Brussell, 17.6.2024

COM(2024) 248 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar id-delega tas-setgħat għall-adozzjoni ta’ atti delegati konferita lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE


1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ġie a adottat fis-16 ta’ April 2014. Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ġie emendat sussegwentement bir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , ir-Regolament (UE) Nru 2016/1033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , ir-Regolament (UE) Nru 2019/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 u r-Regolament (UE) Nru 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni u jissaħħu l-protezzjoni u l-fiduċja tal-investituri f’dawk is-swieq, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 jistabbilixxi qafas regolatorju komuni dwar l-abbuż ta’ informazzjoni privileġġata, id-divulgazzjoni illegali ta’ informazzjoni privileġġata, u l-manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), u jistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni ta’ tali abbuż tas-suq.

L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati. L-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 (kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/2115) jispeċifika li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu inizjali ta’ ħames snin mill-31 ta’ Diċembru 2019, u jistipula l-kundizzjonijiet għall-estensjoni ta’ dik is-setgħa. Il-perjodu inizjali ta’ ħames snin skada fil-31 ta’ Diċembru 2024. Fi tmiem dan il-perjodu, il-Kummissjoni hija meħtieġa tħejji rapport. Dan ir-rapport għandu l-għan li jissodisfa dak ir-rekwiżit.

2.Bażi legali

Skont l-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 596/2014, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat previsti, mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin.

L-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 596/2014 jipprevedi li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi tal-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel ma jintemm kull perjodu.

3.Eżerċizzju tad-delega

3.1.Atti delegati adottati

Il-Kummissjoni adottat l-atti delegati li ġejjin.

Atti Delegati

Setgħat

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/522 tas-17 ta’ Ottubru 2015 6

L-Artikolu 6(5),
L-Artikolu 12(5),

L-Artikolu 17(2),

L-Artikolu 17(3),

L-Artikolu 19(13),

L-Artikolu 19(14)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/461 7

L-Artikolu 6(5)

L-adozzjoni ta’ dawk l-atti delegati saret taħt is-setgħa dwar l-adozzjoni ta’ delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, li ngħatat għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-2 ta’ Lulju 2014. Ir-Regolament (UE) 2019/2115 emenda l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u llimita s-setgħa li jiġu adottati atti delegati għal ħames snin mill-31 ta’ Diċembru 2019. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

Għar-raġunijiet stabbiliti fit-Taqsima 3.2, il-Kummissjoni għadha ma użatx is-setgħa stabbilita fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 fir-rigward tal-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 596/2014, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin, jiġifieri qabel il-31 ta’ Marzu 2024.

3.2.Ħtieġa għall-estensjoni tas-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati

Kif indikat fit-Taqsima 3.1., il-Kummissjoni għadha ma użatx is-setgħa mogħtija fir-rigward tal-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

Għaldaqstant, l-atti delegati li ġejjin għadhom ma ġewx adottati:

Atti Delegati 

Setgħat 

L-estensjoni tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għal ċerti korpi pubbliċi maħtura ta’ pajjiżi terzi li jkunu daħlu fi ftehim mal-Unjoni skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 .

L-Artikolu 6(6) 

L-aġġustament tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 19 (1a), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) Nru 596/2014

L-Artikolu 38, ir-raba’ paragrafu 

Ir-raġunijiet għad-dewmien fl-adozzjoni tal-atti delegati elenkati hawn fuq huma dawn li ġejjin:

-Is-setgħa mogħtija stabbilita fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 hija relatata mal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2003/87/KE li għandhom jiġu konklużi mal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness B tal-Protokoll ta’ Kjoto. Għalhekk, biex il-Kummissjoni tuża dik is-setgħa, jenħtieġ li l-Unjoni l-ewwel tidħol fi ftehimiet bħal dawn. Bħalissa, l-Unjoni daħlet fi ftehim bħal dan mal-Konfederazzjoni Żvizzera 9 . Il-ftehim ġie ffirmat fil-23 ta’ Novembru 2017 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020. Ma ġie ffirmat l-ebda ftehim ieħor ma’ pajjiżi terzi oħra. Sal-lum, il-Kummissjoni ma kellhiex l-opportunità li tuża s-setgħa stabbilita fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, peress li r-Regolament (UE) Nru 596/2014 għadu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ta’ konnessjoni Żvizzeru. Madankollu, is-servizzi tal-Kummissjoni jqisu li huwa essenzjali li s-setgħa stabbilita fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tiġi estiża. Dan huwa ġġustifikat peress li l-ftehimiet futuri ma’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jistgħu jirrikjedu l-użu tal-għoti tas-setgħa jekk il-ftehimiet jistabbilixxu li r-Regolament (UE) Nru 596/2014 japplika għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

-Is-setgħa mogħtija stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li taġġusta l-limiti msemmija fl-Artikolu 19 (1a), il-punti (a) u (b), ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni qieset il-parir tekniku li tatha l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fit-23 ta’ Settembru 2020 10 , fosthom ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-ESMA, li fiha kemm l-ESMA kif ukoll ir-rispondenti qiesu li dawk il-limiti għadhom xierqa. Abbażi ta’ dak il-parir tekniku, il-Kummissjoni tqis li, f’dan l-istadju, ma hemmx bżonn li dawn jiġu aġġustati. Madankollu, peress li ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm bżonn li dawk il-limiti jiġu aġġustati fil-futur, l-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tagħmel dan jenħtieġ li jiġi estiż.

Il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li s-setgħat previsti fl-Artikolu 6(5) u (6), fl-Artikolu 12(5), fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(2), fl-Artikolu 19(13), fl-Artikolu 17(3) u (14), u fl-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jinżammu wara l-perjodu inizjali ta’ ħames snin. Din hija r-raġuni għaliex, bħala parti mill-proposta leġiżlattiva tal-Att il-Kwotazzjoni fil-Borża, il-Kummissjoni pproponiet lill-koleġiżlaturi li jagħtuha aktar setgħat biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u biex iżżomm il-mandati eżistenti. Il-Kummissjoni tinnota li, fit-test ta’ kompromess finali għar-Regolament dwar l-Att dwar il-kwotazzjoni fil-Borża 11 , il-koleġiżlaturi tabilħaqq qablu li jġeddu d-delega tas-setgħat biex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(5) u (6), l-Artikolu 12(5), l-Artikolu 17(2), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 19(13) u (14), u l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għal perjodu ieħor ta’ ħames snin. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu wkoll li jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta wkoll atti delegati skont l-Artikolu 17(1), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 25a(5), (5a) u (6) għall-istess perjodu ta’ żmien. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport ġdid qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu. L-Att dwar il-Kwotazzjoni fil-Borża ġie adottat mill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja tal-24 ta’ April 2024 u huwa suġġett għall-hekk imsejħa “proċedura ta’ rettifika” li se twassal għall-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali aktar tard din is-sena.

4.Konklużjoni

Minħabba l-ispjegazzjoni pprovduta fit-Taqsima 3, il-Kummissjoni tqis li hemm ħtieġa ċara li s-setgħat previsti fl-Artikolu 6(5) u (6), fl-Artikolu 12(5), fl-Artikolu 17(2), it-tielet subparagrafu, fl-Artikolu 17(3), fl-Artikolu 19(13) u (14), u fl-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jiġu estiżi, kif propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-proposta tal-Att dwar il-kwotazzjoni fil-Borża, għal perjodu ieħor ta’ ħames snin.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

   Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (ir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/596/oj).

(2)

   Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1011/oj

(3)

   Ir-Regolament (UE) 2016/1033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (ĠU L 175, 30.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1033/oj).

(4)

   Ir-Regolament (UE) 2019/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda d-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-promozzjoni tal-użu ta’ swieq tat-tkabbir tal-SMEs (ĠU L 320, 11.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2115/oj).

(5)

   Ir-Regolament (UE) 2023/2869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jemenda ċerti Direttivi fir-rigward tal-istabbiliment u l-funzjonament tal-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ĠU L, 2023/2869, 20.12.2023,ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2869/oj).

(6)

   Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/522 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għal ċerti korpi pubbliċi ta’ pajjiżi terzi u l-banek ċentrali, l-indikaturi ta’ manipulazzjoni tas-suq, il-limiti ta’ divulgazzjoni, l-awtorità kompetenti għan-notifiki ta’ ttardjar, il-permess għal negozjar matul perjodi magħluqa u t-tipi ta’ tranżazzjonijiet tal-amministraturi notifikabbli (ĠU L 88, 5.4.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/522/oj).

(7)

   Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/461 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/522 rigward l-eżenzjoni tal-Bank tal-Ingilterra u tal-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 80, 22.3.2019, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/461/oj).

(8)

   Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).

(9)

   Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-konnessjoni tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom. ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3–26.

(10)

   Rapport ta’ Rieżami MAR (ESMA70–156–2391).

(11)

   Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1129, (UE) Nru 596/2014 u (UE) Nru 600/2014 biex is-swieq kapitali pubbliċi fl-Unjoni jsiru aktar attraenti għall-kumpaniji u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju — Konferma tat-test ta’ kompromess finali bil-ħsieb ta’ qbil (2022/0411 (COD)).