-opportunitajiet ta’ taħriġ, in-networking, u l-logo tal-EURES bħala siġill ta’ kwalità rispettat. Barra minn hekk, il-Membri u s-sħab tal-EURES jistgħu jservu bħala ambaxxaturi billi jaqsmu testimonjanzi u stejjer ta’ suċċess biex jippromwovu n-network. Sabiex ikomplu jsaħħu l-involviment, il-konsulenti tal-EURES għandhom jużaw b’mod attiv il-portal biex jimmassimizzaw l-impatt tiegħu fuq l-appoġġ tal-persuni li qed ifittxu impjieg u tal-impjegaturi, u l-membri tan-network għandhom jikkunsidraw li jisfruttaw l-interoperabbiltà disponibbli permezz tal-interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (API, Application Programming Interface) tal-output għas-CVs u għall-JVs. In-network EURES għandu jesplora wkoll sinerġiji ma’ networks lokali rilevanti oħra.
Tisħiħ tal-programmi ta’ ħidma, allinjament mas-suq tax-xogħol u promozzjoni tal-avvenimenti
L-NCOs għandhom jimplimentaw rakkomandazzjonijiet mill-programm ta’ ħidma u mill-valutazzjonijiet tar-rapporti tal-attività. Il-programmazzjoni, inklużi l-E(O)JDs, għandha tkun iggwidata wkoll mill-għarfien dwar is-suq tax-xogħol u mill-ħtiġijiet nazzjonali, u tuża r-rapporti dwar in-nuqqasijiet u l-eċċessi biex jiġu żviluppati proġetti ta’ kooperazzjoni mmirati bejn il-pajjiżi għal gruppi ta’ utenti speċifiċi bħal setturi speċifiċi, okkupazzjonijiet, żgħażagħ jew SMEs, eċċ. Sabiex tiġi mmassimizzata l-ħidma biex jintlaħqu n-nies, l-avvenimenti nazzjonali għandhom jiġu promossi b’mod attiv fit-taqsima tal-avvenimenti tal-portal tal-EURES filwaqt li l-EURES għandu jkompli jwassal il-messaġġ anke permezz ta’ kampanji mmirati tal-media soċjali mmexxija mill-ECO.
1.8Rakkomandazzjonijiet għall-ECO
Konformità sħiħa mar-Regolament EURES
L-ECO għandu jkompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura konformità sħiħa mar-Regolament EURES u mad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu għall-kompiti u għar-responsabbiltajiet kollha tal-ECO kif definiti fil-qafas legali tal-EURES.
Riżorsi u sforzi suffiċjenti biex jappoġġaw il-proġett ta’ sinerġiji tal-EURES-Europass
L-ECO għandu jappoġġa ulterjorment il-kooperazzjoni fi ħdan in-network u jalloka biżżejjed riżorsi u żmien għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġett ta’ sinerġiji tal-EURES-Europass. Dan jinkludi l-allinjament tal-istrateġija tal-portal tal-EURES u ta’ oqfsa strateġiċi oħra mal-objettivi ta’ din l-inizjattiva importanti, li għandha l-għan li ttejjeb u tespandi s-servizzi għal persuni li qed ifittxu impjieg madwar l-Ewropa. It-tisħiħ ta’ din is-sinerġija huwa essenzjali għat-titjib tal-aċċessibbiltà, tal-effiċjenza u tal-effettività tal-għodod diġitali li jappoġġaw il-mobilità tal-forza tax-xogħol madwar l-Ewropa.
Faċilitar ta’ tqabbil effiċjenti, APIs u portal ta’ valur għan-network
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ECO biex ikompli l-ħidma teknika meħtieġa ħalli jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-magna ta’ tqabbil tal-EURES u l-użu effettiv tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) għal dan l-għan. L-ECO mistieden jieħu passi aktar proattivi biex itejjeb is-servizzi għall-Membri u għas-Sħab tal-EURES, b’enfasi partikolari fuq it-titjib tal-użu tal-għodod diġitali. Għandha tiġi żviluppata API faċli għall-utenti u kompletament konformi biex il-persunal tal-EURES fl-ambjenti tal-IT rispettivi tagħhom ikun jista’ juża aħjar il-JVs u s-CVs fuq il-portal, kif ukoll biex l-API tiġi offruta lil Membri u lil Sħab ġodda. It-tisħiħ tal-involviment diġitali huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-effettività tan-network.
It-trawwim ta’ kollaborazzjoni aktar b’saħħitha mal-partijiet ikkonċernati ewlenin bħall-ECG u l-adozzjoni ta’ approċċ aktar b’saħħtu ffukat fuq l-utent – mhux biss fit-tfassil tas-servizzi tal-portal iżda wkoll fl-iżvilupp ta’ servizzi ta’ appoġġ trażversali għan-network – jikkontribwixxi għat-titjib tal-effettività u tal-effiċjenza ġenerali tal-EURES.
Barra minn hekk, l-ECO mħeġġeġ jidentifika sett ta’ objettivi ewlenin għas-servizzi fuq il-portal, u b’mod aktar ġenerali għall-attivitajiet tan-network. Dawn għandhom jintużaw biex jiġu stabbiliti l-miri u jitkejlu l-impatt u l-progress fir-rigward ta’ dawn il-miri. Dan se jagħmilha aktar faċli li jitkejlu l-impatt u l-progress fir-rigward ta’ dawn il-miri, u jekk huwiex possibbli li attività tikkwalifika bħala “ta’ suċċess”, u li jiġi diskuss mal-membri tan-network għaliex ma jkunux intlaħqu xi miri.
1.9Passi ewlenin għall-Kummissjoni
Kjarifika tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet
Minħabba każijiet li fihom ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-EURES jidhru li ma kinux ċari, il-Kummissjoni mħeġġa żżomm komunikazzjoni miftuħa mal-ECO u mal-membri tal-EURES biex tipprovdi l-kjarifiki neċessarji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-iżgurar tal-konformità mal-qafas legali tal-EURES, kif identifikat fit-taqsima 4.4, u b’hekk tiffaċilita l-applikazzjoni u l-fehim konsistenti ta’ dan il-qafas mill-partijiet kollha involuti.
Żgurar tal-konformità u tal-konsistenza
Il-Kummissjoni mmonitorjat u appoġġat b’mod attiv l-implimentazzjoni tar-Regolament EURES fl-Istati Membri. Sabiex tissaħħaħ il-konformità u tiġi żgurata l-konsistenza, għandha tkompli twettaq azzjonijiet ta’ segwitu proattivi, inkluż rapportar strutturat, appoġġ bilaterali mmirat, u inizjattivi ta’ taħriġ. It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ESCO u l-indirizzar ta’ lakuni fil-konformità se jkomplu jtejbu l-effettività u l-integrità tan-network EURES.
Tisħiħ tas-sinerġiji u massimizzazzjoni tal-impatt
Peress li l-Kummissjoni tissorvelja l-iskemi finanzjarji tat-TMS u tas-CBPs, enfasi akbar fuq kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-proġetti u attivitajiet oħra tal-EURES, inkluż il-portal, tiżgura sinerġija, effiċjenza u valur akbar għan-network.
Il-proġett ta’ sinerġiji tal-EURES-Europass għandu jkompli jkun prijorità biex tiġi żgurata integrazzjoni mingħajr xkiel bejn il-pjattaformi, u biex jittejbu l-aċċessibbiltà, it-trasparenza u l-użu tal-għodod tal-mobilità tal-forza tax-xogħol.
Konklużjonijiet
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-EURES kompla jaqdi rwol kritiku fl-appoġġ ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta u effiċjenti fl-Ewropa. In-network iffaċilita l-kollokamenti f’impjiegi, saħħaħ is-servizzi ta’ konsulenza għall-individwi, u għen lin-nies isibu impjiegi b’mod transfruntier permezz tad-diversi attivitajiet tiegħu, inklużi kampanji ta’ komunikazzjoni madwar l-UE kollha, u sforzi kbar ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta’ involviment li saħħew ir-rwol tiegħu.
Madankollu, għad hemm sfidi biex jintlaħaq aktar il-potenzjal tal-portal tal-EURES, jiġu ottimizzati l-għodod diġitali tiegħu, u jittejbu s-sinerġiji bejn l-għodod differenti tal-EURES u n-networks lokali rilevanti. Is-sottoutilizzazzjoni tar-riżorsi diġitali ewlenin, b’mod partikolari fit-tqabbil tal-impjiegi, jindika l-ħtieġa ta’ approċċ aktar strateġiku biex jiġi żgurat li l-investimenti jrendu valur massimu għall-persuni li qed ifittxu impjieg, għall-impjegaturi, u għall-Membri u għas-Sħab tal-EURES. Barra minn hekk, il-pass bil-mod tal-integrazzjoni ta’ Membri u ta’ Sħab ġodda fin-network jindika l-ħtieġa ta’ aktar sforzi mmirati biex jespandu u jiddiversifikaw l-ilħuq tal-EURES. Għandha tiġi żviluppata strateġija ddedikata ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta’ komunikazzjoni b’objettivi definiti b’mod ċar.
Meta wieħed iħares ’il quddiem, l-isforzi kontinwi biex tittejjeb il-kollaborazzjoni, tiġi żgurata konformità sħiħa, u tiġi sfruttata l-innovazzjoni diġitali se jkunu kruċjali biex jiġi żgurat li n-network EURES jadatta għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-suq tax-xogħol Ewropew. Bidliet strutturali bħad-diġitalizzazzjoni, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-bidliet demografiċi qed jagħtu sura ġdida lid-domanda għall-ħaddiema u lill-ħiliet imfittxija f’setturi differenti. In-nuqqas ta’ ħaddiema f’ħafna industriji, flimkien ma’ spariġġi fil-ħiliet u ma’ diskrepanzi fil-kompetenzi, jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ qafas ta’ mobilità saħansitra aktar responsiv u adattabbli. It-tisħiħ ulterjuri tal-allinjament bejn il-portal tal-EURES, il-Europass u l-ESCO, kif ukoll it-trawwim ta’ sinerġiji bejn il-portal u l-għodod tal-EURES bħall-EOJDs, it-TMS u s-CBPs, se jsaħħu l-kapaċità tan-network li jappoġġa lill-ħaddiema u lill-impjegaturi fin-navigazzjoni ta’ dawn it-tranżizzjonijiet.
Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni u l-pajjiżi parteċipanti tal-EURES jeħtiġilhom jaħdmu fi sħubija mill-qrib biex jindirizzaw l-isfidi operazzjonali, itejbu l-użu strateġiku tar-riżorsi, u jiżguraw li l-EURES jibqa’ pilastru ewlieni fl-appoġġ tal-mobilità tal-forza tax-xogħol madwar l-Ewropa.