Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tat-talba biex tkun estiża id-deroga tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi addizzjonali mogħtija mill-Unjoni Ewropea lir-Repubblika tal-Moldova. /* COM/2013/0575 final - 2013/0276 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tiġi stabbilita
l-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan
il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).
Il-Kunsill huwa b’dan mitlub jawtorizza lill-Kummissjoni biex titlob
l-estensjoni tad-deroga tad-WTO fuq preferenzi kummerċjali awtonomi
mogħtija mill-Unjoni Ewropea lill-Moldova u b’hekk jippermetti lill-Unjoni
Ewropea tissieħeb ma' kunsens dwar din it-talba għal deroga skont
l-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO. Fil-21 ta' Jannar 2008,
il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 55/2008 li
jintroduċi l-preferenzi awtonomi għall-kummerċ
għar-Repubblika tal-Moldova. B'dan ir-Regolament, l-UE wettqet
l-impenn tagħha fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea
tal-Viċinat (il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV) għall-Moldova. Il-Pjan,
maqbul fl-2005, stieden lill-UE tikkunsidra li tagħti lill-Moldova
aċċess imtejjeb għas-suq tal-UE li jsostni l-iżvilupp
tal-ekonomija tal-Moldova permezz ta’ żieda fir-rendiment
tal-esportazzjoni, sakemm il-Moldova ttejjeb sostanzjalment is-sistema
tagħha tal-kontrolli u ċ-ċertifikazzjoni tal-oriġini
tal-merkanzija. Sabiex l-UE tkun tista’ tipprovdi trattament
preferenzjali għall-importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika
tal-Moldova mingħajr ma tkun meħtieġa testendi l-istess
trattament preferenzjali għal prodotti simili ta’ kwalunkwe membru
ieħor tad-WTO, il-Kunsill Ġenerali tad-WTO ta deroga lill-Unjoni
Ewropea biex tissospendi ċerti impenji, biex b’hekk ċerti impenji
tad-WTO kienu sospiżi temporanjament sal-punt neċessarju biex
jitwettaq l-objettiv imsemmi hawn fuq. Fil-15 ta’ Mejju 2008,
f'konformità mal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet
skont l-Artikoli IX u XII tal-Ftehim tad-WTO, il-Kunsill Ġenerali
tad-WTO, fid-dokument WT/L/722, iddeċieda li jidderoga fuq
id-dispożizzjonijet tal-paragrafu 1 tal-Artikolu I u
d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XIII tal-GATT 1994
mill-1 ta’ Marzu 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2013
sal-punt neċessarju sabiex jippermetti lill-Unjoni Ewropea tagħti
trattament bla dazju jew preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw
fil-Moldova, inklużi ċerti prodotti agrikoli li għalihom
jingħataw konċessjonijiet limitati kif definit fl-Anness għal
din id-Deċiżjoni, mingħajr il-ħtieġa li testendi
l-istess trattament bla dazju jew preferenzjali għal prodotti simili ta’
xi membru ieħor tad-WTO. Ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 55/2008 ġie emendat mir-Regolament (UE)
Nru 581/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jestendi
l-applikazzjoni tal-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija
lir-Repubblika tal-Moldova sal-31 ta’ Diċembru 2015.
Estensjoni bħal din kienet neċessarja minħabba li għadha ma
ġietx effettivament stabbilita relazzjoni avvanzata ta' kummerċ
preferenzjali bejn l-UE u l-Moldova fil-kuntest tas-Sħubija Ewropea.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qed titlob l-awtorizzazzjoni
tal-Kunsill sabiex, f’isem l-Unjoni Ewropea, tippreżenta lid-WTO talba
biex testendi d-deroga attwali sal-31 ta’ Diċembru 2015. 2. ELEMENTI ĠURIDIĊI
TAL-PROPOSTA L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea (TFUE) jistipula li meta jkun meħtieġ li tittieħed
deċiżjoni li jkollha effett ġuridiku f'entità li ġiet
stabbilita permezz ta’ ftehim internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta
mill-Kummissjoni għandha tadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi
l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni.
L-għoti ta' deroga fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi
addizzjonali mogħtija mill-Unjoni Ewropea lir-Repubblika tal-Moldova jaqa’
taħt din id-dispożizzjoni billi d-deċiżjoni hija
meħuda f'entità stabbilita minn ftehim internazzjonali (il-Kunsill
Ġenerali tad-WTO jew il-Konferenza Ministerjali) li jaffettwa d-drittijiet
u l-obbligi tal-UE. 2013/0276 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li
għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali
tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tat-talba biex tkun
estiża id-deroga tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi
addizzjonali mogħtija mill-Unjoni Ewropea lir-Repubblika tal-Moldova. IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4),
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) L-Artikolu IX tal-Ftehim
ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
(“il-Ftehim tad-WTO") jistipula l-proċeduri għall-għoti ta’
derogi li jikkonċernaw il-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali fl-Annessi 1A
jew 1B jew 1C tal-Ftehim tad-WTO u l-annessi tagħhom. (2) Ir-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 55/2008 tal-21 ta’ Jannar 2008 li jintroduċi
l-preferenzi awtonomi għall-kummerċ għar-Repubblika tal-Moldova[1] kien emendat mir-Regolament
(UE) Nru 581/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill inter alia biex
ikunu estiżi l-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija
lir-Repubblika tal-Moldova sal-31 ta’ Diċembru 2015[2]. Ir-Regolament jipprovdi
aċċess liberu għas-swieq tal-Unjoni għall-prodotti kollha
li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova, ħlief għal ċerti
prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tar-Regolament. Il-prodotti
elenkati fl-Anness I tar-Regolament jibbenefikaw minn konċessjonijiet
limitati fil-forma ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali fil-limitu tal-kwoti
tariffarji jew tat-tnaqqis tad-dazji doganali. (3) Fin-nuqqas ta’ deroga
mill-obbligi tal-Unjoni Ewropea skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I
tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT 1994)
u l-Artikolu XIII GATT 1994, sa fejn hu possibbli, ikun meħtieġ
li t-trattament ipprovdut mill-preferenzi kummerċjali awtonomi jiġi
estiż għall-Membri l-oħra kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija
tal-Kummerċ (WTO). (4) Huwa fl-interess tal-Unjoni
Ewropea li titlob l-estensjoni tad-deroga tad-WTO fuq il-preferenzi
kummerċjali awtonomi mogħtija mill-Unjoni Ewropea lir-Repubblika
tal-Moldova skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim ta’
Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. (5) L-Unjoni Ewropea se
tippreżenta tali talba lid-WTO. Il-Kunsill Ġenerali tad-WTO
għandu jiddelibera fid-9 ta’ Ottubru 2013. (6) Għaldaqstant, huwa
xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed
mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar din it-talba, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha
tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali
tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija li titlob
għall-estensjoni tad-deroga tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali
awtonomi mogħtija mill-Unjoni Ewropea lir-Repubblika tal-Moldova
sal-31 ta' Diċembru 2015. Din il-pożizzjoni
għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni Ewropea. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 20, 24.1.2008, p. 1. [2] ĠU L 165, 24.6.2011, p. 5.