16.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Lulju 2008

dwar l-għajnuna mill-Istat C 29/04 (ex N 328/03) li l-Italja biħsiebha tagħti għar-raffinerija taz-zokkor ta' Villasor, proprjetà tal-kumpanija Sadam ISZ

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 3531)

(it-test bit-taljan biss huwa awtentiku)

(2009/704/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dak l-Artikolu, u wara li ġew ikkunsidrati dawk il-kummenti,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Bl-ittra tat-22 ta’ Lulju 2003, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-għajnuna għar-raffinerija taz-zokkor ta’ Villasor, proprjetà tal-kumpanija Sadam ISZ. Bl-ittri tad-19 ta' Settembru 2003 u tat-30 ta’ Marzu 2004, l-Italja bagħtet it-tagħrif addizzjonali lill-Kummissjoni.

(2)

Bl-ittra tal-8 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni infurmat lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat dwar l-għajnuna kkonċernata.

(3)

Bl-ittri tat-13 ta’ Ottubru 2004 u tas-7 ta’ April 2005, l-Italja bagħtet lill-Kummissjoni l-kummenti tal-awtoritajiet Taljani rigward id-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura formali tal-eżami.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna kkonċernata.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar dan mill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni bagħtithom lill-Italja biex din ikollha l-opportunità li tagħti l-kummenti tagħha, u rċeviet dawn il-kummenti permezz ta' ittra tat-18 ta' Mejju 2005.

(6)

Bl-ittra tal-31 ta’ Jannar 2008 u tal-14 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni t-tagħrif mitlub permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2007.

II.   DESKRIZZJONI

(7)

L-intrapriża benefiċjarja, ir-raffinerija taz-zokkor ta’ Villasor, proprjetà tal-kumpanija Sadam ISZ, hija stabbiliment ta’ pproċessar tal-pitrava zokkrija, l-uniku wieħed li jeżisti fir-reġjun ta’ Sardenja (waħda mill-ikbar gżejjer fil-Mediterran).

(8)

L-awtoritajiet Taljani qiegħdu EUR 3,5 miljun għad-dispożizzjoni ta’ din ir-raffinerija biex tittaffa parti mit-telf imġarrab wara li naqset il-produzzjoni taz-zokkor minħabba li bejn l-2001 u l-2002 in-nixfa rriżultat fin-nuqqas ta' pitravi.

(9)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni tal-pitravi, l-awtoritajiet kompetenti pprovdew dejta li turi t-tnaqqis fil-produzzjoni reġjonali u għalhekk fil-provvista taz-zokkor. Meta mqabbel mal-perjodu ta’ referenza ta’ bejn l-1998 u l-2000, it-tnaqqis huwa ta’ 39 % fl-2001 u ta’ 68 % fl-2002 (2).

(10)

L-awtoritajiet kompetenti kkalkulaw il-ħsarat imġarrba mir-raffinerija ta’ Villasor abbażi tad-dejta misluta mill-kontijiet tal-kumpanija għas-snin 1998 sal-2002, u waslu għal stima ta’ EUR 6 858 448 (3). Il-metodu ta’ kif ġew ikkalkulati l-ħsarat huwa dan li ġej: l-awtoritajiet ikkalkulaw il-proporzjon tal-ispejjeż fissi skont tunnellata zokkor f’perjodu ta’ referenza (1998–2000) u qabblu din iċ-ċifra mal-ispejjeż fissi għal kull tunnellata għas-snin 2001 u 2002. Bħala spejjeż fissi huma qiesu: il-persunal permanenti, il-manutenzjoni (servizzi mogħtija minn partijiet terzi u t-taxxi tal-ħżin), l-ispejjeż ġenerali, id-diprezzament u l-piżijiet finanzjarji (4). Matul il-perjodu ta’ referenza, l-effett tal-ispejjeż fissi fuq il-prodott kien ta’ 166,61 EUR/t (5). Għas-snin 2001–2002, l-istess proċedura ta’ kalkolu twassal għar-riżultati li ġejjin: l-inċidenza tal-ispejjeż fissi fuq il-prodott fl-2001 kienet ta’ 287,95 EUR/t (6) u fl-2002 kienet ta’ 569,18 EUR/t (7). L-effett prinċipali tal-ispejjeż fissi mqabbel mal-perjodu ta’ referenza nkiseb bit-tnaqqis tal-effett tal-ispejjeż fissi tal-perjodu ta’ referenza tal-effett tal-ispejjeż fissi tas-snin 2001 u 2002. Ir-riżultat fl-2001 huwa ta’ 121,34 EUR/t u fl-2002 ta’ 402,58 EUR/t (8). Sabiex jiġi kkalkulat it-total tal-ħsarat imġarrba, il-produzzjoni totali taz-zokkor fl-2001 u fl-2002 ġiet immultiplikata permezz tal-indiċi definit hawn taħt. Fl-2001, il-ħsarat ġew ikkwantifikati sa EUR 2 427 278 u fl-2002 sa EUR 4 431 170 (9), jiġifieri total ta’ EUR 6 858 448.

(11)

Għalhekk, it-total ta’ 3,5 mijlun mogħti mill-awtoritajiet Taljani jikkorrispondi għal 51 % tal-ħsarat imġarrba. L-awtoritajiet Taljani spjegaw li l-ammont tal-għajnuna ġie definit mill-imperattivi baġitarji.

(12)

Din l-għajnuna ma tistax titħallas flimkien ma’ forom oħra ta’ għajnuna.

(13)

L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw fajl li fih hemm id-dejta meteoroloġika tal-aħħar 10 snin miġbura mis-Servizz Agrometeoroloġiku Reġjonali (SAR) għal Sardenja (10), sabiex juru l-karattru eċċezzjonali tan-nixfa li laqtet il-gżira bejn l-2001 u l-2002. Din id-dejta tindika kemm damet in-nixfa, il-livell tar-riżervi tal-ilma kif ukoll id-dejta li għandha x'taqsam mas-sitwazzjoni agroklimatoloġika ta' Sardenja bejn l-2001 u l-2002.

(14)

Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani indikaw li l-kultivazzjoni tal-pitravi bbenefikat mill-għajnuna bosta drabi. Matul il-perjodu ta’ bejn l-1990 u l-2000, l-għajnuna ngħatat fl-1995, fl-2000, fl-2001 u fl-2002.

(15)

L-awtoritajiet Taljani jqisu li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni skont it-termini tal-punt 11.3.1 tal-Linji Gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu għall-perjodu 2000-2006 (minn hawn ’il quddiem il-Linji Gwida) (11) ladarba, skonthom, hija maħsuba li tirrimedja għall-ħsarat imġarrba mir-raffinerija taz-zokkor wara t-tnaqqis tal-produzzjoni tal-pitravi minħabba fenomenu meteoroloġiku meqjus bħala diżastru naturali.

(16)

L-awtoritajiet Taljani jqisu li din l-interpretazzjoni hija konformi mal-prattika tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet (12) fejn hemm rabta mill-qrib bejn il-produzzjoni agrikola ewlenija u l-proċeduri tal-ipproċessar agroindustrijali, u partikolarment fil-każ fejn l-impriża agrikola kkonċernata ma għandhiex riżorsi ta' provvista alternattivi disponibbli.

(17)

Għal dan il-għan l-awtoritajiet Taljani jisħqu li fl-industrija taz-zokkor ibbażata fuq il-pitravi, il-komponenti agrikoli u industrijali huma marbuta mill-qrib kif ukoll interdipendenti. L-eżistenza ta’ stabbiliment ta’ pproċessar tal-pitravi tiddependi mill-fatt li għandu jkun hemm “baċir ta' provvista” xieraq, u l-attività tar-raffinerija ta’ Villasor tinvolvi esklussivament l-ipproċessar tal-pitravi li jiġu prodotti fil-baċir ta’ provvista fuq il-gżira f’zokkor. L-awtoritajiet Taljani jisħqu li minħabba l-karatteristiċi fiżjoloġiċi tagħhom, il-ħsad tal-pitravi mkabbra fil-baċir Mediterranju għandu jsir fi żmien qasir li fih il-kontenut taz-zokkor ikun fl-ogħla livell. Il-pitravi jridu wkoll jiġu ttrasportati malajr (f’36 siegħa minn wara l-ħsad) lejn l-istabbiliment tal-ipproċessar inkella jkun hemm riskju li jintilef il-kontenut taz-zokkor u li jiġu attakkati mill-fungi, bir-riżultat li ma jibqgħux tajbin għall-użu. Għaldaqstant, iż-żoni ta’ provvista normalment jinsabu f’raġġ ta’ 80/100 kilometru mill-istabbilimenti tal-ipproċessar filwaqt illi l-ħsad u l-ipproċessar ikunu qsar ħafna. Is-sors ta’ provvista l-iktar qrib ir-raffinerija ta’ Villasor jinsab fl-Italja kontinentali, iktar minn 250 kilometru 'l bogħod (180 kilometru minnhom huma baħar).

(18)

L-awtoritajiet Taljani jinnutaw li l-produzzjoni taz-zokkor issir fuq livell Komunitarju mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (Regolament tal-OKS taz-zokkor) (13). Hija tistipula li sabiex jibbenefikaw mill-prezzijiet u mid-dħul garantiti mill-OKS, ir-raffineriji għandhom jidħlu f’kuntratt mal-produtturi tal-pitravi taż-żona ta’ provvista tagħhom għall-kwoti ta’ produzzjoni taz-zokkor “A + B” li ngħatawlhom mill-Istat. Iz-zokkor żejjed li jiġi prodott skont il-kwota “A + B” ma jistax igawdi mill-miżuri interni ta’ appoġġ u lanqas ma jista’ jitqiegħed liberament fis-suq komuni. Bħala riżultat ir-raffineriji kif ukoll l-impriżi agrikoli li normalment ifornuhom jipprogrammaw fil-kuntratt tal-kultivazzjoni tagħhom meded għall-kultivazzjoni li l-produzzjoni tagħhom ma taqbiżx il-kwoti “A + B” allokati lir-raffinerija mill-Istat. F’dan il-kuntest, huwa diffiċli li raffinerija tikseb il-provvista minn baċir ta’ produzzjoni tal-pitravi ħlief tagħha nnifisha, minħabba l-kwantità limitata ta’ zokkor disponibbli biex jiġi pproċessat ’il barra mill-kuntratti tal-kultivazzjoni u l-ħtieġa li jkun hemm ftehim bejn il-kumpaniji li jipproċessaw iz-zokkor. Barra minn hekk, fil-baċir Mediterranju l-baċiri alternattivi tal-pitravi għandhom ikunu qrib biżżejjed biex jiggarantixxu prodott tajjeb għall-użu.

(19)

L-awtoritajiet Taljani riedu wkoll iqisu l-eventwalità fejn l-istabbiliment ta’ Villasor isib il-materja prima tiegħu għall-ipproċessar minn imkien ieħor, iżda d-distanza taż-żoni ta’ produzzjoni fl-Italja kontinentali hija tant importanti li t-trasport tal-pitravi ma jibqax ekonomikament vijabbli barra mill-fatt li meta l-materja prima tasal fid-destinazzjoni ma tkunx tajba għall-użu.

(20)

L-awtoritajiet Taljani pprovdew lill-Kummissjoni b’simulazzjoni taż-żmien mitlub għat-trasport tal-pitravi minn baċir “alternattiv” li jinsab fl-Italja kontinentali, kif ukoll tal-ispejjeż involuti. Iż-żmien mitlub għat-trasport tal-pitravi f’Sardenja huwa bejn wieħed u ieħor ta’ jumejn u nofs mill-ħin tat-tagħbija. Ladarba l-ipproċessar tal-pitravi jeħtieġ li jsir fi żmien 36 siegħa minn wara l-ħsad (jum u nofs), dawn se jaslu fid-destinazzjoni fi stat mhux tajjeb għall-użu. Il-prezz ta’ din l-operazzjoni kif inhu kkalkulat mill-awtoritajiet kompetenti se jkun bejn wieħed u ieħor ta’ EUR 10 188 000 għaż-żewġ perjodi.

(21)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett speċifiku tan-nixfa u tal-politika tal-ġestjoni tal-ilma (marbuta man-nixfa) f'Sardenja, l-awtoritajiet Taljani wrew li l-emerġenza tal-ilma ġiet iddikkjarata fl-1995 u li ġie maħtur kummissarju speċjali (Commissario Governativo per l’Emergenza Idrica) li għandu awtorità speċjali fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma kif ukoll fir-rigward tat-twettiq tax-xogħlijiet urġenti ta’ infrastruttura.

(22)

L-awtoritajiet Taljani wrew ukoll li l-pjan ta’ żvilupp reġjonali ta’ Sardenja għas-snin 2000-2006 jipprovdi miżuri speċifiċi għat-tkabbir tal-pitravi. Fost l-oħrajn, dawn il-miżuri jinkludu l-iżvilupp tal-pjan idroagrikolu tal-art, l-akkwist ta' tagħmir u faċilitajiet ta' irrigazzjoni fl-istabbilimenti agrikoli, l-introduzzjoni ta' makkinarju iktar modern, u l-introduzzjoni ta' makkinarju għall-fertilizzazzjoni u għall-ħarsien tal-pjanti.

III.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(23)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE minħabba li ddubitat mill-kumpatibbiltà tal-miżura mal-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat, li skontu l-għajnuna maħsuba biex tirrimedja l-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra, hija kumpatibbli mas-suq komuni. Minħabba l-fatt li dawn huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, stabbilit bl-Artikolu 87(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha interpretazzjoni ristretta tal-kunċett “diżastru naturali” li jinsab fl-Artikolu 87(2)(b). S’issa l-Kummissjoni aċċettat li t-terremoti, il-valangi, iż-żerżiq tal-art u l-għargħar jistgħu jitqiesu bħala diżastri naturali.

(24)

Il-Kummissjoni dejjem sostniet li l-fenomeni meteoroloġiċi, bħalma huma l-ġelu, is-silġ, ix-xita jew in-nixfa, ma jistgħux jitqiesu bħala diżastri naturali skont l-Artikolu 87(2)(b). Madankollu, minħabba l-ħsara lill-produzzjoni agrikola jew lill-mezzi tagħha li jistgħu jikkawżaw dawn il-fenomeni, il-Kummissjoni aċċettat li dawn l-avvenimenti jistgħu jiġu trattati bħala diżastri naturali ladarba l-livell tal-ħsara li tkun saret jilħaq ċertu limitu (li ġie ffissat għal 20 % tal-produzzjoni normali fir-reġjuni żvantaġġati u għal 30 % fir-reġjuni l-oħra). Il-punt 11.3 tal-Linji Gwida (14) jistipula li l-għajnuna maħsuba bħala kumpens għat-telf li jirriżulta minn kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena ma tingħatax ħlief lill-bdiewa jew lil assoċjazzjonijiet ta’ produtturi li l-bdiewa jkunu membri tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna li taqa’ taħt il-punt 11.3 hija meqjusa kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat, sakemm ċerti kundizzjonijiet jiġu rispettati.

(25)

Il-Kummissjoni dejjem qieset li d-dispożizzjonijiet tal-punt 11.3 tal-Linji Gwida ma japplikawx għall-faċilitajiet agroindustrijali tal-ipproċessar li, fil-fehma tagħha, għandhom il-flessibbiltà meħtieġa għall-ġestjoni tal-provvisti tagħhom. Bla dubju dan jista’ jwassal għal iktar spejjeż fil-materja prima u/jew għal telf ta’ profitt, iżda ma jiġġustifikax l-applikazzjoni diretta tar-regoli li japplikaw għall-produzzjoni agrikola.

(26)

Ladarba l-awtoritajiet Taljani ma pproponew l-ebda bażi legali oħra għall-valutazzjoni u l-possibbiltà ta’ approvazzjoni tal-għajnuna, il-Kummissjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura, ma setgħetx teskludi li l-għajnuna prevista kienet għajnuna operazzjonali, jiġifieri forma ta’ għajnuna maħsuba biex tħaffef lill-impriżi mill-ispejjeż li normalment kien ikollhom bħala parti mill-ġestjoni tagħhom ta’ kuljum jew mill-attivitajiet normali tagħhom.

(27)

Barra minn hekk, id-dejta mibgħuta mill-awtoritajiet Taljani u dik disponibbli għall-Kummissjoni, tindika li Sadam ISZ kif ukoll il-kumpaniji li kienet tappartjeni għalihom direttament jew indirettament – b’mod partikolari SAM (Societa Adriatica Marchigiana) (15) u FINBIETICOLA Spa (16) – setgħet tassorbi t-tnaqqis fil-profitt li ġarrab l-istabbiliment.

(28)

Fl-aħħarnett, għalkemm ġie meqjus aċċettabbli (li ma kienx il-każ f'dan l-istadju tal-proċedura) li għal Sadam ISZ jiġi applikat il-prinċipju tal-kumpens imsemmi fil-punt 11.3 tal-Linji Gwida, il-perjodu ta' referenza magħżul mill-awtoritajiet Taljani għall-kalkolu tal-għajnuna kien żbaljat.

IV.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(29)

Meta l-proċedura ngħatat bidu, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti mingħand Sadam ISZ (17), mill-President tar-Reġjun ta’ Sardenja (18) u minn Brumar Srl (19).

Il-Kumpanija Sadam ISZ

(30)

Fil-kummenti tagħha, il-kumpanija Sadam ISZ ittenni r-raġunijiet, espressi fil-punti 12 sa 36 tal-ittra li tagħti bidu għall-proċedura formali tal-investigazzjoni, li wasslet lill-awtoritajiet Taljani biex jikkunsidraw jagħtu l-għajnuna: in-natura eċċezzjonali tan-nixfa, l-impossibbiltà li jinkisbu l-provvisti minn baċiri oħra minħabba l-istruttura partikulari tal-organizzazzjoni tas-suq taz-zokkor, l-impossibbiltà ta’ trasport xieraq minħabba l-lokalità tar-raffinerija u l-importanza tal-agroindustrija taz-zokkor għall-ekonomija tal-gżira. Ipprovdiet ukoll informazzjoni fuq il-bidla tas-sjieda tal-kumpanija li bħalissa hija proprjetà esklussiva tal-grupp Eridiana Sadam. Fil-fatt, wara li l-kumpanija Sviluppo Italia Spa rtirat f’Diċembru 2003, is-sehem ta’ Finbieticola għadda għall-grupp Eridiana Sadam f’Ottubru 2004. Sadam ISZ ipprovdiet kopja tal-ftehim konkluż bejn l-awtoritajiet privati u pubbliċi differenti bl-għan li tiġi garantita l-kontinwità tal-produzzjoni tal-pitravi f'Sardenja. F’dan il-kuntest, ir-Reġjun ta’ Sardenja jintrabat li jieħu l-inizjattivi meħtieġa sabiex jerġa’ jibda jinvesti fis-settur tal-pitravi, b’mod partikulari fil-ġestjoni tar-riżors tal-ilma, u sabiex fl-iqsar żmien possibbli jikseb l-awtorità mill-Kummissjoni rigward l-għajnuna ta’ EUR 3,5 miljun għall-kumpens tat-telf minħabba n-nixfa.

(31)

Sadam ISZ tikkalkula li l-produzzjoni tagħha ma għandha l-ebda influwenza fuq l-evoluzzjoni tas-suq Ewropew, mhux biss għax tirrappreżenta biss 0,2 % minnu iżda wkoll għax din il-produzzjoni hija maħsuba għal 98 % tas-suq Sard, li tkopri kważi 50 % tal-ħtiġijiet tagħha filwaqt illi l-grupp Eridiana Sadam tipproduċi 35 % taz-zokkor Taljan ugwali għal 1,7 % taz-zokkor fl-Ewropa u għandha 23 % tas-suq nazzjonali, ugwali għal 2,15 % tas-suq Ewropew.

Il-President tar-Reġjun ta’ Sardenja

(32)

Il-President tar-Reġjun ta’ Sardenja jenfasizza n-natura eċċezzjonali għall-aħħar tas-sitwazzjoni li kkaratterizzat is-snin 2001-2002, fejn qal li bl-ebda mod ma tista’ tikkostitwixxi preċedent li japplika għal sitwazzjonijiet oħra fil-ġejjieni. Il-President tar-Reġjun jisħaq fuq ir-riperkussjonijiet negattivi li jkun iħalli l-għeluq tal-unika raffinerija Sarda fuq l-ekonomija tal-gżira meta wieħed iqis l-importanza tal-industrija tal-pitravi f'Sardenja, tal-għadd ta’ impriżi agrikoli kkonċernati (1 300 minnhom, li jimpjegaw madwar 5 000 persuna), tal-għadd ta’ impjegati permanenti u staġjonali (83 u kważi 200 rispettivament) fir-raffinerija, bla ma tgħodd ukoll l-impjiegi maħluqa minn din l-industrija (dawk li jieħdu ħsieb it-tkabbir u l-ħsad tal-pitravi, it-trasportaturi, l-intrapriżi għall-manutenzjoni tal-faċilitajiet), u fl-aħħarnett l-importanza tal-ġestjoni razzjonali tal-produzzjonijiet agrikoli fl-intier tagħhom meta tqis li l-pitravi huma importanti fin-newba tal-uċuh. Il-President tar-Reġjun ifakkar li l-amministrazzjoni reġjonali tagħti importanza lill-industrija tal-pitravi u l-impenn tagħha favur is-salvagwardjar tagħha.

Il-Kumpanija Brumar Srl

(33)

Il-kumpanija Brumar Srl issostni li r-raffinerija Sadam ma ġarrbitx ħsarat ladarba setgħet tixtri z-zokkor minn Franza, mill-Ġermanja, mis-Slovenja u mill-Kroazja; li r-raffineriji Taljani kollha għollew il-prezz taz-zokkor abjad b’EUR 50 kull tunnellata mill-1 ta’ Ottubru 2003, bi profitt nett ta’ EUR 80 miljun favur il-ħames raffineriji taz-zokkor li jinsabu fit-territorju Taljan. Skont Brumar Srl, il-kumpanija Sadam kellha tkun il-benefiċjarju ewlieni ta’ dan il-profitt ladarba hija responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-produzzjoni Taljana. B’dan, Brumar Srl tqis li għandha tingħata għajnuna kemm lill-produtturi tal-pitravi għall-ħsarat imġarrba minħabba li ma sarx il-ħsad minħabba n-nixfa, kif ukoll lill-ħaddiema li ma ġewx impjegati mill-istabbilimenti tal-ipproċessar.

V.   KUMMENTI TAL-ITALJA

(34)

Permezz tal-ittri tat-13 ta’ Ottubru 2004 u tas-7 ta’ April 2005, l-awtoritajiet Taljani bagħtu l-kummenti tagħhom meta bdiet il-proċedura u ressqu l-kummenti tagħhom lura bħala tweġiba għall-ittra tal-kumpanija Brumar Srl bl-ittra tas-17 ta’ Mejju 2005.

(35)

L-awtoritajiet Taljani kkontestaw il-kummenti tal-kumpanija Brumar Srl fl-intier tagħhom u ġġudikawhom irrilevanti għall-każ inkwistjoni, ladarba r-raffinerija ta’ Villasor qatt ma impurtat zokkor mill-pajjiżi elenkati mill-kumpanija Brumar Srl, u ladarba kien hemm żieda fil-prezzijiet taz-zokkor abjad applikabbli għall-produzzjoni tal-Italja kollha kemm hi u li għandha x’taqsam mas-sena kummerċjali 2003, wara s-snin li fihom kellha tingħata l-għajnuna. Huma jikkontestaw ukoll il-kalkoli tal-profitti li saru fl-2003 mill-impriżi Taljani taz-zokkor inġenerali u b’mod partikolari mill-grupp Eridiana Sadam: il-grupp Eridiana Sadam, li minnu tagħmel parti Sadam ISZ, ipproduċa 34 % miz-zokkor Taljan fl-2003.

(36)

Fl-ittra tagħhom tat-13 ta’ Ottubru 2004, l-awtoritajiet Taljani għarfu li l-Kummissjoni ppreżentat b’reqqa kbira l-elementi tal-fajl kollu u d-dejta kollha pprovduta waqt il-fażi qabel bdiet il-proċedura formali ta' investigazzjoni, b’mod partikulari l-bażi legali, in-natura kumpensatorja tal-miżura proposta, il-mod ta’ kif tiġi kkalkulata l-għajnuna, il-bażi legali importanti għall-awtorizzazzjoni tal-miżura, ir-rabta ta’ interdipendenza bejn il-komponent agrikolu u industrijali tal-industrija tal-pitravi, l-impossibbiltà li jinġiebu provvisti minn baċiri oħra ta’ produzzjoni għall-ipproċessar li jsir ġewwa Sardenja u l-importanza tal-industrija tal-pitravi għall-ekonomija tal-gżira.

(37)

L-awtoritajiet Taljani jqisu li l-miżura tal-għajnuna ma għandhiex impatt fuq il-kummerċ intrakomunitarju, minħabba li l-effetti tagħha ma jinħassux f’livell reġjonali: 98 % mill-produzzjoni tar-raffinerija ta’ Villasor jittieħed mis-suq lokali u għalhekk mhuwiex qiegħed f’kompetizzjoni mal-impriżi Komunitarji l-oħra, kemm jekk fis-suq tal-Italja kontinentali u kemm jekk fis-suq Komunitarju jew internazzjonali. L-awtoritajiet Taljani jqisu li l-Kummissjoni, skont “L-Abbozz tal-Komunikazzjoni Fuq il-Linji Gwida ġodda għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat b’effetti limitati fuq il-kummerċ intrakomunitarju” tagħha, għandha tagħti importanza ikbar lill-impatt ekonomiku tal-intervent ikkonċernat, partikolarment minħabba l-impatt limitat tiegħu fuq il-kummerċ. Skont l-awtoritajiet Taljani, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (20) li skontha “l-Italja għandha post importanti fil-produzzjoni taz-zokkor” għandha tkun marbuta tal-inqas mal-fatt li l-Italja mhix ħlief ir-raba’ l-akbar produttur taz-zokkor Ewropew u li f’dan il-kuntest, il-grupp Eridiana Sadam għandu sehem mis-suq ta’ ftit iktar minn 1.5 % tas-suq Ewropew filwaqt illi Sadam ISZ għandu produzzjoni ta’ 0.06 % (dejta tas-sena kummerċjali 2002).

(38)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-bażi legali għall-miżura, l-awtoritajiet Taljani jsemmu serje ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fejn din tawtorizza l-għajnuna fis-settur agrikolu u agroindustrijali abbażi tal-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat u fid-dawl tal-kriterji speċifiċi ta’ applikazzjoni fil-punt 11.3 tal-Linji Gwida (partikolarment il-fajls tal-għajnuna mill-Istat N 83/2000, N 185/2000, N 657/02 u N 729/02), fejn jisħqu li fil-każ inkwistjoni, il-kriterji ta’ implimentazzjoni ġew sodisfatti.

(39)

L-awtoritajiet Taljani jiġbdu wkoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-punt 3.4 tal-Linji Gwida li jistipulaw li l-fatt li miżura ta’ għajnuna ma tistax titqabbel fil-punti kollha ma’ wieħed mill-każijiet possibbli elenkat fil-Linji Gwida nfushom ma jeżonerax lill-Kummissjoni milli twettaq eżami fuq bażi ta’ każ b’każ filwaqt li tqis il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat, tal-politika agrikola komuni u tal-politika tal-iżvilupp rurali tal-Komunitajiet. Konsegwentement, l-awtoritajiet Taljani jqisu li jekk il-Kummissjoni tara li l-Artikolu 87(2)(b) ma kienx applikabbli għall-miżura proposta, din tal-aħħar trid tiġi awtorizzata abbażi tal-Artikolu 87(3)(c).

(40)

Skont l-awtoritajiet Taljani, l-intervent propost jagħti l-possibbiltà lir-raffinerija li tikkumpensa parzjalment it-telf serju mġarrab bħala riżultat tan-nuqqas tal-produzzjoni taz-zokkor, minħabba n-nuqqas ta’ materja prima li jridu jiġu pproċessati wara n-nixfa qawwija ta’ bejn l-2001-2002. F’Sardenja, il-ħsad normali tal-pitravi jagħti lill-istabbiliment tal-ipproċessar il-possibbiltà li jilħaq ekwilibriju ekonomiku. L-appoġġ offrut, ikkaratterizzat għal darba oħra bħala kontinġenti u eċċezzjonali mill-awtoritajiet Taljani, jagħti l-possibbiltà li l-proġett ta’ ristrutturar kollu varat fl-1999 jitlesta bl-involviment ta’ investimenti prinċipali f’livell industrijali (21) u agrikolu (ara l-miżura 4.9 N fil-pjan tal-iżvilupp reġjonali għal Sardenja approvat mill-Kummissjoni), bil-benefiċċji għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun kollu kemm hu.

(41)

L-awtoritajiet Taljani jsostnu li r-referenza għar-rapporti interni tal-grupp Sadam Eridiana mhumiex relevanti għall-valutazzjoni tal-każ inkwistjoni. Bħala tweġiba għad-defiċit kummerċjali kbir fl-2003, il-grupp Sadam Eridiana u FINBIETICOLA Spa reġgħu kkapitalizzaw il-kumpanija f’Diċembru 2003 billi għamlu ħlas ta’ EUR 5 039 393 li bih onoraw l-obbligi tagħhom lejn il-kumpanija li kkontrollaw, meta tqis ir-riskji nomrali li affaċċjat Sadam ISZ fl-2003 (is-sena ta’ ġestjoni/produzzjoni normali). Wara din ir-rikapitalizzazzjoni, Sviluppo Italia, l-azzjonist pubbliku, irtira għax ma ħax sehem fir-rikapitalizzazzjoni. L-awtoritajiet Taljani ma jqisux li l-kumpanija li tikkontrolla jista’ jkollha l-obbligu li tikkumpensa, permezz ta’ trasferimenti finanzjarji ġewwa l-grupp, għat-telf ikkawżat minħabba avveniment ta’ natura eċċezzjonali u imprevist, fil-qafas ta’ ppjanar bil-għaqal tal-attivitajiet intraprenditorjali tal-grupp. L-awtoritajiet Taljani jsostnu li r-responsabbiltà tal-azzjonisti ta’ kontroll għandha tkun limitata għar-rekwiżiti li jitwieldu minn attivitajiet normali tal-impriża.

(42)

Fl-aħħarnett, f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ referenza stabbilit biex jiġi kkalkulat il-kumpens, l-awtoritajiet Taljani jqisu li rrispettaw il-prinċipji ffissati fil-punt 11.3.2 tal-Linji Gwida. Barra minn hekk, l-ammont tad-differenza bejn il-valur tal-ħsara realment imġarrba mill-impriża (EUR 6 858 448) u l-ammont tal-għajnuna proposta (EUR 3,5 miljun) jeskludi l-kumpens eċċessiv. L-awtoritajiet Taljani jagħmluha ċara li l-Kummissjoni diġà aċċettat metodi ta’ kif jiġu kkalkulati l-ħsarat li huma differenti minn dawk indikati fil-Linji Gwida, sakemm il-metodu adottat ma jagħtix lok għal riskju ta' kumpens żejjed għall-ħsarat imġarrba (22).

(43)

Fl-aħħar korrispondenza tagħhom tal-2008, l-awtoritajiet Taljani pprovdew id-dettalji addizzjonali fuq talba tal-Kummissjoni. B’mod partikulari, l-awtoritajiet Taljani pprovdew dejta (espressa f’tunnellati) li tirrigwarda l-produzzjoni taz-zokkor u li jinsabu ppreżentati fit-tabella hawn taħt:

Sena tas-suq

Prod. Villasor

Prod. Il-grupp Sadam

Kwota “A + B” il-grupp Sadam

Defiċit/eċċess

1999/2000

34 310,13

334 851,41

308 119,70

26 731,71

2000/2001

26 608,50

290 403,52

298 910,30

–8 506,78

2001/2002

20 004,60

242 879,84

305 996,50

–63 116,66

2002/2003

11 007,06

283 729,55

290 072,50

–6 342,95

2003/2004

9 143,18

284 895,25

533 961,70

– 249 066,45

2004/2005

9 520,30

341 327,21

540 996,50

– 199 669,29

2005/2006

8 193,55

623 281,50

484 356,20

138 925,30

(44)

L-awtoritajiet Taljani wrew ukoll li r-raffinerija ta’ Villasor kienet waqqfet għal kollox l-attivitajiet tagħha fil-qafas ta’ proċess ta’ ristrutturar tas-settur, minħabba r-riforma tal-OKS taz-zokkor. Fid-dawl ta’ dan, fit-30 ta’ April 2007 Eridania Sadam ressqet “pjan” ta’ ristrutturar tar-raffinerija ta’ “Villasor” lill-Ministeru għall-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija.

(45)

L-għajnuna li ġiet innotifikata tista’, skont l-awtoritajiet Taljani, tiġi inkluża fil-proċess ta’ ristrutturar tal-industrija u tal-impriża li tibqa’ vitali f’termini tas-salvagwardjar tal-impjieg u l-iżbokki għall-industrija agroenerġetika ta’ Sardenja.

VI.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

L-organizzazzjoni tas-suq

(46)

Il-miżura li ġiet ikkunsidrata hija għajnuna mogħtija lir-raffinerija taz-zokkor. Skont l-Artikolu 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 tat-28 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor (23) [titlu mhux uffiċjali], u qablu l-Artikolu 45 (KE) Nru 1260/2001, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat tal-KE japplikaw għall-prodotti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament. Konsegwentement, is-settur li miegħu hija relatata l-miżura tal-għajnuna jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet Komunitarji rigward l-għajnuna mill-Istat.

Projbizzjoni għall-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(47)

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat jistipula li kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, għandha, safejn jintlaqat il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

(48)

Il-miżura inkwistjoni tikkorrispondi mad-definizzjoni tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat, billi tagħti vantaġġ ekonomiku (fl-għamla ta' għajnuna finanzjarja mingħajr rifużjoni) lil impriża speċifika (Sadam ISZ ta’ Villasor), billi jammonta għal finanzjament li ġej minn riżorsi pubbliċi (reġjonali), u billi jkun hemm il-probabbiltà li l-għajnuna kkonċernata taffettwa l-kummerċ. Barra minn hekk, mid-dejta pprovduta minn Sadam wara li ngħatat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni, jidher li l-kumpanija hija attiva mhux biss fis-suq Taljan iżda wkoll f’dak intrakomunitarju (ara l-punt 31 hawn taħt). Anke jekk il-produzzjoni taz-zokkor prodott fir-raffinerija ta’ Villasor hija maħsuba kważi esklussivament għas-suq ta’ Sardenja, xorta jidher li hemm probabbiltà li l-għajnuna kkunsidrata tpoġġi lil xi kompetitur f'dan is-suq minn Stat Membru ieħor fi żvantaġġ.

(49)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża abbażi tal-għajnuna mill-Istat ġeneralment iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta' impriżi kompetituri oħrajn li ma jirċevux għajnuna bħal din (24). Il-ġurisprudenza wriet li d-daqs relattivament żgħir tal-għajnuna jew dak tal-kumpanija li tirċeviha ma jeskludux il-possibbiltà li jiġi affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri (25).

(50)

Miżura tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri meta tfixkel l-importazzjonijiet li jiġu minn Stati Membri oħra jew tiffaċilita l-esportazzjonijiet lejn Stati Membri oħra. Il-fattur kruċjali huwa l-fatt li l-kummerċ intrakomunitarju jiżviluppa jew ikun f’periklu li jiżviluppa b’mod differenti minħabba l-miżura inkwistjoni.

(51)

Il-prodott li jgawdi mill-iskema ta’ għajnuna huwa s-suġġett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (26) u għalhekk huwa espost għall-kompetizzjoni.

(52)

Il-fatt li teżisti organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur taz-zokkor kif jidher fil-paragrafu 46, jixhed l-importanza tal-kummerċ intrakomunitarju taz-zokkor kif ukoll tar-rieda li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq komuni.

(53)

L-abbozz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-Linji Gwida ġodda għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li għandhom effett limitat fuq il-kummerċ intrakomunitarju” li għalih jirreferu l-awtoritajiet Taljani (ara l-premessa 37) ma ġiex adottat mill-Kummissjoni u ma jistax jimmodifika r-raġunament ta’ qabel.

(54)

Il-kriterji li għandhom x’jaqsmu mal-effett fuq il-kummerċ u mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni huma sodisfatti totalment.

(55)

Din il-miżura tikkonsisti f’għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(56)

Il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE mhix mingħajr kondizzjoni. Sabiex tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni, il-miżura proposta tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat.

Derogi previsti fl-Artikoli 87(2) tat-Trattat tal-KE

(57)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat tal-KE invokati mill-awtoritajiet Taljani, li jiddikkjaraw li l-għajnuna maħsuba bħala rimedju għall-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra hija kompatibbli mas-suq komuni, mhumiex applikabbli.

(58)

Ladarba t-Trattat ma jagħti l-ebda definizzjoni tat-termini “avveniment straordinarju” jew “diżastru naturali”, hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk in-nixfa li laqtet lil Sardenja tistax titqies bħala diżastru naturali skont l-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat. Fil-fatt, il-Kummissjoni dejjem kellha interpretazzjoni ristretta tal-kunċetti “diżastri naturali” u “avvenimenti straordinarji” msemmija fl-Artikolu 87(2)(b).

(59)

Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni ristretta bħal din ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (27).

(60)

S’issa l-Kummissjoni aċċettat li t-terremoti, il-valangi, iż-żerżiq tal-art u l-għargħar jistgħu jitqiesu bħala diżastri naturali. Fost l-avvenimenti straordinarji ġew aċċettati l-gwerer, l-inkwiet intern jew l-istrajks u, b’ċerta riżerva u skont il-gravità tagħhom, l-inċidenti nukleari jew industrijali gravi kif ukoll in-nirien li jirriżultaw f’ħafna telf.

(61)

Minħabba d-diffikultajiet inerenti fit-tbassir ta' avvenimenti bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tkompli tevalwa l-proposti għall-għoti tal-għajnuna billi teżamina każ b'każ skont l-Artikolu 87(2)(b) u skont il-prattika stabbilita f'dan il-qasam. Din l-analiżi hija partikularment meħtieġa fil-qafas ta’ għajnuna li tintervjeni f’settur ta’ natura sensittiva bħalma hu dak taz-zokkor, fejn kwalunkwe miżura ta’ intervent tista’ tiġi f’konfront mal-miżuri stabbiliti mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

(62)

Il-Kummissjoni dejjem sostniet li l-kundizzjonijiet tat-temp ħżiena, bħalma huma l-ġelu, is-silġ, ix-xita jew in-nixfa, ma jistgħux jitqiesu bħala diżastri naturali skont l-Artikolu 87(2)(b) (ara l-punt 11.3.1 tal-Linji Gwida 2000-2006).

(63)

S’issa n-nixfa, anke jekk fuq skala kbira, qatt ma tqieset bħala diżastru naturali skont l-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat.

(64)

B’mod ġenerali, avveniment straordinarju għandu tal-anqas ikollu l-karatteristiċi ta’ avveniment li, min-natura tiegħu u mill-effetti tiegħu fuq l-operaturi kkonċernati, ikun jingħaraf ċarament mill-kundizzjonijiet tas-soltu u joħroġ mill-qafas tal-kundizzjonijiet normali li fihom jopera s-suq.

(65)

Barra minn hekk, id-dejta mressqa mill-Italja twassal għall-konklużjoni li n-nixfa mhix ta’ natura eċċezzjonali iżda fenomenu rikorrenti: sa mill-Ħarifa tal-1999 (bl-eċċezzjoni ta’ Novembru 2001), kien hemm perjodu twil ta’ nixfa. Is-sena 2001-2002 kienet ikkaratterizzata minn inqas xita, għalkemm mhux ħafna inqas, mill-medja. Matul il-perjodu 1990-2000, kien hemm tliet snin fejn in-nixfa kienet iktar gravi (1994-1995, 1998-1999, 1999-2000). Sa mill-1970, hemm tendenza ġenerali ta’ nuqqas ta’ xita (28).

(66)

Fattur ieħor li minħabba fih in-nixfa titqies bħala fenomenu rikorrenti huwa l-emerġenza tal-ilma li ġiet iddikjarata f’Sardenja fl-1995 (29) u ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2004 (30).

(67)

Il-fatt li l-għajnuna ngħatat f’erba’ okkażjonijiet lill-produtturi tal-pitravi biex tikkumpensa t-telf minħabba n-nixfa matul il-perjodu 1990-2002 juri li n-nixfa ma kinitx eċċeżżjonali.

(68)

Barra minn hekk, il-produzzjoni wara l-perjodu kkunsidrat (2001-2002) turi tnaqqis goff fil-produzzjoni tar-raffinerija ta’ Villasor, għalkemm ma kienx hemm nixfa matul dan il-perjodu (ara t-tabella fil-paragrafu 43).

(69)

Konsegwentement l-għajnuna proposta mill-awtoritajiet Taljani ma tistax tiġi awtorizzata fuq din il-bażi legali.

Derogi previsti fl-Artikolu 87(3) tat-Trattat tal-KE

(70)

Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-miżura proposta tistax titqies kumpatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3) tat-Trattat. Id-dispożizzjonijiet tal-punt (c) huma iktar relevanti. Skont dawn, l-għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi hija kkunsidrata kumpatibbli mas-suq komuni, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

(71)

Fl-interpretazzjoni tagħha tad-deroga msemmija qabel li tirrigwarda s-settur agrikolu, il-Kummissjoni tibda billi tivverifika l-applikabbiltà tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1/2004 tat-23 ta’ Diċembru 2003 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna mill-Istat għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-marketing ta’ prodotti tal-agrikoltura (31). F’każ li dan ir-Regolament ma japplikax, il-Kummissjoni tibbaża fuq il-Linji Gwida.

(72)

F’dan il-każ ir-Regolament (KE) Nru 1/2004 mhuwiex applikabbli minħabba l-fatt li l-għajnuna hija maħsuba għal intrapriża ta’ pproċessar għat-telf li tkun ġarrbet minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp ħżiena. Dan il-każ mhux previst mir-Regolament imsemmi. Konsegwentement, il-Kummissjoni trid tevalwa l-miżura abbażi tal-Linji Gwida.

(73)

Fil-punt 11.2 il-Linji Gwida jirregolamentaw l-għajnuna mill-Istat maħsuba biex jirrimedjaw għall-ħsarat li huma riżultat tad-diżastri naturali jew ta’ avvenimenti eċċezzjonali. Dan il-punt mhux se jiġi diskuss hawn taħt għax jaqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat, li diġà ġiet eżaminata hawn fuq.

(74)

Fil-punt 11.3 il-Linji Gwida jirregolamentaw l-għajnuna mill-Istat maħsuba biex tikkumpensa lill-bdiewa għat-telf li ġarrbu minħabba kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena bħalma huma l-ġelu, ix-xita, is-silġ jew in-nixfa, avvenimenti li ma jistgħux jitqiesu bħala diżastri naturali skont l-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat.

(75)

Meta avvenimenti bħal dawn jikkawżaw ħsarat fil-produzzjoni agrikola, jew lill-mezzi ta’ produzzjoni agrikoli, ta’ aktar minn 20 % tal-produzzjoni normali fiż-żoni żvantaġġati u aktar minn 30 % f’żoni oħra, il-Kummissjoni titrattahom bħala diżastri naturali u tawtorizza l-għoti tal-għajnuna lill-bdiewa, maħsuba għall-kumpens ta’ dan it-telf skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

(76)

B’mod ġenerali, in-nixfa tista’ titqies daqs diżastru naturali, kif ġara fid-Deċiżjoni Nru 331/02 (32), minħabba li l-ħsara mġarrba mill-bdiewa jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi qabżet il-limitu. Madankollu, kif indikat fl-ittra tal-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni dejjem qieset li d-dispożizzjonijiet fil-punt 11.3 tal-Linji Gwida ma kinux applikabbli għall-faċilitajiet agroindustrijali tal-ipproċessar li, fil-fehma tagħha, huma flessibbli fil-ġestjoni tal-provvisti tagħhom. Bla dubju dan jista’ jwassal għal iktar spejjeż fil-materja prima u/jew għal telf fil-profitt, iżda ma jiġġustifikax l-applikazzjoni diretta tar-regoli li japplikaw għall-produzzjoni agrikola. Dan l-approċċ, li jissemma’ fil-punt 11.3.8 tal-Linji Gwida, ġie kkonfermat f’sentenza riċenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza (33).

(77)

Jirriżulta li l-punt 11.3 tal-Linji Gwida agrikoli jeskludi l-kumpatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna maħsuba għall-kumpens tal-faċilitajiet agroindustrijali tal-ipproċessar għat-telf li jirriżulta minn kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena.

(78)

L-awtoritajiet Taljani bbażaw parti mill-argumentazzjoni tagħhom fuq il-fatt li r-raffinerija kkonċernata ma kinitx biżżejjed flessibbli għall-ġestjoni tal-provvisti tagħha u konsegwentement, ladarba hemm rabta mill-qrib bejn il-produzzjoni tal-pitravi u r-raffinerija, l-għajnuna trid tilħaq lir-raffinerija wkoll. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Taljani semmew bosta deċiżjonijiet tal-Kummissjoni bħala preċedenti: l-ewwel serje ta’ deċiżjonijiet ikkwotati ma titqiesx li tista' titqabbel għax tirreferi għal avvenimenti li jitqiesu bħala diżastri naturali (l-għajnuna N 729/02 (34) tirreferi għal kumpens wara l-għargħar fix-Xlokk ta’ Franza) jew avvenimenti eċċezzjonali (l-għajnuna N 83/2000 (35) tirreferi għat-tniġġis tad-dijossina fil-Belġju, il-Każ N 185/2000 (36) jikkumpensa il-ħsarat wara l-proliferazzjoni tal-alga fil-baħar Adrijatiku fl-Italja, u l-Każ N 657/02 (37) jikkonċerna s-settur forestali fil-Belġju li ġarrab ħsara minħabba l-proliferazzjoni eċċezzjonali tal-ħanfus tal-qxur u tal-faqqiegħ). Kif ġie indikat qabel, in-nixfa ma tistax titqies bħala diżastru naturali jew avveniment eċċezzjonali, u għalhekk, id-deċiżjonijiet ikkwotati ma jistgħux jitqiesu bħala preċedenti simili għall-każ inkwistjoni.

(79)

L-awtoritajiet Taljani semmew ukoll id-Deċiżjonijiet N 745/2000–C 4/01 (38) u N 331/02 (39). F’dawn iż-żewġ każijiet il-Kummissjoni kkonkludiet li n-nixfa tista' titqabbel ma' diżastru naturali minħabba l-fatt li jinqabeż il-limitu tal-ħsara mġarrba. Fiż-żewġ każijiet, l-għajnuna tingħata lill-proċeduri primarji u lil “consorzi di bonifica”. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Linji Gwida agrikoli ma japplikawx għal dawn il-“consorzi di bonifica”, minħabba l-fatt li l-ilma mhuwiex prodott li jaqa’ taħt l-Anness I tat-Trattat.

(80)

Madankollu, dawn il-“consorzi di bonifica” ma jistgħux jitqabblu mal-intrapriżi normali bħalma hu l-każ tar-raffinerija inkwistjoni. Il-“consorzi di bonifica” huma intrapriżi pubbliċi awtonomi, li jiġġestixxu ż-żoni tat-tnixxif. Huma jirċievu ħlasijiet mingħand il-bdiewa għall-ilma tal-irrigazzjoni pprovdut. Din id-differenza bejn il-“consorzi di bonifica” u l-intrapriżi tal-ipproċessar jew tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli ġiet ikkonfermata mill-fatt li, fil-każ N 745/2000–C 4/01 msemmi qabel, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni għall-parti tal-għajnuna li tikkonċerna l-intrapriżi u l-kooperattivi attivi fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, billi turi li b’applikazzjoni tal-Linji Gwida agrikoli, l-għajnuna lil dawn l-intrapriżi tal-ipproċessar ma tistax tkun approvata. Għaldaqstant, ladarba ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali rigward dan il-każ, in-notifika ġiet irtirata.

(81)

Fir-rigward tad-diffikultà għar-raffinerija biex takkwista l-provvisti minn xi mkien ieħor, l-awtoritajiet Taljani ressqu xi argumenti mmirati biex juru d-diffikultajiet inerenti għal kull raffinerija sabiex jiksbu l-provvisti minn baċir ta’ produzzjoni tal-pitravi differenti minn dak tagħha stess minħabba sistema ta’ kuntratt li torbot il-produtturi tal-pitravi u r-raffineriji, minħabba l-lokalità tal-gżira tar-raffinerija inkwistjoni u minħabba ż-żmien qasir għall-preżervazzjoni tal-pitravi. Il-fatt li huwa impossibbli li jinġiebu l-provvisti minn xi mkien ieħor, madankollu, huwa riżultat tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 li introduċa sistema ta’ kuntratti bejn il-produtturi tal-pitravi u r-raffineriji. L-awtoritajiet Taljani infushom indikaw li, f’kundizzjonijiet normali, mhuwiex possibbli li jinġiebu provvisti minn baċiri oħra ta’ produzzjoni tal-pitravi, maħsuba għal intrapriżi oħra, mingħajr waqgħa fil-produzzjoni finali taz-zokkor ta’ dawn l-intrapriżi oħra, u b’hekk ma jitħallewx jilħqu l-kwota tagħhom. Għaldaqstant, l-awtoritajiet indikaw li, b’mod ġenerali, ma jiġrix ta’ spiss li raffinerija takkwista l-provvisti minn baċiri ta’ produzzjoni oħra apparti minn dawk tas-soltu.

(82)

L-argument miġjub mill-Italja dwar in-nuqqas ta’ flessibbiltà tal-intrapriżi huwa konsegwentement inerenti għar-raffineriji kollha minħabba r-Regolament (KE) Nru 1260/2001 imsemmi qabel, tkun xi tkun il-lokalità tal-intrapriża. Argument bħal dan japplika għall-intrapriżi tal-ipproċessar kollha fejn ir-rabta mal-produtturi hija inerenti għall-organizzazzjoni tas-suq li fih huma attivi. L-aċċettazzjoni ta’ dan l-argument imur kontra l-“interpretazzjoni” stretta' tal-Linji Gwida agrikoli, interpretazzjoni stretta li, barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi applikata fil-każ ta’ din l-eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tirrigwarda l-inkompatibbiltà tal-għajnuna.

(83)

Konsegwentement, l-għajnuna proposta mill-awtoritajiet Taljani ma tistax tiġi awtorizzata fuq din il-bażi legali.

(84)

L-awtoritajiet Taljani indikaw ukoll il-punt 3.4 tal-Linji Gwida agrikoli msemmija qabel bħala bażi legali għall-għajnuna. B’applikazzjoni ta’ dan il-punt, il-Kummissjoni teżamina, każ b’każ, il-miżuri ta’ għajnuna kollha li mhumiex koperti mil-Linji Gwida agrikoli filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat, tal-politika agrikola komuni u tal-politika Komunitarja fir-rigward tal-iżvilupp rurali. Kif jidher fil-paragrafi ta’ qabel, il-miżuri ta’ għajnuna kkonċernati (għajnuna lill-intrapriżi tal-ipproċessar bil-ħsieb li tikkumpensa għall-ħsarat imġarrba mill-kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena) huma speċifikament koperti mill-punt 11.3 tal-Linji Gwida, li jeskluduhom mill-benefiċċju tal-għajnuna, b’mod li l-punt 3.4 ma japplikax.

(85)

Bil-ħsieb li ma tħalli xejn barra, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-Linji Gwida għas-salvazzjoni u għar-ristrutturazzjoni tal-intrapriżi li jinsabu f’diffikultà humiex applikabbli għall-każ inkwistjoni. L-ewwel kundizzjoni biex wieħed jibbenefika minn għajnuna għas-salvazzjoni jew għar-ristrutturazzjoni hija li l-intrapriża inkwistjoni għandha titqies li tinsab f’diffikultà skont il-Linji Gwida għall-għajnuna għas-salvazzjoni u għar-ristrutturazzjoni tal-intrapriżi li jinsabu f’diffikultà (40). Mill-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni ma jidhirx li l-intrapriża kienet f’diffikultà skont il-Linji Gwida msemmija hawn fuq meta ġiet innotifikata l-għajnuna. L-uniku ħjiel ta’ diffikultà magħruf huwa l-fatt li kienet meħtieġa rikapitalizzazzjoni minħabba d-deficit kbir kummerċjali fl-2003. L-azzjonisti privati għamlu intervent sabiex jirrikapitalizzaw l-intrapriża f’Diċembru 2003, u b’hekk kull appoġġ pubbliku għar-ristrutturazzjoni kien żejjed. Barra minn hekk, l-intrapriża diġà rċeviet għajnuna għar-ristrutturazzjoni, approvata mill-Kummissjoni fl-1999 (41). Ladarba għaddew inqas minn għaxar snin minn tmiem il-perjodu ta’ ristrutturazzjoni, l-ebda għajnuna ġdida għar-ristrutturazzjoni ma tista’ tingħata minħabba l-prinċipju għall-għajnuna ta’ darba biss imsemmi fil-punt 3.2.3 tal-Linji Gwida għas-salvazzjoni u għar-ristrutturazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li hija responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat li jaqdi d-dmir ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni, billi jipprovdi l-elementi kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifka li l-kundizzjonijiet tad-deroga li minnha qed titlob benefiċċju jiġu sodisfatti (42). Fil-każ inkwistjoni, l-awtoritajiet Taljani qatt ma invokaw l-applikazzjoni tal-Linji Gwida għas-salvazzjoni u għar-ristrutturazzjoni, lanqas ma pprovdew dokument li jagħmilha possibbli għall-Kummissjoni li teżamina d-dejta fid-dawl ta’ dawn il-Linji Gwida, u dan minkejja l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessa 44 tad-Deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

Dubji oħra espressi mill-Kummissjoni meta ngħatat bidu l-proċedura

(86)

L-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni meta ngħatat bidu l-proċedura tindika li l-kumpanija Sadam ISZ kif ukoll il-kumpaniji li lilhom kienet tappartjeni kemm direttament kif ukoll indirettament – speċjalment SAM u FIBIETICOLA Spa – setgħu kienu f’pożizzjoni li jimmaniġġjaw it-tnaqqis fil-profitt ta’ Sadam ISZ.

(87)

Ladarba l-kumpanija Sadam ISZ għaddiet għall-kontroll ta’ Eridania Sadam matul il-proċedura, il-Kummissjoni tinnota li l-kumpanija li tmexxi kienet f’pożizzjoni li tonora l-obbligi tagħha lejn il-kumpanija kkontrollata, billi tatha l-possibbiltà li tfittex li tkompli l-attività tagħha, waqt li tqis l-investimenti konsiderevoli li saru fi ħdan il-qafas tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni mniedi fl-1999-2000 u tar-rikapitalizzazzjoni li saret fl-2003-2004. Konsegwentement, kif indikat fil-punt 75, l-intrapriża ma tidhirx li tinsab f’diffikultà u għalhekk l-applikazzjoni tal-Linji Gwida għas-salvazzjoni u għar-ristrutturazzjoni tiġi mwarrba.

(88)

Id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura tiddikjara, bħala punt sekondarju, li anke jekk jitqies aċċettabbli (quod non, f’dan l-istadju tal-proċedura) li jiġi applikat il-prinċipju tal-kumpens imsemmi fil-punt 11.3 tal-Linji Gwida għal Sadam ISZ, il-perjodu ta' referenza magħżul mill-awtoritajiet Taljani għall-kalkolu tal-għajnuna jkun żbaljat. Ladarba l-applikazzjoni għall-punt 11.3 tal-Linji Gwida ma ġietx ikkunsidrata applikabbli għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, ma hemmx ħtieġa li jiġi eżaminat dan l-aħħar dubju li tqajjem meta ttieħdet id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura.

VII.   KONKLUŻJONI

(89)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istat, bl-ammont ta’ EUR 3 500 000, li l-Italja beħsiebha timplimenta favur ir-raffinerija taz-zokkor ta’ Villasor li tappartjeni għal Sadam ISZ, mhijiex kumpatibbli mas-suq komuni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat, bl-ammont ta’ EUR 3 500 000, li l-Italja beħsiebha timplimenta favur ir-raffinerija taz-zokkor ta' Villasor li tappartjeni għal Sadam ISZ, mhijiex kumpatibbli mas-suq komuni.

Għaldaqstant, l-għoti tal-għajnuna mhuwiex awtorizzat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Italja.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 51, 1.3.2005, p. 9.

(2)  Il-Kummissjoni awtorizzat l-għoti tal-għajnuna lill-produtturi agrikoli ta’ Sardenja skont il-punt 113 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuniet mill-Istat fil-qasam agrikolu (ĠU C 28, 1.2.2000, p. 2), għad-danni li ġarrbu minħabba din in-nixfa, għajnuna N 745/2000 u N 331/02.

(3)  Bl-ittra tas-27 ta’ Novembru 2003 l-awtoritajiet kompetenti bagħtu lill-Kummissjoni r-riżultat u l-kalkolu tagħhom tal-ispejjeż għall-ħsarat.

(4)  L-awtoritajiet kompetenti naqqsu rata ta’ 27,2 % mid-diprezzamenti tas-snin 2000–2002, ugwali għar-rata tal-għajnuna li Sadam Spa rċeviet bħala għajnuna mill-Istat għall-investimenti mwettqa għar-ristrutturazzjoni tal-istabbiliment tal-ipproċessar ta’ Villasor. Għajnuna mill-Istat N 157/99, Deċiżjoni (2000) D/103781 tad-19 ta’ Mejju 2000, (ĠU C 175, 24.6.2000, p. 20).

(5)  Għall-perjodu kollu ta’ referenza, it-total tal-ispejjeż fissi huwa ta’ EUR 15 762 413,37 u t-total tal-produzzjoni taz-zokkor hu ta’ 94 609 tunnellata (15 762 413,37 : 94 609 = 166,61 EUR/t).

(6)  Fl-2001, l-ispejjeż fissi telgħu għal EUR 5 760 067,14 u l-produzzjoni taz-zokkor telgħet għal 20 004 tunnellata (5 760 061,14 : 20 004 = 287,95 EUR/t).

(7)  Fl-2002, l-ispejjeż fissi telgħu għal EUR 6 265 000,70 u l-produzzjoni taz-zokkor telgħet għal 11 007 tunnellata (6 265 000,70 : 11 007 = 569,18 EUR/t).

(8)  Fl-2001 (287,95 – 166,61) = 121,34 EUR/t, fl-2002 (569,18 – 166,61) = 402,58 EUR/t.

(9)  Fl-2001 (121,34 × 20 004) = EUR 2 427 278, fl-2002 (EUR 402,58 × 11 007 t) = EUR 4 434 170.

(10)  Is-SAR huwa servizz pubbliku ta’ agrometeoroloġija f'Sardenja.

(11)   ĠU C 28, 1.2.2000, p. 1.

(12)  F’dan ir-rigward l-awtoritajiet jikkwotaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5.12.2000 meħuda fil-qafas tal-fajl tal-għajnuna mill-Istat Nru 185/2000 (ĠU C 19, 20.1.2001, p. 6). F’dan il-każ il-Kummissjoni qieset li l-kumpens tal-impriżi tat-tindif tal-molluski wara t-tniġġis tal-muċilaġni fl-1997 huwa konformi mal-Artikolu 87(2)(b) tat-Trattat.

(13)  Fi żmien in-notifika, is-suq kien iggvernat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, (ĠU L 178, 30.6.2001, p. 1).

(14)  Ara n-nota 11 ta’ qiegħ il-paġna.

(15)  SAM srl hija kumpanija kkontrollata minn Sadam Spa. Il-grupp Sadam jirrappreżenta 35 % mill-produzzjoni taz-zokkor fl-Italja.

(16)  Ix-xogħol partikulari ta' FINBIETICOLA Spa huwa li tieħu sehem fl-industriji Taljani taz-zokkor li fihom għandha l-ishma.

(17)  Ittra tal-31 ta’ Marzu 2005.

(18)  Ittra tal-10 ta’ Diċembru 2004.

(19)  Feks tas-7 ta’ Marzu 2005.

(20)  Ara l-punt 38 tal-ittra tal-bidu tal-proċedura tal-investigazzjoni.

(21)  Ara n-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna.

(22)  Ara l-għajnuna mill-Istat N 661/01, Deċiżjoni C(2003) 130, 13 ta’ Frar 2003, (ĠU C 68, 21.3.2003, p. 17).

(23)   ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1.

(24)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, il-Każ C-730/79 [1980] ECR 2671, paragrafi 11 u 12.

(25)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Marzu 1990, il-każ C-142/87 [1990] ECR I-959, paragrafi 43, u s-sentenza tal-14 ta' Settembru 1994, każijiet konġunti C-278/92 u C-280/92 [1994] ECR I-4103, paragrafi 40 sa 42.

(26)  Fis-settur taz-zokkor il-kummerċ intrakomunitarju huwa importanti. Fl-2002, l-Italja importat 366 539 tunnellata zokkor minn Stati Membri oħra (UE-15), filwaqt li l-esportazzjonijiet laħqu 37 564 tunnellata.

(27)  Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, 11 ta’ Novembru 2004, Spanja v il-Kummissjoni, Każ C-73/03, paragrafi 37; Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, 23 ta’ Frar 2006, Każijiet C-346/03 u C-529/03, Giuseppe Atzeni u oħrajn, paragrafi 79.

(28)   Is-sorsi tad-dejta: S.A.R., La precipitazioni sulla Sardegna da Settembre 2001 ad Agosto 2002 [SAR: Xita f’Sardenja minn Settembru 2001 sa Awwissu 2002].

(29)  Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal-20 ta’ Ġunju 1995 Dichiarazione dello stato di emergenza [Dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza], abbażi tal-liġi 225/92.

(30)  http://www.regione.sardegna.it/j/v/138?s=1&v=9&va=3&c=1219

(31)   ĠU L 1, 3.1.2004, p. 1.

(32)  Ittra tal-Kummissjoni C(2002) 3211 tat-2 ta’ Settembru 2002,

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/agriculture-2002/n331-02.pdf

(33)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta' Diċembru 2005, Każ T-200/04, par. 46: “Mill-kliem u mill-ekonomija ġenerali ta' dawn id-dispożizzjonijiet jidher li l-punt 11 tal-Linji Gwida jagħmel distinzjoni ta’ prinċipju bejn il-bdiewa u l-attività tal-produzzjoni agrikola, minn naħa, u l-intrapriżi tal-ipproċessar u l-attività tal-ipproċessar, min-naħa l-oħra. L-għajnuna maħsuba għall-kumpens tal-ħsarat mġarrba mill-bdiewa biss hija suxxettibbli għall-approvazzjoni abbażi ta’ dan il-punt, dejjem fl-eżerċizzju tal-produzzjoni agrikola.”

(34)  Ittra tal-Kummissjoni C(2003) 910 finali tat-2 ta’ April 2003,

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/agriculture-2002/n729-02.pdf

(35)  Ittra tal-Kummissjoni SG(2000) D/103852 tal-25 ta’ Mejju 2000,

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/agriculture-2000/n083-00.pdf

(36)  Ittra tal-Kummissjoni SG(2000) D/108955 tal-5 ta’ Diċembru 2000,

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/peche-2000/n185-00.pdf

(37)  Ittra tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2002,

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/agriculture-2002/n657-02_fr.pdf

(38)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2001, (ĠU C 263, 19.9.2001, p. 16).

(39)  Ittra tal-Kummissjoni C(2002) 3211 tat-2 ta’ Settembru 2002,

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/agriculture-2002/n331-02.pdf

(40)   ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(41)  Ittra tal-Kummissjoni SG(2000) D/103781 tad-19 ta’ Mejju 2000.

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/agriculture-1999/n157-99.pdf

(42)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna v Il-Kummissjoni, T-171/02 [2005] ECR II-2123, paragrafu 129.