21.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/385

tal-20 ta’ Frar 2023

dwar il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO Network ta’ Ċentri Loġistiċi fl-Ewropa u Appoġġ għall-Operazzjonijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1), b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO (2), b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi f’konformità mal-Artikolu 46(6) TUE jekk Stat terz, li l-Istati Membri parteċipanti li qed jieħdu sehem fi proġett ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) jixtiequ jistiednu biex jieħu sehem f’dak il-proġett, jissodisfax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

(2)

Fis-6 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 (3), li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati fil-PESCO. L-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li proġett bl-isem ta’ Network ta’ Ċentri Loġistiċi fl-Ewropa u Appoġġ għall-Operazzjonijiet (NetLogHubs) għandu jiġi żviluppat fil-qafas ta’ dik il-lista minn 13-il membru tal-proġett, inkluż il-Ġermanja bħala l-koordinatur tal-proġett.

(3)

Fil-5 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO. L-Artikolu 2(4) ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li, abbażi ta’ notifika mill-koordinatur jew il-koordinaturi ta’ proġett tal-PESCO, u wara opinjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 46(6) TUE u l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Istat terz f’dak il-proġett tissodisfax il-kondizzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(4)

F’Mejju 2022, il-Kanada bagħtet lill-koordinatur tan-NetLogHubs it-talba tagħha għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett PESCO, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kanada, il-membri tal-proġett imbagħad ivvalutaw, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, jekk tikkonformax mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(5)

Fid-29 ta’ Novembru 2022, wara l-qbil unanimu tal-membri tal-proġett fl-14 ta’ Settembru 2022, il-koordinatur tan-NetLogHubs innotifika lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, dwar proposta li l-Kanada tiġi mistiedna tipparteċipa f’dak il-proġett. In-notifika stabbiliet l-ambitu, il-forma u l-firxa tal-parteċipazzjoni tal-Kanada, u kkonfermat li l-Kanada kkonfermat mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(6)

Fl-1 ta’ Diċembru 2022, il-KPS qabel dwar opinjoni dwar in-notifika rigward it-talba mill-Kanada biex tipparteċipa fin-NetLogHubs. B’mod partikolari, il-KPS ħa nota tad-deskrizzjoni tan-NetLogHubs kif ipprovduta fin-notifika, inkluż l-objettivi, l-organizzazzjoni, it-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu u l-oqsma ta’ prijorità ta’ ħidma tiegħu. Innota wkoll li l-ebda informazzjoni klassifikata jew sensittiva tal-UE ma tiġi kondiviża f’dak il-proġett u li dan mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) fis-sens tal-Artikolu 3, il-punt (g), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Barra minn hekk, innota li n-NetLogHubs ma jinvolvix l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka, jew l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew l-użu jew l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet jew teknoloġija; u li ma jinvolvix entitajiet, investimenti jew finanzjament mill-Istati Membri parteċipanti tal-PESCO jew talbiet għal finanzjament mill-Unjoni għal attivitajiet tal-proġett.

(7)

Il-KPS qabel ukoll mal-ambitu, il-forma u l-firxa proposti tal-parteċipazzjoni tal-Kanada fin-NetLogHubs kif deskritti fin-notifika. Huwa rrikonoxxa li l-Kanada kienet esprimiet li hija tappoġġa bis-sħiħ l-ambitu ta’ dak il-proġett kif definit fin-notifika.

(8)

Fl-istess opinjoni, il-KPS ikkonferma l-fehma maqbula b’mod unanimu mill-membri tal-proġett li l-Kanada tikkonforma mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, kif ġej:

—

il-Kanada tissodisfa l-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (a), li teħtieġ: il-kondiviżjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 2 TUE, u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 21(1) TUE, kif ukoll l-objettivi tal-PESK fl-Artikolu 21(2) TUE; il-punti (a), (b), (c) u (h), ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat mal-Istati Membri; u li jkollha djalogu politiku mal-Unjoni, li jenħtieġ li jkopri wkoll aspetti ta’ sigurtà u difiża meta tipparteċipa fin-NetLogHubs;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni fl-Artikolu 3, il-punt (b), dwar il-valur miżjud sostanzjali tal-Kanada għan-NetLogHubs, in-notifika tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-kontribut tal-Kanada, inkluż dwar l-ambitu, il-forma u l-firxa tal-parteċipazzjoni fil-proġett, li tissostanzja l-issodisfar ta’ dik il-kondizzjoni;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (c), il-parteċipazzjoni tal-Kanada fin-NetLogHubs ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) u l-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni, inkluż b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, kif speċifikat ukoll fin-notifika;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (d), in-NetLogHubs ma jindirizzax l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka jew l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi, kapaċitajiet jew teknoloġija, u lanqas ma jiżviluppa xi kapaċità jew teknoloġija; konsegwentement, il-parteċipazzjoni tal-Kanada f’dak il-proġett mhux ser twassal għal dipendenzi fuq il-Kanada jew għal restrizzjonijiet imposti minnha kontra xi Stat Membru;

—

il-konsistenza meħtieġa, stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (e), tal-parteċipazzjoni tal-Kanada mal-impenji aktar vinkolanti rilevanti tal-PESCO, rigward ukoll il-kapaċità ta’ skjerament u l-interoperabbiltà tal-forzi li dan il-proġett qed jgħin biex jitwettqu, kif speċifikat fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, hija ssodisfata wkoll, kif spjegat aktar fid-dettall fin-notifika, u peress li n-NetLogHubs mhuwiex proġett orjentat lejn il-kapaċitajiet, il-kondizzjoni dwar il-kontribut tal-parteċipazzjoni tal-Kanada għall-issodisfar tal-prijoritajiet li joħorġu mill-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) jew għal impatt pożittiv fuq il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) mhijiex applikabbli f’dan il-kuntest;

—

ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3, il-punt (f), huwa ssodisfat peress li l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (4) ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2018;

—

il-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (g), mhijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li n-NetLogHubs mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-EDA u għalhekk mhuwiex meħtieġ arranġament amministrattiv li daħal fis-seħħ mal-EDA;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (h), il-Kanada ħadet l-impenn li tfittex li tikkonkludi arranġament amministrattiv speċifiku għall-proġett u kwalunkwe dokumentazzjoni neċessarja oħra tal-proġett f’konformità mad-Deċiżjonijiet (PESK) 2017/2315 u (PESK) 2018/909 (5);

(9)

Il-KPS ikkonkluda fl-opinjoni tiegħu b’rakkomandazzjoni li l-Kunsill jieħu deċiżjoni pożittiva li parteċipazzjoni tal-Kanada fin-NetLogHubs tissodisfax il-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(10)

Il-Kunsill għandu għalhekk jiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tal-Kanada fin-NetLogHubs tissodisfa l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Sussegwentement, il-koordinatur tal-proġett għandu jibgħat lill-Kanada f’isem il-membri tal-proġett stedina lill-Kanada biex tipparteċipa fin-NetLogHubs. Il-Kanada għandha tingħaqad ma’ dak il-proġett fid-data speċifikata fl-arranġament amministrattiv li għandhom jidħlu fih il-membri tal-proġett u l-Kanada f’konformità mal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, u għandu jkollha d-drittijiet u l-obbligi ddeterminati f’dak l-arranġament f’konformità mal-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Deċiżjoni. Il-Kunsill għandu jeżerċita s-sorveljanza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 u jkun jista’ jieħu deċiżjonijiet ulterjuri f’konformità mal-Artikolu 6(2) u (3) tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO NetLogHubs tissodisfa l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.

(2)   ĠU L 371, 6.11.2020, p. 3.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta’ Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24).

(4)  Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 333, 15.12.2017, p. 2).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti PESCO (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 37).