22.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 447/2010

tal-21 ta' Mejju 2010

dwar il-ftuħ tal-bejgħ tat-trab tal-ħalib xkumat permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(f) u (j) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-suq tat-trab tal-ħalib xkumat f'termini tad-domanda u l-prezzijiet u l-livell tal-ħażniet tal-intervent, huwa xieraq li jinfetaħ il-bejgħ tat-trab tal-ħalib xkumat mill-intervent permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 tal-11 ta' Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (2).

(2)

Sabiex ikun immaniġġjat aħjar il-bejgħ mill-intervent, għandha tkun stipulata data sa meta t-trab tal-ħalib xkumat tal-intervent għandu jkun inħażen biex ikun disponibbli għall-bejgħ.

(3)

L-Artikolu 40(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 jipprovdi li jeħtieġ li jkun stipulat il-perjodu taż-żmien għat-tressiq tal-offerti.

(4)

Skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 għandhom ikunu stipulati l-limiti taż-żmien biex l-aġenziji tal-intervent jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-offerti kollha li jistgħu jkunu aċċettati.

(5)

Fl-isfond ta' iktar volatilità fil-prezzijiet tas-suq, huwa xieraq li jiżdied l-ammont tal-garanzija tal-offerti, b'deroga mill-Artikolu 44(b) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009.

(6)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma ressaqx fehmtu fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Il-bejgħ, permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, tat-trab tal-ħalib xkumat maħżun qabel l-1 ta’ Mejju 2009, huwa miftuħ skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009.

Il-prezz propost għandu jkun il-prezz għal kull 100 kilogramma ta’ prodotti.

Artikolu 2

Dati ta’ tressiq tal-offerti

1.   Il-limitu taż-żmien għat-tressiq tal-offerti bi tweġiba għas-sejħiet individwali għall-offerti għandu jkun il-11:00 (ħin ta' Brussell) tal-ewwel u tat-tielet Tlieta tax-xahar. Madanakollu, f’Awwissu għandu jkun il-11.00 (ħin ta’ Brussell) tar-raba’ Tlieta, u f’Diċembru għandu jkun il-11.00 (ħin ta’ Brussell) tat-tieni Tlieta tax-xahar. F’każ li t-Tlieta tkun festa pubblika, il-limitu taż-żmien għandu jkun il-11.00 (ħin ta’ Brussell) tal-jum tax-xogħol ta’ qabel.

2.   Il-limitu taż-żmien għat-tressiq tal-offerti għall-ewwel sejħa individwali għall-offerti huwa l-11.00 (ħin ta' Brussell) tal-1 ta’ Ġunju 2010.

3.   L-offerti għandhom jitressqu lill-aġenziji tal-intervent (3).

Artikolu 3

Notifika lill-Kummissjoni

In-notifika stipulata fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 għandha ssir sal-16.00 (ħin ta' Brussell) fid-data tal-għeluq għat-tressiq tal-offerti msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Deroga

B’deroga mill-Artikolu 44(b) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, il-garanzija tal-offerti għat-trab tal-ħalib xkumat għandha tkun ta’ EUR 200 għal kull tunnellata.

Artikolu 5

Dħu|l fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Dacian CIOLOŞ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1.

(3)  L-indirizzi tal-aġenziji tal-intervent jinsabu fuq is-sit taċ-CIRCA tal-Kummissjoni Ewropea (http://circa.europa.eu/Public/irc/agri/lait/library?l=/&vm=detailed&sb=Title).