Brussell, 1.12.2025

COM(2025) 728 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti

{SWD(2025) 405 final}


1.INTRODUZZJONI

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2019/633 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (“id-Direttiva”) 1 , il-Kummissjoni Ewropea (“COM”, Commission) jeħtiġilha twettaq l-ewwel evalwazzjoni tad-Direttiva u tippreżenta s-sejbiet ewlenin tagħha f’rapport. Dan id-dokument huwa maħsub biex iservi bħala dak ir-rapport.

Għaldaqstant, dan ir-rapport jibbaża fuq l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2 biex jiddeskrivi l-lezzjonijiet u tagħlimiet ewlenin meħuda mill-ewwel snin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva. Peress li l-evalwazzjoni saret fi stadju bikri minħabba dewmien fit-traspożizzjoni f’xi Stati Membri (“SM”), is-sejbiet tagħha jirriflettu biss perjodu qasir ta’ applikazzjoni prattika tar-regoli tad-Direttiva u għandhom jinqraw f’dan id-dawl.

B’mod aktar ġenerali, dan ir-rapport huwa parti minn sforzi usa’ biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel (“katina”), kif rifless fir-rakkomandazzjoni tad-Djalogu Strateġiku għal qafas aktar effettiv, ibbilanċjat, u proporzjonat biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti (“UTPs”, unfair trading practices) 3 , jew fil-Linji Gwida Politiċi tal-COM għall-2024–2029 4 . F’konformità mal-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel 5 , il-COM, abbażi tal-evalwazzjoni tar-regoli attwali u rieżami tar-regolamenti nazzjonali, se tipproponi inizjattivi ulterjuri, inkluża r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-UTPs, biex jiġi indirizzat il-prinċipju li l-bdiewa ma għandhomx ikunu mġiegħla jbigħu l-prodotti tagħhom taħt il-kostijiet tal-produzzjoni b’mod sistematiku, filwaqt li tiġi ppreservata l-orjentazzjoni tas-suq tal-Politika Agrikola Komuni.

Flimkien ma’ sorsi oħra ta’ informazzjoni u wara konsultazzjonijiet bir-reqqa, ir-rapport se jinforma r-riflessjoni dwar reviżjoni futura tad-Direttiva, mingħajr ma jippreġudika l-kamp ta’ applikazzjoni jew il-kontenut tagħha.

2.SFOND, SORSI U KUNTEST TAL-POLITIKA

Is-setgħa ekonomika saret dejjem aktar ikkonċentrata fis-segmenti downstream tal-katina, li żiedet l-ambitu għal abbużi potenzjali mis-saħħa tan-negozjar. Tali abbużi spiss jaffettwaw lill-bdiewa u lill-fornituri ż-żgħar, li jsibu ruħhom f’pożizzjoni aktar dgħajfa meta jinnegozjaw ma’ xerrejja akbar u aktar b’saħħithom 6 . B’reazzjoni għat-tali tħassib, id-Direttiva ġiet adottata biex tiġġieled il-UTPs fil-katina, tkopri wkoll is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, u tikkontribwixxi għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tagħhom madwar l-UE. Il-UTPs jinkludu prattiki li jiddevjaw b’mod eċċessiv mill-prinċipji ta’ kondotta kummerċjali tajba, imorru kontra l-bona fide u n-negozjar ġust, u huma imposti unilateralment minn sieħeb kummerċjali wieħed fuq l-ieħor. Jistgħu jwasslu għat-trasferiment mhux ġustifikat u sproporzjonat tar-riskju ekonomiku jew joħolqu żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi, li jżid il-vulnerabbiltà finanzjarja u l-inċertezza operazzjonali tal-bdiewa u l-fornituri ż-żgħar.

Id-Direttiva tipprevedi livell minimu ta’ armonizzazzjoni billi tistabbilixxi lista ta’ UTPs li x-xerrejja huma pprojbiti milli jimponu fuq il-fornituri. Tistabbilixxi regoli minimi dwar l-infurzar u dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar (“EA”, enforcement authorities). L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli li jmorru lil hinn mill-UTPs elenkati fid-Direttiva dment li dawn ikunu kompatibbli mar-regoli tas-suq intern.

L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet l-1 ta’ Mejju 2021 7 , iżda mhux l-Istati Membri kollha kienu ttrasponewha bis-sħiħ sa Diċembru 2022 8 . Il-verifiki tat-traspożizzjoni u tal-konformità mill-COM urew varjazzjonijiet fl-għażliet tat-traspożizzjoni tal-SM. Filwaqt li xi wħud kellhom regoli minn qabel jew marru lil hinn mill-armonizzazzjoni minima tad-Direttiva, oħrajn ma kellhom l-ebda regola minn qabel jew baqgħu qrib il-livell minimu ta’ armonizzazzjoni. Il-verifiki tal-konformità kixfu wkoll differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tal-liġijiet tat-traspożizzjoni nazzjonali, fir-rigward tal-possibbiltà li x-xerrejja jikkanċellaw ordnijiet ta’ prodotti li jitħassru skont l-Artikolu 3(1)(b), l-impożizzjoni ta’ pagamenti kif imsemmi fl-Artikolu 3(2)(b), u t-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(4), fejn l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-UTPs suwed u griżi elenkati fid-Direttiva jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji li jegħlbu kull regola oħra li tapplika għal ftehim ta’ provvista.

L-evalwazzjoni ffukat fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva minn perspettiva tal-UE, filwaqt li pprovdiet ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni fl-Istati Membri wara t-traspożizzjoni. Ivvalutat l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, il-valur miżjud tal-UE u r-rilevanza tad-Direttiva fir-rigward tal-objettivi ewlenin tagħha li tiġġieled il-UTPs, tippermetti infurzar effettiv, tindirizza l-fattur ta’ biża’ esperjenzat mill-fornituri, u tiżgura kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE.

L-evalwazzjoni twettqet bl-appoġġ ta’ studju estern (“studju ta’ appoġġ”) 9 , u nbniet fuq diversi sorsi, inklużi rapporti preċedenti tal-COM, bħar-rapport tagħha ta’ Ottubru 2021 dwar l-istat tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 10 u r-rapport interim tagħha ta’ April 2024 11 . Inputs addizzjonali kienu jinkludu stħarriġiet immirati, intervisti u studji tal-każijiet, skambji regolari mal-EA, l-istħarriġ pubbliku annwali taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) tal-bdiewa u l-fornituri 12 u r-rapporti annwali tal-Istati Membri 13 . Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (“KESE”) 14 u r-rapporti annwali tal-attività tal-EA 15 wkoll ġew ikkunsidrati.

L-evalwazzjoni kkoinċidiet ma’ sett usa’ ta’ miżuri mill-COM biex tindirizza t-tħassib li esprimew il-bdiewa 16 , inkluża r-reviżjoni mmirata tar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (“OKS”) 17 , it-tnedija tal-Osservatorju tal-Katina Agroalimentari tal-UE (“AFCO”, Agri-Food Chain Observatory) 18 , u studju dwar il-mekkaniżmi biex tiġi żgurata remunerazzjoni ġusta għall-bdiewa 19 .



3.SOMMARJU TAS-SEJBIET EWLENIN

Din it-taqsima tiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni. Filwaqt li huma bbażati fuq l-aħjar evidenza disponibbli, huwa importanti li jitqiesu l-limitazzjonijiet imsemmija hawn fuq, speċifikament il-perjodu ta’ żmien qasir bejn l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva u l-evalwazzjoni tagħha. Dan, flimkien mad-disponibbiltà limitata tad-data minħabba n-natura kunfidenzjali tar-relazzjonijiet kummerċjali, ix-xokkijiet esterni bħall-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u ż-żieda li rriżultat fl-inflazzjoni u fl-ispejjeż tal-input, għamluha diffiċli li jiġu iżolati l-effetti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva minn żviluppi usa’.

3.1.EFFETTIVITÀ

L-evalwazzjoni eżaminat il-kontribut tad-Direttiva għall-ġlieda kontra l-UTPs, għall-prevenzjoni tal-okkorrenza tagħhom, għall-mitigazzjoni tal-impatt negattiv tagħhom fuq il-bdiewa u għall-appoġġ ta’ infurzar effettiv. Eżaminat ukoll l-effetti mhux intenzjonati tad-Direttiva 20 .

Titjib perċepit fl-okkorrenza tal-UTPs iżda l-fehmiet ivarjaw tul il-katina

Mill-evidenza disponibbli, kien għadu mhux possibbli li jiġi kkonfermat li l-UTPs naqsu sostanzjalment wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, id-data mill-aktar stħarriġ riċenti tal-JRC issuġġeriet tnaqqis fl-għadd ta’ UTPs irrapportati. Barra minn hekk, data kwantitattiva u kwalitattiva oħra indikat titjib fit-tnaqqis tal-pagamenti tard, kemm għal oġġetti li jitħassru malajr kif ukoll għal oġġetti li ma jitħassrux 21 , u f’ċerti UTPs oħra li huma esperjenzati aktar ta’ spiss mill-fornituri.

Il-fehmiet tul il-katina varjaw, bil-bdiewa u l-fornituri jirrapportaw xejriet pożittivi, filwaqt li segmenti oħra esprimew fehmiet aktar imħallta. B’mod speċifiku, ix-xerrejja esprimew xettiċiżmu dwar l-impatt tad-Direttiva, filwaqt li nnutaw ukoll li l-isforzi ta’ konformità mill-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut permezz tar-reviżjoni tal-kuntratti u t-taħriġ tal-persunal kellhom rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-UTPs.

Livelli differenti ta’ sensibilizzazzjoni fost il-fornituri

Skont id-data mill-istħarriġ tal-JRC, il-livell ta’ sensibilizzazzjoni rrapportat ivarja bejn 62 % u 76 % tar-rispondenti skont it-tip ta’ fornituri, mingħajr ebda xejra ċara bejn sessjonijiet ta’ stħarriġ differenti. Livell baxx ta’ sensibilizzazzjoni u sfidi fit-tressiq tal-ilmenti huma rrapportati wkoll fost il-partijiet ikkonċernati mhux tal-UE.

Għalkemm xi EA kienu ffukaw fuq attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u biex jintlaħqu n-nies mill-ewwel snin tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, is-sensibilizzazzjoni kienet ġeneralment baxxa, b’mod partikolari fost il-bdiewa u l-fornituri ta’ daqs żgħir, prinċipalment minħabba ż-żmien qasir li kien għadda mill-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva. Il-fornituri u l-proċessuri ta’ daqs akbar kellhom it-tendenza li jirrapportaw livelli moderati ta’ sensibilizzazzjoni iżda semmew ukoll diffikultajiet biex jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva.

Rati baxxi ta’ lmenti

Minbarra l-livelli baxxi ta’ sensibilizzazzjoni fost il-fornituri, matul l-ewwel snin tal-implimentazzjoni waslu biss għadd limitat ta’ lmenti fl-Istati Membri kollha. Skont l-istħarriġ tal-JRC tal-2024, 52 % biss tar-rispondenti kienu jafu fejn għandhom jippreżentaw ilment. Biex jindirizzaw dan, l-EA ffukaw l-isforzi inizjali tagħhom fuq każijiet ta’ gwida jew żiedu n-numru ta’ investigazzjonijiet ex officio (fuq inizjattiva proprja).

Id-data mill-istħarriġ annwali tal-JRC indikat diversi raġunijiet għaliex il-fornituri ma qajmux UTPs mal-EA meta esperjenzawhom. 29 % tar-rispondenti semmew il-biża’ ta’ ritaljazzjoni bħala ostaklu kbir, filwaqt li l-ostakli l-oħra rrapportati kienu jinkludu l-perċezzjoni li ċerti UTPs kienu abitwali u ma kienx ħaqqhom jiġu rrapportati (20 %), jew nuqqas ta’ fiduċja fil-kapaċità tal-EA li jieħdu azzjoni (19 %).

It-tħassib dwar il-kunfidenzjalità u l-biża’ ta’ ritaljazzjoni kienu partikolarment prevalenti, kif muri mill-istudji tal-każijiet tal-Istati Membri (BE, ES, NL, SE). Dawn l-istudji tal-każijiet enfasizzaw li r-regoli proċedurali nazzjonali jistgħu jeħtieġu l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni matul il-proċedimenti biex jiġi ssalvagwardjat id-dritt tad-difiża tax-xerrej, li qajmet tħassib fost il-fornituri dwar l-esponiment potenzjali u saħħet ir-riluttanza tagħhom li jressqu lmenti.

Għalkemm id-Direttiva tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi (“PO”, producer organisations) jew lil organizzazzjonijiet tal-fornituri oħrajn b’interess leġittimu jippreżentaw ilmenti f’isem il-membri tagħhom, l-evalwazzjoni wriet li dan il-mekkaniżmu baqa’ ma ntużax. B’mod parallel, l-għoti ta’ informazzjoni b’mod anonimu wera li huwa sors potenzjalment siewi ta’ informazzjoni dwar is-suq għall-EA bħala mod kif jiġu infurmati l-investigazzjonijiet ex officio u l-inkjesti settorjali. Madankollu, baqgħu osservati sfidi f’setturi kkonċentrati ħafna fejn l-anonimità tal-informatur xorta tista’ tkun diffiċli biex tiġi ggarantita.

Żieda fl-azzjonijiet ta’ infurzar iżda xorta għad hemm varjazzjoni sinifikanti bejn l-Istati Membri

 
L-evalwazzjoni wriet li l-għadd u t-tip ta’ azzjonijiet ta’ infurzar kienu fil-biċċa l-kbira influwenzati mill-prijoritajiet strateġiċi nazzjonali, li jirriflettu approċċi differenti għall-implimentazzjoni 22 . F’konformità mal-enfasi tad-Direttiva fuq id-deterrenza permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, kien hemm żieda gradwali fin-numru ta’ investigazzjonijiet imnedija mill-EA, kemm ex officio kif ukoll wara lment. Inbdew total ta’ 4 610 investigazzjoni bejn l-2021 u l-2024, li minnhom madwar 53 % ngħalqu matul dan il-perjodu (2 462 investigazzjoni magħluqa). Minn dawn, 4 Stati Membri (ES, IT, CY, HU) wettqu 90 % tal-investigazzjonijiet, filwaqt li 13-il SM ieħor wettqu inqas minn 5 investigazzjonijiet.

Filwaqt li l-għadd totali ta’ investigazzjonijiet fl-UE għadu relattivament baxx meta mqabbel mal-volum ta’ tranżazzjonijiet tal-bejgħ fis-settur, ix-xejra ’l fuq tissuġġerixxi involviment istituzzjonali dejjem akbar mal-UTPs. Madankollu, ma ġiet irrapportata l-ebda investigazzjoni f’xi SM u għadd relattivament modest f’oħrajn, li jissuġġerixxi l-ħtieġa li jiġi sfruttat aktar il-potenzjal ta’ investigazzjonijiet ex officio.

Abbażi tar-rapportar tal-Istati Membri, l-evalwazzjoni sabet li madwar terz tal-investigazzjonijiet magħluqa bejn l-2021 u l-2024 ikkonkludew bis-sejba ta’ ksur u rriżultaw f’penali, jiġifieri total ta’ 754 ksur. Bejn l-2022 u l-2024, il-ksur wassal għal total ta’ EUR 41,9 miljun f’multi. B’mod ġenerali, il-penali kienu meqjusa bħala mod effettiv kif tiġi appoġġata l-konformità permezz tal-effett ta’ deterrent tagħhom, għalkemm l-għadd u s-severità tal-penali varjaw bejn l-SM, li jirrifletti l-firxa wiesgħa ta’ oqfsa legali fis-seħħ. Miżuri ta’ reputazzjoni, bħall-approċċi “name and shame”, ġeneralment kienu meqjusa effettivi, speċjalment fir-rigward ta’ xerrejja fuq in-naħa tal-konsumatur.

Barra minn hekk, diversi Stati Membri żviluppaw approċċi preventivi oħra biex irawmu l-konformità, jiffaċilitaw id-djalogu, jew isolvu t-tilwim fi stadju bikri. Tali approċċi ġeneralment kienu meqjusa bħala importanti u effettivi biex jiġu miġġielda l-UTPs. L-eżempji jinkludu l-introduzzjoni ta’ uffiċjali ta’ konformità tal-UTP interni minn “xerrejja kbar” fl-Irlanda, jew il-ħolqien ta’ medjatur jew ombudsman bħala punt ta’ kuntatt inizjali fl-Awstrija u l-Finlandja.

L-evalwazzjoni wriet ukoll li xi partijiet ikkonċernati qiesu miżuri preventivi oħra mill-EA, bħal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, bħala moderatament effettivi, filwaqt li l-bejjiegħa bl-imnut u parti kbira mis-settur tal-biedja qiesu li l-użu obbligatorju ta’ kuntratti bil-miktub huwa ġeneralment utli biex jiġu miġġielda l-UTPs.

Tip ieħor ta’ miżura eżaminata kienet tikkonċerna mekkaniżmi korrettivi u/jew kumpensatorji addizzjonali disponibbli f’xi SM. Dawn jinkludu s-setgħa li jinkisbu impenji speċifiċi mix-xerrej, li jinħarġu ordnijiet ta’ konformità, jew li jiġu imposti rimedji ċivili, bħall-annullament tat-termini tal-kuntratt, ir-restituzzjoni tal-imposti, jew il-kumpens għad-danni. Xi EA qiesu li l-enfasi fuq li tiġi rrimedjata l-ħsara lill-fornituri pprovdiet rispons aktar immedjat u mmirat mill-penali. Madankollu, id-disponibbiltà u l-użu ta’ dawn il-mekkaniżmi, li ma humiex meħtieġa b’mod espliċitu mid-Direttiva, varjaw bejn l-SM.

Kooperazzjoni bejn l-EA

L-evalwazzjoni enfasizzat l-iżviluppi pożittivi fir-rigward tax-xogħol tan-Network tal-UTP, li fil-biċċa l-kbira kien meqjus mill-EA bħala li għen biex tittejjeb il-kooperazzjoni reċiproka.

Madankollu, l-evalwazzjoni wriet li l-isforzi ta’ infurzar kienu kkonċentrati primarjament fuq il-UTPs li seħħew fi SM wieħed, bi ftit każijiet ta’ investigazzjonijiet transfruntieri. Il-limitazzjonijiet fil-qafas legali eżistenti fir-rigward tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali f’każijiet transfruntieri, u l-kapaċitajiet ta’ infurzar mhux uniformi joħolqu sfidi biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet verament ekwi. Il-proposta reċenti tal-COM dwar din il-kwistjoni titqies bħala pass pożittiv lejn l-indirizzar tan-nuqqasijiet eżistenti 23 .

3.2.EFFIĊJENZA

L-evalwazzjoni vvalutat il-kostijiet u l-benefiċċji assoċjati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva, filwaqt li qieset il-kostijiet amministrattivi għall-Istati Membri u għall-EA u l-kostijiet operazzjonali għall-fornituri u/jew għax-xerrejja 24 .

Hemm benefiċċji identifikabbli għall-bdiewa iżda l-kwantifikazzjoni tibqa’ sfida

Il-fatturi li jaffettwaw in-natura u s-severità tal-impatt tal-UTPs fuq il-bdiewa u l-fornituri ż-żgħar jinkludu l-grad sa fejn l-azjendi agrikoli jiġu aggregati u jekk il-fornituri humiex affettwati direttament jew indirettament mill-UTPs minħabba l-effett pass-through tul il-katina. Pereżempju, l-evalwazzjoni sabet li l-bdiewa li ma kinux parti minn PO u li kienu affettwati direttament mill-UTPs kellhom it-tendenza li jkunu aktar esposti għar-riskji ekonomiċi.

Peress li l-pagamenti tard kienu jirrappreżentaw il-UTP irrapportata l-aktar ta’ spiss b’konsegwenzi negattivi sinifikanti minħabba l-effett ta’ tfixkil tagħhom fuq il-fluss tal-flus, l-istudju ta’ sostenn stima l-benefiċċji potenzjali għas-settur tal-biedja mill-indirizzar tal-pagamenti tard lill-bdiewa. L-istudju ta’ sostenn issuġġerixxa li bħala riżultat tad-Direttiva, il-perjodi ta’ pagament, il-ġestjoni tal-fluss tal-flus u l-prevedibbiltà għall-bdiewa u għall-fornituri ż-żgħar se jitjiebu. Dan imbagħad kien se jnaqqas id-dipendenza fuq is-self, jappoġġa l-affidabbiltà kreditizja, u jnaqqas ir-riskju ta’ insolvenza, u potenzjalment jillibera r-riżorsi għall-investiment. Il-vantaġġ medju stmat li jirriżulta mill-fluss ta’ flus annwali addizzjonali għal kull fornitur (inklużi l-farms) varja minn madwar EUR 16 000 fil-Polonja għal kważi EUR 175 000 fi Franza 25 .

Wara l-pagamenti tard, il-UTPs bl-akbar impatt ekonomiku negattiv fuq il-bdiewa kienu l-kanċellazzjonijiet fl-aħħar minuta, speċjalment għal prodotti li jitħassru, u t-trasferiment tar-riskju kummerċjali permezz ta’ bidliet unilaterali fit-termini tal-kuntratt jew kontribuzzjonijiet obbligatorji biex ikopru t-telf tax-xerrej. Prattiki bħal dawn jistgħu jwasslu għal telf tad-dħul u jżidu l-esponiment tal-bdiewa u tal-fornituri ż-żgħar għal kostijiet imprevedibbli.

Il-bdiewa spiss sabuha diffiċli biex jikkwantifikaw l-effetti ekonomiċi tal-UTPs, peress li kellhom it-tendenza li jipperċepixxu l-impatt f’termini relattivi, eż. fir-rigward tar-riżultati tal-ħsad, tal-fluttwazzjonijiet tas-suq jew ta’ fatturi esterni oħra. Id-data limitata disponibbli u l-kumplessità tal-iżolament tal-effetti tad-Direttiva għamluha diffiċli li tiġi prodotta analiżi preċiża tal-kostijiet u l-benefiċċji bbażata fuq valutazzjoni kontrofattwali robusta. Kull fejn possibbli, l-evalwazzjoni kkwantifikat l-effetti tad-Direttiva, iżda b’xi mod ieħor qagħdet fuq valutazzjoni kwalitattiva u rieżami tal-perċezzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati. F’dan ir-rigward, ir-riżultati ta’ stħarriġ tal-assoċjazzjonijiet tan-negozju indikaw li l-biċċa l-kbira tan-negozji kkonsultati esperjenzaw xi benefiċċji finanzjarji li rriżultaw mid-Direttiva, inkluż minn termini kuntrattwali trasparenti u affidabbli (24 % tal-228 indikazzjoni), tnaqqis fl-għadd ta’ bidliet unilaterali fil-kuntratti (19 %), u pprezzar aktar trasparenti (15 %) 26 .

Minbarra l-effetti finanzjarji tad-Direttiva, ġew irrapportati wkoll benefiċċji kwalitattivi, inklużi djalogu u fiduċja mtejba u l-promozzjoni ta’ kultura ta’ ġustizzja fil-katina.

Għall-bdiewa u l-fornituri, il-kostijiet tad-Direttiva baqgħu proporzjonati għall-benefiċċji 27

L-evalwazzjoni eżaminat il-kostijiet amministrattivi mġarrba mill-EA u mill-Istati Membri wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva u sabet varjazzjonijiet sinifikanti skont l-approċċ nazzjonali. Għall-Istati Membri li kienu l-aktar attivi fit-twettiq tal-investigazzjonijiet, l-istimi jissuġġerixxu li l-kostijiet annwali tal-infurzar kienu qrib EUR 800 000.

Il-kostijiet ta’ aġġustament għall-operaturi tan-negozju tul il-katina, inklużi l-fornituri u x-xerrejja, ukoll varjaw b’mod wiesa’. Skont l-istimi, il-kostijiet ta’ aġġustament inizjali varjaw minn madwar EUR 12-il miljun fil-Ġermanja għal EUR 19-il miljun fid-Danimarka, bil-bejjiegħa bl-imnut iġarrbu l-ogħla kostijiet għal kull operatur.

B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni sabet li l-kostijiet tal-infurzar għall-EA u l-kostijiet ta’ aġġustament għall-operaturi tan-negozju li jaġixxu esklużivament jew primarjament bħala fornituri kienu proporzjonati għall-benefiċċji miksuba f’termini tat-titjib tal-prattiki tan-negozju. B’kuntrast ma’ dan, ix-xerrejja qiesu li l-kostijiet ta’ aġġustament tagħhom, li jirriżultaw primarjament mill-adattament tal-kuntratti, jisbqu l-benefiċċji. Din ma kinitx sorpriża peress li d-Direttiva hija mfassla biex tipproteġi lill-fornituri aktar dgħajfa kontra xerrejja aktar b’saħħithom. Madankollu, ma nstabet l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-kostijiet għax-xerrejja kienu wasslu għal dannu sinifikanti jew tfixkil operazzjonali fil-katina.

3.3. VALUR MIŻJUD TAL-UE

L-evalwazzjoni sabet li l-valur miżjud tal-UE tad-Direttiva, speċjalment il-kontribut tagħha għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi, ġie mil-livell minimu ta’ protezzjoni mill-UTPs ipprovdut lill-fornituri madwar l-UE, b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn qabel ma kinitx teżisti protezzjoni 28 .

Madankollu, l-evalwazzjoni sabet ukoll li għad baqa’ differenzi sinifikanti fil-leġiżlazzjoni u fl-infurzar nazzjonali minkejja l-implimentazzjoni tad-Direttiva. B’mod partikolari, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati identifikaw dawn id-differenzi bħala waħda mill-isfidi ewlenin li jimminaw il-valur miżjud tal-UE tad-Direttiva, fejn ix-xerrejja rabtu d-differenzi nazzjonali kontinwi ma’ diversi effetti negattivi mhux intenzjonati, b’mod partikolari żieda fl-inċertezza legali u infurzar inkonsistenti f’każijiet transfruntieri fl-UE. Barra minn hekk, is-settur tal-bejgħ bl-imnut irrapporta effetti mhux intenzjonati oħra minħabba d-deċiżjoni ta’ xi Stati Membri li jestendu l-protezzjoni kontra l-UTPs lill-fornituri l-kbar. Is-settur tal-bejgħ bl-imnut kien jemmen li dan jista’ jibdel bla bżonn il-bilanċ tal-poter favur il-fornituri l-kbar, li jikkawża dannu partikolari lil xerrejja iżgħar.

Fl-istess ħin, xi partijiet ikkonċernati oħra qiesu d-differenzi bejn l-Istati Membri b’mod aktar pożittiv u qiesu li billi tali differenzi huma permessi, l-Istati Membri jistgħu jindirizzaw aħjar iċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi u jirrispondu aktar malajr għal kwistjonijiet emerġenti.

L-istudju ta’ sostenn sab li r-rekwiżiti minimi armonizzati tad-Direttiva kienu kkontribwew b’mod ġenerali għall-valur miżjud tal-UE, fehma li kienet kondiviża b’mod wiesa’ mill-fornituri u mill-EA, iżda inqas mix-xerrejja 29 , li kienu mħassbin dwar li l-Istati Membri żammew jew introduċew regoli nazzjonali aktar stretti jew diversi ħafna skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, li xi wħud rawhom bħala problematiċi għal-libertajiet tas-Suq Uniku.

3.4. KOERENZA

L-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva tikkumplimenta strumenti legali oħra tal-UE, inklużi r-Regolament dwar l-OKS 30 u l-kontroparti tiegħu fis-settur tas-sajd 31 . Bħala parti minn dan il-qafas ta’ politika usa’, id-Direttiva tappoġġa l-approċċ strutturali tal-OKS, immirat lejn it-tisħiħ tas-setgħa ta’ negozjar tal-bdiewa bil-promozzjoni ta’ azzjoni kollettiva u l-istabbiliment ta’ qafas kuntrattwali ġenerali. Madankollu, id-Direttiva tindirizza kwistjonijiet li ma humiex koperti mir-Regolament dwar l-OKS billi tipprovdi protezzjoni fil-livell ta’ relazzjonijiet kummerċjali individwali u operazzjonijiet tan-negozju, billi toffri qafas legali mmirat li jipproteġi lill-bdiewa u lill-fornituri ż-żgħar minn imġiba abbużiva speċifika minn xerrejja aktar b’saħħithom.

Bl-istess mod, l-evalwazzjoni enfasizzat il-funzjoni komplementari tad-Direttiva fir-rigward tar-regoli tal-UE dwar il-pagamenti tard 32 , inkluż ir-Regolament dwar il-Pagamenti Tard li ġie propost reċentement 33 , li jenfasizza l-funzjoni distinta tagħha u r-rilevanza kontinwa għas-settur agrikolu.

Ma ġewx identifikati kunflitti jew inkonsistenzi ma’ strumenti legali oħra. Għall-kuntrarju, ġew identifikati sinerġiji importanti bejn id-Direttiva u azzjonijiet jew inizjattivi oħra, bħar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar Prattiki Responsabbli tan-Negozju u l-Kummerċjalizzazzjoni tal-Ikel, magħrufa bħala l-“Kodiċi Agroalimentari” minn nofs l-2025 ’l hawn 34 . 

3.5. RILEVANZA KONTINWA

B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva kienet ġeneralment proporzjonata u bbilanċjata fl-indirizzar tal-ħtiġijiet eżistenti. Fl-istess ħin, hija identifikat ambitu għal azzjoni ulterjuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribut tad-Direttiva għall-vijabbiltà ekonomika, ir-reżiljenza, u l-kompetittività tas-settur agrikolu u l-ħolqien ta’ UTPs ġodda jew li qed jevolvu. Filwaqt li d-Direttiva nstabet li tipprovdi qafas robust u xieraq, għad hemm ambitu għall-indirizzar tal-isfidi li qed jevolvu, bħall-iżgurar ta’ remunerazzjoni ġusta għall-bdiewa u l-indirizzar ta’ UTPs ġodda. Il-feedback mill-partijiet ikkonċernati kkonferma din is-sejba, għalkemm kien hemm fehmiet differenti dwar il-kapaċità tad-Direttiva li tindirizza l-kawżi ewlenin tal-UTPs u tinfluwenza l-mekkaniżmi tal-iffissar tal-prezzijiet 35 .

Ħafna mill-oqsma għal titjib potenzjali identifikati mill-partijiet ikkonċernati tqajmu wkoll fid-diskussjonijiet li saru fiż-żmien meta ġiet adottata d-Direttiva, u enfasizzaw diverġenza kontinwa tal-fehmiet. Xi fornituri talbu li jkun hemm miżuri bħall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva f’termini ta’ limiti tal-fatturat jew l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni fl-UE kollha fuq il-bejgħ taħt il-kost, kif diġà hemm fis-seħħ f’xi SM 36 . Ix-xerrejja kienu kontra l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni b’dan il-mod u talbu protezzjoni bidirezzjonali kontra l-UTPs, biex ix-xerrejja ż-żgħar ukoll ikunu jistgħu jiġu protetti mill-fornituri l-kbar.

Flimkien ma’ dawn il-kwistjonijiet li ilhom jeżistu, il-partijiet ikkonċernati indikaw ukoll tħassib aktar reċenti dwar il-UTPs emerġenti potenzjali. B’mod partikolari, dawn kienu relatati ma’ prattiki ta’ ċirkomvenzjoni tad-Direttiva u li jistgħu jittrasferixxu riskji jew kostijiet sproporzjonati lill-fornituri, inklużi arranġamenti aktar kumplessi relatati mas-servizzi, bħall-“ħlas mal-iskennjar” (pay-on-scan) 37 , jew talbiet marbuta mal-impenji relatati mas-sostenibbiltà tax-xerrejja (eż. it-trasferiment tal-impenji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tax-xerrejja lill-fornituri).

4. KONKLUŻJONIJIET, TAGĦLIMIET MEĦUDA, U L-PASSI LI JMISS

Għalkemm id-Direttiva ilha implimentata bis-sħiħ biss għal perjodu qasir u minkejja varjazzjoni sinifikanti fl-approċċi tal-Istati Membri u l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, l-esperjenza bikrija tad-Direttiva turi sinjali inkoraġġanti fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-UTPs, b’fiduċja akbar li l-katina kkontribwiet għal kultura kummerċjali aktar responsabbli.

Fl-istess ħin, l-evalwazzjoni tad-Direttiva identifikat għadd ta’ nuqqasijiet u sfidi. It-tagħlimiet meħuda li ġejjin jenfasizzaw oqsma fejn il-qafas tal-UTP u l-applikazzjoni tiegħu jistgħu jissaħħu aktar, inkluż permezz ta’ reviżjoni possibbli tad-Direttiva:

-Sensibilizzazzjoni fost il-bdiewa u l-fornituri dwar id-drittijiet tagħhom. Dan huwa qasam importanti għal azzjoni ulterjuri li jista’ jiġi indirizzat billi jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni, inkluż għall-fornituri involuti fi tranżazzjonijiet transfruntieri jew minn pajjiżi terzi, jew billi jiġu mħeġġa attivitajiet immirati ta’ sensibilizzazzjoni jew ta’ taħriġ.

-Teħid ta’ azzjoni biex jittejbu l-infurzar u l-indirizzar tal-“fattur ta’ biża’” fost il-fornituri. Il-biża’ ta’ ritaljazzjoni tibqa’ ostaklu li jiskoraġġixxi lill-fornituri milli jirrapportaw il-UTPs, speċjalment f’setturi b’konċentrazzjoni għolja ta’ xerrejja u b’dipendenza fuq ix-xerrejja. Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni u titnaqqas id-dipendenza fuq ilmenti individwali, l-EA diġà jistgħu jagħmlu użu akbar mill-investigazzjonijiet ex officio, li l-potenzjal tagħhom ma ġiex esplorat bis-sħiħ f’xi Stati Membri. Fl-istess ħin, il-PO u organizzazzjonijiet tal-fornituri oħra, inklużi dawk minn pajjiżi terzi, jista’ jkollhom rwol akbar fl-appoġġ tal-fornituri u fil-preżentazzjoni tal-ilmenti f’isimhom.

-Titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera. L-ostakli proċedurali jkomplu jxekklu l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn l-EA f’każijiet transfruntiera. Il-COM ippubblikat proposta f’Diċembru 2024 li tindirizza din il-kwistjoni, li hija mistennija tipprovdi qafas robust għall-kooperazzjoni u ssolvi n-nuqqasijiet identifikati fir-rigward tal-lista armonizzata tal-UTPs stabbilita mid-Direttiva 38 .

-Tisħiħ tal-monitoraġġ b’appoġġ għat-tfassil ta’ politika abbażi tal-evidenza. Filwaqt li sar progress fil-ġbir tad-data permezz ta’ rapporti u stħarriġ annwali, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat monitoraġġ konsistenti, komparabbli u robust tal-UTPs madwar l-UE. L-azzjoni possibbli f’dan ir-rigward tista’ tinkludi l-ġbir ta’ data aktar standardizzata, affidabbli u kwantifikabbli, jew it-twettiq ta’ evalwazzjonijiet aktar komprensivi fil-livell tal-Istati Membri dwar l-effetti tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni nazzjonali.

-Indirizzar tal-applikazzjoni mhux uniformi tad-Direttiva. Id-differenzi fl-għażliet ta’ implimentazzjoni u fil-prattiki ta’ infurzar tal-Istati Membri wasslu għal interpretazzjonijiet diverġenti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jew għall-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali aktar stretti. Diversità fir-regoli nazzjonali, anki lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, tista’ toħloq varjazzjonijiet fl-infurzar u fis-sorveljanza. Trid tingħata aktar kunsiderazzjoni biex tiġi żgurata konsistenza akbar fil-mod kif jiġu miġġielda l-UTPs.

-Iffaċilitar tal-kapaċità tar-rispons għall-ħtiġijiet emerġenti. Filwaqt li ġie rrapportat biss għadd limitat ta’ UTPs ġodda, huwa importanti li b’mod attiv tinżamm għajn miftuħa għal kwistjonijiet emerġenti u li jiġu antiċipati l-bidliet fis-suq. Barra minn hekk, trid tittieħed azzjoni biex jiġi evitat li l-bdiewa jkunu mġiegħla li b’mod sistematikujbigħu taħt il-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom, kif imsemmi fil-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel. Għodod ġodda speċifiċi għal dawn l-għanijiet iridu jiġu eżaminati aktar, flimkien mal-espansjoni possibbli tal-lista tal-UTPs.

Filwaqt li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti trid issir b’kawtela peress li d-Direttiva ilha implimentata bis-sħiħ biss għal perjodu ta’ żmien relattivament qasir, jidher ċar li l-indirizzar tan-nuqqasijiet u l-isfidi li jifdal se jirrikjedi aktar ħsieb sabiex jiġi ddeterminat kif id-Direttiva u strumenti oħra jistgħu jappoġġaw bl-aħjar mod il-prestazzjoni ekonomika tas-settur agrikolu u l-katina kollha kemm hi, u jekk jistgħux ikunu meħtieġa miżuri addizzjonali, filwaqt li tiġi ppreservata l-orjentazzjoni tas-suq tal-Politika Agrikola Komuni. Filwaqt li tibni fuq is-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni, u kif ikkonfermat fid-diskors tal-President von der Leyen tal-2025 dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea 39 , il-COM beħsiebha tirrevedi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prattiki kummerċjali inġusti. Il-proposti tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva se jkunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt li se tkopri għażliet differenti biex jiġu indirizzati l-isfidi stabbiliti hawn fuq u se teżamina bir-reqqa l-impatti ta’ dawk l-għażliet fuq il-bdiewa u atturi oħra fil-katina.

(1)

ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2019/633/oj

(2)

  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja r-Rapport ta’ Evalwazzjoni (“SWD”, Staff Working Document).

(3)

  Djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE - COM .

(4)

  Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024–2029 - COM .

(5)

  Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel - COM.

(6)

  SWD(2018) 92 final , p. 20.

(7)

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva.

(8)

SWD, it-Taqsima 3.

(9)

Evaluation support study of the EU Directive 2019/633 on unfair trading practices in business-to-business relationships in the agricultural and food supply chain ( DOI: 10.2762/2191333 ).

(10)

  COM/2021/652 final

(11)

  COM/2024/176 final u SWD/2024/106 final/2 .

(12)

  Prattiki Kummerċjali Inġusti - JRC .

(13)

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva jirrikjedi lill-Istati Membri jibagħtu lill-COM rapport dwar l-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom sal-15 ta’ Marzu ta’ kull sena.

(14)

  Evalwazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/633 - KESE

(15)

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva jirrikjedi lill-EA jippubblikaw rapport annwali tal-attivitajiet tagħhom. Link għar-rapporti: Prattiki kummerċjali inġusti - COM .

(16)

  EU actions to address farmers’ concerns - COM .

(17)

  COM/2024/577 final .

(18)

  AFCO – COM . 

(19)

Study on regulatory and voluntary schemes for fair agricultural remuneration ( DOI: 10.2762/0016025 ).

(20)

SWD, it-Taqsima 4.1.

(21)

Studju ta’ sostenn, p. 20.

(22)

SWD, l-Anness VI.

(23)

  COM/2024/576 final .

(24)

SWD, it-Taqsima 3.

(25)

Studju ta’ sostenn, p. 135.

(26)

Studju ta’ sostenn, p. 63.

(27)

SWD, it-Taqsima 3.

(28)

SWD, it-Taqsima 4.2.

(29)

Studju ta’ sostenn, p. 91 ff.

(30)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj .

(31)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2013/1379/oj .

(32)

  ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1, ELI:   http://data.europa.eu/eli/dir/2011/7/oj

(33)

  COM(2023)533 final .

(34)

The Agri-Food Code – COM.

(35)

SWD, it-Taqsima 4.3.

(36)

Ara n-nota 19 f’qiegħ il-paġna.

(37)

F’dan il-mudell, il-fornituri jitħallsu biss meta l-bejjiegħ bl-imnut ibigħ il-prodott lill-konsumatur finali, minflok meta jiġi kkonsenjat. Dan effettivament jista’ jestendi l-iskadenzi għall-pagamenti permessi skont id-Direttiva.

(38)

  COM/2024/576 final

(39)

  L-Istat tal-Unjoni 2025 - COM .