|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2262 |
9.10.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2262
tad-9 ta’ Ottubru 2026
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/2147 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2147 tad-9 ta’ Ottubru 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta’ attivitajiet li jimminaw l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fid-9 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2023/2147. |
|
(2) |
Il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2147. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, jenħtieġ li l-entrati għal tliet individwi elenkati f’dak l-Anness jiġu aġġornati. |
|
(3) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/2147 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2147 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ottubru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) ĠU L, 2023/2147, 11.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2147/oj.
ANNESS
Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2147, taħt l-intestatura “A. Persuni Fiżiċi”, l-entrati numru 1, 5 u 11 huma sostitwiti b’dan li ġej:
|
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“1. |
Mirghani Idriss SULEIMAN |
Nazzjonalità: Sudaniża Sess: raġel Funzjoni: Logutenent Ġeneral fl-SAF; Direttur Ġenerali ta’ Defence Industries System; Kap ta’ Sudanese Army Production Agency Assistent għall-Affarijiet tal-Industriji Militari fl-SAF Individwi assoċjati: Ġeneral Abdelfattah Al-Burhan, Kap Kmandant tal-SAF Entitajiet assoċjati: Defense Industry System, SMT Engineering; SAF |
Il-Logutenent Ġeneral Mirghani Idriss Suleiman huwa uffiċjal tas-Sudanese Armed Forces (SAF) u d-Direttur Ġenerali ta’ Defense Industry System (DIS), kumpanija soġġetta għal miżuri restrittivi mill-Unjoni Ewropea talli tat appoġġ lil azzjonijiet u politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan. Fl-2026, inħatar Assistent għall-Affarijiet tal-Industriji Militari fl-SAF. DIS hija deskritta bħala l-akbar intrapriża tad-difiża tas-Sudan li tiġġenera dħul ta’ madwar USD 2 000 000 000 permezz ta’ mijiet ta’ sussidjarji f’diversi setturi tal-ekonomija tas-Sudan. DIS timmanifattura għadd ta’ armi żgħar, armi konvenzjonali, munizzjon u vetturi militari għall-SAF. Bħala d-Direttur Ġenerali ta’ DIS, Mirghani Idriss Suleiman ivvjaġġa estensivament flimkien mal-Ġeneral Abdelfattah Al-Burhan, Kap Kmandant tal-SAF, mill-bidu tal-gwerra, allegatament biex isaħħaħ il-mezzi tal-SAF fil-ġlieda kontra r-Rapid Support Forces (RSF) f’diversi fronti f’Khartoum, Darfur u Kordofan. Għalhekk, Mirghani Idriss Suleiman jagħti appoġġ lil azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan. |
24.6.2024 |
|
5. |
Mustafa Ibrahim ABDEL NABI MOHAMED |
Nazzjonalità: Sudaniża Sess: raġel Funzjoni: Direttur ta’ al-Khaleej Bank; azzjonist maġġoritarju ta’ Shield Protective Solutions Co. Ltd. (Sudan); Direttur Finanzjarju tal-RSF Numru tal-passaport: B CH 4930920 Individwi assoċjati: Musa Hamdan Dagalo Musa, ħu Mohamed Hamdan Dagalo, mexxej tal-RSF Entitajiet assoċjati: Al-Khaleej Bank; Shield Protective Solutions Co. Ltd. (Sudan) |
Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed huwa eks uffiċjal għoli ta’ Sudanese Central Bank, issekondat mill-2017 mar-Rapid Support Forces (RSF), biex iservi ta’ Direttur Finanzjarju, u ħalli jgħinhom jimmaniġġaw network ta’ kumpaniji u entitajiet proxy. Rapport ta’ Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar is-sanzjonijiet f’Darfur irrefera għal eks uffiċjal għoli ta’ Sudanese Central Bank li huwa bbażat f’Dubai u li sar il-konsulent finanzjarju tal-RSF mingħajr ma semma’ ismu. Ir-rapport jispjega wkoll li al Khaleej Bank sar strumentali għall-iffinanzjar tal-RSF fl-2019 meta s-sjieda maġġoritarja tiegħu ġiet akkwistata minn individwi u entitajiet assoċjati mal-RSF. Rapporti fil-media u gruppi ta’ riflessjoni identifikaw lil dik il-persuna bħala Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed. Huwa Direttur ta’ Al Khaleej Bank, bank Sudaniż. Aktar minn 60 % tal-ishma ta’ Al Khaleej Bank huma miżmuma minn kumpaniji assoċjati mal-familja ta’ Mohammad Hamdan Dagalo (Hemedti), il-kap tal-RSF. Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed huwa wkoll l-azzjonist maġġoritarju ta’ Shield Protective Solutions Co. Ltd. L-azzjonist l-ieħor f’dik il-kumpanija huwa wieħed mill-aħwa ta’ Hemedti, Musa Hamdan Dagalo Musa, u l-kumpanija għandha aktar minn 14 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja f’al Khaleej Bank. Fl-2026, huwa identifikat bħala parti minn network marbut mat-tmexxija tal-RSF, li ġabar portafoll vast ta’ proprjetà f’Dubai bħala parti minn ‘kumpless paramilitari industrijali’ mifrux madwar l-Afrika u l-Lvant Nofsani. Huwa f’dan il-kuntest li xtara appartament lussuż fil-Burj Khalifa, torri f’Dubai, li juri li huwa jibbenefika mill-kunflitt fis-Sudan. Bħala Direttur Finanzjarju tal-RSF, Mustafa Ibrahim Abdel Nabi Mohamed qed jinvolvi ruħu direttament jew indirettament fl-għoti ta’ appoġġ lil azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tas-Sudan, jew qed jibbenefika minnhom. |
24.6.2024 |
|
11. |
Abu Aqla Mohamed Ahmed KAIKAL magħruf ukoll bħala Abu Aqla KEIKEL |
Nazzjonalità: Sudaniża Sess: raġel Funzjoni: Mexxej u Kmandant ta’ Sudan Shield Forces, milizzja affiljata mal-SAF Entitajiet assoċjati: SAF |
Abu Aqla Mohamed Ahmed Kaikal huwa Kmandant Militari Sudaniż li serva fil-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) fl-Istat ta’ Gezira fis-Sudan sakemm iddiżerta biex imur mal-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) f’Ottubru 2024. Abu Aqla Mohammed Kaikal ilu mill-2025 Mexxej u Kmandant ta’ Sudanese Shield Forces, grupp armat li jiġġieled id f’id mal-SAF. Fit-12 ta’ Diċembru 2025 deher f’filmat li jhedded liċ-ċivili li jippruvaw jaħarbu l-Belt ta’ El Obeid fl-Istat ta’ Kordofan tat-Tramuntana, li kien jinsab assedjat mill-RSF. Fil-filmat jinstema’ jwissi li ser jisparaw fuq iċ-ċivili li jkunu qed jippruvaw jitilqu mill-belt. Is-Sudan Shield Forces kellhom rwol ewlieni fil-ġlied fl-Istat ta’ Gezira u fid-distrett ta’ East Nile, fiż-żona ta’ Khartoum. Fl-10 ta’ Jannar 2025 is-Sudan Shield Forces intenzjonalment attakkaw liċ-ċivili u l-proprjetà tagħhom. Għalhekk Abu Aqla Mohamed Ahmed Kaikal huwa responsabbli għal azzjonijiet u politiki li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan. Barra minn hekk, huwa responsabbli li mexxa atti fis-Sudan li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u li tellef l-għoti ta’ assistenza umanitarja fis-Sudan, l-aċċess għaliha u d-distribuzzjoni tagħha. |
18.7.2025”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2262/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)