|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3206 |
19.12.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3206
tal-10 ta’ Diċembru 2024
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jirregolaw id-dritt li persuni taxxabbli tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq provvisti ta’ merkanzija u servizzi użati minnhom għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħhom. L-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva fih rekwiżit biex tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi kummerċjali jintuża għal finijiet privati ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra għajr dawk marbuta man-negozju tagħhom. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 (2), kif emendata bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1921 (3) u (UE) 2021/1968 (4), tawtorizza lil-Latvja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2024, tillimita għal 50 % id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq in-nefqa fuq karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali, u tawtorizza lil-Latvja biex ma tittrattax bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas l-użu għal finijiet privati ta’ karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi ta’ negozju ta’ persuna taxxabbli, meta dik il-karozza tkun ġiet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni (il-“miżura speċjali”). |
|
(3) |
B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-15 ta’ Mejju 2024, il-Latvja talbet awtoriżazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tkompli tapplika l-miżura speċjali (it-“talba”). |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Settembru 2024. B’ittra datata l-11 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429, il-Latvja ppreżentat, flimkien mat-talba, rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Abbażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, jiġifieri l-esperjenza miksuba mill-awditi tat-taxxa u d-data statistika b’rabta mal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri, il-Latvja ssostni li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u jibqa’ xieraq. |
|
(6) |
Peress illi l-miżura speċjali kellha impatt pożittiv fir-rigward tal-piż amministrattiv għall-kontribwenti u l-awtoritajiet tat-taxxa billi tissimplifika l-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa meta r-rekords ma jinżammux kif suppost, il-Kummissjoni tqis li huwa xierqa li testendi l-miżura speċjali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Latvja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2027. |
|
(7) |
Jenħtiġ li l-miżura speċjali tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività tagħha u l-adegwatezza tar-rata tal-perċentwal applikat. |
|
(8) |
Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi mixtieqa, jiġifieri, s-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa, peress li hija limitata fiż-żmien u fl-ambitu. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-frodi titmexxa lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra. |
|
(9) |
Fil-każ li l-Latvja tikkunsidra li tkun neċessarja estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027, jenħtieġ li tippreżenta talba għal tali estensjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027. Dik it-talba jenħtieġ li tkun akkompanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, inkluż il-perċentwal applikat. |
|
(10) |
Skont informazzjoni provduta mill-Latvja, il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur li l-Latvja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali, u mhux ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni akkumulati mill-VAT. |
|
(11) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 6
1. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.
2. Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027, u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
VARGA M.
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 tal-10 ta’ Diċembru 2015 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 334, 22.12.2015, p. 15).
(3) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1921 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/191/UE li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 311, 7.12.2018, p. 36).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1968 tad-9 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 401, 12.11.2021, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3206/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)