|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/6674 |
16.12.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/6674)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Miel Villuercas-Ibores”
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-ES-01268-AM01 — 17.9.2025
1. Isem il-prodott
“Miel Villuercas-Ibores”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☑ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Spanja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Isem
Consejería de Agricultura, Desarrollo Rural, Población y Territorio de la Junta de Extremadura [Il-Ministeru għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali, il-Popolazzjoni u t-Territorju tal-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura], Dirección General de Agricultura y Ganadería [id-Direttorat Ġenerali għall-Biedja u t-Trobbija tal-Bhejjem]
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-applikazzjoni għal emenda tista’ tiġi kklassifikata bħala standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143. B’mod partikolari, dawn il-bidliet MA JISTGĦUX jiġu kklassifikati bħala emendi tal-Unjoni minħabba li:
|
(1) |
ma jinkludux bidla fl-isem protett bħala DOP jew fl-użu ta’ dak l-isem; |
|
(2) |
ma hemmx riskju li tixxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika; |
|
(3) |
ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
Fir-rigward tal-verifika li ma hemmx riskju li tixxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika, ta’ min jinnota li l-ebda waħda mill-bidliet mitluba ma taffettwa bl-ebda mod il-formulazzjoni tat-taqsima “Rabta” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Ir-rabta lanqas ma hija affettwata indirettament. Tabilħaqq, għalkemm ir-rabta hija bbażata, fost affarijiet oħra, fuq il-livelli baxxi tal-HMF u l-kontenut ta’ ndewwa u l-attività għolja tad-dijastażi, il-bidliet proposti, għalkemm għandhom effett żgħir fuq dawk it-tliet parametri, iżommu l-limiti f’livelli li huma ferm aktar stretti minn dawk stabbiliti fl-istandard tal-kwalità għall-għasel.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titolu
Bidla fil-firxa tal-kontenut ta’ ndewwa permessa.
Deskrizzjoni
Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima 4.2 tad-dokument uniku u t-taqsima “Deskrizzjoni tal-prodott” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Fid-deskrizzjoni tal-prodott, saret il-bidla li ġejja fil-karatteristiċi fiżiċi komuni għall-għasel tad-DOP kollu:
Il-kontenut ta’ ndewwa meħtieġ inbidel minn firxa ta’ “14-17 %” għal “< 17 %”. L-għan ta’ din il-bidla huwa, fil-fatt, li tikkoreġi żball, peress li ftit li xejn jagħmel sens li tiġi definita firxa b’kontenut ta’ ndewwa minimu għal għasel. Minflok, li jgħodd huwa li jiġi stabbilit kontenut ta’ ndewwa massimu li ma jistax jinqabeż.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Bidla fil-limitu massimu għall-idrossimetilfurfural.
Deskrizzjoni
Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima 4.2 tad-dokument uniku u t-taqsima “Deskrizzjoni tal-prodott” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Fid-deskrizzjoni tal-prodott, saret il-bidla li ġejja fil-karatteristiċi kimiċi komuni għall-għasel tad-DOP kollu:
Il-limitu massimu għall-idrossimetilfurfural (HMF, hydroxymethylfurfural) żdied minn 10 mg/kg għal “< 18 mg/kg”. Barra minn hekk, ma għadux speċifikat li dan il-limitu japplika meta l-għasel jiġi introdott fis-suq, peress li jrid jiġi ċċekkjat minn qabel.
Din il-bidla qiegħda ssir minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima fiż-żona ġeografika, b’temperaturi ogħla tar-rebbiegħa u b’xita aktar irregolari.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Bidla fil-limitu minimu għall-attività tad-dijastażi.
Deskrizzjoni
Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima 4.2 tad-dokument uniku u t-taqsima “Deskrizzjoni tal-prodott” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Fid-deskrizzjoni tal-prodott, il-limitu minimu għall-attività tad-dijastażi tnaqqas minn 30 għal 22 fil-punt (c). Din il-bidla qiegħda ssir minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima fiż-żona ġeografika, b’temperaturi ogħla tar-rebbiegħa u b’xita aktar irregolari.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Aġġornament tal-korp ta’ spezzjoni.
Deskrizzjoni
Id-dettalji tal-korp ta’ spezzjoni ġew aġġornati fit-Taqsima G tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Aġġornament tan-nomenklatura tat-tip ta’ prodott.
Deskrizzjoni
Il-klassifikazzjoni tat-tip ta’ prodott ġiet aġġornata fid-dokument uniku biex tiġi allinjata man-nomenklatura l-ġdida.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Miel Villuercas-Ibores”
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-ES-01268-AM01 — 17.9.2025
1. Isem/Ismijiet
“Miel Villuercas-Ibores”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Spanja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
0409 - Għasel naturali
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Il-“Miel Villuercas-Ibores” huwa għasel magħmul minn flora indiġena ta’ naħal tal-ispeċi Apis mellifera.
Fuq il-bażi taż-żoni differenti ta’ veġetazzjoni, ġew iddefiniti t-tipi ta’ għasel li ġejjin:
|
— |
għasel tar-retama minn tip wieħed ta’ fjura (Retama sphaerocarpa), |
|
— |
għasel tal-qastan minn tip wieħed ta’ fjura (Castanea sativa), |
|
— |
għasel minn bosta tipi ta’ fjuri [miel de milflores], |
|
— |
għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar.
|
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)
–
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
L-għasel jiġi biss minn kaxxi tan-naħal li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni; it-transumanza barra din iż-żona mhix permessa.
In-naħal jitneħħa mit-tilari bl-użu ta’ xkupilji u/jew duħħan.
Il-kaxxi tan-naħal jinfetħu b’mod tradizzjonali, bis-skieken jew bl-imxat.
L-estrazzjoni tal-għasel mix-xehdiet issir biċ-ċentrifugazzjoni.
L-għasel jinħażen fi krietel jew f’tankijiet tat-tisfija.
L-għasel jiġi dekantat u ffiltrat biex jitneħħew l-impuritajiet.
Fis-sitwazzjoni eċċezzjonali li s-sopravivenza tad-doqqajs hija mhedda minħabba ħsad ħażin, it-tagħlif supplimentari tan-naħal huwa permess barra l-perjodu tal-ġbir tan-nektar. L-għalf jista’ jikkonsisti fi prodott wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin: għasel mid-doqqajs innifsu, sukrożju (zokkor tal-kannamiela), glukożju u ġulepp tal-frott.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
L-għasel imballat irid ikun fi stat likwidu (fluwidu) jew solidu (ikkristallizzat).
L-għasel ikkristallizzat jiġi msaħħan sa temperatura massima ta’ 45 °C għad-dikantazzjoni u l-imballaġġ.
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
L-għasel irid ikollu t-tikketta sekondarja nnumerata bil-logo tad-Denominazzjoni, li trid titwaħħal fil-faċilità tal-imballaġġ b’tali mod li ma tkunx tista’ terġa’ tintuża mill-ġdid. Irid ikollha s-simbolu tal-UE u l-logo tad-DOP “Miel Villuercas-Ibores”.
Il-logo tad-DOP “Miel Villuercas-Ibores” huwa kif ġej:
Fuq il-lemin hemm l-isem Extremadura u mappa li fiha ż-żona ta’ produzzjoni tal-għasel hija mmarkata b’żewġ ċrieki konċentriċi.
4.7. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ta’ produzzjoni tal-għasel tinsab fil-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura (Spanja), fix-Xlokk tal-provinċja ta’ Cáceres. Din tinkludi total ta’ 27 muniċipalità, li jikkostitwixxu l-comarca ta’ Villuercas-Ibores; dawn il-muniċipalitajiet kollha huma fil-provinċja ta’ Cáceres.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Sommarju tar-rabta
Il-comarca ta’ Villuercas-Ibores tikkonsisti f’sensiela ta’ formazzjonijiet muntanjużi, li huma straordinarjament weqfin u ppuntati, li fuqhom hemm blat tal-kwarz armorikan u maġenbhom hemm il-lavanja u l-ġebel tal-ramel. L-ogħla quċċata tinsab fil-massif ta’ La Villuerca (1 601 m). In-network idrografiku jinkludi xmajjar li jiffurmaw parti mill-baċiri ta’ Tagus u Guadiana. Il-klima fir-rigward tal-preċipitazzjoni hija tat-tip subumduża u għaldaqstant il-preċipitazzjoni hija ġeneralment ogħla minn dik fil-biċċa l-kbira tal-comarcas l-oħra ta’ Extremadura.
Skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni tad-Dipartiment tal-Agrikotura tal-Istati Uniti (USDA, United States Department of Agriculture) (Tassonomija tal-Ħamrija), it-tipi ta’ ħamrija huma Entisols, Inceptisols u Alfisols. L-Entisols jiffurmaw strixxi dojoq ħafna fuq il-pjanuri tax-xmajjar Ruecas u Silvadillos. L-Inceptisols bażikament jinsabu fuq xaqlibiet tal-muntanji li jħarsu lejn it-Tramuntana. L-Alfisols jinsabu fin-Nofsinhar taż-żona, f’terrazzi tax-xmajjar u fi pjanuri b’siġar mhux żviluppati. Dawn huma ħamrija li jkollha ftit mill-karatteristiċi meħtieġa għat-tkabbir tal-għelejjel, iżda li tkun adattata għall-forestrija.
Il-comarca ta’ Villuercas-Ibores għandha flora rikka u diversa, li tikkorrispondi għaż-żona bijoġeografika li tinsab fiha (Ladero, 1987), u żoni kbar ta’ mergħat u art miksija b’arbuxelli fejn in-naħal jista’ jaħsad b’mod estensiv in-nektar ta’ fjuri indiġeni, u dan jipproduċi għasel bi kwalitajiet eċċellenti. Hemm ukoll għadd kbir ta’ msaġar tas-siġar tal-ballut, tal-ballut tas-sufra, tal-qastan u tal-ballut, li jipprovdu lin-naħal bin-nektar, it-trab tad-dakra u l-qtar tal-għasel tas-siġar. Għalkemm il-comarca hija ġeneralment mgħammra bi speċijiet tal-foresta u tad-dehesa, il-qastan, iż-żebbuġ, il-matorral u s-Cistus huma l-aktar speċijiet importanti taż-żona, flimkien ma’ foresti kbar tal-ballut.
Minn fost l-għadd bla qies ta’ speċijiet ta’ pjanti li n-naħal jista’ jikseb l-ikel minnhom, xi wħud mill-aktar pjanti importanti li jipproduċu l-għasel fil-comarca ta’ Villuercas-Ibores huma elenkati hawn taħt; huma kollha endemiċi għaż-żona ta’ produzzjoni:
|
— |
BORAGINACEAE: Echium plantagineum L. (żrieragħ ta’ lsien il-fart vjola), Anchusa azurea Miller (lengua de buey). |
|
— |
BRASSICACEAE: Raphanus raphanistrum L. (ravanell selvaġġ). |
|
— |
ERICACEAE: Erica australis L. (brezo rubio jew colorado), Erica lusitanica Rudolphi (brezo blanco), Erica umbellata L. (brezo, quiruela), Calluna vulgaris (L.) Hull (ħaxixet il-mikinsa), Arbustus unedo L. (siġra tal-frawli). |
|
— |
FABACEAE: Retama sphaerocarpa L. (retama común, retama de bolas), Trifolium stellatum L. (xnien tal-kwiekeb), Genista tridentata (carquesa), Cytisus multiflorus (escoba jew retama blanca). |
|
— |
FAGACEAE: Castanea sativa Miller (qastan), Quercus pyrenaica Willd. (ballut tal-Pirinej), Quercus rotundifolia L. (ballut), Quercus suber L. (ballut tas-sufra). |
|
— |
LAMIACEAE: Lavandula stoechas subsp. pedunculata Miller (cantueso, tomillo borriquero), Rosmarinus officinalis L. (klin). |
|
— |
ROSACEAE: Rubus ulmifolius Schott (tut tal-għollieq elmleaf). |
|
— |
APIACEAE (UMBELLIFERAE): Erynginum campestre L. (field eryngo). |
|
— |
CISTACEAE: Cistus ladanifer L. (ċistu), Cistus spp. u Halimium spp. (ċistu b’mod ġenerali). |
Il-comarca ta’ Villuercas-Ibores dejjem kienet marbuta mat-trobbija tan-naħal. Ir-referenzi speċifiċi jmorru lura tal-inqas għas-sena 1086 u jsemmu tali avvenimenti magħrufa bħall-miraklu tal-Madonna ta’ Guadalupe (1575). Illum, għad hemm ħafna ismijiet ta’ postijiet fil-comarca li jfakkru fin-naħal u fil-flora lokali (Castañar, Carrascalejo, Peraleda), u karatteristiċi naturali b’ismijiet li jevokaw l-attività tat-trobbija tan-naħal, bħal “La Umbría del Colmenar” fil-muniċipalità ta’ Cañamero u El Arroyo del Enjambrero u Valle del Enjambrero fil-muniċipalità ta’ Alía.
Iż-żona ta’ produzzjoni għandha karattru rurali u muntanjuż ħafna, b’muniċipalitajiet b’densità ta’ popolazzjoni baxxa, fejn l-għelejjel u t-trobbija tal-bhejjem huma l-mezzi ewlenin ta’ għajxien. Dawn iċ-ċirkostanzi, u flora indiġena li prattikament ma nbidlitx bl-attività tal-bniedem, jagħmluha żona tajba għat-trobbija tan-naħal, fejn l-għasel għadu jiġi estratt bil-mod tradizzjonali sabiex jinżammu l-kwalitajiet kollha tiegħu.
Prattika waħda sinifikanti tradizzjonali tat-trobbija tan-naħal għandha x’taqsam mal-ġestjoni tad-doqqajs. Ma hemmx transumanza u d-doqqajs jistgħu jiġu mċaqalqa biss minn post għall-ieħor ġewwa ż-żona ta’ produzzjoni.
Karatteristika oħra bażika fil-proċess tal-produzzjoni hija li l-aħħar lott ta’ għasel jitħalla biex jittiekel mid-doqqajs. B’hekk, dawk li jrabbu n-naħal lokali jipprattikaw apikultura mhux intensiva. Meta x-xehda titneħħa mid-doqqajs fil-ħarifa, mhux l-għasel kollu jiġi estratt, iżda jitħallew ir-riżervi meħtieġa biex jittieklu mid-doqqajs. B’dan il-mod il-benesseri tan-naħal jiġi rrispettat u d-doqqajs ikun sostenibbli, u għalhekk in-naħal jinżammu fl-aħjar kundizzjoni.
Iż-żona ta’ produzzjoni, bit-tradizzjoni twila tagħha fit-trobbija tan-naħal, hija parti minn Extremadura fejn dawk li jrabbu n-naħal ilhom jagħmlu użu tajjeb mill-flora indiġena għal sekli sħaħ. L-għażla tal-isem “Miel Villuercas-Ibores” tirrifletti l-prestiġju storiku tal-għasel f’din iż-żona, il-ħila u t-tekniki tradizzjonali u artiġjanali li bihom jiġi ppreparat u l-kwalitajiet speċjali tal-għasel, li jirriżultaw mill-ambjent li fih jiġi prodott.
Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri f’comarcas oħrajn ta’ Extremadura, ma hemmx transumanza, u għalhekk l-għasel miksub huwa omoġenju f’termini tal-flora lokali, u l-karatteristiċi partikolari tiegħu jirriżultaw biss mit-taħlita ta’ fatturi naturali u umani taż-żona ġeografika definita.
Evidenza tas-sistema tal-produzzjoni tradizzjonali tista’ tinstab fil-valuri li huma miksuba għal ċerti parametri għall-prodott finali, li huma indikazzjoni tal-kwalità għolja tal-għasel:
|
— |
il-valuri ta’ HMF karatteristikament baxxi, li jindikaw il-freskezza u l-produzzjoni artiġjanali; |
|
— |
il-valuri baxxi ta’ ndewwa, li jindikaw il-maturità u li huma dovuti għall-fatt li x-xehda ma tinfetaħx, peress li din ma hijiex forma intensiva tat-trobbija tan-naħal; |
|
— |
l-attività ta’ dijastażi għolja, minħabba l-freskezza tal-għasel; |
|
— |
il-valuri ta’ konduttività elettrika u l-propjetajiet organolettiċi li huma karatteristiċi tat-tip ta’ trab tad-dakra li huwa magħmul minnu. |
L-istudju tal-ispettri differenti tat-trab tad-dakra għamilha possibbli li jiġu ddefiniti l-indikaturi ġeografiċi li jikkaratterizzaw il-“Miel Villuercas-Ibores”, jiġifieri t-trab tad-dakra tal-flora kollha tiegħu, li jirriżulta fi profili tat-trab tad-dakra omoġenji li huma speċifiċi għaż-żona u li jkun fihom mhux aktar minn 1 % ta’ trab tad-dakra minn pjanti kkultivati jew dawk mhux indiġeni.
Wieħed mill-prodotti distintivi taż-żona huwa l-għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar. Dan l-għasel huwa magħmul f’Settembru u f’Ottubru meta l-perjodu li fih ikun hemm il-fjuri jkun se jintemm jew ikun għadda kompletament u n-naħal ma jkollhom l-ebda nektar. Dawn jiġbru sekrezzjonijiet mill-partijiet ħajjin tal-pjanti tal-familja Fagaceae jew inkella sekrezzjonijiet li jinsabu fuqhom minħabba l-azzjoni ta’ ċerti insetti. Dan jippermettilhom li jibqgħu ħajjin matul ix-xhur meta ma jkunx hemm nektar u ma hemm l-ebda transumanza għal żoni oħra fejn jistgħu jsibu l-fjuri.
Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6674/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)