IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 607 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Irlanda
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 607 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 607 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Irlanda
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 607 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Irlanda
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament REPowerEU 2 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. L-Irlanda żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(2)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 3 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 4 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi kompetittivi tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ muturi tal-kompetittività identifikati.
(3)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2024 5 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Irlanda bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Irlanda. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(4)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Jinkludi wkoll ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 6 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u għandu fokus akbar fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru perjodu ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 7 fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.
(5)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għadha essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 għadhom ugwalment rilevanti anki għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(6)Fit-28 ta’ Mejju 2021, l-Irlanda ppreżentat il-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-8 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Irlanda 8 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Irlanda tkun issodisfat b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(7)Fit-30 ta’ April 2024, l-Irlanda ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2024 u, fl-10 ta’ Mejju 2024, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Irlanda dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(8)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Irlanda 9 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Dan ivvaluta l-progress tal-Irlanda fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u qieset l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza min-naħa tal-Irlanda. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Irlanda fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(9)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 10 , is-surplus tal-gvern estiż tal-Irlanda baqa’ stabbli għal 1,7 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 44,4 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 43,7 % fi tmiem l-2023.
(10)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 11 li l-Irlanda tieħu azzjoni biex tiżgura li fl-2023 it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni politika newtrali b’mod kumplessiv 12 , filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, l-Irlanda ġiet irrakkomandata taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Irlanda ġiet irrakkomandata wkoll li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 13 kienet espansjonarja, b’0,9 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,8 % tal-PDG. Dan jinkludi l-kost imnaqqas tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza mmirati għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG. Dan jinkludi wkoll il-kostijiet ogħla biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lil persuni spostati mill-Ukrajna (sa 0,1 % tal-PDG). Għalhekk, il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kinitx dovuta għall-appoġġ ta’ emerġenza mmirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, u parzjalment biss minħabba l-appoġġ għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) kien xprunat ukoll minn żidiet permanenti fil-pagi u l-benefiċċji soċjali tas-settur pubbliku, u nfiq ogħla fil-kura tas-saħħa. Fil-qosor, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,1 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 2,3 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. L-Irlanda ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. L-Irlanda ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-elettrifikazzjoni fil-ferroviji tal-passiġġieri u programm biex tiġi pprovduta infrastruttura diġitali lill-iskejjel, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(11)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi li l-PDG reali jikber bi 2,6 % fl-2024 u 3,9 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 2,1 % kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 1,6 % tal-PDG fl-2024 u jiżdied għal 1,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 41,5 % sa tmiem l-2024 u 39,5 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, is-surplus tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos għal 1,5 % tal-PDG fl-2026, u jiżdied għal 1,7 % fl-2027. Għalhekk, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa ppjanat li jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos gradwalment għal 37,8 % fl-2026, u 36,7 % fl-2027.
(12)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,2 % fl-2024 u 3,6 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 1,9 % fl-2024 u 1,8 % fl-2025.
(13)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus tal-gvern ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 42,5 % sa tmiem l-2024. Is-surpluses aktar baxxi jirriflettu approċċ kawt fir-rigward tal-persistenza possibbli ta’ tkabbir għoli fl-infiq fl-2024 u l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2024 jirrifletti prinċipalment is-surplus tal-gvern u jkun akbar li kieku ma kienx għal aġġustamenti sinifikanti tal-fluss tal-istokk. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ġeneralment newtrali fil-livell ta’ -0,1 % tal-PDG fl-2024.
(14)Nefqa li tammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, b’mod simili għall-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjati mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jippermettu investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq id-defiċit u d-dejn tal-gvern estiż tal-Irlanda.
(15)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 14 li l-Irlanda żżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali tal-Irlanda huwa pproġettat għal 1,8 % tal-PDG fl-2024, minn 1,0 % fl-2023, u b’hekk ogħla mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM) tal-pajjiż ta’ bilanċ strutturali ta’ -0,5 % tal-PDG. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.
(16)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Irlanda tieħu azzjoni biex telimina gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ ġodda jew li jitkomplew, jenħtieġ li l-Irlanda tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 15 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat għal 0,4 % tal-PDG fl-2023 u pproġettat għal 0,1 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma pproġettati li jiġu stralċjati malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill.
(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Irlanda tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jiżdied għal 2,5 % tal-PDG fl-2024 (minn 2,3 % tal-PDG fl-2023). Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill. Min-naħa l-oħra, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tibqa’ stabbli għal 0,1 % tal-PDG fl-2024.
(18)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta surplus tal-gvern ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 41,3 % sa tmiem l-2025. It-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment is-surplus tal-gvern u jkun akbar li kieku ma kienx għal aġġustamenti sinifikanti tal-fluss tal-istokk.
(19)Hemm tħassib relatat mal-impatt fuq is-sostenibbiltà fiskali tal‑kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa. L-Irlanda hija l-uniku pajjiż fl-UE mingħajr kopertura universali tal-kura primarja, u dan ipoġġi aktar pressjoni fuq l-isptarijiet. It-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa mistenni li jagħmel pressjoni fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa: Huwa pproġettat li jwassal għal żieda ta’ 1,5 punt perċentwali fin-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa bħala persentaġġ tal-PDG sal-2070 għall-Irlanda, li huwa ferm ogħla miż-żieda pproġettata ta’ 0,4 punti perċentwali għall-UE.
(20)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU ladarba jiġi adottat, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Irlanda permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Irlanda tkompli l-implimentazzjoni tar-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza d-dewmien emerġenti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha. Dan jinkludi s-sottomissjoni f’waqtha tat-talbiet għall-ħlas li ġejjin. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għadu essenzjali biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(21)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Irlanda hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Din ir-reviżjoni tifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. L-Irlanda għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. L-Irlanda tkompli tirreġistra disparitajiet ekonomiċi u soċjali importanti bejn iż-żoni metropolitani u żoni oħra fil-pajjiż, speċjalment fir-reġjun tat-Tramuntana u tal-Punent. Hemm dgħufijiet sinifikanti fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati, li qed jiffaċċjaw riskji għoljin b’mod sproporzjonat ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Filwaqt li l-prijoritajiet miftiehma fil-programmi għadhom rilevanti, huwa importanti li titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom. L-objettiv li jissaħħu l-ekosistemi tal-innovazzjoni fil-livell reġjonali għadu rilevanti, u dan jinkludi l-għan li jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-reġjun tal-Majjistral u ż-żewġ reġjuni l-oħra. L-iffaċilitar tal-aċċess għas-servizzi soċjali u l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ ħiliet immirati għall-aktar gruppi żvantaġġati biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema, il-faqar u l-esklużjoni soċjali għadhom importanti. L-Irlanda tista’ tingrana l-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tagħti spinta lill-investimenti fid-diġitalizzazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u r-riċerka għal teknoloġiji tal-enerġija nadifa f’konformità mal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u l-“Viżjoni tal-Istrateġija tal-Industrija 4.0 tal-Irlanda 2020-2025” u l-istabbiliment ta’ Future Manufacturing Ireland.
(22)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, l-Irlanda qed tiffaċċja diversi sfidi relatati mal-provvista tal-ilma tax-xorb u t-trattament tal-ilma mormi, kif ukoll is-sistema tal-ġestjoni tal-iskart. Barra minn hekk, għad hemm sfidi fir-rigward tas-sistema tal-elettriku, l-infrastruttura tal-enerġija u t-teknoloġiji tal-grilji intelliġenti, u l-effiċjenza enerġetika.
(23)Għad hemm nuqqasijiet sinifikanti fis-setturi tal-ilma u tal-ilma mormi li jaffettwaw il-kwalità tal-ilma, li huma aggravati minn rati ta’ tnixxija persistentement għoljin fis-sistema tal-provvista tal-ilma. L-Irlanda mhijiex qed tikseb biżżejjed riżultati fir-rigward tal-istandards deskritti fid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, peress li ammont sinifikanti ta’ ilma mormi urban għadu mhux ittrattat jew mhux miġbur, l-aktar minħabba infrastruttura skaduta. Sehem sinifikanti tal-popolazzjoni Irlandiża għadu mhux konness ma’ mill-inqas ilma mormi sekondarju. L-estrazzjoni tal-ilma u l-bidliet fil-korpi tal-ilma mhumiex ikkontrollati biżżejjed minħabba n-nuqqas ta’ qafas legali xieraq. In-nuqqas ta’ infrastruttura adegwata għall-provvista tal-ilma tax-xorb u għall-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi jista’ jillimita l-bini tad-djar jew tal-industrija f’ċerti żoni, u b’hekk jaffettwa l-kompetittività.
(24)Is-sistema tal-enerġija tal-Irlanda kompliet turi sinjali ta’ vulnerabbiltà fl-2023 peress li l-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku baqgħu ogħla mill-medja tal-UE. Fit-tieni nofs tal-2023, l-Irlanda kellha l-ogħla prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi domestiċi fl-UE, u dawn għadhom għoljin. L-Irlanda stabbiliet miri ambizzjużi għas-sehem tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli u bdiet twettaq l-użu ta’ sorsi addizzjonali ta’ enerġija rinnovabbli, li se jpoġġu pressjoni fuq is-sistema tal-elettriku permezz ta’ volumi akbar ta’ ġenerazzjoni varjabbli. Hija meħtieġa kapaċità addizzjonali tal-grilja kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni, inklużi proġetti transfruntiera ġodda. L-impatt tal-kapaċità insuffiċjenti tal-grilja għandu impatt ukoll fuq il-kompetittività, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-attrazzjoni u ż-żamma tal-kumpaniji. Il-limitazzjonijiet tal-kapaċità jirriżultaw ukoll f’kostijiet ogħla tal-produzzjoni, li jistgħu jiskoraġġixxu lin-negozji. L-awtorità regolatorja nazzjonali ngħatat il-kompitu li tipprovdi pjan għall-flessibbiltà min-naħa tad-domanda biex is-sistema tal-enerġija Irlandiża tkun tista’ topera b’mod effiċjenti b’ishma għoljin ta’ elettriku rinnovabbli. Il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u t-titjib sostanzjali fl-infrastruttura tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni u tal-ħżin se jkunu kruċjali jekk l-Irlanda trid tilħaq il-mira ta’ 80 % elettriku rinnovabbli kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Klima, tnaqqas l-illimitar tal-ġenerazzjoni rinnovabbli eżistenti, u tintegra l-5 GW ippjanati tal-ġenerazzjoni tar-riħ lil hinn mill-kosta sal-2030. Aktar azzjoni għall-promozzjoni tal-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi f’riżorsi tal-enerġija distribwiti hija meħtieġa biex tippermetti l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi filwaqt li ttejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija. Dan jinkludi l-parteċipazzjoni tal-konsumatur fis-servizzi tal-ibbilanċjar u l-flessibbiltà.
(25)Minkejja l-progress fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika, għadhom meħtieġa aktar miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u jiġi dekarbonizzat l-istokk tal-bini, b’mod partikolari t-titjib tal-enerġija residenzjali, il-modifika retroattiva u tranżizzjoni aċċellerata lejn it-tisħin rinnovabbli. L-Irlanda għadha ma rnexxilhiex trażżan l-użu tal-enerġija, li huwa pproġettat li jiżdied lejn l-2030 skont ir-rapport dwar il-Projezzjonijiet tal-Enerġija Nazzjonali tal-Irlanda u taqbeż il-limiti massimi tal-emissjonijiet settorjali stabbiliti għas-settur tal-ambjent mibni. Filwaqt li l-volum reali ta’ modifiki retroattivi profondi għadu limitat, l-Irlanda bdiet timplimenta l-miri ambizzjużi tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Klima. Aktar minn EUR 400 miljun ġew allokati għall-effiċjenza enerġetika fil-bini, taħt il-baġit tal-Istat għall-2024. L-implimentazzjoni tal-programmi komprensivi tal-iffrankar tal-enerġija għas-settur pubbliku tista’ żżid ir-rendiment tal-enerġija tal-istokk tal-bini pubbliku. Huma meħtieġa wkoll aktar sforzi biex jiġi indirizzat il-konsum tal-enerġija fit-trasport u fl-industrija billi jkomplu jiġu elettrifikati l-linji tal-ivvjaġġar u jiġu inċentivati s-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll tal-enerġija.
(26)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Irlanda, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:
1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. Tindirizza ż-żieda mistennija fin-nefqa relatata mal-età billi tagħmel is-sistema tal-kura tas-saħħa aktar kosteffettiva.
2.Tindirizza d-dewmien emerġenti biex tippermetti implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU ladarba jiġi adottat, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex ittejjeb il-kompetittività.
3.Iżżid l-investimenti fl-infrastruttura tal-ilma tax-xorb u tal-ilma mormi biex ittejjeb il-kwalità tal-ilma u jitnaqqsu t-tnixxijiet.
4.Iżżid l-isforzi biex ittejjeb il-flessibbiltà tas-sistema tal-elettriku u timmodernizza u tespandi l-kapaċità tal-grilja. Tiżviluppa u timplimenta strateġija biex tippromwovi r-rispons min-naħa tad-domanda u tissimplifika l-ippjanar u l-permessi għall-faċilitajiet tal-ħżin u l-konnetturi tal-grilja. Iżżid l-isforzi biex ittejjeb ir-rendiment tal-bini privat fl-użu tal-enerġija biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u l-kostijiet tas-sistema tal-enerġija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President