SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 370 – Il-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X – Deroga – Kamp ta’ applikazzjoni – Attivitajiet ta’ organu pubbliku tar-radju u tat-televiżjoni ffinanzjati minn tariffa obbligatorja mħallsa mid-detenturi ta’ apparati li jistgħu jirċievu emissjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni”
Fil-Kawża C‑573/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura
A,
B,
Foreningen C
vs
Skatteministeriet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias (Relatur) u E. Regan Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: I. Illéssy, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal A, minn T. Gønge, T. Kári Kristjánsson u J. Nymand Hounsgaard, advokater, |
|
– |
għal B, minn C. Bachmann u P. Hansen, advokater, |
|
– |
għal Foreningen C, minn C. Holberg, advokat, |
|
– |
għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan u C. Maertens, bħala aġenti, assistiti minn B. Søes Petersen, advokat, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A. Daniel u O. Duprat-Mazaré, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u U. Nielsen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) u tal-Artikolu 370 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), moqrija flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A, B u Foreningen C, minn naħa, u s-Skatteministeriet (il-Ministeru għat-Taxxi, id-Danimarka), min-naħa l-oħra, dwar talba minn tal-ewwel għar-rimbors tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) fuq it-tariffa dovuta mid-detenturi ta’ apparati li jistgħu jirċievu emissjonijiet awdjoviżivi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jiddikjara: “Din id-Direttiva tistabbilixxi s-sistema komuni ta’ [VAT].” |
|
4 |
L-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-provvisti ta’ servizzi, imwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, huma suġġetti għall-VAT. |
|
5 |
L-Artikolu 370 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, kienu jintaxxaw it-transazzjonjiet elenkati fl-Anness X, Parti A, jistgħu jkomplu jintaxxaw dawk it-transazzjonijiet.” |
|
6 |
L-Artikolu 378 tal-istess direttiva jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “L-Awstrija tista’ tkompli tintaxxa t-transazzjonijiet elenkati fil-punt (2) ta’ l-Anness X, il-Parti A.” |
|
7 |
Il-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva dwar il-VAT isemmi “l-attivitajiet ta’ korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni minbarra dawk ta’ natura kummerċjali”. |
Id-dritt Daniż
|
8 |
Mis-sena 1926, tinġabar, fid-Danimarka, tariffa għall-pussess ta’ apparati tar-radju intiża għall-finanzjament tal-istituzzjoni magħrufa llum bl-isem ta’ “Danmarks Radio (DR)”. Mis-sena 1951, wara li DR bdiet ixxandar programmi tat-televiżjoni, din it-tariffa kienet tirrigwarda wkoll it-televiżjonijiet. Bis-saħħa tal-lov nr. 215 om radiospredning (il-Liġi Nru 215 dwar ix-Xandir) tal‑11 ta’ Ġunju 1959, l-imsemmija tariffa nbidlet f’“tariffa awdjoviżiva”, dovuta filkaż ta’ pussess ta’ riċevitur tat-televiżjoni jew tar-radju. Din l-aħħar liġi tħassret u ġiet issostitwita bil-lov nr. 421 om radio- og fjernsynsivrkomshed (il-Liġi Nru 421 dwar l-Attivitajiet tar-Radju u tat-Televiżjoni) tal‑15 ta’ Ġunju 1973, li żammet fis-seħħ it-tariffa awdjoviżiva, li issa kienet iddefinita bħala “tariffa għall-użu ta’ riċevituri tar-radju u tat-televiżjoni”. |
|
9 |
Bis-saħħa tal-lov nr. 589 om ændring af lov om radio- og fjernsynsvirksomhed (il-Liġi Nru 589 li Temenda l-Liġi dwar l-Attività tar-Radju u tat-Televiżjoni) tad‑19 ta’ Diċembru 1985, id-“dritt esklużiv” ta’ xandir pubbliku ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni, li kellu DR, ġie mibdul f’sempliċi “dritt”. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-bekendtgørelse nr. 640 (id-Digriet Nru 640) tal‑20 ta’ Diċembru 1985, l-isem tat-tariffa msemmija fil-punt preċedenti ġie mibdul f’“tariffa dwar ir-radju u t-televiżjoni (tariffa awdjoviżiva)”. |
|
10 |
Permezz tal-lov nr. 335 om ændring af lov om radio- og fjernsynsvirksomhed (il-Liġi Nru 335 li temenda l-Liġi dwar l-Attività tar-Radju u tat-Televiżjoni) tal‑4 ta’ Ġunju 1986, stazzjon ġdid tat-televiżjoni pubblika bl-isem ta’ TV2 u ffinanzjat, parzjalment, mid-dħul mit-tariffa awdjoviżiva wkoll ġie awtorizzat ixandar programmi awdjoviżivi pubblikament. |
|
11 |
Il-bekendtgørelse nr. 15 (id-Digriet Nru 15) tal‑11 ta’ Jannar 1995 ippreċiża li t-tariffa awdjoviżiva kienet dovuta irrispettivament mill-użu tar-riċevitur ikkonċernat u mill-mod kif jiġu rċevuti x-xandiriet, sa fejn dan l-apparat kien f’pożizzjoni li jirriproduċi programmi awdjoviżivi. |
|
12 |
Il-lov nr. 1208 om ændring af lov om radio- og fjernsynsvirksomhed (il-Liġi Nru 1208 li temenda l-Liġi dwar l-Attività tar-Radju u tat-Televiżjoni) tas‑27 ta’ Diċembru 1996 ipprevediet li l-prodott tat-tariffa awdjoviżiva seta’, skont il-modalitajiet deċiżi mill-ministru kompetenti, iservi, minbarra għall-finanzjament ta’ DR u ta’ TV2, għal “għanijiet oħra possibbli relatati mal-mezzi tax-xandir”. |
|
13 |
Il-lov nr. 1569 om ændring af lov om radio- og fjernsynsvirksomhed (il-Liġi Nru 1569 li temenda l-Liġi dwar l-Attività tar-Radju u tat-Televiżjoni) tal‑20 ta’ Diċembru 2006, issostitwixxiet it-tariffa awdjoviżiva permezz ta’ “tariffa dwar il-mezzi tax-xandir”, li kienet tirrigwarda l-“apparati li kapaċi jirċievu u jirriproduċu programmi jew servizzi awdjoviżivi mxandra pubblikament”, inklużi r-radjijiet. |
|
14 |
Il-lov nr. 513 om ændring af lov om radio – og fjernsynsvirksomhed (il-Liġi Nru 513 li temenda l-Liġi dwar l-Attività tar-Radju u tat-Televiżjoni) tas‑27 ta’ Mejju 2013, ħassar it-tariffa dwar il-mezzi tax-xandir sa fejn din kienet tirrigwarda r-radjijiet. Il-lov nr. 1517 om ændring af lov om radio og fjernsynsvirksomhed (il-Liġi Nru 1517 li temenda l-Liġi dwar l-Attività tar-Radju u tat-Televiżjoni) tas‑27 ta’ Diċembru 2014, ħassar it-tariffa dwar il-mezzi tax-xandir għall-impriżi kummerċjali u żammha biss għad-djar privati. Fl-aħħar nett, il-lov nr. 1548 om ændring af lov om radio- og fjernsynsvirksomhed (il-Liġi Nru 1548 li temenda l-Liġi dwar l-Attività tar-Radju u tat-Televiżjoni) tat‑18 ta’ Diċembru 2018, ipprevediet it-tneħħija progressiva, fuq perijodu ta’ tliet snin mis-sena 2019 sas-sena 2021, tat-tariffa dwar il-mezzi tax-xandir, b’tali mod li din it-tariffa tħassret għalkollox fl‑1 ta’ Jannar 2022. |
|
15 |
Sa mill-introduzzjoni, matul is-sena 1967, tal-VAT fid-Danimarka, il-leġiżlazzjoni Daniża dwar il-VAT tipprevedi li jkunu suġġetti għall-VAT “ix-xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni”. Konsegwentement, it-tariffa msemmija fil-punti 8 sa 14 ta’ din is-sentenza kienet suġġetta għal-VAT sat-tneħħija tagħha. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
16 |
A u B, persuni fiżiċi, kif ukoll il-Foreningen C, ikkostitwit minn grupp ta’ persuni fiżiċi li ppreżentaw azzjoni kollettiva, adixxew l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikorsi indirizzati kontra l-Ministeru għat-Taxxi sabiex jiksbu r-rimbors tal-ammonti li kienu ħallsu bħala VAT fuq it-tariffa dwar il-mezzi tax-xandir għas-snin mill‑2007 sal‑2017. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma jsostnu, essenzjalment, li l-possibbiltà għad-Danimarka, li tapplika l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex tissottometti din it-tariffa għall-VAT tippreżupponi l-eżistenza ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, liema provvista, f’dan il-każ, hija nieqsa. |
|
17 |
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għat-Taxxi jsostni li l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka żżomm l-iskema fiskali fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1978 irrispettivament mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ġenerali armonizzata tal-VAT. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju tibda mill-prinċipju li, fid-dawl tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas (C‑11/15, EU:C:2016:470), it-tariffa dwar il-mezzi tax-xandir ma tikkostitwixxix il-korrispettiv ta’ provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT. Għaldaqstant din il-qorti trid li l-kwistjoni legali prinċipali mqajma mill-kawża li biha ġiet adita hija dik dwar jekk l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jiġbru l-VAT fuq tariffa li ma tikkostitwixxix tali korrispettiv u li l-ġbir tagħha jiddependi mis-sempliċi pussess ta’ riċevitur tax-xandiriet tar-radju jew tat-televiżjoni. |
|
19 |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT għat-tariffa dwar il-mezzi tax-xandir, fir-rigward tal-emendi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar din it-tariffa matul il-perijodu kkonċernat mill-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, it-tariffa miġbura fuq il-bażi tal-pussess ta’ apparati tar-radju u tat-televiżjoni ġiet issostitwita b’tariffa miġbura minħabba l-pussess ta’ kull apparat li kapaċi jirċievi programmi u servizzi ta’ xbihat. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija leġiżlazzjoni ppermettiet l-allokazzjoni, fuq id-diskrezzjoni tal-ministru kompetenti, ta’ parti żgħira tal-prodott tat-tariffa fuq il-mezzi tax-xandir għall-finanzjament, fl-ewwel lok, tax-xandara li, mingħajr ma jkunu xandara pubbliċi, kienu jeżerċitaw attività ta’ servizz pubbliku u kienu suġġetti għal restrizzjonijiet simili għal dawk li għalihom kienu suġġetti l-organi pubbliċi tax-xandir u, fit-tieni lok, tad-Danske Filminstitut (l-Istitut Daniż taċ-Ċinema), li huwa istitut pubbliku li l-għan tiegħu huwa li jippromwovi l-arti u l-kultura ċinematografika fid-Danimarka, kif ukoll ta’ skola ċinematografika għat-tfal u għaż-żgħażagħ, immexxija minn fondazzjoni mingħajr skop ta’ lukru maħluqa mill-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni b’kollaborazzjoni ma’ atturi oħra. |
|
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Jannar 2023, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sal-għoti tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, GIS (C‑249/22, EU:C:2023:813). Din tkompliet wara l-għoti ta’ din is-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, issuġġetta għall-VAT attività ta’ xandir pubbliku ffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja mħallsa minn kull persuna proprjetarja ta’ tagħmir li kapaċi jirċievi programmi ta’ xandir, jista’ jkompli jintaxxa din l-attività, irrispettivament mill-punt dwar jekk l-imsemmija attività taqax taħt il-kunċett ta’ “provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(1)(ċ). |
|
23 |
Jeħtieġ li jiġi osservat li, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jaqa’ taħt it-Titolu I ta’ din id-direttiva, bl-isem “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, huma suġġetti għall-VAT il-provvisti ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali. |
|
24 |
B’hekk, meta attività tiġi kklassifikata bħala tranżazzjoni mwettqa “bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija taqa’, għal din ir-raġuni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT. Għall-kuntrarju, attività li ma tiġix ikklassifikata b’dan il-mod ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, GIS,C‑249/22, EU:C:2023:813, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Madankollu, l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, jippermetti lill-Istati Membri li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, kienu jintaxxaw l-attivitajiet tal-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni minbarra dawk ta’ natura kummerċjali, jidderogaw mill-Artikolu 2(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva billi jagħtihom il-possibbiltà li jkomplu jintaxxaw dawn l-attivitajiet. |
|
26 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din id-deroga hija, essenzjalment, identika għal dik prevista favur ir-Repubblika tal-Awstrija fl-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. |
|
27 |
B’dan premess, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 36, 37, 42 u 51 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, GIS (C‑249/22, EU:C:2023:813), li l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti lir-Repubblika tal-Awstrija tidderoga, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, billi żżomm fis-seħħ sistema ta’ tassazzjoni tal-attivitajiet ikkonċernati diġà eżistenti, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet ta’ din it-tassazzjoni jibqgħu essenzjalment kif inhuma. Dan jirrifletti n-natura progressiva u attwalment parzjali tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-VAT. Barra minn hekk, huwa fin-natura ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 378(1) li jiġu introdotti eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti. Fil-fatt, it-tassazzjoni permessa minn din id-dispożizzjoni ma hijiex tassazzjoni armonizzata li tagħmel parti integrali mis-sistema tal-VAT kif stabbilita mill-imsemmija direttiva. Għall-kuntrarju, il-possibbiltà li hija prevista fl-imsemmija dispożizzjoni tippermetti lill-imsemmi Stat Membru jżomm fis-seħħ il-leġiżlazzjoni tiegħu, dwar it-tassazzjoni tas-servizzi kkonċernati, mingħajr ma d-differenzi li jistgħu jirriżultaw bejn dan l-Istat Membru u Stati Membri oħra jkunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. |
|
28 |
Billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, GIS (C‑249/22, EU:C:2023:813), li l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 378(1) tad-Direttiva dwar il-VAT kellhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lir-Repubblika tal-Awstrija milli tissuġġetta għall-VAT attività ta’ xandir pubbliku, iffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja u mħallsa minn kull persuna li tuża tagħmir riċevitur tax-xandir ġewwa binja li tinsab f’żona koperta mix-xandir terrestri tal-korp pubbliku tax-xandir ikkonċernat, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-attività ta’ xandir pubbliku kkonċernata taqax taħt il-kunċett ta’ “provvisti ta’ servizzi bi ħlas”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(1)(ċ). |
|
29 |
Fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li ssir interpretazzjoni analoga fir-rigward tal-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT. |
|
30 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda tagħha għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) u l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, issuġġetta għall-VAT attività ta’ xandir pubbliku ffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja mħallsa minn kull persuna proprjetarja ta’ tagħmir li kapaċi jirċievi programmi ta’ xandir, jista’ jkompli jintaxxa din l-attività, irrispettivament mill-punt dwar jekk din l-attività taqax taħt il-kunċett ta’ “provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(1)(ċ). |
Fuq it-tieni domanda
|
31 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, issuġġetta għall-VAT attività ta’ xandir pubbliku ffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja mħallsa minn kull persuna proprjetarja ta’ apparat tar-radju jew tat-televiżjoni, jista’ jkompli jintaxxa din l-attività meta l-leġiżlazzjoni relatata ma’ din it-tariffa ġiet emendata wara din id-data b’tali mod li l-imsemmija tariffa tinġabar għall-pussess ta’ kull apparat li kapaċi jirċievi programmi ta’ xandir, inkluż smartphone jew kompjuter. |
|
32 |
Konformement mal-formulazzjoni tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lill-Istati Membri jkomplu jintaxxaw “l-attivitajiet ta’ korpi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni minbarra dawk ta’ natura kummerċjali”, fil-każ fejn dawn l-Istati kellhom jissuġġettawhom għall-VAT fl-1 ta’ Jannar 1978. |
|
33 |
Għalhekk, skont il-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet, l-Istati Membri kkonċernati minnhom huma awtorizzati biss iżommu fis-seħħ sistema ta’ tassazzjoni tal-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq diġà eżistenti u mhux jintroduċu tassazzjoni ġdida ta’ dawn l-attivitajiet, li jfisser li l-modalitajiet ta’ tassazzjoni tal-imsemmija attivitajiet, fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 1978, għandhom essenzjalment jibqgħu l-istess sabiex din it-tassazzjoni tkompli tkun koperta mid-deroga prevista fl-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, GIS, C‑249/22, EU:C:2023:813, punti 42 u 43). |
|
34 |
B’dan premess, emenda tal-modalitajiet tal-imsemmija tassazzjoni li tillimita ruħha biex tieħu inkunsiderazzjoni l-innovazzjoni teknoloġika li seħħet mill‑1 ta’ Jannar 1978 mingħajr ma jiġi emendat l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tat-tariffa intiża li tiffinanzja attività ta’ xandir pubbliku ma għandhiex bħala effett li teskludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ deroga, bħall-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, GIS, C‑249/22, EU:C:2023:813, punt 45). |
|
35 |
Dan huwa l-każ ta’ emenda ta’ dawn il-modalitajiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala effett li torbot l-obbligu ta’ ħlas ta’ tariffa intiża li tiffinanzja attività ta’ xandir pubbliku għall-pussess, mhux ta’ apparat tar-radju jew ta’ televiżjoni, iżda wkoll ta’ kull apparat li kapaċi jirċievi l-programmi tal-organi pubbliċi tax-xandir, inklużi l-ismartphones jew il-kompjuters. Fil-fatt, emenda ta’ dan it-tip tirrifletti l-iżvilupp teknoloġiku li seħħ minn żmien l-introduzzjoni tad-deroga kkonċernata. |
|
36 |
Barra minn hekk, kif, essenzjalment, osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 sa 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza la huma mqiegħda inkwistjoni mill-fatt li t-twessiegħ tal-kategorija tal-apparati li l-pussess tagħhom jimplika l-obbligu li titħallas tariffa intiża li tiffinanzja l-attivitajiet ta’ xandir pubbliku seta’ jimplika żieda parallela tal-persuni suġġetti għal din it-tariffa u lanqas ma hija mqiegħda inkwistjoni mill-fatt li r-riċeviment ta’ programmi tar-radju jew tat-televiżjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala funzjoni aċċessorja tal-apparati bħall-ismartphones jew il-kompjuters. |
|
37 |
Minn naħa, l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jirrikjedix li n-numru jew il-volum tat-tranżazzjonijiet intaxxati minn Stat Membru fl‑1 ta’ Jannar 1978 jibqa’ l-istess. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi osservat li, anki mingħajr emenda li tirrigwarda n-natura tal-apparati li l-pussess tagħhom jimplika l-obbligu li titħallas tariffa intiża li tiffinanzja l-attivitajiet ta’ xandir pubbliku, in-numru ta’ persuni suġġetti għall-obbligu li jħallsu din it-tariffa kien mistenni li jiżdied skont iż-żieda fin-numru ta’ apparati tar-radju u tat-televiżjoni fil-pussess ta’ individwi, dovuta għaż-żieda fid-disponibbiltà ta’ dawn l-apparati u għat-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ tagħhom. |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn l-avveniment li jagħti lok għal tariffa bħal dik li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex marbut mal-użu ta’ servizz ta’ xandir pubbliku mill-persuni suġġetti għal dan l-obbligu, iżda biss għall-pussess ta’ apparat li kapaċi jirċievi l-programmi ta’ korp tax-xandir, huwa mingħajr rilevanza li wħud minn dawn l-apparati, bħall-ismartphones jew il-kompjuters, jissodisfaw ukoll funzjonijiet oħra li jistgħu, jekk ikun il-każ, jitqiesu li huma l-funzjonijiet prinċipali tagħhom. |
|
39 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li r-riċevituri tar-radju u tat-televiżjoni jistgħu wkoll jintużaw għal funzjonijiet oħra minbarra għar-riċeviment tal-programmi tal-organi pubbliċi tax-xandir, bħar-riċeviment tal-programmi radjofoniċi jew tat-televiżjoni kummerċjali jew biex jinqraw id-diski jew għal mezzi diġitali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas, C‑11/15, EU:C:2016:470, punt 26). |
|
40 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, issuġġetta għall-VAT attività ta’ xandir pubbliku ffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja mħallsa minn kull persuna proprjetarja ta’ apparat tar-radju jew tat‑televiżjoni, jista’ jkompli jintaxxa din l-attività meta l-leġiżlazzjoni relatata ma’ din it-tariffa ġiet emendata wara din id-data b’tali mod li l-imsemmija tariffa tinġabar għall-pussess ta’ kull apparat li kapaċi jirċievi programmi ta’ xandir, inkluż smartphone jew kompjuter. |
Fuq it-tielet domanda
|
41 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, minkejja li, skont il-formulazzjoni tagħha, it-tielet domanda tirrigwarda l-effett fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari minħabba l-fatt li parti żgħira ta’ tariffa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi allokata għall-finanzjament ta’ “organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir u taċ-ċinema li jikkontribwixxu għall-attivitajiet tar-radju u tat-televiżjoni iżda li ma jeżerċitawx huma stess tali attivitajiet”, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju spjegati fil-qosor fil-punt 19 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-qorti tinteressa ruħha, b’mod iktar partikolari, għall-każ ta’ tali organizzazzjonijiet li huma entitajiet pubbliċi jew li kienu nħolqu minn organi pubbliċi tax-xandir, jekk ikun il-każ b’mod konġunt ma’ atturi oħra. |
|
42 |
B’hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, issuġġetta għall-VAT attività ta’ xandir pubbliku ffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja jista’ jkompli jintaxxa din l-attività meta l-leġiżlazzjoni dwar din it-tariffa tkun ġiet emendata wara din id-data b’mod li parti żgħira mid-dħul irċevut minn din it-tariffa tiġi allokata għall-finanzjament, minn naħa, ta’ xandara li, mingħajr ma jkunu organi pubbliċi, jeżerċitaw attività pubblika ta’ xandir u, min-naħa l-oħra, ta’ organizzazzjonijiet ta’ mezzi tax-xandir jew taċ-ċinema li huma entitajiet pubbliċi jew li nħolqu mill-organi pubbliċi tax-xandir u li jikkontribwixxu għall-attività ta’ xandir mingħajr ma jeżerċitaw tali attività huma stess. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, jawtorizza biss lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ sistema ta’ tassazzjoni tal-attivitajiet mhux kummerċjali tal-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni li kienu jeżistu fid-data prevista f’dan l-Artikolu 370 li jfisser li l-modalitajiet ta’ tassazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet għandhom jibqgħu essenzjalment l-istess. |
|
44 |
Għalhekk tariffa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet tiġi ssuġġettata għall-VAT bis-saħħa tal-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, matul il-perijodu kkonċernat mill-kawża prinċipali, biss bil-kundizzjoni li sservi għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ dawn il-korpi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, GIS, C‑249/22, EU:C:2023:813, punti 46 sa 49). |
|
45 |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jippermettix tassazzjoni ta’ tariffa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba s-sempliċi fatt li d-dħul irċevut minn din it-tariffa ma tiġix kollha kemm hi allokata lill-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni. |
|
46 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li emenda, li tkun saret wara l‑1 ta’ Jannar 1978, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li introduċiet it-tariffa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppermettiet li tiġi allokata parti żgħira mid-dħul irċevut minn din it-tariffa għall-finanzjament ta’ entitajiet minbarra l-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni. B’mod partikolari, din il-parti tad-dħul ġiet allokata, l-ewwel nett, lil organu tar-radju u tat-televiżjoni li, minkejja li huwa entità privata, kien iwettaq missjoni bħal dik li jwettqu l-mezzi tax-xandir pubbliċi, kienet suġġetta għal restrizzjonijiet legali simili għal dawk tal-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni u kienet iffinanzjata kompletament mid-dħul minn din it-tariffa, it-tieni nett, lil entità li r-rwol tagħha kien li jsostni finanzjarjament il-produzzjoni ċinematografika għat-tfal u ż-żgħażagħ, immexxija minn fondazzjoni li l-fondaturi tagħha huma, b’mod partikolari, l-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni. |
|
47 |
B’dan premess, il-fatt li parti żgħira ta’ tariffa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi ttrasferita lil entitajiet pubbliċi oħra jew lil entitajiet maħluqa mill-organi pubbliċi tax-xandir innifishom, jekk ikun il-każ b’mod konġunt ma’ atturi oħra, biex jiġu ffinanzjati attivitajiet, bħall-produzzjoni ċinematografika, li jservu ta’ katalizzatur għal attività ta’ xandir u li jkunu strettament marbuta max-xandir, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li din it-tariffa ma baqgħetx isservi għall-finanzjament tal-attività tal-organi pubbliċi tax-xandir. |
|
48 |
Fil-fatt, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva ma jindikax il-forma ġuridika li għandhom ikollhom l-organi pubbliċi kkonċernati, u lanqas ma japplika biss għall-attivitajiet ta’ xandir ta’ dawn l-organi, fejn it-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jużax il-kunċett ta’ “xandar”, iżda dak usa’ ta’ “korp”. Għalhekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li tipi oħra ta’ attivitajiet, bħal dawk elenkati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ikunu koperti mid-deroga prevista fl-imsemmija dispożizzjonijiet, sa fejn dawn l-attivitajiet jirriżultaw mill-missjoni fdata lill-organi pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni u li jkunu ffinanzjati minn tariffa obbligatorja, bħat-tariffa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
49 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, issuġġetta għall-VAT attività ta’ xandir pubbliku ffinanzjata minn tariffa legali obbligatorja jista’ jkompli jintaxxa din l-attività meta l-leġiżlazzjoni dwar din it-tariffa tkun ġiet emendata wara din id-data b’mod li parti żgħira mid-dħul irċevut minn din it-tariffa tiġi allokata għall-finanzjament, minn naħa, ta’ xandara li, mingħajr ma jkunu organi pubbliċi, jeżerċitaw attività pubblika ta’ xandir u, min-naħa l-oħra, ta’ organizzazzjonijiet ta’ mezzi tax-xandir jew taċ-ċinema li huma entitajiet pubbliċi jew li nħolqu mill-organi pubbliċi tax-xandir u li jikkontribwixxu għall-attività ta’ xandir mingħajr ma jeżerċitaw tali attività huma stess. |
Fuq l-ispejjeż
|
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.