SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 27 – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward ta’ applikant għal ażil – Artikolu 29 – Terminu għat-trasferiment – Sospensjoni ta’ dan it-terminu fl-appell – Miżura provviżorja mitluba mill-amministrazzjoni”

Fil-Kawża C‑556/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il‑Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

E.N.,

S.S.,

J.Y.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal E.N., minn M. J. A. Rinkes, advocaat,

–

għal S.S., minn M. H. R. de Boer, advocaat,

–

għal J.Y., minn D. P. J. Cain, advocaat,

–

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S. Gijzen u P. Huurnink, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn l-Istaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u E.N., S.S. u J.Y., ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dwar deċiżjonijiet tas-Segretarju tal-Istat li jiċħad mingħajr eżami l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u li jordna t-trasferiment tagħhom lejn Stati Membri oħrajn.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III huma fformulati kif ġej:

“(4)

Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999,] ddikjaraw ukoll li s-[Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA)] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.”

4

Il-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Proċedura ta’ Teħid ta’ Inkarigu u ta’ Teħid Lura” jinkludi, fit-Taqsima IV tiegħu, intitolata “Salvagwardji proċedurali”, l-Artikolu 27, min-naħa tiegħu intitolat “Rimedji”, li jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“1.   L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

[…]

3.   Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)

l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)

it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)

il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.”

5

Fit-Taqsima VI tal-Kapitolu VI tal-imsemmi regolament, intitolat “Trasferimenti”, l-Artikolu 29, min-naħa tiegħu intitolat “Modalitajiet u żmien limitu” jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]

2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domanda preliminari

6

Fit‑12 ta’ Lulju 2019, is‑7 ta’ Ottubru 2019 u t‑22 ta’ Novembru 2020, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, rispettivament, applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Is-Segretarju tal-Istat ippreżenta lill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħrajn talbiet għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura sabiex tittieħed responsabbiltà tal-imsemmija konvenuti. Fis‑27 ta’ Ottubru 2019, l‑20 ta’ Novembru 2019 u d‑19 ta’ Jannar 2021, dawn l-awtoritajiet aċċettaw, espliċitament jew impliċitament, dawn it-talbiet.

7

Fid‑9 ta’ Jannar 2020, it‑8 ta’ Frar 2020 u s‑16 ta’ Frar 2021, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda li jiċħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali mingħajr ma jeżaminahom u li jittrasferixxihom lejn l-Istati Membri li aċċettaw l-imsemmija talbiet.

8

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikorsi għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qrati tal-ewwel istanza.

9

Fil‑25 ta’ Frar 2020, is‑16 ta’ Settembru 2020 u l‑1 ta’ April 2021, dawk il-qrati annullaw l-imsemmija deċiżjonijiet. L-imsemmija qrati ordnaw ukoll lis-Segretarju tal-Istat li jieħu deċiżjonijiet ġodda fuq l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali.

10

Is-Segretarju tal-Istat appella mis-sentenzi mogħtija mill-istess qrati quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), li huwa l-qorti tar-rinviju. Flimkien mal-appelli tiegħu huwa għamel talbiet għal miżuri provviżorji intiżi, minn naħa, sabiex huwa ma jkollux jieħu deċiżjoni ġdida qabel ma tkun ingħatat deċiżjoni dwar l-appelli u, min-naħa l-oħra, li t-terminu għat-trasferiment jiġi sospiż. L-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-qorti tar-rinviju laqa’ dawn it-talbiet fit‑3 ta’ Marzu 2020, it‑18 ta’ Settembru 2020 u t‑8 ta’ April 2021.

11

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk l-Artikoli 27 u 29 tar-Regolament Dublin III jipprekludux li tintlaqa’ talba għal miżuri provviżorji ppreżentata mill-amministrazzjoni, b’mod aċċessorju għall-appell li hija tippreżenta kontra deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla deċiżjoni ta’ trasferiment, intiża li tissospendi t-terminu ta’ trasferiment. Jekk dan kellu jkun il-każ, ikun il-kompitu ta’ dik il-qorti li tikkonstata li dan it-terminu skada u li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sar għalhekk responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali.

12

Hija tqis li ċ-ċirkustanza li l-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament jinvoka biss miżuri provviżorji ordnati fuq it-talba tal-persuna kkonċernata u l-għan ta’ determinazzjoni rapida mill-Istat Membru responsabbli jista’ jiġġustifika tali soluzzjoni.

13

Madankollu, hija tirrileva li l-imsemmi regolament ma jidhirx li jipprekludi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ titlob mill-qorti tal-appell is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Fin-nuqqas, din il-persuna tidħol fir-riskju li tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor u jkollha tintbagħat lura lejn il-Pajjiżi l-Baxxi fil-każ li l-appell tagħha jintlaqa’.

14

Għalhekk huwa konċepibbli li s-Segretarju tal-Istat jibbenefika wkoll mill-possibbiltà li tintalab, matul il-proċedura ta’ appell, is-sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment. Soluzzjoni opposta tkun tista’ ċċaħħad lis-Segretarju tal-Istat minn kull possibbiltà konkreta li jappella, sa fejn it-terminu għat-trasferiment ma jkunx dejjem suffiċjenti sabiex jippermetti lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħti deċiżjoni dwar appell.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 29 tar-Regolament [Dublin III] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru jipprevedi tieni livell ta’ ġurisdizzjoni għal kawżi bħal dik inkwistjoni, huma ma jipprekludux li l-qorti tal-appell toħroġ, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, matul it-trattament tal-kawża, digriet provviżjorju li għandu l-effett li jissospendi t-terminu għat-trasferiment?”

Fuq id‑domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti adita b’rikors fit-tieni livell kontra sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ trasferiment milli tadotta, fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti, miżura provviżorja li tippermettilhom ma jieħdux deċiżjoni ġdida sakemm tingħata deċiżjoni fuq dak ir-rikors u li għandha bħala għan jew bħala effett li tissospendi t-terminu għat-trasferiment sakemm tingħata dik id-deċiżjoni.

17

L-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li t-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jseħħ, konformement mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedent, hekk kif ikun prattikament possibbli u, l-iktar tard, fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tat-talba biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali fuq ir-rikors meta jingħata effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament.

18

Skont l-Artikolu 29(2) tal-imsemmi regolament, jekk it-trasferiment ma jsirx fit-terminu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jinħeles mill-obbligu tiegħu li jieħu l-inkarigu ta’ jew jieħu lura lill-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għalhekk tiġi ttrasferita lill-Istat Membru rikjedent.

19

F’dan ir-rigward, filwaqt li mill-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jiffavorixxi eżekuzzjoni rapida tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, xorta jibqa’ l-fatt li huwa ma riedx jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għar-rekwiżit ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom, u li huwa ppreveda, sabiex jiżgura din il-protezzjoni, li l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tista’, f’ċerti każijiet, tiġi sospiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et, C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punt 88, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punti 40 u 60).

20

L-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament jeżiġi għalhekk li l-Istati Membri joffru lill-persuni kkonċernati rimedju li jista’ jwassal għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tagħhom (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punt 41).

21

Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprevedu jew, l-ewwel, li r-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tibqa’ fl-Istat Membru li jkun adotta dik id-deċiżjoni sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tagħha jew, it-tieni, li, wara l-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, it-trasferiment jiġi sospiż awtomatikament għal terminu raġonevoli li matulu qorti tiddetermina jekk hemmx lok li jingħata effett sospensiv għal dak ir-rikors jew, it-tielet, li l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà li tippreżenta rikors intiż sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors kontra dik id-deċiżjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punt 42).

22

Barra minn hekk, l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Dublin III jikkompleta l-imsemmija dispożizzjoni billi jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu ex officio li jissospendu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, f’każijiet li fihom is-sospensjoni tagħha la ssir permezz tal-effett tal-liġi u lanqas tal-effett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, meta ċ-ċirkustanzi madwar din l-eżekuzzjoni jimplikaw li l-persuna kkonċernata għandha, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tagħha, tiġi awtorizzata tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li adotta d-deċiżjoni ta’ trasferiment sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar ir-rikors ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punti 54 u 61).

23

Fil-każ fejn is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 27(3) jew (4) tar-Regolament Dublin III, mill-Artikolu 29(1) tiegħu jirriżulta li t-terminu ta’ trasferiment ma jibdiex jiddekorri mill-aċċettazzjoni tat-talba għal teħid tal-inkarigu jew teħid lura, iżda, b’deroga, mid-deċiżjoni finali dwar ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punti 44 u 49.

24

Għalhekk, mill-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, u b’mod partikolari mill-użu tal-espressjoni “deċiżjoni finali”, isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li t-terminu ta’ trasferiment jibda jiddekorri biss minn meta d-deċiżjoni dwar rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ikun sar definittiv, wara li jkunu ntużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha previsti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat, bil-kundizzjoni li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet sospiża, skont l-Artikolu 27(3) jew (4) ta’ dan ir-regolament.

25

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan il-leġiżlatur ma ppreċiżax skont liema modalitajiet proċedurali għandha tiġi applikata din ir-regola fil-każ tal-eżerċizzju ta’ rikors tat-tieni livell u, b’mod partikolari, jekk l-applikazzjoni tal-imsemmija regola tista’ tinvolvi l-għoti ta’ miżuri provviżorji mill-qorti adita b’dak ir-rikors.

26

Fil-fatt, qabelxejn, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III isegwi li dan jirrigwarda proċeduri għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment”. Għaldaqstant, ir-riferimenti għal “appell” u għal “reviżjonijiet” li hemm fl-imsemmija dispożizzjoni għandhom jinftiehmu bħala li jagħmlu riferiment biss għar-rikorsi u għar-reviżjonijiet kontra deċiżjoni ta’ trasferiment imsemmija fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament. Issa, dawn ir-rikorsi u dawn ir-reviżjonijiet għandhom, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jitpoġġew għad-dispożizzjoni tad-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, peress li barra minn hekk l-awtoritajiet kompetenti ma għandhom l-ebda interess li jikkontestaw id-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom.

27

Għaldaqstant, l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat bħala li għandu bħala għan li jirregola biss il-miżuri provviżorji li jistgħu jirriżultaw, ipso jure jew fuq it-talba tal-persuna kkonċernata, mill-preżentata ta’ rikors jew ta’ talba għal reviżjoni tal-ewwel livell kontra tali deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tistax tirregola l-miżuri provviżorji li jistgħu eventwalment jiġu adottati fil-kuntest ta’ rikors tat-tieni livell ippreżentat mill-awtoritajiet kompetenti.

28

Barra minn hekk, għalkemm mill-Artikolu 27(4) tar-Regolament Dublin III jsegwi li l-interruzzjoni jew is-sospensjoni tat-terminu ta’ trasferiment jista’, f’ċerti każijiet, jirriżulta minn inizjattiva tal-awtoritajiet kompetenti, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi, bħalma tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, addizzjoni għall-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament li huwa intiż li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

29

Minn dan isegwi li l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Dublin III ma jistax jiġi applikat f’sitwazzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha d-deċiżjoni ta’ trasferiment ġiet annullata fl-ewwel istanza. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, ma hemmx iktar, fil-kuntest ta’ rikors tat-tieni livell ippreżentat mill-awtoritajiet kompetenti, deċiżjoni ta’ trasferiment li tista’ tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tagħha.

30

Fl-aħħar, peress li r-Regolament Dublin III ma jinkludi, b’mod iżjed ġenerali, ebda regola dwar il-possibbiltà li jsir appell mid-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar ir-rikors eżerċitat kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew li tirregola espliċitament is-sistema ta’ eventwali appell, għandu jitqies li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, hija limitata għall-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju u ma teżiġix l-istabbiliment ta’ diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 33).

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali huwa għalhekk għall-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar l-istabbiliment eventwali tat-tieni livell ta’ ġurisdizzjoni kontra sentenza li tiddeċiedi dwar rikors li jirrigwarda deċiżjoni ta’ trasferiment u li jirregola, jekk ikun il-każ, il-modalitajiet proċedurali ta’ dan it-tieni livell ta’ ġurisdizzjoni, inkluż il-ħruġ eventwali ta’ miżuri provviżorji, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli minn dawk f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punti 34 u 35, kif ukoll tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 42).

32

F’dan il-kuntest, peress li, b’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali koperta minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija applikabbli, fl-ordinament ġuridiku Olandiż, għall-proċeduri ta’ reviżjoni kollha fid-dritt amministrattiv, tali leġiżlazzjoni tista’ tipprevedi li l-qorti adita b’tali rikors tat-tieni livell tista’ toħroġ, fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti, miżuri provviżorji. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni ma tistax tidderoga mill-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III billi tipprevedi li tali miżuri għandhom, lil hinn mill-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, l-effett li jipposponu minn meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ trasferiment u għalhekk jipposponi l-iskadenza tiegħu.

33

Issa, bħalma jsegwi mill-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jsegwi li t-terminu ta’ trasferiment jista’ jiddekorri mid-deċiżjoni finali dwar ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment biss sakemm l-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar tkun ġiet sospiża matul l-eżami tar-rikors fl-ewwel livell, skont l-Artikolu 27(3) jew (4) ta’ dan ir-regolament.

34

Minn dan isegwi li miżura provviżorja li għandha bħala effett li tissospendi t-terminu ta’ trasferiment sakemm tingħata deċiżjoni dwar rikors fit-tieni livell tista’ tiġi adottata biss meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet sospiża sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tal-ewwel livell, skont dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar.

35

F’tali sitwazzjoni, minn naħa, l-estensjoni tal-posponiment tat-terminu ta’ trasferiment sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tat-tieni livell tippermetti li jiġu żgurati opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-effettività tal-proċeduri ta’ appell, billi jiġi żgurat li dan it-terminu ma jiskadix minkejja li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun saret impossibbli bil-preżentata ta’ rikors kontra dik id-deċiżjoni.

36

Min-naħa l-oħra, l-għażla li tiġi suġġetta għall-adozzjoni ta’ miżura provviżorja l-estensjoni, fil-kuntest ta’ rikors tat-tieni livell, tal-effett sospensiv tar-rikors tal-ewwel livell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment dwar meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ trasferiment tippermetti li jiġi evitat li l-preżentata ta’ rikors tat-tieni livell kontra sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ trasferiment twassal, b’mod sistematiku, anki meta ma jidhirx raġonevoli li dan ir-rikors jista’ jirnexxi, għal posponiment ta’ meta jibda jiddekorri dan it-terminu, li jista’ jdewwem l-eżami tat-talba għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata.

37

Tali regola hija, għaldaqstant, ta’ natura li tiffavorixxi t-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmi regolament intiżi, bħalma jirriżulta mill-premessi 4 u 5 tiegħu, sabiex jiġi stabbilit metodu ċar u operazzjonali, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti, kemm għall-Istati Membru kif ukoll għall-persuni kkonċernati, sabiex jiġi ddeterminat b’mod rapidu l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ tali protezzjoni u sabiex ma jiġix kompromess l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 58, u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punt 56).

38

Għalhekk, din ir-regola ssaħħaħ l-applikazzjoni tat-termini imperattivi li permezz tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda qafas għall-proċeduri biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata. Dawn it-termini jikkontribwixxi, b’mod determinati, għat-twettiq tal-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, billi jiġi żgurat li l-imsemmija proċeduri jiġu implimentati mingħajr dewmien inġustifikat, u juru l-importanza partikolari li dan il-leġiżlatur ta għad-determinazzjoni rapida tal-Istat Membri responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll tal-fatt li, fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u li dan l-għan ta’ ħeffa ma jiġix kompromess, huwa importanti li tali applikazzjonijiet jkunu, jekk ikun il-każ, eżaminati minn Stat Membru li ma huwiex dak indikat bħala responsabbli skont il-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, X u X, C‑47/17 u C‑48/17, EU:C:2018:900, punti 69 u 70).

39

Min-naħa l-oħra, meta, bħalma jidher li huwa l-każ fit-tilwimiet fil-kawża prinċipali, u bla ħsara għall-verifiki li huma l-kompitu tal-qorti tar-rinviju, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ma tkunx ġiet sospiża sakemm ingħatat deċiżjoni dwar ir-rikors fl-ewwel livell, il-possibbiltà li tintalab, fil-kuntest ta’ rikors tat-tieni livell, miżura provviżorja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tippermetti, fil-fatt, lill-awtoritajiet kompetenti, li la kienu qiesu bħala utli li jużaw il-possibbiltà li joffrilhom l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Dublin III, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni kkonċernati, u lanqas eżegwixxew id-deċiżjoni ta’ trasferiment matul l-eżami ta’ dak ir-rikors, li jipposponu meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ trasferiment, previst fl-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament u b’dan il-mod li jevitaw li r-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ dawn il-persuni tiġi ttrasferita lill-Istat Membru rikjedent, skont l-Artikolu 29(2) tal-imsemmi regolament u, b’dan il-mod, li jdewmu indebitament il-progress tal-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, billi jiġu ppreġudikati l-għanijiet ta’ dan ir-regolament imfakkra fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti nazzjonali adita b’rikors tat-tieni livell kontra sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ trasferiment tadotta, fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti, miżura provviżorja li tippermettilhom ma jieħdux deċiżjoni ġdida sakemm tingħata deċiżjoni dwar dak ir-rikors u li għandha bħala suġġett jew bħala effett li tissospendi t-terminu ta’ trasferiment sakemm tingħata dik id-deċiżjoni, sakemm tali miżura tkun tista’ tiġi adottata biss meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet sospiża matul l-eżami tar-rikors fl-ewwel livell, skont l-Artikolu 27(3) jew (4) tal-imsemmi regolament.

Fuq l‑ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri flimkien mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti nazzjonali adita b’rikors tat-tieni livell kontra sentenza li tannulla deċiżjoni ta’ trasferiment tadotta, fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti, miżura provviżorja li tippermettilhom ma jieħdux deċiżjoni ġdida sakemm tingħata deċiżjoni dwar dak ir-rikors u li għandha bħala suġġett jew bħala effett li tissospendi t-terminu ta’ trasferiment sakemm tingħata dik id-deċiżjoni, sakemm tali miżura tkun tista’ tiġi adottata biss meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet sospiża matul l-eżami tar-rikors fl-ewwel livell, skont l-Artikolu 27(3) jew (4) tal-imsemmi regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.