20.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/51


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/836

tal-11 ta’ April 2023

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fi Spanja

(notifikata bid-dokument C(2023) 2534)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2333 (2) ġiet adottata fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429 u tistabbilixxi l-miżuri ta’ emerġenza għal Spanja relatati mat-tifqigħat tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż misjuba fir-reġjuni ta’ Andalusia u Castilla-La Mancha, li jiffurmaw żewġ gruppi distinti, wieħed f’kull reġjun.

(2)

B’mod aktar partikolari, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333 tipprevedi li ż-żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri, li jridu jiġu stabbiliti minn Spanja wara t-tifqigħat tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (3), iridu jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(3)

Minbarra ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, ġiet stabbilita żona ristretta ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 21(1), il-punt (c), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, fir-reġjun ta’ Andalusia u fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha, fejn Spanja jeħtieġ tapplika ċerti miżuri rigward ir-restrizzjonijiet fil-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż barra minn din iż-żona, ħalli tevita t-tixrid tal-marda fil-bqija tat-territorju tagħha u fil-bqija tal-Unjoni.

(4)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333, Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar żewġ tifqigħat addizzjonali tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fi stabbilimenti li jżommu annimali ovini u/jew kaprini, fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha, u mbagħad dwar tliet tifqigħat addizzjonali oħra tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fi stabbilimenti li jżommu annimali ovini u/jew kaprini, ilkoll fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha. Minħabba f’hekk, komplew jiġu emendati ż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, u żoni ristretti ulterjuri fi Spanja, fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333, u l-aħħar emenda ta’ dak l-Anness saret bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/414 (4).

(5)

Mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/414 sal-lum, Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar żewġ tifqigħat oħra tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fi stabbilimenti li jżommu annimali ovini u/jew kaprini, fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha fil-Provinċja ta’ Ciudad Real, fiż-żona ristretta ulterjuri diġà stabbilita f’dan ir-reġjun. L-awtorità kompetenti ta’ Spanja ħadet il-miżuri meħtieġa għall-kontroll tal-mard f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, fosthom bl-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza madwar it-tifqigħat ġodda. Spanja żammet ukoll iż-żoni ristretti stabbiliti qabel, madwar it-tliet tifqigħat preċedenti, irreġistrati sa mill-bidu tal-2023 f’Castilla-La Mancha.

(6)

Għalhekk, iż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri fi Spanja fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333, jenħtieġ li jiġu emendati, fl-ispazju u/jew fil-ħin, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fir-reġjun ta’ Castilla-La Mancha.

(7)

Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali, jeħtieġ jiġu stabbiliti miżuri aktar stretti rigward il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż miżmuma fiż-żoni ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza, biex ikun evitat it-tixrid tal-marda fil-bqija tat-territorju ta’ Spanja u fil-bqija tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż miżmuma fiż-żoni ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza jenħtieġ li jkunu permessi biss lejn biċċerija għat-tbiċċir immedjat fl-istess żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza tal-istabbiliment tal-oriġini jew lejn biċċerija fiż-żona ristretta ulterjuri, qrib kemm jista’ jkun tal-istabbiliment tal-oriġini, meta ma jkunx possibbli li l-annimali jinqatlu fl-istess żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza tal-istabbiliment tal-oriġini.

(8)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni rigward it-tixrid tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż, hu importanti li l-emendi li jridu jsiru fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333 b’din id-Deċiżjoni jsiru effettivi kemm jista’ jkun malajr.

(9)

Barra minn hekk, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni rigward il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, il-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333 jenħtieġ li jiġi estiż sal-20 ta’ Settembru 2023.

(10)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u ristretti ulterjuri

1.   Il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż fiż-żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza għandhom ikunu permessi biss jekk jiġu awtorizzati mill-awtorità kompetenti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 5.

2.   Il-movimenti li ġejjin tan-nagħaġ u tal-mogħoż miżmuma fiż-żoni ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza jistgħu jiġu awtorizzati mill-awtorità kompetenti:

(a)

il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż direttament lejn biċċerija fl-istess żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza tal-istabbiliment tal-oriġini, għat-tbiċċir immedjat;

jew

(b)

meta l-annimali ma jkunux jistgħu jinqatlu fl-istess żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza tal-istabbiliment tal-oriġini, il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż direttament lejn biċċerija fiż-żona ristretta ulterjuri, għat-tbiċċir immedjat, li tinsab kemm jista’ jkun qrib l-istabbiliment tal-oriġini.

3.   Il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż miż-żona ristretta ulterjuri lejn destinazzjoni barra minn dik iż-żona ristretta ulterjuri għandhom ikunu permessi biss jekk jiġu awtorizzati mill-awtorità kompetenti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.

4.   Il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż miżmuma fiż-żona ristretta ulterjuri barra minn dik iż-żona fit-territorju ta’ Spanja jistgħu jiġu awtorizzati mill-awtorità kompetenti meta dawk il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż ikunu direttament lejn biċċerija għat-tbiċċir immedjat:

5.   Il-mezzi tat-trasport użati għall-moviment tan-nagħaġ u tal-mogħoż miż-żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza jew ristretti ulterjuri għandhom:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-mezzi tat-trasport stabbiliti fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687;

(b)

jitnaddfu u jiġu diżinfettati f’konformità mar-rekwiżiti għall-mezzi tat-trasport stabbiliti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 bil-kontroll jew bis-superviżjoni tal-awtorità kompetenti;

(c)

ikunu jinkludi biss nagħaġ u mogħoż fl-istess qagħda ta’ saħħa.”

2.

L-Artikolu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ Settembru 2023.”

3.

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2023.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2333 tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fi Spanja u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1913 (ĠU L 308, 29.11.2022, p. 22).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/414 tas-17 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2333 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fi Spanja (ĠU L 59, 24.2.2023, p. 15).


ANNESS

“ANNESS

A.   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħat ikkonfermati

Reġjun u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żoni ristretti fi Spanja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Reġjun ta’ Castilla-La Mancha

ES-CAPRIPOX-2023-00001

ES-CAPRIPOX-2023-00002

ES-CAPRIPOX-2023-00003

ES-CAPRIPOX-2023-00004

ES-CAPRIPOX-2023-00005

Żona ta’ protezzjoni:

Dawk il-partijiet tal-provinċja ta’ Ciudad Real li jinsabu fiċ-ċirku b’raġġ ta’ 7 kilometri biċ-ċentru fuq UTM 30, il-koordinati ETRS89 Lat 39.3779337, Lonġ – 3.2065384 (2023/3); Lat. 39.3799218, Lonġ. – 3.2133482 (2023/4); Lat. 39.28998, Lonġ. – 3.24795 (2023/5)

10.5.2023

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tal-provinċji ta’ Cuenca u Albacete, li jinsabu fiċ-ċirku b’raġġ ta’ 20 kilometru biċ-ċentru fuq UTM 30, il-koordinati ETRS89 Lat. 39.5105823, Lonġ. – 2.4881244 (2023/01); Lat. 39.4754483, Lonġ. – 2.1693509 (2023/2);

17.4.2023

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tal-provinċji ta’ Ciudad Real u Toledo, ’il barra miż-żona deskritta fiż-żona ta’ protezzjoni u li jinsabu fiċ-ċirku b’raġġ ta’ 25 kilometru biċ-ċentru fuq UTM 30, il-koordinati ETRS89 Lat. 39.3779337, Lonġ. – 3.2065384 (2023/3); Lat. 39.3799218, Lonġ. – 3.2133482 (2023/4); Lat. 39.28998, Lonġ. – 3.24795 (2023/5)

26.5.2023

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tal-provinċja ta’ Ciudad Real li jinsabu fiċ-ċirku b’raġġ ta’ 7 kilometri biċ-ċentru fuq UTM 30, il-koordinati ETRS89 Lat 39.3779337, Lonġ -3.2065384 (2023/3); Lat. 39.3799218, Lonġ. – 3.2133482 (2023/4); Lat. 39.28998, Lonġ. – 3.24795 (2023/5)

11.5.2023–26.5.2023

B.   Żoni ristretti ulterjuri

Reġjun

Żoni stabbiliti bħala żoni ristretti ulterjuri, parti miż-żoni ristretti fi Spanja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Reġjun ta’ Castilla-La Mancha

Żona ristretta ulterjuri li tinkludi l-provinċji li ġejjin:

—

Albacete

—

Ciudad Real

—

Cuenca

—

Toledo

5.7.2023

”