European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2353

20.10.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2353

tas-16 ta’ Ottubru 2026

dwar il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ alkalojdi tal-kinoliżidina fil-lupini u fl-għalf derivat mil-lupini

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-2019, il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adotta valutazzjoni tar-riskji fir-rigward tar-riskji għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem relatati mal-preżenza ta’ alkalojdi tal-kinoliżidina fl-għalf u fl-ikel, b’mod partikolari fil-lupini u fil-prodotti derivati mil-lupini (1).

(2)

Il-valutazzjoni tar-riskji hija limitata għall-alkalojdi tal-kinoliżidina li jokkorru fl-ispeċijiet/fil-varjetajiet Lupinus rilevanti għall-konsum mill-annimali u mill-bniedem fl-Unjoni (jiġifieri l-Lupinus albus L., il-Lupinus angustifolius L., il-Lupinus luteus L. u l-Lupinus mutabilis Sweet). Fir-rigward tar-riskju għal effetti avversi fuq is-saħħa tal-annimali fis-salmonidi, l-Awtorità kkonkludiet li l-esponiment djetetiku medju tas-salmonidi huwa ogħla mil-Livelli Bla Effett Avvers Osservat (NOAEL) ta’ 1 mg/kg bw kull jum iżda inqas mil-Livell bl-Inqas Effett Avvers Osservat (LOAEL) ta’ 2,5 mg/kg bw kull jum. L-Awtorità tqis li r-riskju għal effetti avversi fis-salmonidi huwa baxx. Għall-ispeċijiet l-oħra, il-bażi tad-data disponibbli dwar l-effetti avversi kienet limitata wisq biex tidentifika l-NOAEL/LOAELs kumplessivi. Minflok, bħala approċċ alternattiv, l-Awtorità identifikat dożi ta’ alkalojdi tal-kinoliżidina preżenti fiż-żrieragħ tal-lupini li jistgħu jiġu ttollerati fir-rigward tal-prestazzjoni żooteknika. Għall-bhejjem tal-ifrat u għall-fniek, l-esponiment djetetiku medju huwa ferm inqas mid-doża ttollerata. Għall-ħnieżer u għat-tiġieġ, l-esponiment djetetiku medju huwa fl-istess medda bħad-doża li tista’ tiġi ttollerata.

(3)

L-Awtorità rrakkomandat li għandha tinġabar iktar data dwar l-okkorrenza tal-preżenza tal-alkalojdi tal-kinoliżidina fil-lupini u fil-prodotti derivati mil-lupini.

(4)

Għandha tinġabar iktar informazzjoni dwar il-fatturi li jwasslu għal livelli relattivament għoljin ta’ alkalojdi tal-kinoliżidina fil-lupini u fil-materjali tal-għalf derivati mil-lupini, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-miżuri li huwa rrakkomandat li jittieħdu biex tiġi evitata jew titnaqqas il-preżenza ta’ alkalojdi tal-kinoliżidina f’dan l-għalf.

(5)

Għalhekk jixraq li jiġu rrakkomandati l-monitoraġġ tal-alkalojdi tal-kinoliżidina fil-lupini u fil-materjali tal-għalf derivati mil-lupini, l-identifikazzjoni tal-fatturi li jirriżultaw fil-livelli għoljin tagħhom, u l-ġbir ta’ iktar informazzjoni dwar l-effetti tal-ipproċessar fuq il-livell tal-alkalojdi tal-kinoliżidina,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozju tal-għalf, jimmonitorjaw l-alkalojdi tal-kinoliżidina fil-lupini, fil-materjali tal-għalf derivati mil-lupini, fl-għalf kompost li jkun fih il-lupini u fil-prodotti derivati mil-lupini fl-2026, fl-2027, fl-2028 u fl-2029. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri janalizzaw imqar l-alkalojdi tal-kinoliżidina albina, anagirina, angustifolina, lupanina, iżolupanina, multiflorina, 13α-idrossilupanina, lupinina, sparteina.

(2)

Il-metodu ta’ analiżi rrakkomandat huwa l-Kromatografija Likwida / Spettrometrija tal-Massa f’Tandem (LC-MS/MS). Meta jiġu applikati metodi oħra ta’ analiżi, għandha tkun magħmula disponibbli evidenza li turi li jiġġeneraw riżultati affidabbli għall-alkalojdi tal-kinoliżidina individwali. Il-limitu ta’ kwantifikazzjoni (LOQ) għad-determinazzjoni ta’ kull alkalojde tal-kinoliżidina preferibbilment għandu jkun ta’ madwar 1 mg/kg għaż-żrieragħ tal-lupini u għall-materjali tal-għalf derivati mil-lupini u ta’ 0,2 mg/kg għall-għalf kompost.

(3)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozju tal-għalf, iwettqu investigazzjonijiet biex jidentifikaw il-fatturi li jwasslu għal livelli għoljin ta’ alkalojdi tal-kinoliżidina fil-lupini u fil-materjali tal-għalf derivati mil-lupini u biex jiġbru informazzjoni dwar l-effetti tal-ipproċessar fuq il-livell tal-alkalojdi tal-kinoliżidina.

(4)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri u l-operaturi tan-negozju tal-għalf jipprovdu lill-Awtorità d-data għall-kompilazzjoni f’bażi tad-data waħda skont ir-rekwiżiti tal-Gwida tal-Awtorità dwar id-Deskrizzjoni Standard tal-Kampjuni (SSD) għall-Ikel u għall-Għalf u r-rekwiżiti speċifiċi addizzjonali ta’ rapportar tal-Awtorità (2). Huwa importanti li għaż-żrieragħ tal-lupini u għall-għalf derivat mil-lupini jiġu rrapportati l-ispeċijiet tal-lupini, jekk ikunu ħelwin jew morri, il-proċessi li jkunu għaddew minnhom iż-żrieragħ tal-lupini (bħat-tgħaddis u t-togħlija), u kwalunkwe proċess li l-għalf derivat mil-lupini jkun għadda minnu biex jitnaqqas il-kontenut tal-alkalojdi tal-kinoliżidina.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Bord CONTAM tal-EFSA (il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA), 2019. Scientific opinion on the risks for animal and human health related to the presence of quinolizidine alkaloids in feed and food, in particular in lupins and lupin-derived products. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5860.

(2)   https://www.efsa.europa.eu/mt/call/call-continuous-collection-chemical-contaminants-occurrence-data-0.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2026/2353/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)