IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 623 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tar-Rumanija
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 623 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 623 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tar-Rumanija
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 623 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tar-Rumanija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU 4 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Rumanija żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 5 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 6 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u dwar l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 7 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih identifikat lir-Rumanija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Fih ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 8 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 9 fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt 60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibagħtilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ma’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, mas-sħab soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qiegħed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fil-31 ta’ Mejju 2021, ir-Rumanija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fid-29 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija 10 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 b’segwitu għall-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 sabiex isir aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 11 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li r-Rumanija laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Ir-Rumanija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2024 fit-13 ta’ Mejju 2024. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tar-Rumanija dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għar-Rumanija 12 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Fih ġie vvalutat il-progress tar-Rumanija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u tqieset l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza mir-Rumanija. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvaluta wkoll il-progress tar-Rumanija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(10)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għar-Rumanija. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għar-Rumanija għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’Marzu 2024 13 . Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rumanija qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, ir-Rumanija qiegħda taffaċċja vulnerabbiltajiet relatati mal-kontijiet esterni, prinċipalment marbuta ma’ defiċits tal-gvern kbar u li qegħdin jiżdiedu, li għadhom preżenti, filwaqt li pressjonijiet sinifikanti fuq il-prezzijiet u l-kostijiet żdiedu u l-azzjoni politika kienet batuta. Id-defiċit fil-kont kurrenti tjieb xi ftit fl-2023, prinċipalment minħabba konsum privat aktar dgħajjef u gwadanji f’termini ta’ kummerċ, iżda għadu evidentement kbir u mhuwiex previst li jitjieb din is-sena u ta’ wara. B’riżultat ta’ dan, il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta ma għadhiex titjieb bħala sehem tal-PDG minkejja t-tkabbir tal-PDG nominali kbir u hemm riskju li l-issoktar tad-defiċits kbar fil-kont kurrenti jkompli jitfagħha f’territorju negattiv. L-inflazzjoni globali naqset iżda l-inflazzjoni bażi għadha għolja ħafna, ftit biss inqas mill-ogħla punt li laħqet reċentement u ogħla minn sena ilu. Id-dinamiċi tal-kost lavorattiv u l-pagi żdiedu fir-ritmu fl-2023 u komplew ikunu b’saħħithom fl-2024, li parzjalment jirrifletti żidiet kbar fil-pagi minimi u pubbliċi, fl-isfond ta’ suq tax-xogħol aġitat. Dan wassal għal tħassib dwar il-kompetittività tal-kostijiet, filwaqt li l-kompetittività mhux tal-kostijiet għadha mxekkla minn restrizzjonijiet strutturali. Dawn il-fatturi kollha jżidu mat-tħassib dwar is-solidità tat-telf fil-kompetittività u tad-dewmien fit-titjib meħtieġ fil-bilanċ kummerċjali. Is-sitwazzjoni fiskali, li hija xprun ewlieni tad-defiċit għoli fil-kont kurrenti, marret għall-agħar matul is-sena li għaddiet. Id-defiċit fiskali kbir huwa mbassar li jaggrava xi ftit aktar fl-2024 u l-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG żdied minkejja t-tkabbir tal-PDG nominali kbir, għadu moderat għal 53 %, iżda b’sehem kbir minnu denominat f’munita barranija. Il-persistenza ta’ defiċits għoljin tal-gvern tista’ żżid id-dejn estern u tagħmel ir-Rumanija aktar dipendenti fuq sorsi esterni ta’ finanzjament, u tħalli lill-pajjiż vulnerabbli għal bidliet fis-sentiment tal-investituri u għax-xokkijiet esterni. Ir-rispons ta’ politika biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati kien batut. Perkors kredibbli ta’ konsolidazzjoni fiskali huwa kruċjali biex jittaffew ir-riskji għall-istabbiltà tal-ekonomija. Dan jirrikjedi konformità mar-rakkomandazzjonijiet skont il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u l-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi fiskali-strutturali inklużi fl-RRP, b’mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jżidu strutturalment id-dħul tal-gvern, flimkien ma’ kontroll tal-infiq ħafna aktar strett milli fis-snin li għaddew. L-implimentazzjoni tar-riformi u investiment tal-RRP lil hinn minn dawk fiskali-strutturali ttejjeb ukoll il-kompetittività.
(11)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 14 , id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija żdied minn 6,3 % tal-PDG fl-2022 għal 6,6 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 47,5 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 48,8 % tal-PDG fi tmiem l-2023.
(12)Ir-Rumanija ilha soġġetta għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv mill-2020. Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/509 skont l-Artikolu 126(6) TFUE dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità ppjanat fl-2019 mal-kriterju tad-defiċit tat-TFUE, u ħareġ Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern sa mhux aktar tard mill-2022. Fid-dawl tat-tnaqqis profond fl-attività ekonomika marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE għar-Rumanija bl-għan li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2024.
(13)Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu ta’ Ġunju 2021 skont l-Artikolu 126(7) TFUE, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex tnaqqas id-defiċit nominali tagħha għal 8,0 % tal-PDG fl-2021, 6,2 % tal-PDG fl-2022, 4,4 % tal-PDG fl-2023 u 2,9 % tal-PDG fl-2024. Dan kien konsistenti mar-rati ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern ta’ 3,4 % fl-2021, 1,3 % fl-2022, 0,9 % fl-2023 u 0,0 % fl-2024. Kien jikkorrispondi għal aġġustamenti strutturali annwali ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2021, 1,8 % tal-PDG fl-2022, 1,7 % tal-PDG fl-2023 u 1,5 % tal-PDG fl-2024. Ir-Rakkomandazzjoni speċifikat ukoll li kwalunkwe gwadann minn dħul imprevist jenħtieġ li jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern estiż. Ir-Rumanija ntalbet ukoll tirrapporta kull sitt xhur dwar l-azzjoni meħuda biex timplimenta r-rakkomandazzjoni, sakemm id-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut.
(14)Id-defiċit nominali laħaq 6,6 % tal-PDG fl-2023 u ma laħaqx il-mira tad-defiċit nominali tal-PDE ta’ 4,4 % tal-PDG b’marġni wiesa’. Ir-raġuni ewlenija għal din id-devjazzjoni kienet tkabbir għoli kontinwu fl-infiq tal-gvern, xprunat prinċipalment minn trasferimenti soċjali, nefqa f’oġġetti u servizzi, u nfiq kapitali. Id-defiċit nominali tal-2023 kien affettwat ukoll mir-reġistrazzjoni tal-pagamenti tal-pagi tas-settur pubbliku (b’valur ta’ 0,5 % tal-PDG) wara deċiżjonijiet tal-qorti. Huwa notevoli li l-kuntest makroekonomiku kien favorevoli għall-konsolidazzjoni fiskali. Il-prestazzjoni ekonomika tar-Rumanija mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni ta’ Ġunju 2021 kienet fil-biċċa l-kbira konformi mal-aspettattivi, minkejja x-xokkijiet ekonomiċi li seħħew minn dak iż-żmien ’l hawn. Iż-żieda fid-dħul tal-gvern kienet ħafna aktar mgħaġġla milli kien ipprojettat, u dan jirrifletti kompożizzjoni ta’ tkabbir ekonomiku b’taxxa għolja u inflazzjoni għolja.
(15)L-isforz fiskali fl-2023 kien aktar baxx minn dak rakkomandat mill-Kunsill. Il-bilanċ fiskali strutturali tar-Rumanija baqa’ fil-biċċa l-kbira l-istess fl-2023, meta mqabbel ma’ titjib ta’ 1,7 % tal-PDG rakkomandat mill-Kunsill. It-tkabbir nett fin-nefqa primarja (aġġustat għall-miżuri ta’ darba u dawk tal-politika fiskali mil-lat tad-dħul) kien ogħla minn dak rakkomandat fl-2023, ta’ 11,8 % tal-PDG meta mqabbel mal-mira ta’ 0,9 % rakkomandata mill-Kunsill. Bħal fis-snin preċedenti koperti mir-Rakkomandazzjoni attwali skont l-Artikolu 126(7) TFUE, il-biċċa l-kbira tal-gwadanji imprevisti mil-lat tad-dħul intużaw biex jiġi ffinanzjat infiq addizzjonali. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Rumanija ma ħaditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Ġunju 2021 skont l-Artikolu 126(7) TFUE.
(16)Fl-10 ta’ Mejju 2024, l-awtoritajiet Rumeni rrappurtaw dwar “azzjonijiet meħuda biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv”. Dan ir-rapport ikkonferma l-mira tad-defiċit tal-gvern għall-2024 ta’ 4,9 % tal-PDG inkluża fil-baġit iżda enfasizza wkoll li l-eżekuzzjoni baġitarja fl-ewwel tliet xhur tas-sena ssarrfet f’defiċit baġitarju tal-gvern ta’ 2,06 % tal-PDG, 0,6 punti perċentwali tal-PDG ogħla mid-defiċit irreġistrat fl-istess perjodu tas-sena l-oħra, meta d-defiċit tas-sena sħiħa kien ta’ 6,6 % tal-PDG. Id-defiċit ogħla fl-ewwel tliet xhur tal-2024 meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra huwa prinċipalment spjegat minn żieda rapida fl-infiq tal-gvern, prinċipalment minħabba nefqa ogħla fuq l-investiment.
(17)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali se jikber bi 3,3 % fl-2024 u bi 3,1 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 9,7 % fl-2024 u 5,9 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 6,9 % tal-PDG għall-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni jiżdied għal 50,9 % fi tmiem l-2024. Iż-żieda pprojettata tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment tkabbir rapidu fin-nefqa attwali tal-gvern. Il-pagi pubbliċi huma mistennija li jżidu r-ritmu b’mod qawwi, u dan jirrifletti ż-żidiet diskrezzjonali reċenti fil-pagi fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa kif ukoll tad-difiża. Il-kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet fil-kuntest tar-riforma tal-pensjonijiet se jkollu kost fuq terminu qasir fl-2024 u l-2025 — ir-riforma sussegwentement se tiġġenera ffrankar kbir fuq terminu medju u twil. Fl-2024, l-investiment pubbliku bħala sehem tal-PDG huwa mistenni li jibqa’ fil-biċċa l-kbira stabbli fil-livell għoli milħuq fl-2023, minħabba l-infiq kapitali li qiegħed jikber b’rata mgħaġġla mill-awtoritajiet lokali u l-użu ta’ fondi allokati mill-Fondi għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
(18)Fl-2024, it-tkabbir fid-dħul tal-gvern huwa mistenni li jisboq it-tkabbir tal-PDG nominali, li jirrifletti kompożizzjoni ta’ tkabbir ekonomiku “b’taxxa għolja”, sforzi biex jittejjeb il-ġbir tat-taxxa permezz tad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tat-taxxa u l-impatt ta’ pakkett ta’ miżuri li jżidu d-dħul adottat fil-ħarifa tal-2023, li huma mistennija li jagħtu spinta lid-dħul tal-gvern b’madwar 1 % tal-PDG. Il-pakkett jikkonsisti fil-biċċa l-kbira f’żieda fit-tassazzjoni korporattiva, b’mod partikolari għall-mikrointrapriżi, żieda fit-tassazzjoni tal-individwi, li tinbet minn tneħħija parzjali ta’ faċilitajiet tat-taxxa preferenzjali fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-agrikoltura, l-eliminazzjoni ta’ rati mnaqqsa tal-VAT għal oġġetti u servizzi magħżula, żieda fid-dazji tas-sisa, u taxxa speċjali fuq il-fatturat tal-banek u l-kumpaniji multinazzjonali. Il-pakkett jinkludi wkoll miżuri mil-lat tan-nefqa, inkluża r-razzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u kundizzjonijiet aktar stretti għall-eliġibbiltà tal-uffiċjali pubbliċi biex jirċievu kupuni għall-btajjel u allowances għall-ikel. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun fil-biċċa l-kbira newtrali fl-2024, f’livell ta’ 0,1 % tal-PDG.
(19)In-nefqa li tammonta għal 1,0 % tal-PDG se tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn pubbliku tal-gvern estiż tar-Rumanija. Ir-Rumanija tipotizza nefqa ffinanzjata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li tammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2024 u 1,2 % tal-PDG fl-2025, meta mqabbla ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2023.
(20)Fl-14 ta’ Lulju 2023 15 , il-Kunsill irrakkomanda li r-Rumanija tieħu azzjoni biex telimina b’mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija, u tuża’ l-iffrankar f’dan ir-rigward biex bih tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika ulterjorment li, f’każ li ż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jirrikjedu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li r-Rumanija tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreżervaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 16 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat għal 0,3 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat għal -0,1 % tal-PDG fl-2024 u fl-2025. L-iskemi ta’ appoġġ b’impatt kumplessiv ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2024 u 0,4 % tal-PDG fl-2025 huma mistennija li jibqgħu fis-seħħ, iżda l-impatt tagħhom huwa pprojettat li jiġi kkumpensat mit-taxxi imprevisti mill-kumpaniji li jipproduċu u jiddistribwixxu l-enerġija. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta’ appoġġ immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,2 % tal-PDG fl-2024, li minnu inqas minn 0,1 % tal-PDG jippreżervaw is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Kieku l-iffrankar relatat mit-tnaqqis tal-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija ntuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif rakkomandat mill-Kunsill, dawn il-projezzjonijiet kienu jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija prevista li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 1,2 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ emerġenza ta’ appoġġ għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan mhuwiex konformi ma’ dak li kien rakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, it-tfaddil f’dan ir-rigward mhuwiex ipprojettat li jintuża kollu biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dawn ir-riskji mhumiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(21)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li r-Rumanija tippreżerva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u li tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied għal 3,3 % tal-PDG fl-2024 minn 2,3 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li kien rakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa l-oħra, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tonqos għal 2,3 % tal-PDG fl-2024 (minn 3,3 % tal-PDG fl-2023). Dan it-tnaqqis huwa xprunat mit-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-UE, li għalihom il-fondi huma disponibbli sal-2023.
(22)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir u ta’ suppożizzjoni tal-ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 7,0 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jiżdied għal 53,9 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment il-kost fuq terminu qasir tar-riforma tal-pensjonijiet, li hija mistennija żżid 0,5 % oħra tal-PDG mad-defiċit fl-2025 meta mqabbla ma’ xenarju bażi mingħajr riforma. Madankollu, hija probabbli xi moderazzjoni fl-infiq kapitali b’segwitu għall-elezzjonijiet lokali, u t-tkabbir fin-nefqa attwali minbarra l-pensjonijiet huwa mistenni li jmajna xi ftit. It-tbassir tad-defiċit tal-2025 ma jinkludix id-dħul addizzjonali potenzjali li jirriżulta mir-riforma tar-reġim tat-taxxa tal-mikrointrapriżi u r-riforma wiesgħa tat-taxxa, li huma parti mill-RRP u li qegħdin jitfasslu bħalissa. Dawn ir-riformi għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw dħul sostanzjali għall-gvern u, jekk jitfasslu u jiġu implimentati kif suppost, li jnaqqsu d-defiċit tal-2025 b’mod sinifikanti meta mqabbel mat-tbassir. Jenħtieġ li l-politika fiskali prudenti tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażi, li hija ferm ogħla mill-medja tal-UE, u tista’ twassal għal telf fil-kompetittività jekk tippersisti, u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna wkoll.
(23)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tar-Rumanija permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li r-Rumanija tħaffef b’mod sinifikanti l-pass tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tiżgura governanza effettiva u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni li tirnexxi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(24)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, ir-Rumanija jeħtiġilha tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Ir-Rumanija għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet territorjali sinifikanti fl-investiment u l-impjiegi bejn ir-reġjun kapitali u r-reġjuni l-oħra, kif ukoll bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. Huwa ta’ importanza kruċjali li r-Rumanija tħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali u reġjonali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi għadhom rilevanti. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għat-titjib tal-ġestjoni u s-sostenibbiltà tas-setturi tal-ilma, tal-ilma mormi u tal-iskart. Huwa daqstant importanti li jittejbu l-produttività tax-xogħol u l-kapaċità tan-negozji li jinnovaw, billi titpoġġa lenti fuq l-appoġġ immirat għan-negozju, inklużi l-kollaborazzjoni pubblika-privata u l-parteċipazzjoni f’inizjattivi Ewropej ta’ riċerka u innovazzjoni. L-investiment fin-network ferrovjarju u t-trasport urban sostenibbli jenħtieġ li jkompli jingħata prijorità, flimkien mal-protezzjoni tal-bijodiversità. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva fil-livelli nazzjonali u sottonazzjonali huwa kruċjali, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta, inkluż l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam sal-2032. Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jenħtieġ li jkomplu jittejbu. F’dan ir-rigward, huwa partikolarment rilevanti li tittejjeb l-effettività tal-miżuri ta’ attivazzjoni tas-suq tax-xogħol għan-nisa, iż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, il-persuni b’diżabbiltà u l-komunitajiet emarġinati, bħar-Rom. Huwa meħtieġ investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kif ukoll fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet tal-popolazzjoni. L-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura soċjali u fit-tul kif ukoll tas-servizzi tas-saħħa fil-pajjiż kollu għall-gruppi vulnerabbli jeħtieġ li jitjiebu, filwaqt li l-miżuri ta’ deistituzzjonalizzazzjoni jeħtieġ li jitħaffu. Il-faqar enerġetiku jibqa’ wkoll sfida sinifikanti. Meta jsir ir-rieżami ta’ nofs it-terminu, ta’ min jagħti attenzjoni ulterjuri lill-għoti ta’ akkomodazzjoni soċjali u servizzi soċjali relatati, kif ukoll lill-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni urbani iżgħar, li jaffaċċjaw skarsezzi persistenti fil-kapaċità amministrattiva. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali ’l fuq, f’konformità mal-analiżi tal-pajjiżi tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 17 . Ir-Rumanija tista’ wkoll tagħmel użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tappoġġa l-investimenti fil-bijoteknoloġija (bħall-investimenti fl-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-settur mediku u fir-riċerka u l-investimenti produttivi f’mediċini kritiċi), fit-teknoloġiji diġitali u fl-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda u f’teknoloġiji nodfa; kif ukoll biex tinvesti f’kapaċitajiet biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħiliet bħall-ħiliet meħtieġa għall-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji kritiċi.
(25)Minkejja t-titjib reċenti, ir-riskju tal-faqar u l-inugwaljanza għadhom għoljin b’disparitajiet sinifikanti fost il-gruppi tal-popolazzjoni u r-reġjuni, filwaqt li l-aċċess għall-impjiegi u l-edukazzjoni għadu mhuwiex kullimkien l-istess fir-Rumanija. Is-sistema ta’ protezzjoni soċjali għadha turi effettività limitata biex ittaffi r-riskji tal-faqar u l-inugwaljanzi, minħabba aċċess insuffiċjenti u adegwatezza baxxa. Barra minn hekk, ir-rata ta’ impjieg tibqa’ waħda mill-aktar baxxi fl-UE, b’mod partikolari għall-gruppi sottorappreżentati. Fl-aħħar nett, id-diffikultajiet biex jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għandhom impatt negattiv fuq it-tkabbir inklużiv.
(26)Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri relatati mal-isfidi msemmija fil-premessa 25. Tali miżuri jinkludu riforma tas-sistema ta’ protezzjoni għall-adulti b’diżabbiltà, riforma biex jiġu introdotti kards tax-xogħol u l-formalizzazzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi, investiment għal skemi għat-titjib tal-ħiliet/taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet tal-impjegati fid-ditti, riforma tas-sistema edukattiva obbligatorja għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u investiment għall-iżvilupp ta’ programm qafas għat-taħriġ kontinwu tal-professjonisti fis-servizzi tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal. Il-programmi ta’ koeżjoni jinkludu wkoll miżuri relatati bħal interventi apposta mmirati li fil-mira tagħhom għandhom l-impjieg fost iż-żgħażagħ, l-attivazzjoni u l-impjieg ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol kif ukoll l-inklużjoni soċjali ta’ persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tagħhom tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi msemmija fil-premessa 25 u tappoġġa l-konverġenza soċjali ’l fuq.
(27)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi eċċessivi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kont kurrenti kbir u d-defiċits tal-gvern, li jagħmlu l-ekonomija potenzjalment vulnerabbli għax-xokkijiet u jikkontribwixxu għal inflazzjoni għolja. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (2) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kompetittività tal-kostijiet minħabba żidiet fil-pagi li jaqbżu t-tkabbir fil-produttività tax-xogħol u l-kompetittività mhux tal-kostijiet minħabba restrizzjonijiet strutturali.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 sabiex:
1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. Tissikka l-politika fiskali sabiex tikseb aġġustament fiskali għas-sena 2024 kollha kemm hi. Fl-2025, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 18 għal rata konsistenti mat-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG u żżomm id-dejn tal-gvern estiż f’livell prudenti fuq terminu medju.
2.Tħaffef b’mod sinifikanti l-pass tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026, billi tiggarantixxi governanza effettiva u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet miftiehma, filwaqt li tieħu azzjoni biex tindirizza aħjar il-ħtiġijiet fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, is-servizzi soċjali relatati u l-iżvilupp ta’ żoni urbani iżgħar, filwaqt li tikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex ittejjeb il-kompetittività.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President