Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Estonja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu, soċjali,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u jiġu implimentati riformi u investiment sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u biex l-ekonomiji tal-Istati Membri jsiru aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU, adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. L-Estonja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ muturi li jikkumplimentaw lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-muturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività. Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi kompetittivi tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ muturi tal-kompetittività identifikati.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2024, li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih ma identifikatx lill-Estonja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Estonja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta fil-pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għadha essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, tal-2020, tal-2022 u tal-2023 għadhom ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, l-Estonja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fid-29 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Estonja, li ġiet emendata fis-16 ta’ Ġunju 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Estonja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Fil-25 ta’ April 2024, l-Estonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2024 u, fit-30 ta’ April 2024, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Estonja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Estonja fid-19 ta’ Ġunju 2024. Hija vvalutat il-progress tal-Estonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħadet kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Estonja. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Estonja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(10)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Estonja żdied minn defiċit ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2022 għal defiċit ta’ 3,4 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 18,5 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 19,6 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024, il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE. Dak ir-rapport ivvaluta s-sitwazzjoni baġitarja tal-Estonja, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2023 qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, f’Lulju l-Kummissjoni mhux se tipproponi li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv għall-Estonja.
(11)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li l-Estonja tieħu azzjoni biex tiżgura li fl-2023 iż-żieda fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment tkun konformi mal-pożizzjoni politika li kollox ma’ kollox hija newtrali, b’kont meħud tal-għajnuna addizzjonali, temporanja u mmirata, għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti li huma l-iktar milquta miż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-Estonja ġiet rakkomandata li tkun lesta biex taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Estonja ġiet irrakkomandata wkoll li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali kienet espansjonarja b’1,6 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 1,0 % tal-PDG. Dan jinkludi l-kost imnaqqas tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza mmirati għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG. Dan jinkludi wkoll kostijiet ogħla biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (b’0,2 % tal-PDG). Il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kienet għalhekk parzjalment dovuta biss għall-appoġġ għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri tad-dħul diskrezzjonarji) kien xprunat minn infiq ogħla fuq il-pagi pubbliċi u l-pensjonijiet flimkien ma’ aktar programmi ġodda ta’ nfiq permanenti ġodda għall-benefiċċji tad-difiża, l-edukazzjoni u t-tfal, mhux akkumpanjat minn żidiet proporzjonali fuq in-naħa tad-dħul. Fil-qosor, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,4 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 5,8 % tal-PDG fl-2023, b’żieda annwali ta’ 1,4 punti perċentwali mill-2022. L-Estonja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. L-Estonja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ avvenimenti u gateway diġitali għall-imprendituri, il-kapitalizzazzjoni tal-Fond Ekoloġiku (li jagħmel investimenti f’fondi ta’ kapital ta’ riskju u investimenti ta’ ekwità fl-intrapriżi) u t-tisħiħ tal-grilja tal-elettriku biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jsir adattament għat-tibdil fil-klima, li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
(12)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi li l-PDG reali jikber b’0,0 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 3,6 % fl-2024 u 2,7 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 3,5 % tal-PDG fl-2024 u 3,0 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 22,6 % sa tmiem l-2024 u 24,9 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos gradwalment għal 2,2 % tal-PDG fl-2026, 1,4 % fl-2027, u 0,8 % fl-2028. Għalhekk, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa ppjanat li ma jaqbiżx il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3,0 % tal-PDG mill-2025. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa pproġettat li jiżdied għal 26,2 % fl-2026 u mbagħad jonqos gradwalment għal 26,0 % fl-2027, u 25,0 % fl-2028.
(13)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jonqos b’0,5 % fl-2024 u li jikber bi 3,1 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 3,4 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025.
(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 3,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 21,4 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2024 tirrifletti prinċipalment l-impatt tad-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ġeneralment newtrali fil-livell ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2024.
(15)In-nefqa li tammonta għal 0,9 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Estonja.
(16)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda li l-Estonja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 4,9 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali tal-Estonja huwa pproġettat għal -0,7 % tal-PDG fl-2024 (minn -1,3 % fl-2023), u b’hekk fl-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM) tal-pajjiż ta’ bilanċ strutturali ta’ -0,75 % tal-PDG. L-Estonja hija għalhekk meqjusa bħala li hija konformi ma’ dak li rakkomandat mill-Kunsill.
(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Estonja tieħu azzjoni biex tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza fis-seħħ, billi tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Estonja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza huwa stmat għal 0,2 % tal-PDG fl-2023 u pproġettat għal 0,0 % fl-2024 u fl-2025. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma pproġettati li jiġu stralċjati malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Estonja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jiżdied għal 6,3 % tal-PDG fl-2024 minn 5,8 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.
(19)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 4,3 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-impatt nett ta’ riforma fit-taxxa fuq l-introjtu personali li hija mistennija tnaqqas id-dħul tal-gvern. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 24,6 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-impatt tad-defiċit tal-gvern.
(20)Id-dħul mit-taxxa tal-Estonja bħala sehem tal-PDG żdied fl-2023 iżda huwa ferm taħt il-medja tal-UE, u jillimita l-finanzjament disponibbli għan-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-protezzjoni soċjali. Fl-2022, id-dħul mit-taxxi fuq il-proprjetà, li huwa fost it-taxxi l-inqas detrimentali għat-tkabbir, kien jammonta biss għal 0,3 % tal-PDG, li huwa madwar seba’ darbiet inqas mill-medja tal-UE. L-Estonja ġabret inqas minn terz tal-medja tal-UE minn taxxi kapitali (2,7 % tal-PDG), kellha wħud mill-aktar taxxi baxxi fuq it-trasport fl-UE, u hija wieħed mill-ftit Stati Membri mingħajr taxxa annwali fuq il-karozzi. Barra minn hekk, il-piż tat-taxxa mhuwiex imqassam b’mod uniformi, u r-riformi tat-taxxa li ġejjin huma mistennija li jkomplu jżidu l-inugwaljanza. B’mod aktar speċifiku, fl-2025, żieda fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu minn 20 % għal 22 %, u żieda fl-eżenzjoni mit-taxxa bażika u t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biex tkopri l-kontribwenti kollha tat-taxxa fuq l-introjtu huma mistennija li jkunu rigressivi. Barra minn hekk, it-taxxa fuq l-introjtu mix-xogħol tal-Estonja, anki jekk qrib il-medja tal-UE ta’ 17,2 % tal-PDG, hija rigressiva, u tintaxxa livelli ogħla ta’ introjtu b’rata effettiva aktar baxxa. L-infiq pubbliku fuq il-protezzjoni soċjali naqas fl-2022 u għadu ferm taħt il-medja tal-UE. Dan jissarraf f’livelli relattivament baxxi u kopertura limitata tal-benefiċċji soċjali, bil-pensjonijiet tax-xjuħija fost l-aktar baxxi fl-UE. In-nefqa fuq is-servizzi pubbliċi ġenerali hija, fil-livell ta’ 3,7 % tal-PDG, li hija kważi żewġ terzi inqas mill-medja tal-UE.
(21)L-Estonja adottat diversi riformi biex ittejjeb l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-kura fit-tul u tal-kura tas-saħħa. Filwaqt li r-riformi għaddejjin fid-direzzjoni t-tajba, il-finanzjament sostenibbli għall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul għadu mhuwiex żgurat. B’riżultat ta’ dan, il-pagamenti mill-but għadhom għoljin u l-ħtieġa mhux issodisfata għall-kura medika żdiedet. L-aċċess għall-kura huwa irregolari madwar il-pajjiż mhux l-inqas minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità u riżorsi fost il-muniċipalitajiet biex jipprovdu biżżejjed servizzi biex jissodisfaw id-domanda. Filwaqt li d-domanda mhijiex issodisfata bis-sħiħ, l-infiq pubbliku fuq il-kura fit-tul u l-kura tas-saħħa għadu fost l-aktar baxxi fl-UE. Dan huwa akkumpanjat minn nuqqas ta’ ħaddiema f’dawn is-setturi. Minħabba l-bidliet demografiċi, id-domanda hija mistennija li tiżdied għall-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-kura fit-tul, għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat finanzjament adegwat għat-tnejn li huma.
(22)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi ġabra estensiva ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn huma mistennija li jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan inkluż il-kapitolu REPowerEU hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Estonja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Estonja tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għadu essenzjali biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Estonja hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. L-Estonja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet bejn il-kapitali u l-bqija tal-Estonja. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni hija kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programm komplew ikunu rilevanti. Huwa partikolarment importanti li tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji, speċjalment barra miż-żona kapitali, u li tingħata spinta lill-kapaċità tagħhom li jinnovaw. It-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini privat u pubbliku kif ukoll tan-negozji huwa prijorità għolja. L-aċċess għall-impjiegi permezz ta’ miżuri attivi u preventivi tas-suq tax-xogħol u l-promozzjoni ta’ ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa għadu importanti. Jenħtieġ li tingħata prijorità wkoll lit-titjib tal-kwalità, l-effettività u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ; il-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, speċjalment it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid flessibbli kif ukoll l-inklużjoni attiva; u ż-żieda tal-aċċessibbiltà, l-effettività u r-reżiljenza tas-servizzi tal-kura fit-tul. Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, il-ħtiġijiet relatati mal-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura fit-tul, filwaqt li tingħata prijorità lill-għajxien indipendenti, jistħoqqilhom aktar attenzjoni. L-Estonja tista’ tingrana wkoll l-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa speċifikament fir-rigward tal-investiment fil-manifattura ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-appoġġ għat-trasformazzjoni tal-industrija, pereżempju, fl-oqsma tal-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, it-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali, u l-bijomediċina. L-Estonja tista’ wkoll iżżid il-kapaċità tagħha li tipproċessa metalli tal-materjali tal-art rari u li tinvolvi ruħha fir-riċerka u l-iżvilupp li jappoġġjawha.
(24)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, l-Estonja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-protezzjoni soċjali, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-ħiliet.
(25)Il-protezzjoni soċjali għall-appoġġ ta’ persuni akbar fl-età, persuni b’diżabilità u persuni f’forom mhux standard ta’ xogħol u b’perjodi qosra ta’ xogħol għadha dgħajfa. B’riżultat ta’ dan, is-sehem ta’ persuni b’diżabilità f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali mhux biss żdied fl-2022 iżda kien it-tieni l-ogħla fl-UE. Il-faqar fix-xjuħija qed jiżdied, u kien wieħed mill-ogħla fl-UE fl-2022, mhux l-inqas minħabba li l-pensjonijiet għadhom baxxi meta mqabbla mad-dħul mix-xogħol. L-adegwatezza baxxa tax-xibka ta’ sikurezza soċjali tirriżulta f’inugwaljanza għolja, u li qed tiżdied, fl-introjtu, minkejja ftit titjib fis-snin preċedenti. Il-kopertura baxxa tal-benefiċċji tal-qgħad, speċjalment għal dawk f’forom mhux standard ta’ xogħol u b’perjodi qosra ta’ xogħol, taggrava l-inugwaljanza fl-introjtu u l-faqar. Għalkemm id-durata tal-benefiċċji tal-qgħad ġiet aġġustata skont il-pjan Estonjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-estensjoni tal-kopertura għad trid tiġi implimentata. Iż-żieda fl-inugwaljanza hija marbuta maż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet u fl-għoli tal-ħajja, li ma ġietx akkumpanjata minn żieda korrispondenti fil-benefiċċji soċjali u fil-pagi minimi. Is-sitwazzjoni għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx marret għall-agħar minħabba inflazzjoni għolja u persistenti fil-passat u hija mistennija li tkompli tiddeterjora bħala riżultat tar-riformi tat-taxxa fl-2024-2025. L-iżgurar ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati, inkluż għall-pensjonijiet, kif ukoll iż-żieda tal-adegwatezza tas-sistema tal-protezzjoni soċjali jistgħu jnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi. Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali ’l fuq, f’konformità mat-tieni stadju tal-analiżi ta’ kull pajjiż tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali .
(26)Is-sehem tax-shale bituminuż fit-taħlita tal-enerġija tal-Estonja għadu sinifikanti u qed ixekkel it-tranżizzjoni ekoloġika. L-użu ulterjuri tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli huwa meħtieġ biex jgħin fl-eliminazzjoni gradwali tax-shale bituminuż filwaqt li fl-istess ħin jinżamm livell għoli ta’ indipendenza enerġetika. Minbarra li tikkawża ħsara ambjentali, l-industrija tax-shale bituminuż tirrappreżenta 90 % tal-iskart perikoluż tal-Estonja. L-Estonja għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta’ produttività tar-riżorsi fost l-Istati Membri tal-UE, li tista’ tkun parzjalment dovuta għall-industrija tax-shale bituminuż tal-pajjiż li tuża ħafna riżorsi, iżda wkoll għas-sistema industrijali ġenerali li tuża ħafna riżorsi. Il-produttività tar-riżorsi bilkemm żdiedet minn EUR 1/kg tar-riżorsi użati għal EUR 1,1/kg, u baqgħet inqas minn nofs il-medja tal-UE fl-2022. Is-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija sar emittent tas-CO2 minflok assorbitur. Is-settur tal-forestrija huwa kkaratterizzat minn volumi għoljin ta’ qtugħ tas-siġar, kif ukoll minn valorizzazzjoni baxxa tar-riżorsi. L-Estonja tibbenefika miż-żieda fl-effiċjenza tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, it-tranżizzjoni ulterjuri lejn ekonomija ċirkolari, u t-titjib tal-ġestjoni tal-iskart. Barra minn hekk, il-produttività tar-riżorsi hija waħda mid-dgħufijiet tal-Estonja fir-rigward tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-pajjiż. L-Estonja kklassifikat fit-13-il post fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ekoinnovazzjoni tal-2022 (115,5 apparagun ta’ medja tal-UE ta’ 121,5, 2013 = 100). It-tisħiħ tal-ekoinnovazzjoni u l-innovazzjoni b’bażi bijoloġika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali se jgħin biex itejjeb il-produttività tar-riżorsi u l-kompetittività tal-Estonja.
(27)In-nuqqas ta’ ħiliet u n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet jeżistu f’ħafna setturi u jnaqqsu l-kompetittività tal-Estonja. In-negozji identifikaw in-nuqqas ta’ persunal tas-sengħa bħala ostaklu għall-investiment u għall-potenzjal tal-esportazzjoni tagħhom. In-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa u n-nuqqas kbir ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet jikkoinċidu ma’ tkabbir rapidu fil-pagi u żieda fil-kost ta’ unità lavorattiva. Kemm it-tranżizzjoni ekoloġika kif ukoll dik diġitali żiedu d-domanda għall-ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati, filwaqt li n-nuqqasijiet fil-kura tas-saħħa u fl-edukazzjoni għadhom akuti u jiżdiedu bit-tixjiħ tal-forza tax-xogħol. Fl-istess ħin, rati relattivament għoljin kemm ta’ tluq bikri mill-iskola kif ukoll ta’ tluq bikri mill-iskola fl-edukazzjoni għolja jirriżultaw f’għadd insuffiċjenti ta’ gradwati tas-sengħa. Din il-problema għandha dimensjoni reġjonali partikolari, peress li ż-żoni rurali u remoti jiffaċċjaw aktar diffikultajiet biex jattiraw professjonisti kwalifikati. L-ispariġġ fil-ħiliet jista’ jkun limitat permezz ta’ titjib ulterjuri tar-rilevanza għas-suq tax-xogħol tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-investiment fil-gwida għall-karriera, l-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, iż-żieda fl-opportunitajiet għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, u l-antiċipazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet. Minħabba l-ħtieġa li l-ekonomija tiddiversifika f’attivitajiet b’valur miżjud għoli, modi aħjar biex jinżamm u jiġi attirat it-talent jgħinu wkoll.
(28)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Estonja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:
1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 għal rata konsistenti mat-tnaqqis tad-defiċit ġenerali tal-gvern taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat u ż-żamma tad-dejn tal-gvern estiż f’livell prudenti fuq terminu medju. Twessa’ l-bażi tat-taxxa u ttejjeb l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul u l-finanzjament tagħhom.
2.Tkompli bl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, tieħu azzjoni biex tindirizza aħjar il-ħtiġijiet fis-settur tal-kura fit-tul, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.
3.Issaħħaħ il-protezzjoni soċjali, fost l-oħrajn biex jiġi indirizzat il-faqar fix-xjuħija u billi tiġi estiża l-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad, b’mod partikolari għal dawk b’perjodi qosra ta’ xogħol u f’forom mhux standard ta’ xogħol.
4.Tnaqqas is-sehem tax-shale bituminuż fit-taħlita tal-enerġija u żżid il-produttività tar-riżorsi permezz ta’ innovazzjoni b’bażi bijoloġika. Ittejjeb il-produttività tax-xogħol u l-provvista tal-ħiliet permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, u billi tattira u żżomm aħjar it-talent.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President