16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/31


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1187/2010

tat-13 ta’ Diċembru 2010

li jtemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ glifosat li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(2), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) u wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni tar-reviżjoni li twettqet skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1683/2004 (2), impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ glifosat li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 2931 00 99 u ex 3808 93 27 (il-“prodott ikkonċernat”). Dan id-dazju kien ġie estiż għall-importazzjonijiet ta’ glifosat ikkunsinnati mill-Malasja (kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja, kemm jekk le) ħlief dawk prodotti minn Crop Protection (M) Sdn. Bhd. u għall-importazzjonijiet ta’ glifosat ikkunsinnati mit-Tajwan (kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, kemm jekk le) ħlief dawk prodotti minn Sinon Corporation. Ir-rata tad-dazju antidumping hija ta’ 29,9 %.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 2009/383/KE (3), il-Kummissjoni ssospendiet il-miżuri definittivi tal-anti-dumping għal perjodu ta’ disa’ xhur, b’effett mis-16 ta’ Mejju 2009. Għalhekk, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 126/2010 (4), il-Kunsill estenda s-sospensjoni għal perjodu ta’ sena, b’effett mill-14 ta’ Frar 2010.

1.2.   Talba għal reviżjoni

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (5) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ glifosat li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Kummissjoni rċeviet talba fid-29 ta’ Ġunju 2009 għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(4)

It-talba tressqet mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Glifosat (“l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw il-produzzjoni kollha tal-Unjoni ta’ glifosat.

(5)

It-talba kienet tinkludi evidenza prima facie li turi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fi tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu

(6)

Għaldaqstant, wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni tat bidu, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6), għal proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ glifosat li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 2931 00 99 u ex 3808 93 27 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

(7)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi kkonċernati, lir-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-utenti rappreżentattivi u lill-produtturi tal-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ bidu.

2.   IRTIRAR TAT-TALBA

(8)

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 2010 indirizzata lill-Kummissjoni, l-applikant formalment irtira t-talba tiegħu.

(9)

Skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, proċediment jista’ jintemm meta t-talba għal reviżjoni tiġi rtirata, sakemm dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Komunità.

(10)

Tqies li l-proċediment attwali għandu jintemm billi l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda fatt li juri li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Madankollu ma waslu lura l-ebda kummenti li setgħu biddlu dan il-ħsieb.

(11)

Għalhekk ġie konkluż li l-proċediment ta’ reviżjoni tal-iskadenza antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ glifosat li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandu jintemm u l-miżuri eżistenti għandhom jiġu rrevokati.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-miżuri antidumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ glifosat li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM ex 2931 00 99 u ex 3808 93 27 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom b’dan jiġu revokati u l-proċediment li jikkonċerna dawn l-importazzjonijiet għandu jintemm.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 303, 30.9.2004, p. 1.

(3)   ĠU L 120, 15.5.2009, p. 20.

(4)   ĠU L 40, 13.2.2010, p. 1.

(5)   ĠU C 115, 20.5.2009, p. 19.

(6)   ĠU C 234, 29.9.2009, p. 9.