European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5000

18.7.2025

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tad-19 ta’ Marzu 2025

dwar deċiżjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2022/1925

(Case DMA.100204 – Article 6(7) – Apple iOS and iPadOS – SP - Process)

(notifikata permezz tad-dokument numru C (2025) 3001)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(C/2025/5000)

Fid-19 'ta Marzu 2025, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2022/1925  (1) . F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925, f’dan id-dokument il-Kummissjoni qiegħda tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-Deċiżjoni, wara li qieset l-interess leġittimu tal-impriżi li jipproteġu s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (“id-Deċiżjoni”) tikkonkludi l-proċedimenti ta’ speċifikazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2022/1925 (“DMA”) li nfetħu fid-19 ta’ Settembru 2024. Skont dak l-Artikolu, id-Deċiżjoni tispeċifika miżuri li Apple Inc. (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Apple”) trid timplimenta fir-rigward tas-sistemi operattivi tagħha iOS u iPadOS sabiex tikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi skont l-Artikolu 6(7) DMA fir-rigward tal-proċess għat-talba tal-interoperabbiltà dwar karatteristiċi eżistenti, inklużi l-funzjonalitajiet tagħhom, sal-iskadenzi speċifikati fl-Anness tad-Deċiżjoni.

(2)

Din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 8(2) DMA tiċċara kif obbligu – hawnhekk l-obbligu tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 6(7) DMA – għandu jiġi implimentat biex tiġi żgurata l-konformità. Skont id-DMA, il-proċedimenti ta’ speċifikazzjoni u l-investigazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità huma żewġ għodod distinti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, li għandhom skopijiet differenti. Għall-kuntrarju tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, il-proċedimenti ta’ speċifikazzjoni jiddefinixxu kif l-obbligi għandhom jiġu ssodisfati aktar milli jissanzjonaw il-ksur tal-Att dwar is-Swieq Diġitali. Għalhekk, din id-Deċiżjoni ma tivvalutax il-konformità ta’ Apple u ma tipprevedix l-impożizzjoni ta’ multi.

(3)

Din id-Deċiżjoni ssegwi proċess strutturat ta’ 6 xhur, li jinkludi diskussjonijiet estensivi ma’ Apple u konsultazzjoni pubblika biex jinġabar input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Din id-deċiżjoni timponi miżuri li trid timplimenta Apple skont l-Artikolu 6(7) DMA biex ittejjeb it-trasparenza u l-effettività tal-proċess ta’ rieżami tat-talbiet sottomessi mill-iżviluppaturi biex tinkiseb l-interoperabbiltà mal-karatteristiċi tal-iOS u tal-iPadOS. It-tieni deċiżjoni ta’ speċifikazzjoni li ġiet adottata b’mod parallel skont il-każ DMA.100203 tiċċara l-obbligi ta’ Apple skont l-Artikolu 6(7) DMA għal sett speċifiku u importanti ta’ karatteristiċi tal-iOS għal apparati fiżiċi konnessi bħal smartwatches, headphones u TVs.

2.   PROĊEDURA

(4)

Fil-5 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li taħtar lil Apple bħala gwardjan skont id-DMA għal għadd ta’ servizzi tagħha, inkluża s-sistema operattiva tagħha iOS. Fid-29 ta’ April 2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni tal-ħatra biex tinkludi s-sistema operattiva ta’ Apple iPadOS bħala servizz ewlieni tal-pjattaforma. B’riżultat ta’ dan, Apple trid tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fid-DMA. Skont l-Artikolu 6(7) tad-DMA, Apple trid, mingħajr ħlas, tipprovdi lil partijiet terzi interoperabbiltà effettiva mal-karatteristiċi ta’ hardware u software aċċessati jew ikkontrollati permezz tas-sistema operattiva tagħha iOS u iPadOS u aċċess għalihom għall-finijiet tal-interoperabbiltà.

(5)

Fid-19 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti skont l-Artikolu 20(1) DMA bil-ħsieb li tispeċifika l-miżuri li Apple trid tistabbilixxi biex tikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi ta’ interoperabbiltà tagħha fir-rigward tal-proċess implimentat ibbażat fuq it-talbiet.

(6)

Fit-18 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni kkomunikat lil Apple s-sejbiet preliminari tagħha f’konformità mal-Artikoli 8(5) u 34(1) DMA (“Sejbiet Preliminari”), u pprovdiet lil Apple l-opportunità li tikkummenta fuq is-sejbiet u l-miżuri proposti.

(7)

B’mod parallel, fit-18 ta’ Diċembru 2024, f’konformità mal-Artikolu 8(6) DMA, il-Kummissjoni ppubblikat sommarju mhux kunfidenzali tal-każ u tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti. Matul il-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni rċeviet 51 kontribuzzjoni mill-utenti kummerċjali, mill-utenti finali u minn partijiet terzi interessati oħra. Is-sottomissjonijiet kollha ġew kondiviżi ma’ Apple. Qabel il-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni involviet ruħha wkoll ma’ partijiet terzi permezz ta’ laqgħat u talbiet għal informazzjoni.

(8)

Fl-20 ta’ Jannar 2025, Apple pprovdiet it-tweġiba tagħha għas-Sejbiet Preliminari wara li eżerċitat id-drittijiet proċedurali tagħha skont l-Artikoli 8 (1), 8 (2) u 8 (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/814 (2).

(9)

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti, il-Kummissjoni involviet ruħha b’mod attiv ma’ Apple u ma’ partijiet terzi biex tiżgura l-effettività tal-miżuri imposti fir-rigward tal-proċess tal-interoperabbiltà bbażat fuq it-talbiet ta’ Apple.

(10)

Il-Kummissjoni, wara li vvalutat l-evidenza kollha inġenerali, inkluż l-input ta’ Apple u tal-partijiet terzi, u filwaqt li tqis l-involviment ma’ Apple, tieħu din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 8(2) tad-DMA.

(11)

F’konformità mal-Artikoli 17 u 50(2) tad-DMA, il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali ġie kkonsultat u ta l-opinjoni pożittiva tiegħu fit-18 ta’ Marzu 2025.

3.   QAFAS LEGALI

(12)

Skont l-Artikolu 8(2) DMA, il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan, toħroġ att ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika miżuri li l-gwardjan għandu jimplimenta biex jikkonforma b’mod effettiv ma’ ċerti obbligi.

(13)

Skont l-Artikolu 8(5) u 8 (6) DMA, qabel ma tadotta att ta’ implimentazzjoni bħal dan, il-Kummissjoni hija meħtieġa tikkomunika lill-gwardjan is-sejbiet preliminari tagħha fi żmien 3 xhur, u tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u tal-miżuri li tkun qed tikkunsidra li tieħu jew tkun tal-fehma li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien 6 xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 DMA.

(14)

Skont l-Artikolu 8(7) DMA, meta tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat irid jimplimenta biex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi tiegħu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dak ir-Regolament u l-obbligu rilevanti u li jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u tas-servizz rilevanti.

(15)

L-Artikolu 6(7) DMA jirrikjedi li l-gwardjani jippermettu interoperabbiltà u aċċess effettivi għall-finijiet ta’ interoperabbiltà bl-istess karatteristiċi li huma disponibbli jew użati mis-servizzi jew mill-hardware tal-gwardjan. Il-karatteristiċi kollha kkontrollati mis-sistemi operattivi tal-gwardjani, jew aċċessati permezz tagħhom, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-interoperabbiltà. Il-gwardjani jistgħu jieħdu miżuri strettament meħtieġa u proporzjonati biex jiżguraw li l-interoperabbiltà ma tikkompromettix l-integrità tas-sistema operatorja, tal-hardware jew tal-karatteristiċi tas-software pprovduti mill-gwardjan, dment li tali miżuri jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

(16)

L-Artikolu 6(7) DMA huwa obbligu li huwa suxxettibbli li jiġi speċifikat aktar skont l-Artikolu 8(2) DMA.

4.   IL-VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

(17)

L-għan ta’ dawn il-proċedimenti huwa li jassistu lil Apple fl-isforzi ta’ konformità tagħha skont id-DMA billi jiddettaljaw il-miżuri li Apple trid timplimenta biex tikseb konformità effettiva mal-obbligu tal-interoperabbiltà, kif preskritt mill-Artikolu 6(7) DMA. F’dan ir-rigward, Apple stabbiliet sistema li permezz tagħha l-interoperabbiltà mal-karatteristiċi eżistenti tas-sistemi operattivi tagħha iOS u iPadOS, li għalihom għadha ma teżisti l-ebda interoperabbiltà, tiġi pprovduta biss wara talba formali minn żviluppatur għal dak l-għan. Approċċ ibbażat fuq it-talbiet jista’ jgħin lill-gwardjan jidentifika fejn il-ħtiġijiet tal-interoperabbiltà mill-iżviluppaturi jistgħu jkunu l-aktar urġenti, f’kuntest fejn jista’ jkun diffiċli li tiġi żgurata minnufih interoperabbiltà effettiva mal-karatteristiċi u l-funzjonalitajiet eżistenti kollha. Madankollu, tali approċċ ibbażat fuq it-talbiet, li mhuwiex meħtieġ mill-Artikolu 6(7) DMA, jippreżenta limitazzjoni u diffikultajiet importanti għall-partijiet terzi (dewmien, kostijiet tat-tranżazzjonijiet, kontroll mill-gwardjan) li jistgħu jimminaw l-effettività tal-Artikolu 6(7) DMA. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa xieraq li jiġu definiti ċerti prinċipji u salvagwardji biex jiġi żgurat li l-proċess tat-talbiet ikun prevedibbli, trasparenti, f’waqtu u ġust u kapaċi jipprovdi interoperabbiltà effettiva kif meħtieġ skont l-Artikolu 6(7) DMA.

(18)

Fil-qosor, il-miżuri speċifikati jinkludu:

(19)

It-trasparenza tal-karatteristiċi tal-iOS u tal-iPadOS riżervati għal Apple

—

Fl-istadju fejn l-iżviluppaturi jikkunsidraw li jissottomettu talba għall-interoperabbiltà, għandhom jingħataw, fuq talba tagħhom, informazzjoni ċara u preċiża biex jilħqu livell suffiċjenti ta’ fehim ta’ liema karatteristiċi jistgħu jkunu soġġetti għall-interoperabbiltà. Bi tweġiba għal mistoqsija ta’ referenza minn żviluppatur, Apple għandha tipprovdi referenza teknika li tinkludi deskrizzjoni tal-karatteristiċi (inklużi l-funzjonalitajiet tagħhom) li iOS u iPadOS jagħmlu disponibbli għas-servizzi u l-hardware ta’ Apple biss.

(20)

L-effettività u t-trasparenza tal-proċess fil-konfront tal-iżviluppaturi li jagħmlu t-talba

—

Matul il-proċess, komunikazzjoni rapida bidirezzjonali mal-gwardjan hija essenzjali, u l-iżviluppatur għandu jingħata l-opportunità li jipprovdi feedback. Għal dan l-għan, Apple għandha tipprovdi appoġġ lill-iżviluppaturi interessati fl-interoperabbiltà. Apple għandha tipprovdi wkoll lill-iżviluppaturi feedback adegwat dwar it-talbiet tagħhom u l-opportunità li jipprovdu feedback huma stess permezz ta’ punt ta’ kuntatt b’persunal adegwat. L-iżviluppaturi għandhom ikunu jistgħu jipprovdu feedback matul it-trattament tat-talbiet tagħhom, inkluż fit-tħejjija tal-pjan ta’ żvilupp.

(21)

L-immaniġġjar taċ-ċaħdiet

—

F’każijiet fejn it-talbiet għall-interoperabbiltà jiġu miċħuda, jew meta s-soluzzjoni tal-interoperabbiltà li Apple tfassal ma tweġibx bis-sħiħ għat-talba, l-iżviluppaturi għandhom jiġu infurmati b’mod adegwat dwar ir-raġunament għal tali deċiżjoni. Għandhom ikunu jistgħu wkoll f’każijiet rilevanti jiksbu rieżami ta’ dik id-deċiżjoni permezz ta’ mekkaniżmu ġust u imparzjali. Għalhekk, Apple għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rieżami intern bl-għan li tirrieżamina l-mistoqsijiet li jinqalgħu ta’ natura teknika. Barra minn hekk, il-proċess ta’ Apple għandu jinkludi wkoll il-possibbiltà għall-iżviluppaturi li jirrikorru għal konċiljatur għas-soluzzjoni ta’ tilwim ta’ natura teknika. Sabiex tiżdied it-trasparenza fil-konfront tal-komunità usa’ ta’ żviluppaturi, għandu jiġi ppubblikat sommarju mhux kunfidenzjali tal-opinjoni tal-konċiljatur.

(22)

Interoperabbiltà effettiva li tibqa’ valida fil-futur

—

Kull meta tiġi implimentata soluzzjoni ta’ interoperabbiltà bi tweġiba għal talba minn żviluppatur biex jikseb aċċess għal karatteristika eżistenti disponibbli għall-hardware u s-software ta’ Apple, Apple għandha tiżgura li din is-soluzzjoni ssir disponibbli għall-iżviluppaturi kollha, mhux ristretta għal każijiet ta’ użu speċifiċi, iddokumentata b’mod adegwat, miżmuma għal perjodu ta’ żmien raġonevoli u valida għall-futur.

(23)

Prevedibbiltà u responsabbiltà

—

Apple tittratta t-talbiet għall-interoperabbiltà fi tliet fażijiet differenti, u kull stadju tal-proċess għandu jkun soġġett għal skeda ta’ żmien ċara u trasparenti. Il-miżuri speċifikati jinkludu skadenzi u gwida għal Apple għal kull fażi.

—

Barra minn hekk, livell adegwat ta’ trasparenza fil-konfront tal-komunità usa’ ta’ żviluppaturi, jew f’xi każijiet fil-konfront tal-pubbliku ġenerali, huwa importanti biex titrawwem ir-responsabbiltà. L-iżviluppaturi għandu jkollhom informazzjoni disponibbli dwar it-talbiet tal-iżviluppaturi l-oħra għall-interoperabbiltà, ħlief għall-informazzjoni kunfidenzjali tal-iżviluppaturi. Barra minn hekk, Apple għandha tippubblika lill-pubbliku usa’ l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni dwar il-proċess ibbażat fuq it-talbiet.

(24)

Barra minn hekk, Apple għandha l-possibbiltà li titlob lill-Kummissjoni tadatta l-miżuri għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

(25)

Il-miżuri se jiġu rieżaminati fi żmien sentejn.

(26)

Il-miżuri konkreti huma speċifikati aktar fl-Anness tad-Deċiżjoni.

5.   KONKLUŻJONI

(27)

Id-Deċiżjoni tispeċifika miżuri skont l-Artikolu 8(2) DMA li Apple trid timplimenta fir-rigward tas-sistemi operattivi tagħha iOS u iPadOS sabiex tikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi skont l-Artikolu 6(7) DMA fir-rigward tal-proċess għat-talba tal-interoperabbiltà dwar karatteristiċi u funzjonalitajiet eżistenti, sal-iskadenzi speċifikati fl-Anness tad-Deċiżjoni.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1925/oj).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/814 tal-14 ta’ April 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-tmexxija ta’ ċerti proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/814/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5000/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)