19.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 109/22


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 357/2013

tat-18 ta’ April 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 903/2009 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 373/2011 fir-rigward tal-kontenut minimu ta’ preparazzjoni ta’ Clostridium butyricum (FERM BP-2789) bħala addittiv mal-għalf għat-tiġieġ għas-simna u speċi tat-tjur minuri (minbarra tjur li jbidu) (detentur tal-awtorizzazzjoni Miyarisan Pharmaceutical Co. Ltd. irrappreżentat minn Miyarisan Pharmaceutical Europe S.L.U.)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-użu tal-preparazzjoni tal-Clostridium butyricum (FERM BP-2789), li jagħmel parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”, kienet awtorizzata għal għaxar snin bħala addittiv mal-għalf għall-użu għat-tiġieġ għas-simna permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 903/2009 (2) u għall-speċi tat-tjur minuri (ħlief għasafar li jbidu) u għall-ħnienes miftuma u speċi ta’ porċini minuri (miftuma) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 373/2011 (3).

(2)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ppropona li jibdel it-termini tal-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni inkwistjoni billi jnaqqas il-kontenut minimu tagħha minn 5 × 108 CFU/kg to 2,5 × 108 CFU/kg għalf komplet fir-rigward tal-użu għat-tiġieġ għas-simna u speċi tat-tjur minuri (ħlief għasafar li jbidu). L-applikazzjoni ntbagħtet flimkien mad-dejta ta’ appoġġ rilevanti. Il-Kummissjoni bagħtet din l-applikazzjoni lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”).

(3)

L-Awtorità kkonkludiet fl-opinjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2012 (4) li, skont il-kundizzjonijiet proposti ġodda għall-użu, il-preparazzjoni kkonċernata turi xi potenzjal biex ittejjeb il-prestazzjoni fid-doża minima mitulba ta’ 2,5 × 108 CFU/kg għat-tiġieġ għas-simna u speċi tat-tjur minuri (ħlief għasafar li jbidu). L-Awtorità ma tikkunsidrax li hemm bżonn ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ ta’ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf li tressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 kienu ssodisfati.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 903/2009 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 373/2011 għandhom għaldaqstant jiġu emendati skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 903/2009, fil-kolonna “Kontenut minimu”, il-kliem “5 × 108 CFU” huwa mibdul bil-kliem “2,5 × 108”.

Artikolu 2

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 373/2011, fil-kolonna “Kontenut minimu”, għall-ispeċi tat-tjur minuri (ħlief għasafar li jbidu) il-kliem “5 × 108 CFU” huma mibdula bil-kliem “2,5 × 108” u għall-ħnienes (miftuma) u speċi tal-porċini minuri (miftuma) il-kliem “2,5 × 108 CFU” huma mibdula bil-kliem “2,5 × 108”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)   ĠU L 256, 29.9.2009, p. 26.

(3)   ĠU L 102, 16.4.2011, p. 10.

(4)   EFSA Journal 2013; 11(1):3040.