Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C-372/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' Awwissu 2004, fil-kawża

The Queen, fuq talba ta':

Yvonne Watts

vs

Bedford Primary Care Trust,

Secretary of State for Health,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, N. Colneric, K. Lenaerts (Relatur), J. Klučka, U. Lõhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Ottubru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għas-Sinjura Watts, minn R. Gordon, QC, inkarigat minn J. Hyam, Barrister,

– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill u S. Nwaokolo, bħala aġenti, assistiti minn D. Lloyd-Jones u D. Wyatt, QC, kif ukoll S. Lee, barrister,

– għall-Gvern Belġjan, minn M. Wimmer, bħala aġent,

– għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesai u J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġenti,

– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Bergeot-Nunes, bħala aġenti,

– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Travers, BL,

– għall-Gvern Malti, minn S. Camilleri, bħala aġent, assistit minn S. Mifsud, avukat,

– għall-Gvern Pollakk, minn P. Sadowy, bħala aġent,

– għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

– għall-Gvern Żvediż, minn K. Norman u A. Kruse, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 48 KE sa 50 KE u 152(5) KE, kif ukoll ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża li bdiet wara li l-Bedford Primary Care Trust (iktar 'il quddiem "Bedford PCT") irrifjuta li jħallas lura l-ispejjeż ta' trattament mediku li s-Sinjura Watts, li tirrisjedi fir-Renju Unit, irċeviet fi Franza.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat "Rimanenza barra l-Istat kompetenti — Ritorn lejn jew trasferiment ta' residenza għall-Istat Membru ieħor waqt il-mard jew il-maternità — Bżonn ta' mawra fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu l-kura neċessarja", jipprovdi:

"1. Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 18, u:

[…]

c) li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fit-territorju ta' Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l-kura meħtieġa għall-kundizzjoni tagħha,

tkun intitolata:

i) għall-benefiċċji b'xi mod ipprovduti f'isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza […], skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil-leġislazzjoni ta' l-Istat kompetenti;

[…]

2. […]

L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(ċ) [ma tistax] tkun irrifjutata fejn il-kura in kwistjoni hija fost il-benefiċċji pprovduti mil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kienet residenti l-persuna kkonċernata u fejn hija ma tistax tingħata tali kura fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura in kwistjoni fl-Istat Membru tar-residenza waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-Istat ta' saħħitha u l-kors probabbli tal-marda.

[…]"

4. Kif jirriżulta mid-Deċiżjoni Nru 153 (94/604/KE) tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Immigrati tas-7 ta' Ottubru 1993 fuq il-formoli mudelli meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 (E 001, E 103-E 127) (ĠU 1994, L 244, p. 22), il-formola E 112 hija ċ-ċertifikat neċessarju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

5. Il-liġi ta' l-1977 fuq is-servizz nazzjonali tas-saħħa (National Health Service Act 1977, iktar 'il quddiem l-"NHS Act") tiddisponi li l-Ministru tas-Saħħa għandu jipprovdi servizz nazzjonali tas-saħħa fl-Ingilterra u f'Wales,

6. L-Artikoli 1 u 3 tal-NHS Act jiddeskrivu dan l-obbligu kif ġej:

"Artikolu 1

1.(1) Il-Ministru għandu d-dmir li jkompli jippromwovi, fl-Ingilterra u f'Wales, servizz tas-saħħa komplut intiż sabiex jiggarantixxi t-titjib –

(a) tas-saħħa fiżika u mentali tar-residenti ta' l-imsemmija pajjiżi, u

(b) fil-prevenzjoni, id-djanjosi u t-trattament tal-mard, u sabiex jipprovdi jew jiggarantixxi provvista effettiva ta' servizzi skond dan l-Att.

(2) Is-servizzi hekk provduti għandhom ikunu mingħajr ħlas sakemm il-fatturazzjoni jew l-irkupru ta' l-spejjeż ma jkunux espressament previsti minn xi liġi oħra, tkun xi tkun id-data ta' l-adozzjoni tagħha.

[…]

Artikolu 3

3. (1) Il-Ministru għandu l-obbligu li jipprovdi, fit-territorju kollu ta' l-Ingilterra u ta' Wales u safejn huwa jikkunsidra neċessarju sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet kollha raġonevoli,

(a) soġġorn fl-isptarijiet;

(b) soġġorn ieħor sabiex jiġu pprovduti s-servizzi kollha previsti minn dan l-Att;

(c) servizzi mediċi, għall-kura tas-snien, ta' infermiera u ta' ambulanzi;

(d) il-faċilitajiet l-oħra kollha għall-kura ta' nisa tqal jew li qegħdin ireddgħu t-trabi u ta' tfal żgħar li huwa jikkunsidra xierqa bħala parti mis-servizzi tas-saħħa;

(e) il-faċilitajiet l-oħra kollha għall-prevenzjoni tal-mard, il-kura ta' persuni morda u l-kura li persuni jingħataw wara li jkunu fiequ li huwa jikkunsidra xierqa bħala parti mis-servizzi tas-saħħa;

(f) is-servizzi l-oħra kollha meħtieġa għad-djanjosi u t-trattament tal-mard."

7. Skond l-indikazzjonijiet mogħtija mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-karatteristiċi prinċipali tan-National Health Service (iktar 'il quddiem l-"NHS") huma dawn li ġejjin.

8. Il-kura fl-isptarijiet tingħata mingħajr ħlas mill-korpi li jaqgħu taħt l-NHS, mingħajr skop ta' lukru, lill-persuni kollha li jirrisjedu abitwalment fir-Renju Unit.

9. Din il-kura hija ffinanzjata direttament mill-Istat, prinċipalment permezz tad-dħul mit-taxxi li l-Gvern iqassam bejn it- trusts prinċipali tal-kura (il-Primary Care Trusts, iktar 'il quddiem il-"PCT") skond il-bżonnijiet rispettivi tal-popolazzjoni tas-settur geoġrafiku tagħhom.

10. L-NHS mhuwa ffinanzjat minn ebda sistema ta' kontribuzzjoni mill-ħaddiema jew minn min iħaddem. Lanqas mhija prevista xi sistema fejn il-pazjent għandu jħallas parti mill-ispejjeż.

11. Ma teżisti ebda lista nazzjonali ta' servizzi mediċi li għandhom jingħataw.

12. L-aċċess għall-kura fl-isptarijiet tiddependi prinċipalment mid-deċiżjoni ta' tabib.

13. Peress li l-baġit allokat mill-Gvern lill-NHS mhuwiex biżżejjed sabiex jippermetti li l-pazjenti kollha jirċevu l-kura malajr, ikun x'ikun il-livell ta' urġenza, l-NHS juża r-riżorsi disponibbli billi jistabbilixxi prijoritajiet u dan, għat-trattamenti li mhumiex urġenti wisq, jirriżulta f'listi relattivament twal ta' stennija. Il-korpi tal-NHS jiddeċiedu, fil-limiti tal-baġit allokat lilhom, fuq l-allokazzjoni u l-importanza tal-prijoritajiet kliniċi filwaqt li jiġu osservati d-direttivi nazzjonali.

14. Il-listi ta' stennija huma intiżi, minn naħa, sabiex jiggarantixxu li fl-isptarijiet tingħata kura skond il-prijoritajiet u d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-NHS f'dak li jirrigwarda l-użu tar-riżorsi disponibbli u, min-naħa l-oħra, sabiex jippreżervaw l-ekwità bejn il-pazjenti li jkollhom bżonn jiġu trattati fi sptar għal problemi ta' saħħa u b'livelli ta' urġenza differenti.

15. Il-pazjenti li jiddependu mill-NHS m'għandhomx id-dritt jibbenefikaw minn trattament partikolari f'mument determinat. In-natura, il-post, il-mument u t-tul ta' żmien tal-kura fl-isptarijiet jiġu stabbiliti skond il-prijoritajiet kliniċi u r-riżorsi tal-korp kompetenti tal-NHS, u mhux skond l-għażla tal-pazjent. Id-deċiżjonijiet tal-korpi tal-NHS jistgħu jiġu kkontestati permezz ta' rikors għal annullament, iżda dawn ir-rikorsi normalment jiġu miċħuda.

16. Peress li l-kura fi ħdan l-NHS tingħata bla ħlas, ma tqumx il-kwistjoni ta' rimborż lill-pazjent u dan lanqas mhuwa rregolat. Konsegwentement, fil-leġiżlazzjoni Ingliża ma teżisti ebda tariffa ta' rimborż.

17. Il-pazjenti li jiddependu mill-NHS ma jistgħux jippretendu li jingħataw kura fi sptarijiet privati fl-Ingilterra u f'Wales a spejjeż tal-NHS.

18. Il-PCT huma entitajiet pubbliċi stabbiliti skond l-Artikolu 16 A tal-NHS Act, li ddaħħal permezz ta' l-Artikolu 2 tal-liġi ta' l-1999 fuq is-saħħa (Health Act 1999) u emendat mil-liġi ta' l-2002 li tirriforma s-servizzi nazzjonali tas-saħħa u dwar il-professjonijiet tas-saħħa (National Health Service Reform and Health Care Professions Act 2002). Il-kompożizzjoni tagħhom hija stabbilità permezz ta' regolamenti. Uħud mill-membri tagħhom jinħatru mill-ministru. Ir-rwol tal-PCT huwa li jippjanifikaw u li jiggarantixxu l-kura tas-saħħa fuq livell lokali, inklużi s-servizzi ta' mediċina ġenerali. Kull reġjun jaqa' taħt il-kompetenza ta' PCT. Kull sena finanzjarja l-Ministru tas-Saħħa jagħti lid-diversi PCT ammont, li ma jistax jaqbeż ċertu limitu, intiż sabiex ikopri l-ispejjeż marbuta mat-trattamenti fl-isptarijiet u l-ispejjeż ġenerali.

19. L-"NHS trusts" huma persuni ġuridiċi distinti, li ġew stabbiliti skond il-liġi ta' l-1990 dwar is-servizz nazzjonali tas-saħħa u l-kura li tingħata d-dar (National Health Service and Community Care Act 1990). L-Artikolu 5(1) ta' din il-liġi, kif emendat mill-Artikolu 13 tal-liġi ta' l-1999 fuq is-saħħa, jipprovdi li l-NHS trusts għandhom l-għan li jfornu oġġetti u servizzi fil-qafas tal-NHS. Il-funzjonijiet li dawn it-trusts iridu jaqdu jiġu definiti permezz ta' digriet ministerjali. Kważi l-isptarijiet Britanniċi kollha huma amministrati minn NHS trust. L-NHS trusts huma ffinanzjati permezz ta' ħlasijiet li jsiru mill-PCTs għat-trattamenti u s-servizzi mediċi li dawn jordnawlhom.

20. Il-kollaborazzjoni bejn il-PCTs u l-NHS trusts hija bbażata, skond l-Artikolu 4 tal-liġi ta' l-1990, fuq sistema ta' "kuntratti NHS", li m'għandhomx saħħa eżekuttiva iżda li magħhom hemm marbuta forma speċjali ta' arbitraġġ intern f'idejn il-Ministru kompetenti. Il-kuntratti NHS, ġeneralment, huma mfassla fuq il-bażi ta' ftehim li jiddefinixxi l-kwantità tas-servizzi mistennija u l-finanzjament korrispondenti.

21. Il-PCTs u l-NHS trusts mhumiex organizzazjonijiet b'għan ta' lukru. Il-baġit allokat li ma jkunx intuża jista' jiġi riallokat b'ċerti kundizzjonijiet. Fin-nuqqas, dan għandu jingħata lura lill-Gvern.

22. Bħala regola, il-pazjenti li ma jirrisjedux abitwalment fir-Renju Unit jistgħu jirċevu kura fi ħdan l-NHS, bi ħlas. Ir-regolament ta' l-1989 fuq l-ispejjeż iffatturati lill-pazjenti barranin [NHS (Charges to Overseas Visitors) Regulations 1989] jipprovdi l-modalitajiet ta' fatturazzjoni u ta' rimborż ta' l-ispejjeż marbutin ma' kura li tkun ingħatat lil dawn il-pazjenti mill-NHS. Il-PCTs għandhom l-obbligu jipproċedu għal dawn l-operazzjonijiet sakemm il-pazjent ma jkunx jaqa' taħt wieħed mill-każijiet ta' eżenzjoni definiti mill-imsemmi regolament. Dan ta' l-aħħar jipprovdi għal eżenzjonijiet, b'mod partikolari, minn naħa, għall-kura mogħtija fi ħdan dipartiment ta' sptar riżervat għall-inċidenti jew fi ħdan dipartiment ta' emerġenza, u, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni d-drittijiet ta' persuni affiljati ma' sistema ta' sigurtà soċjali ta' Stat Membru ieħor.

23. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, peress li r-Regolament Nru 1408/71 huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, m'hemm ebda liġi li timplementah fir-Renju Unit. Pazjent li jiddipendi mill-NHS u li jirrisjedi abitwalment fir-Renju Unit jista' jirċievi kura fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra skond l-Artikolu 22(1)(c) ta' l-imsemmi Regolament. F'dan il-każ, ir-rimborż ta' l-ispejjeż mar buta ma' din il-kura jsir, konformement ma' dan ir-Regolament, direttament favur l-istituzzjoni ta' l-Istat Membru li fih tkun ġiet mogħtija l-kura, bir-rata ta' rimborż applikabbli fl-imsemmi Stat Membru.

Il-kawża prinċipali

24. Peress li kienet issofri minn artrite tal-ġembejn, is-Sinjura Watts staqsiet lill-Bedford PCT għal informazzjoni fuq il-possibbiltà li tiġi operata barra mill-pajjiż taħt kopertura tal-formola E 112.

25. Fl-1 ta' Ottubru 2002, hija ġiet eżaminata minn tabib speċjalista Britanniku li, b'ittra tat-28 ta' Ottubru 2002, informa lill-Bedford PCT li l-każ tas-Sinjura Watts kien jistħoqqlu l-istess kunsiderazzjoni bħall-każijiet tal-pazjenti l-oħra tiegħu li jsofru minn artrite akuta, li l-mobilità ta' din il-pazjenta kienet serjament limitata u li hija kienet issofri minn uġiegħ kostanti. Huwa kklassifika lis-Sinjura Watts fil-kategorija tal-"każijiet ta' rutina", li kien ifisser li hija kellha tistenna madwar sena qabel ma setgħet tiġi operata fi sptar lokali.

26. Fil-21 ta' Novembru 2002, il-Bedford PCT informa lis-Sinjura Watts li kien qiegħed jirrifjuta li jagħtiha formola E 112 minħabba li ma kinitx sodisfatta t-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Huwa, fil-fatt, ikkunsidra li t-trattament seta' jingħata lill-pazjenta fi sptar lokali "fi żmien konformi ma' l-għanijiet tal-pjan ta' sigurtà soċjali tal-Gvern", u, għalhekk, "mingħajr dewmien inġustifikat".

27. Fit-12 ta' Diċembru 2002, is-Sinjura Watts bdiet proċeduri sabiex tikseb il-permess biex tressaq rikors għall-annullament ta' din id-deċiżjoni ta' rifjut.

28. Is-seduta li fiha ġiet trattata l-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors inżammet quddiem il-High Court of Justice (England and Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court), fit-22 ta' Jannar 2003. Matul din is-seduta ġie indikat li, fil-bidu ta' Jannar 2003, is-Sinjura Watts kienet marret Franza sabiex tikkonsulta tabib speċjalista li kien ikkunsidra li l-ħtieġa li l-pazjenta tiġi operata kienet saret iktar urġenti minħabba li l-istat ta' saħħa tagħha mar għall-agħar. Is-Secretary of State for Health (il-Ministru tas-Saħħa) u l-Bedford PCT għalhekk issuġġerew li s-Sinjura Watts terġa' tiġi eżaminata sabiex id-deċiżjoni tal-21 ta' Novembru 2002 tkun tista' tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

29. Fil-31 ta' Jannar 2003, is-Sinjura Watts ġiet eżaminata mill-ġdid mill-istess tabib speċjalista Britanniku li kien eżaminaha f'Ottubru 2002. Dak inhar stess, permezz ta' ittra, dan it-tabib indika lill-Bedford PCT li f'dan l-istadju s-Sinjura Watts kellha tiġi kklassifikata fil-kategorija tal-pazjenti li kellhom jiġu operati "fi żmien qasir", jiġifieri f'kategorija intermedjarja bejn dik tal-każijiet l-iktar urġenti u dik tal-każijiet ta' rutina. Dan kien ifisser li hija kienet ser tiġi operata fi żmien tliet jew erba' xhur, jiġifieri f'April jew Mejju 2003.

30. Fl-4 ta' Frar 2003, il-Bedford PCT reġa' rrifjuta l-ħruġ tal-formula E 112, minħabba li ż-żmien ta' stennija sabiex tiġi operata fi sptar lokali kien ġie mnaqqas għal tliet jew erba' xhur. Huwa reġa' bbaża ruħu fuq l-għanijiet ta' pjanifikazzjoni tal-NHS sabiex jikkonkludi li ma kienx hemm dewmien inġustifikat fil-każ tas-Sinjura Watts.

31. Fis-7 ta' Marzu 2003, is-Sinjura Watts għamlet operazzjoni li permezz tagħha intqiegħdet proteżi f'ġembejha f'Abbeville (Franza). Għall-ispejjeż marbuta ma' dan l-intervent mediku hija ħallset ammont ekwivalenti għal 3 900 GBP.

32. Hija kompliet il-proċedimenti biex tikseb il-permess biex tressaq rikors għall-annulament tad-deċiżjoni ta' rifjut tal-Bedford PCT u talbet ukoll ir-rimborż ta' l-ispejjeż mediċi mħallsa fi Franza.

33. Fl-1 ta' Ottubru 2003, il-High Court of Justice (England and Wales) Queen’s Bench Division (Administrative Court), li kienet issospendiet il-proċedimenti sabiex tistenna l-ħruġ tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet (C-385/99, Ġabra p. I-4509), iddeċidiet li s-servizzi mediċi li s-Sinjura Watts kienet irċeviet fi Franza kienu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE minkejja l-fatt li r-rimborż ta' l-ispejjeż marbuta mat-trattament mogħti jintalab fil-kuntest tal-NHS.

34. Din il-qorti madankollu ċaħdet t-talba tas-Sinjura Watts. Għalkemm qieset li "kull awtorità nazzjonali li tiddeċiedi, kif għandu jkun, skond il-prinċipji stabbiliti mill-[Qorti tal-Ġustizzja], b'mod partikolari fis-sentenzi tat-12 ta' Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C-157/99, Ġabra p. I-5473) kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, kien ikollha tikkonkludi, f' Ottubru-Novembru 2002, li ż-żmien previst ta' bejn wieħed u ieħor sena kien f'kull każ "eċċessiv" u għalhekk ta' natura li jippermetti l-applikazzjoni tad-dritt, ibbażat fuq l-Artikolu 49 [KE], għar-rifużjoni ta' l-ispejjeż meħtieġa sabiex jinkiseb trattament fi-żmien iktar raġonevoli fi-Stat Membru ieħor", hija madankollu ddeċidiet li s-Sinjura Watts ma kelliex taffaċċja dewmien inġustifikat wara li l-każ tagħha reġa ġie eżaminat lejn l-aħħar tax-xahar ta' Jannar 2003. Hija kkunsidrat li żmien ta' stennija ta' minn tlieta sa' erba' xhur ma kienx ta' natura tali li jagħti lis-sinjura Watts id-dritt li tirċevi trattament barra mill-pajjiż u ma kienx jippermettilha li titlob ir-rifużjoni ta' l-ispejjeż marbuta ma dan it-trattament mingħand l-NHS.

35. Is-Sinjura Watts u s-Secretary of State for Health appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (England and Wales), Civil Division. L-appell imressaq mis-Sinjura Watts kien prinċipalment ibbażat fuq iċ-ċaħda tat-talba tagħha għal rimborż kif ukoll fuq il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, li ż-żmien ta' stennija applikabbli skond id-dritt nazzjonali jikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE u element ta' importanza fondamentali fil-kuntest ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71. Is-Secretary of State for Health essenzjalment ibbaża l-appell tiegħu fuq l-argument li l-pazjenti li jiddependu mill-NHS m'għandhomx id-dritt li jirrikorru għall-Artikolu 49 KE, b'tali mod li l-każ tas-Sinjura Watts għandu jiġi rregolat biss mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71.

36. F'deċiżjoni ta' l-20 ta' Frar 2004, il-qorti tar-rinviju osservat li, fid-dawl tas-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Smits u Peerbooms, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, is-servizzi nazzjonali tas-saħħa ffinanzjati mill-Istat, bħall-NHS, jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE. Hija madankollu żżid li mill-punt 98 tas-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitati iktar 'il fuq, jidher li jirriżulta li d-dritt, ibbażat fuq dan l-Artikolu, li wieħed jirċievi kura barra mill-pajjiż, huwa suġġett għall-eżistenza ta' dritt li wieħed jingħata trattament fl-Istat Membru kompetenti, ħaġa li l-pazjenti Britanniċi m'għandomx fi ħdan l-NHS.

37. Din il-qorti hija ta' l-opinjoni li, peress li l-attivitajiet mediċi huma provvista ta' servizzi skond is-sens ta' l-Artikolu 49 KE, l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-finanzjament tal-kura tas-saħħa ma jistgħux, bħala regola, iwaqqfu lir-residenti milli jirċievu kura fi Stat Membru ieħor, sakemm tali restrizzjoni ma tkunx tista' tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li jinżamm servizz mediku u ta' sptarijiet ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd, tali ġustifikazzjoni ma tistax madankollu tiġi invokata meta din tirriżulta f'dewmien inġustifikat fl-ħruġ tat-trattament lill-pazjent fl-Istat Membru ta' residenza tiegħu.

38. Hija tosserva li, skond is-sentenza tat-23 ta' Ottubru 2003, Inizan (C-56/01, Ġabra p. I-12403), il-kunċett ta' dewmien inġustifikat għandu jiġi interpretat, bħal fil-każ tat-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, fuq il-bażi ta' kunsiderazzjonijiet ta' natura klinika marbutin ma' kull każ individwali, u mhux billi jiġu kkunsidrati ż-żmien normali ta' stennija u listi li huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta' natura ekonomika. Hija madankollu tiddikjara li, sal-ġurnata ta' llum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma fornietx risposti ċari fuq kif għandu jiġi interpretat dan il-kunċett.

39. Hija tistaqsi wkoll, fid-dawl tas-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, fuq ir-rilevanza tal-kunsiderazzjonijiet ta' natura finanzjarja fil-kuntest ta' kawża bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat li Stat Membru huwa obbligat jalloka riżorsi intiżi sabiex jippermettu li ċ-ċittadini tiegħu jirċievu trattament barra mill-pajjiż fi żmien iqsar, bir-riskju, minn naħa, li għall-każijiet l-iktar urġenti jitwal iż-żmien meħtieġ għall-ksib ta' trattament fit-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li tiġi affettwata l-amministrazzjoni tar-riżorsi u l-pjanifikazzjoni tas-sistema ta' kura tas-saħħa kkonċernata.

40. Jekk jiġi meqjus li dan l-obbligu jeżisti, hija tistaqsi jekk l-Istat Membru kkonċernat huwiex obbligat li jirrifondi l-ispejjeż ta' trattament mogħti barra mill-pajjiż skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn dan jingħata, skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, jew skond il-leġiżlazzjoni tiegħu stess, skond l-Artikolu 49 KE. Hija tistaqsi wkoll jekk l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u tas-soġġorn għandhomx jiġu kkunsidrati f'tali każ.

41. Hija tenfasizza li obbligu ta’ rimborż skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti jkun ifisser, għal sistema bħal dik tal-NHS, fejn il-kura tas-saħħa tingħata b’xejn, obbligu ta’ rimborż sħiħ. Għalhekk, hija tikkunsidra li, jekk il-kunċett ta’ dewmien inġustifikat għandu jiġi evalwat mingħajr ma jiġu meqjusa kunsiderazzjonijiet ta’ natura finanzjarja, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE tirriżulta f’interferenza tad-dritt Komunitarju fil-politika finanzjarja ta’ l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika, b’tali mod li tqajjem mistoqsijiet f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 152(5) KE.

Id-domandi preliminari

42. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England and Wales), Civil Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel s-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) Meta titqies in-natura tal-NHS u l-pożizzjoni tiegħu fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 49 KE, moqri fid-dawl tas-sentenzi Smits [u Peerbooms], Müller-Fauré [u van Riet] kif ukoll Inizan, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala regola, il-persuni li jirrisjedu abitwalment fir-Renju Unit jistgħu jippretendu, skond id-dritt Komunitarju, li jibbenefikaw minn kura fi sptarijiet ta’ Stati Membri oħra a spejjeż tal-NHS?

Partikolarment f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 49 KE:

a) Teżisti distinzjoni bejn servizz nazzjonali tas-saħħa ffinanzjat mill-Istat, bħall-NHS, minn naħa, u fondi ta’ assigurazzjoni bħas-sistema Olandiża ZWF, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-NHS m’għandu l-ebda fond li minnu jiġu effettwati l-ħlasijiet?

b) L-NHS għandu jawtorizza u jħallas għal dik il-kura li tingħata fi Stat Membru ieħor, anke jekk huwa mhuwiex marbut jawtorizza u jħallas għal din il-kura meta s-servizz jingħata mis-settur privat fir-Renju Unit?

c) Il-fatt li pazjent jikseb il-kura indipendentement mill-korp kompetenti tal-NHS u mingħajr awtorizzazzjoni jew notifika minn qabel huwa rilevanti?

2) Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, hemm għalfejn jiġi aċċertat jekk il-kura fl-isptarijiet li tingħata mill-NHS hijiex, fiha nfisha, ħruġ ta’ servizz fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, u fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni tal-fatti iktar ‘il fuq, l-Artikoli 48 [KE], 49 [KE] u 50 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li bħala regola:

a) il-kura fl-isptarijiet li tingħata minn korpi li jaqgħu taħt l-NHS tikkostitwixxi ħruġ ta’ servizz fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE;

b) pazjent li jirċievi kura fl-isptarijiet taħt is-sistema tal-NHS jeżerċita, bħala tali, id-dritt tiegħu li jirċievi servizzi skond l-Artikolu 49 KE; u

c) il-korpi tal-NHS li jipprovdu l-kura fl-isptarijiet huma persuni li jagħtu servizz fis-sens ta’ l-Artikoli 48 KE u 50 KE?

3) Jekk l-Artikolu 49 KE japplika għall-NHS, jistgħu, dan ta’ l-aħħar jew il-Ministru, sabiex oġġettivament jiġġustifikaw ir-rifjut tagħhom li jagħtu l-awtorizzazzjoni minn qabel għal kura fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor, jibbażaw irwieħhom:

a) fuq il-fatt li din l-awtorizzazzjoni tkun ta’ dannu serju għas-sistema tal-NHS li tikkonsisti fl-amministrazzjoni tal-prijoritajiet mediċi permezz ta’ listi ta’ stennija;

b) fuq il-fatt li din l-awtorizzazzjoni tippermetti lill-pazjenti li jkunu jeħtieġu intervent mediku inqas urġenti jiksbu prijorità fuq pazjenti li jkunu jeħtieġu trattament mediku iktar urġenti;

c) fuq il-fatt li din l-awtorizzazzjoni jkollha l-effett li jintefqu riżorsi band'oħra sabiex titħallas kura inqas urġenti għal pazjenti li jkunu lesti jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, u b’hekk tkun ta’ ħsara għal dawk li ma jkunux iridu jew ma jistgħux jivjaġġaw barra mill-pajjiż jew iżżid l-ispejjeż tal-korpi tal-NHS;

d) fuq il-fatt li din l-awtorizzazzjoni tista’ tobbliga lir-Renju Unit iżid il-baġit tal-NHS jew inaqqas il-gamma ta' trattamenti li tkun tista’ tingħata mill-NHS;

e) fuq l-ispejjeż kumparattivi tat-trattament u fuq l-ispejjeż inċidentali tiegħu fl-Istat Membru l-ieħor?

4) Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kura tistax tinkiseb 'fi żmien xieraq' għall-finijiet ta' l-Artikolu 49 KE, safejn huwa meħtieġ jew permess li jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:

a) iż-żmien ta' stennija;

b) il-prijorità klinika li l-kura tingħata mill-korp kompetenti tal-NHS;

c) l-amministrazzjoni ta' l-ħruġ tal-kura fl-isptarijiet konformement mal-prijoritajiet intiżi sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi limitati;

d) il-fatt li l-kura mogħtija mill-NHS hija mingħajr ħlas fil-post fejn il-pazjent jirċievi t-trattament;

e) il-kundizzjoni medika individwali tal-pazjent, kif ukoll l-istorja klinika tiegħu u l-iżvilupp probabbli tal-marda li għaliha l-pazjent ikun qed ifittex li jiġi kkurat.

5) Fuq l-interpretazzjoni korretta ta' l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 u b'mod partikolari l-kliem 'fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura in kwistjoni':

a) il-kriterji applikabbli huma identiċi għal dawk applikabbli għall-kwistjonijiet ta' 'żmien xieraq' għall-finijiet ta' l-Artikolu 49 KE?

b) jekk ir-risposta tkun negattiva, safejn huwa meħtieġ jew permess li jiġu kkunsidrati l-fatturi msemmija fir-raba' domanda?

6) Fil-każ li d-dritt Komunitarju jobbliga lill-Istat Membru jiffinanzja l-kura li tingħata fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra lil persuni li abitwalment jirrisjedu fl-ewwel Stat Membru, l-ispejjeż ta' din il-kura għandhom jiġu kkalkulati skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fih tingħata l-kura jew skond l-Artikolu 49 KE, jiġifieri skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' residenza?

F'kull każ:

a) X'inhi l-portata eżatta ta' l-obbligu ta' ħlas jew ta' rimborż ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet, b'mod partikolari meta, bħal fil-każ tar-Renju Unit, din il-kura tingħata lill-pazjenti mingħajr ħlas fil-post fejn dawn jingħataw it-trattament u fejn ma teżisti ebda tariffa fissa fuq livell nazzjonali għar-rimborż ta' l-ispejjeż ta' trattament lill-pazjenti?

b) Dan l-obbligu huwa limitat għall-ispiża reali tal-provvista ta' trattament identiku jew ekwivalenti fl-ewwel Stat Membru?

c) Dan jinkludi wkoll l-obbligu li jitħallsu lura l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u tas-soġġorn?

7) L-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiffinanzjaw il-kura mogħtija fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-limitazzjonijiet finanzjarji u, jekk dan huwa l-każ, dawn il-ħtiġiet huma kompatibbli mar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-provvista ta' servizzi tas-saħħa u ta' kura medika msemmija fl-Artikolu 152(5) KE?

Fuq id-domandi preliminari

Kunsiderazzjonijiet preliminari

43. Permezz tad-domandi tagħha, il-Qorti tar-rinviju titlob li tiġi ċċarata kemm il-portata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll dik ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71.

44. Kif issuġġeriet il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ewwel nett għandha tittieħed deċiżjoni fuq id-domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1480/71.

45. Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat, skond id-deċiżjoni tar-rinviju, li s-Sinjura Watts talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tmur, taħt kopertura tal-formola E 112, fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk tirċievi kura xierqa għall-kundizzjoni tagħha u dan a spejjeż tal-NHS, skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-Bedford PCT, li miegħu kienet irreġistrata s-Sinjura Watts, irrifjutalha din l-awtorizzazzjoni minħabba li l-persuna kkonċernata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 22(2) ta' l-imsemmi Regolament.

46. Il-fatt li l-imsemmi Artikolu 22 japplika għal din il-kawża, madankollu, ma jeskludix li din ta' l-aħħar tista' taqa' wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE.

47. Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li miżura nazzjonali tista' eventwalment tkun konformi ma' dispożizzjoni ta' leġiżlazzjoni sekondarja, f'dan il-każ l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, m'għandux l-effett li jeżenta din il-miżura mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (sentenza tat-28 ta' April 1998, Kohll, C-158/96, Ġabra p. I-1931, punt 25).

48. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu bħala għan li jagħti dritt għal servizzi in natura mogħtija, f'isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjonijiet tal-post fejn tingħata l-kura, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru fejn jingħataw dawn is-servizzi, bħallikieku l-persuna kkonċernata kienet irreġistrata ma' din l-istituzzjoni (ara s-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20). L-applikabbiltà ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 għall-każ in kwistjoni ma teskludix li l-persuna kkonċernata jista' fl-istess ħin ikollha, skond l-Artikolu 49 KE, dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor taħt kundizzjonijiet dwar l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż differenti minn dawk previsti mill-imsemmi Artikolu 22 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2001, Vanbraekel et. , C-368/98, Ġabra p. I-5363, punti 37 sa 53).

49. Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, għandha l-ewwel nett tingħata risposta għad-domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, li kienet is-suġġett tal-ħames domanda, imbagħad għall-ewwel erba' domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, fl-aħħar nett għas-sitt u s-seba' domandi, li t-tnejn li huma jikkonċernaw l-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71.

50. Bħalma għamlet il-Kummissjoni, għandu jerġa' jiġi osservat li din il-kawża tikkonċerna biss servizzi mediċi mogħtija f'kuntest ta' sptarijiet u fejn kien hemm bżonn li l-persuna kkonċernata tinżamm għal xi żmien fl-istabbiliment li fi ħdanu ġew ipprovduti l-imsemmija servizzi.

Fuq il-ħames domanda

51. Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kriterji ta' interpretazzjoni tal-kliem "fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura in kwistjoni" li jinsabu fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 humiex identiċi għal dawk li jintużaw sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta' "żmien xieraq" fil-kuntest ta' l-Artikolu 49 KE.

52. Il-qorti tar-rinviju, billi f'dan l-istadju tirreferi għar-raba' domanda, tixtieq ukoll tkun taf jekk, sabiex jiġi interpretat iż-żmien imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, huwiex meħtieġ jew permess li jiġu kkunsidrati l-fatturi msemmija f'din ir-raba' domanda, jiġifieri l-eżistenza ta' żmienijiet ta' stennija, il-prijoritajiet kliniċi indikati mill-korp kompetenti tal-NHS, l-amministrazzjoni ta' l-ħruġ ta' kura fl-isptarijiet skond prijoritajiet maħsuba sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi limitati, il-fatt li l-kura fil-kuntest ta' l-istrutturi tal-NHS jingħata mingħajr ħlas kif ukoll il-kundizzjoni medika individwali tal-pazjent, l-istorja klinika tiegħu u kif x'aktarx tiżviluppa l-marda tiegħu.

53. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, imdaħħal fil-kuntest ta' l-għanijiet ġenerali tat-Trattat, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 jaqa' fost il-miżuri li jistgħu jippermettu lil pazjent li huwa rreġistrat taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru jibbenefika, skond il-kundizjonijiet li din tipprovdi, minn servizzi in natura fl-Istati Membri l-oħra, tkun liema tkun l-istituzzjoni nazzjonali li jaqa' taħtha jew il-post ta' residenza tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta' Lulju 2003, Van der Duin u ANOZ Zorgverzekeringen, C-156/01, Ġabra p. I-7045, punt 50, u tat-12 ta' April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 45).

54. L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, billi fil-paragrafu 1(c)(i) tiegħu jiggarantixxi, lill-pazjent li huwa rreġistrat taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru u li jkollu awtorizzazzjoni, aċċess għal kura fl-Istati Membri l-oħra bl-istess kundizzjonijiet dwar l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż li jibbenefikaw minnhom il-persuni li huma rreġistrati taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-imsemmija Stati Membri u billi fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2 tiegħu jippreċiża li l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti ma tistax tirrifjuta tali awtorizzazzjoni meta jkunu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti minn din l-aħħar dispożizzjoni, jikkontribwixxi għat-tħaffif tal-moviment liberu tal-pazjenti u, bl-istess mod, il-provvista ta' servizzi mediċi bejn il-fruntieri ta' l-Istati Membri (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et. , punt 32; Inizan, punt 21, u Keller, punt 46).

55. It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi żewġ kundizzjonijiet li, jekk jiġu sodisfatti, jirrendu obbligatorju l-ħruġ, mill-istituzzjoni kompetenti, ikun liema jkun l-Istat Membru li lilu tappartjeni, ta' l-awtorizzazzjoni minn qabel li tirreferi għaliha l-imsemmija dispożizzjoni (ara s-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

56. Sabiex tkun sodisfatta l-ewwel kundizzjoni hemm bżonn li l-kura in kwistjoni tkun elenkata fost is-servizzi previsti mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi l-persuna kkonċernata. Ma jidhirx li, fil-kawża prinċipali, ir-rifjut ta' l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament kien ibbażat fuq in-nuqqas ta' rispett ta' din l-ewwel kundizzjoni.

57. It-tieni kundizzjoni tkun sodisfatta biss jekk il-kura, li l-pazjent beħsiebu jirċievi fi Stat Membru differenti minn dak li fit-territorju tiegħu huwa jirrisjedi, ma tkunx tista', minħabba l-istat attwali ta' saħħtu u l-iżvilupp probabbli tal-marda tiegħu, tingħatalu fiż-żmien normalment neċessarju għall-ksib tat-trattament in kwistjoni fl-Istat Membru ta' residenza

58. Din it-tieni kundizzjoni hija evidentement in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta kemm mill-mod kif inhi fformulata l-ħames domanda, kif ukoll mill-kliem li bihom il-korp kompetenti informa lill-persuna kkonċernata bir-rifjut li tingħatalha l-formula E 112 (ara l-punti 26 u 30 ta' din is-sentenza).

59. F'dan ir-rigward, kif osservaw is-Sinjura Watts, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, tat interpretazzjoni taż-żmien imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 billi rreferiet għal dak li kienet diġà ddeċidiet fir-rigward tal-kliem "fi żmien xieraq", fis-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Smits u Peerbooms (punti 103 u 104), kif ukoll Müller-Fauré u van Riet (punti 89 u 90), f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ma' l-Artikolu 49 KE ta' dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet li ser tingħata fi Stat Membru ieħor għal kundizzjoni marbuta man-natura neċessarja ta' din il-kura.

60. Fil-fatt, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhemm l-ebda raġuni li tiġġustifika serjament interpretazzjonijiet differenti fil-kuntest ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, minn naħa, u f'dak ta' l-Artikolu 49 KE, min-naħa l-oħra, peress li fiż-żewġ każijiet, il-kwistjoni hija, kif isostni l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jekk il-kura fl-isptarijiet meħtieġa minħabba l-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata tistax tingħata fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' residenza tagħha fi żmien aċċettabbli li jippreżerva l-utilità u l-effikaċja tagħha.

61. Fis-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq (punt 45), il-Qorti tal-Ġustizzja b'hekk iddeċidiet, billi b'analoġija rreferiet għall-punt 103 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar 'il fuq, kif ukoll għall-punt 89 tas-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq, li t-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma tiġix sodisfatta kull meta jkun jidher li trattament identiku jew li għandu l-istess livell ta' effikaċja għall-pazjent jista' jinkiseb fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta' residenza ta' dan ta' l-aħħar.

62. Billi rreferiet għall-punt 104 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar 'il fuq, kif ukoll għall-punt 90 tas-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi evalwat jekk trattament li għandu l-istess livell ta' effikaċja għall-pazjent jistax jinkiseb fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta' residenza, l-istituzzjoni kompetenti għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw kull każ konkret, billi tikkunsidra b'mod xieraq, mhux biss is-sitwazzjoni medika tal-pazjent meta tintalab l-awtorizzazzjoni u, jekk ikun hemmm bżonn, il-livell ta' uġieħ jew in-natura tad-diżabbiltà ta' dan ta' l-aħħar, li tista', per eżempju, tagħmila impossibbli jew diffiċli wisq għalih li jeżerċita attività professjonali, iżda wkoll l-istorja klinika ta' dan ta' l-aħħar (sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46).

63. Fis-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq (punt 92), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, sabiex jiġi stabbilit jekk trattament identiku jew li għandu l-istess livell ta' effikaċja għall-pazjent huwiex disponibbli fi żmien xieraq fi stabbiliment li jinsab fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' residenza, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax tibbaża ruħha biss fuq l-eżistenza ta' listi ta' stennija fl-imsemmi territorju, mingħajr ma tikkunsidra ċ-ċirkustanzi konkreti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni medika tal-pazjent ikkonċernat.

64. Din l-aħħar preċiżazzjoni, mogħtija fir-rigward ta' l-Artikolu 49 KE, tista' tiġi adottata fil-kuntest ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, meta jiġi kkunsidrat dak li ntqal fil-punti 59 u 60 ta' din is-sentenza.

65. F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 tad-29 ta' April 2004, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, p. 1), li għandu jissostitwixxi l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, jipprovdi għall-obbligu li tingħata l-awtorizzazzjoni in kwistjoni meta, b'mod partikolari, il-kura ma tkunx tista' tingħata, fl-Istat Membru ta' residenza, "fi żmien li jista' jkun iġġustifikat mill-perspettiva medika meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-istat preżenti tas-saħħa tal-persuna u l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha".

66. Huwa fid-dawl ta' dawn l-indikazzjonijiet li għandha tinġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għall-fatturi li din għandha tikkunsidra, fost dawk indikati fir-raba' domanda, sabiex tivverifika jekk it-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 hijiex sodisfatta jew le.

67. F'kuntest ikkaratterizzat minn talba dejjem tikber għal kura fl-isptarijiet minħabba, prinċipalment, il-progress tal-mediċina u ż-żieda fil-medja ta' l-għomor tal-ħajja, minn naħa, u minn provvista neċessarjament limitata minn bżonnijiet finanzjarji, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkontestat li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-amministrazzjoni tal-provvista ta' tali kura għandhom id-dritt li jistabbilixxu, jekk jidrilhom li jkun meħtieġ, sistema ta' listi ta' stennija sabiex jippjanifikaw il-provvista ta' din il-kura u jistabbilixxu prijoritajiet skond ir-riżorsi u l-postijiet disponibbli.

68. Kif jirriżulta mill-kliem stess tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, u skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 62 u 63 ta' din is-sentenza, sabiex l-istituzzjoni kompetenti tkun tista' tiġġustifika li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni prevista fl-artikolu 22(1)(c) ta' l-imsemmi Regolament minħabba raġuni bbażata fuq l-eżistenza ta' żmien ta' stennija, għandha madankollu tistabbilixxi li ż-żmien, li jirriżulta mill-għanijiet ta' pjanifikazzjoni u ta' amministrazzjoni tal-provvista ta' sptarijiet li l-awtoritajiet nazzjonali jixtiequ jilħqu skond il-prijoritajiet kliniċi stabbiliti minn qabel f'termini ġenerali, fejn it-trattament fl-isptarijiet mitlub mill-istat ta' saħħa tal-pazjent jista' jinkiseb fi stabbiliment li jaqa' taħt is-sistema nazzjonali in kwistjoni, ma jkunx jaqbeż iż-żmien aċċettabbli fid-dawl ta' evalwazzjoni medika oġġettiva tal-bżonnijiet kliniċi tal-persuna kkonċernata fid-dawl tal-kundizzjoni medika tagħha, ta' l-istorja klinika tagħha, ta' l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha, tal-livell ta' uġiegħ tagħha u/jew tan-natura tad-diżabbiltà tagħha meta tintalab l-awtorizzazzjoni.

69. Barra minn dan, kif osservat il-Kummissjoni, u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-iffissar taż-żmien ta' stennija għandu jiġi kkonċepit b'mod flessibbli u dinamiku, li jippermetti li jiġi kkunsidrat mill-ġdid iż-żmien li għall-ewwel kien ġie nnotifikat lill-persuna kkonċernata minħabba li eventwalment l-istat ta' saħħa tagħha jkun mar għall-agħar wara l-ewwel applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

70. Jekk iż-żmien li jirriżulta mill-għanijiet ġenerali ta' pjanifikazzjoni ma jkunx jaqbeż iż-żmien medikament aċċettabbli fis-sens indikat fil-punt 68 ta' din is-sentenza, l-istituzzjoni kompetenti hija ġġustifikata li tikkunsidra li t-tieni kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 mhijiex sodisfatta u tirrifjuta l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni mitluba mill-persuna kkonċernata skond il-paragrafu 1(c)(i) ta' dan l-istess Artikolu.

71. Fil-fatt, kieku pazjenti koperti minn servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jiġu awtorizzati jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex hemmek jirċevu, a spejjeż ta' l-istituzzjoni kompetenti, kura fl-isptarijiet li l-infrastrutturi, li jaqgħu taħt l-imsemmi servizz, jistgħu jipprovdulhom fi żmien medikament aċċettabbli fis-sens indikat fil-punt 68 ta' din is-sentenza, sempliċement għar-raġuni li kura identika jew li tippreżenta l-istess livell ta' effikaċja tkun disponibbli iktar malajr fl-Istat Membru l-ieħor, b'riżultat ta' dan, ikun hemm flussi migratorji ta' pazjenti ta' natura tali li jġibu fix-xejn l-isforżi ta' pjanifikazzjoni u razjonalizzazjoni magħmula mill-Istat Membru kompetenti fil-qasam vitali tal-kura tas-saħħa sabiex jevita l-problemi ta' ffullar fl-isptarijiet, ta' żbilanċ fl-ħruġ ta' kura medika fl-isptarijiet, ta' ħela u ta' telf, kemm loġistiku kif ukoll finanzjarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi msemmija iktar 'il fuq Smits u Peerbooms, punt 106, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 91).

72. Min-naħa l-oħra, f'każ kuntrarju għal dak indikat fil-punt 70 ta' din is-sentenza, it-tieni kundizzjoni prevista fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tiġi kkunsidrata bħala sodisfatta.

73. Il-fatt li l-prezz tat-trattament fl-isptar li għandu jingħata fl-Istat Membru l-ieħor jista' jkun ogħla milli kien ikun kieku t-trattament ingħata fi stabbiliment li jaqa' taħt is-sistema nazzjonali in kwistjoni ma jistax, f'tali każ, jikkostitwixxi raġuni leġittima għar-rifjut li tingħata awtorizzazzjoni.

74. F'każ bħal dan, lanqas ma jikkostitwixxi tali raġuni valida l-fatt li l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni mitluba jkollha l-effett li ġġiegħel servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkaratteriżat minn kura fl-isptarijiet li tingħata b'xejn fil-kuntest ta' l-infrastrutturi tiegħu, jipprovdi għal mekkaniżmu finanzjarju maħsub sabiex jippermetti lil dan is-servizz jissodisfa t-talba għal rimborż li tkun ġejja mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru fejn tkun ingħatat il-kura u relatata mas-servizzi in natura li l-pazjent ikkonċernat ikun irċeva mingħand din ta' l-aħħar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Müller-Fauré u van Riet, punt 105).

75. Kuntrarjament għall-apprensjonijiet espressi mill-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-interpretazzjoni taż-żmien imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, hekk kif tirriżulta mill-punti 59 sa 72 ta' din is-sentenza, mhijiex ta' natura tali li tikkuntesta l-fakultà ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jamministraw il-kapaċità disponibbli fl-isptarijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom permezz ta' listi ta' stennija, sakemm l-eżistenza ta' tali listi ma tostakolax it-teħid in kunsiderazzjoni, f'kull każ individwali, taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizaw is-sitwazzjoni medika u l-bżonnijiet kliniċi tal-persuna kkonċernata meta din titlob awtorizzazzjoni sabiex tirċievi kura fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor a spejjeż tas-sistema li magħha hija rreġistrata.

76. Barra minn dan, tali interpretazzjoni tispiċċa biex tipprekludi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jirrifjutaw l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni mitluba minn pazjent li l-każ personali tiegħu jkollu, wara evalwazzjoni medika oġġettiva, livell ta' urġenza li jkun jiġġustifika l-ksib ta' trattament fi Stat Membru ieħor fi żmien li jkun iqsar minn dak li jirriżulta mil-listi ta' stennija li jirriflettu objettivi ġenerali ta' pjanifikazzjoni kif ukoll ta' amministrazzjoni, u li fih il-persuna kkonċernata tista' tikseb it-trattament in kwistjoni fi stabbiliment lokali li jaqa' taħt is-servizzi nazzjonali tas-saħħa. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni ma tikkuntestax id-dritt ta' dawn l-awtoritajiet li jopponu l-ħruġ ta' awtorizzazzjoni meta ma jkun hemm ebda raġuni ta' urġenza relatata mas-sitwazzjoni klinika tal-pazjent ikkonċernat li tippermetti li ż-żmien ta' stennija li jirriżulta minn tali objettivi jiġi kkunsidrat bħala irraġonevoli fir-rigward ta' din is-sitwazzjoni.

77. Din l-interpretazzjoni lanqas mhija ta' natura li twassal għal eżodu ta' pazjenti li, peress li jkunu jiddisponu minn riżorsi biżżejjed għal dan il-għan, beħsiebhom imorru fi Stat Membru ieħor sabiex jiksbu, a spejjeż tas-servizz nazzjonali tas-saħħa li huma rreġistrati miegħu u mingħajr kull kunsiderazzjoni ta' ħtieġa medika, it-trattament in kwistjoni fl-isptarijiet fi żmien iqsar minn dak li fih l-imsemmi trattament jista' jingħatalhom fi stabbiliment nazzjonali li jaqa' taħt dan is-servizz. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tħares id-dritt ta' l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet prevista fi Stat Membru ieħor meta ma jkunx hemm ċirkustanzi partikolari li jagħtu lil wieħed x'jifhem li ż-żmien ta' stennija impost fuq il-persuna kkonċernata jkun iktar miż-żmien medikament aċċettabbli fil-każ individwali tiegħu.

78. Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk iż-żmien ta' stennija invokat mill-korp kompetenti tal-NHS u bbażat fuq l-obbjettivi ta' pjanifikazzjoni mfittxa mill-awtoritajiet Britanniċi, sabiex jiċħdu l-ewwel talba għal awtorizzazzjoni u t-talba l-ġdida, kienx jaqbeż, rispettivament meta saru ż-żewġ talbiet, iż-żmien medikament aċċettabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni u tal-bżonnijiet kliniċi individwali tal-persuna kkonċernata.

79. Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun iġġustifikata tiċħad l-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1(c)(i) ta' dan l-istess Artikolu għal raġuni bbażata fuq l-eżistenza ta' żmien ta' stennija għal trattament fl-isptarijiet, l-istituzzjoni kompetenti għandha tistabbilixxi li dan iż-żmien ma jaqbiżx iż-żmien aċċettabbli stabbilit wara evalwazzjoni medika oġġettiva tal-bżonnijiet kliniċi tal-persuna kkonċernata fid-dawl tal-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni medika tagħha meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jew meta din tiġi mġedda.

Fuq l-ewwel erba' domandi

80. Permezz ta' l-ewwel erba' domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, u taħt liema kundizjonijiet, pazjent li jiddipendi mill-NHS għandux dritt, skond l-Artikolu 49 KE, li jibbenefika minn kura fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor a spejjeż ta' dan is-servizz nazzjonali.

81. Permezz ta' l-ewwel domanda din il-qorti tistaqsi jekk, meta jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tal-NHS, persuna li tirrisjedi fir-Renju Unit tistax tippretendi, skond l-imsemmi Artikolu, li tibbenefika minn kura fl-isptarijiet ta' Stat Membru differenti mir-Renju Unit, a spejjeż tal-NHS. Fil-kuntest ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b'mod partikolari, jekk, sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 49 KE f'tali kuntest, għandux jiġi kkunsidrat, minn naħa, in-nuqqas ta' fondi li jiddisponu minnhom il-korpi tal-NHS sabiex jassumu r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' tali kura u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-NHS mhuwiex obbligat jassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura li tkun ingħatat lil pazjent li jiddipendi minnu, fi stabbiliment privat li jinstab fl-Ingilterra jew f'Wales. Hija tixtieq ukoll tkun taf jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew ta' notifika minn qabel lill-korp kompetenti tal-NHS huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE.

82. Permezz tat-tieni domanda tagħha hija tistaqsi jekk, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandux jiġi determinat jekk il-kura mogħtija fl-isptarijiet fil-kuntest tal-NHS tikkostitwixxix servizz fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE.

83. Fit-tielet domanda tagħha hija tagħti lista, fil-każ li din l-aħħar dispożizzjoni tkun applikabbli, ta' numru ta' fatturi li fir-rigward tagħhom hija tixtieq issir taf jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhomx id-dritt jinvokawhom sabiex jirrifjutaw l-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż, min-naħa tal-NHS, tat-trattament li għandu jingħata fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor.

84. Permezz tar-raba' domanda, li tkompli ma t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema fatturi jistgħu jew għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġi evalwat jekk it-trattament fl-isptarijiet, li l-istat tas-saħħa tal-pazjent jeħtieġ, jistax jingħata mingħajr dewmien inġustifikat fi stabbiliment li jaqa' taħt l-NHS u jekk, konsegwentement, l-awtorizzazzjoni mitluba minn dan il-pazjent għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' trattament li għandu jingħata fi Stat Membru ieħor tistax tiġi miċħuda mill-istituzzjoni kompetenti.

85. Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, l-ewwel nett għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 49 KE huwiex applikabbli għal fatti bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

86. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, is-servizzi mediċi li jingħataw bi ħlas jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland, C-159/90, Ġabra p. I-4685, punt 18, kif ukoll Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29), mingħajr ma jkun hemm għalfejn issir distinzjoni bejn jekk il-kura tkunx ingħatat f'kuntest ta' sptarijiet jew barra minn tali kuntest (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et. , punt 41; Smits u Peerbooms, punt 53; Müller-Fauré u van Riet, punt 38, kif ukoll Inizan, punt 16).

87. Ġie wkoll deċiż li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi l-libertà tad-destinatarji tas-servizzi, b'mod partikolari tal-persuni li għandhom jirċevu kura medika, li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn dawn is-servizzi (ara s-sentenza tal-31 ta' Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16).

88. Bilfors għandu jiġi kkonstatat li, f'dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, is-Sinjura Watts ħallset direttament l-istabbiliment, li jinsab fi Stat Membru ieħor, fejn ingħatalha t-trattament.

89. Il-fatt li r-rimborż tal-kura fl-isptar in kwistjoni jintalab sussegwentement mingħand servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex ta' natura li jelimina l-applikazzjoni tar-regoli tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mit-Trattat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Smits u Peerbooms, punt 55, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 39). Diġà ġie deċiż li ħruġ ta' servizz mediku ma jitlifx il-kwalifika tiegħu bħala provvista ta' servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE għar-raġuni li l-pazjent, wara li jkun ħallas lil min ikun ipprovdielu s-servizz barra mill-pajjiż għall-kura li jkun ingħata, jitlob sussegwentement li servizz nazzjonali tas-saħħa jassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' din il-kura (ara s-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq, punt 103).

90. Għalhekk għandu jingħad li l-Artikolu 49 KE huwa applikabbli għas-sitwazzjoni ta' pazjent li, bħas-Sinjura Watts, jingħata servizzi mediċi bi ħlas, ġewwa sptar, fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat ta' residenza tiegħu, indipendentement minn kif taħdem is-sistema nazzjonali li magħha hi rreġistrata din il-persuna u li minnha sussegwentement tintalab l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' dawn is-servizzi.

91. Mingħajr ma hemm bżonn, f'dan il-każ, li jiġi ddeterminat jekk is-servizzi ta' kura mogħtija fi sptarijiet fil-kuntest ta' servizz nazzjonali tas-saħħa bħall-NHS jikkostitwixxux fihom infushom servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li sitwazzjoni, bħal dik li fuqha hija bbażata l-kawża prinċipali, fejn persuna li l-istat ta' saħħa tagħha jeħtieġ kura fi sptar tmur fi Stat Membru ieħor u, bi ħlas, tirċievi l-kura in kwistjoni, taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet.

92. Għalkemm mhuwiex ikkontestat li d-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta' sigurtà soċjali tagħhom u li, fin-nuqqas ta' armonizazzjoni fuq livell komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta' kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet ta' l-ħruġ ta' servizzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali, xorta jibqa' l-fatt li, fl-eżerċizzju ta' din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Smits u Peerbooms, punti 44 sa 46; Müller-Fauré u van Riet, punt 100, kif ukoll Inizan, punt 17). L-imsemmija dispożizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni li l-Istati Membri jdaħħlu jew iżommu restrizzjonijiet inġustifikati fuq l-eżerċizzju ta' din il-libertà fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

93. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk teżistix restrizzjoni bħal din f'sitwazzjonai bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

94. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilità, l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta' kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta' servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-ħruġ ta' servizzi purament interni ta' Stat Membru (sentenzi tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Kummissjoni vs Franza, C-381/93, Ġabra p. I-5145, punt 17; Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33, kif ukoll Smits u Peerbooms, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61).

95. F'dan il-każ, mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju ta' l-20 ta' Frar 2004 kif ukoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, b'mod partikolari mit-tielet domanda, jirriżulta li, għalkemm il-pazjenti li jiddependu mill-NHS ċertament għandhom il-possibiltà li jagħmlu użu minn stabbiliment tal-kura li jinsab fi Stat Membru ieħor, xorta jibqa' l-fatt li, sakemm ma jkollux awtorizzazzjoni minn qabel, il-pazjent ma jistax jikseb, a spejjeż tal-NHS, servizzi ta' kura fi stabbiliment bħal dan.

96. Huwa minnu li, kif isostnu l-Gvernijiet tar-Renju Unit, ta' Spanja, ta' l-Irlanda, ta' Malta u tal-Finlandja, pazjent li jiddipendi mill-NHS m'għandux l-għażla ta' meta u ta' fejn tiġi amministrata lilu l-kura meħtieġa mill-istat ta' saħħa tiegħu fil-kuntest ta' l-infrastrutturi tal-NHS. Madankollu, mhuwiex ikkontestat li, mad-dmir li l-Ministru tas-saħħa għandu skond l-Artikoli 1 u 3 tal-NHS Act (ara l-punt 6 ta' din is-sentenza), jikkorrispondi l-ħruġ b'xejn, fi stabbilimenti li jaqgħu taħt l-NHS, ta' servizzi disponibbli fil-kuntest ta' dan ta' l-aħħar, mingħajr ma dan l-ħruġ ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel.

97. Konsegwentement, filwaqt li, skond id-deċiżjoni ta' l-20 ta' Frar 2004 u d-deċiżjoni tar-rinviju, l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż mill-NHS, għall-kura disponibbli fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor tiddependi minn awtorizzazzjoni minn qabel , min-naħa l-oħra, l-ħruġ b'xejn ta' servizzi disponibbli fil-kuntest tal-NHS ma jiddependix minn tali awtorizzazzjoni. Huma biss il-modalitajiet ta' dan l-ħruġ li huma suġġetti għal deċiżjoni minn qabel ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

98. Għalhekk għandu jiġi meqjus li s-sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fil-punt 95 ta' din is-sentenza tiskoraġġixxi, x'aktarx tostakola, lill-pazjenti kkonċernati milli jikkonsultaw rwieħhom ma' min jipprovdi servizzi ta' kura fi sptarijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor u tikkostitwixxi, kemm għal dawn il-pazjenti, kif ukoll għal min jipprovdi s-servizz, ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizz (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Smits u Peerbooms, punt 69, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 44).

99. Din l-analiżi mhijiex ikkontestata mill-fatt, indikat fil-punt b) ta' l-ewwel domanda, li l-NHS mhijiex obbligata tawtorizza u tassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet mogħtija lill-pazjenti fi stabbilimenti privati, li ma jaqgħux taħt l-NHS, li jinsabu fit-territorju ta' l-Ingilterra u ta' Wales.

100. Fil-fatt, sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 94 ta' din is-sentenza, il-kundizzjonijiet dwar l-assunzjoni tar-responsabbiltà, mill-imsemmi servizz, għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura fl-isptarijiet li għandha tingħata fi Stat Membru ieħor m'għandhomx jiġu mqabbla mat-trattament li d-dritt nazzjonali jirrizerva għas-servizzi ta' kura fl-isptarijiet li l-pazjenti jingħataw fi stabbilimenti lokali privati. Bil-kontra ta' dan, il-paragun għandu jsir mal-kundizzjonijiet li fihom jingħataw tali servizzi minn dan is-servizz fil-kuntest ta' l-isptarijiet li jaqgħu taħtu.

101. Peress li l-eżistenza ta' restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġiet stabbilità, u qabel ma tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk pazjent li jiddependi mill-NHS għandux id-dritt, skond l-Artikolu 49 KE, jibbenefika, a spejjeż tas-servizz nazzjonali kkonċernat, minn kura medika li tingħata fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma jkun imfixkel minn din ir-restrizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din tistax tkun oġġettivament iġġustifikata.

102. F'dan ir-rigward, għandhom jiġu mfakkra, kif sar f'numru kbir ta' osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-elementi imperattivi li jistgħu jintużaw sabiex jiġu ġġustifikati l-ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi f'kuntest ta' sptarijiet.

103. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta' sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika ostaklu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenzi Kohll, punt 41; Smits u Peerbooms, punt 72; kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 73).

104. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-għan li jinżamm servizz mediku u ta’ sptarijiet ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd ukoll jista’ jaqa' taħt id-derogi għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika skond l-Artikolu 46 KE, inkwantu tali għan jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Kohll, punt 50; Smits u Peerbooms, punt 73, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 67).

105. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-Artikolu 46 KE jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi u ta’ sptarijiet, safejn iż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali hija essenzjali għas-saħħa pubblika, u iktar u iktar għas-sopravivenza tal-popolazzjoni tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Kohll, punt 51; Smits u Peerbooms, punt 74, kuf ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 67).

106. Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjoni in kwistjoni tistax effettivament tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ tali raġunijiet imperattivi u, f'tali każ, għandux jiġi ggarantit, skond ġurisprudenza kostanti, li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ oġġettivament għal dan il-għan u li dan ir-riżultat ma jistax jinkiseb b’regoli anqas restrittivi (ara s-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 75, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107. F’dak li jirrigwarda s-servizzi mediċi pprovduti fi sptar, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet, fil-punti 76 sa 80 tas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ‘il fuq, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

108. Huwa magħruf li n-numru ta’ sptarijiet, it-tqassim ġeografiku tagħhom, il-manutenzjoni tagħhom u l-apparat li għandhom, jew inkella n-natura tas-servizzi mediċi li huma jistgħu joffru, għandhom ikunu s-suġġett ta’ pjanifikazzjoni li ġeneralment tirrispondi għal diversi ħtiġiet.

109. Minn naħa, din il-pjanifikazzjoni tipprova tilħaq l-għan li fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat tkun iggarantita aċċessibilità suffiċjenti u permanenti għal firxa ekwilibrata ta’ kura fi sptarijiet ta’ kwalità. Min-naħa l-oħra, hija tagħmel parti minn rieda li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u li jiġi evitat, safejn possibbli, kull tberbiq ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani. Tberbiq bħal dan ikun effettivament iktar ta’ dannu peress li hu ġeneralment irrikonoxxut li s-settur tal-kura fl-isptarijiet iġib miegħu spejjeż konsiderevoli u jrid jirrispondi għal bżonnijiet dejjem ikbar, filwaqt li r-riżorsi finanzjarji li jistgħu jiġu allokati għall-kura tas-saħħa, ikun x’ikun il-metodu ta’ finanzjament użat, huma limitati.

110. F’din il-perspettiva doppja, il-ħtieġa li l-assunzjoni, mis-sistema nazzjonali, tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta’ kura li għandha tingħata fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor jiġi ssuġġettat għal awtorizzazzjoni minn qabel tidher li hija miżura neċessarja u fl-istess ħin raġonevoli.

111. F’dak li jirrigwarda s-sistema Olandiża ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, li kienet in kwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fil-punt 81 ta’ din ta’ l-aħħar, li jekk il-pazjenti jkunu jistgħu minn jeddhom u f’kull ċirkustanza jagħmlu użu minn sptarijiet li ma jkunu kkonkludew ebda ftehim mal-fondi ta' assigurazzjoni kontra l-mard tagħhom, kemm jekk ikunu sptarijiet li jinsabu fl-Olanda u kemm jekk fi Stat Membru ieħor, jiġi kompromess, f’daqqa waħda, kull sforz ta’ pjanifikazzjoni magħmul permezz ta’ sistema ta’ ftehim, sabiex jiġi ggarantit servizz ta’ kura fl-isptarijiet li tkun razzjonalizzata, stabbli, ekwilibrata u aċċessibbli.

112. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, magħmula fir-rigward ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali bbażata fuq sistema ta’ ftehim bejn il-fondi pubbliċi ta' assigurazzjoni kontra l-mard u dawk li jipprovdu l-kura fl-isptarijiet, u li jippermettu, f’isem il-ħtiġiet ta’ pjanifikazzjoni, li jiġi limitat id-dritt tal-pazjent li jirrikorri, a spejjeż tas-sistema nazzjonali li huwa rreġistrat fiha, għal servizzi ta’ kura fl-isptarijiet li ma jaqgħux taħt l-imsemmija sistema, jistgħu jiġu applikati għal servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak tal-NHS.

113. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, u sabiex tingħata risposta għall-paragrafu c) ta’ l-ewwel domanda, id-dritt Komunitarju, partikolarment l-Artikolu 49 KE, għalhekk ma jipprekludix li d-dritt tal-pazjent li jikseb kura fl-isptarijiet ta’ Stat Membru ieħor a spejjeż tas-sistema li fiha huwa rreġistrat ikun suġġett għal miżura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

114. Madankollu, huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet marbutin ma' l-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni jkunu ġġustifikati fid-dawl tal-ħtiġiet imsemmija iktar ‘il fuq u li dawn jissodisfaw il-ħtieġa ta’ proporzjonalità msemmija fil-punt 106 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi msemmija iktar ‘il fuq Smits u Peerbooms, punt 82, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 83).

115. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma tagħtix id-dritt li jittieħdu deċiżjonijiet diskrezzjonali min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, ta’ natura tali li jċaħħdu d-dispożizzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-effettività tagħhom (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Smits u Peerbooms, punt 90, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata f’dawn il-punti).

116. Għalhekk, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tkun iġġustifikata anke meta din tidderoga minn tali libertà fundamentali, din għandha, f’kull każ, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’tali mod li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali jkun limitat sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju. Sistema ta’ awtorizzazzjoni bħal din għanda wkoll tkun ibbażata fuq sistema proċedurali faċilment aċċessibbli u li tista’ tiggarantixxi lill-persuni interessati li l-applikazzjoni tagħhom tiġi pproċessata, oġġettivament u imparzjalment, fi żmien raġonevoli u, barra minn dan, rifjut eventwali ta’ awtorizzazzjoni għandu jkun jista’ jiġi kkontestat permezz ta' proċedimenti ġudizzjarji jew kważi ġudizzjarji (sentenzi msemmija iktar ‘il fuq Smits u Peerbooms, punt 90, kif ukoll Müller-Fauré u van Riet, punt 85).

117. Għalhekk, ir-rifjuti ta’ awtorizazzjoni, jew l-opinjonijiet li fuqhom ikunu eventwalment bbażati dawn ir-rifjuti, għandhom jindikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi li fuqhom ikunu bbażati u għandhom ikunu motivati b’mod xieraq fid-dawl ta’ dawn ta’ l-aħħar. Bl-istess mod, il-qrati li quddiemhom jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjonijiet ta' rifjut bħal dawn għandhom ikunu jistgħu, jekk iqisu li dan ikun neċessarju sabiex jeżerċitaw l-istħarriġ ġudizzjarju li għandhom iwettqu, jiksbu l-opinjoni ta’ esperti indipendenti li jkunu jistgħu jiggarantixxu l-oġġettività u l-imparzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Inizan, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49).

118. Issa, f’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, kif tagħmel il-Kummisjoni, li l-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-NHS ma tindikax il-kriterji għall-ħruġ jew għar-rifjut ta’ l-awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura pprovduta fi sptarijiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor. L-imsemmija leġiżlazzjoni għalhekk ma tillimitax l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan ir-rigward. Għalhekk, dan in nuqqas ta’ limitazzjoni ġuridika jirrendi l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta' awtorizzazzjoni diffiċli.

119. F’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanżi u l-fatturi msemmija fit-tielet u r-raba’ domandi, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta' l-analiżi esposta fil-punti 59 sa 77 ta’ din is-sentenza, li rifjut ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma jistax ikun ibbażat biss fuq l-eżistenza ta’ listi ta’ stennija intiżi sabiex jippjanifikaw u jamministraw is-serviżżi fl-isptarijiet skond il-prijoritajiet kliniċi stabbiliti minn qabel f’termini ġenerali, mingħajr ma tkun saret, fil-każ individwali kkonċernat, evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni medika tal-pazjent, ta' l-istorja klinika tiegħu, ta’ kif x’aktarx tiżviluppa l-marda tiegħu, tal-livell ta' uġiegħ u/jew tan-natura tad-diżabbiltà tiegħu meta tiġi ppreżentata jew imġedda l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

120. Minn dan isegwi li, meta ż-żmien li jirriżulta minn dawn il-listi ta’ stennija jidher li jaqbeż, fil-każ individwali kkonċernat, iż-żmien aċċettabbli fid-dawl ta’ evalwazzjoni medika oġġettiva taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizaw is-sitwazzjoni u l-ħtiġiet kliniċi tal-persuna kkonċernata, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax tirrifjuta l-awtorizzazzjoni mitluba billi tibbaża ruħha fuq raġunijiet ibbażati fuq l-eżistenza ta’ dawn il-listi ta’ stennija, fuq allegat dannu mġarrab mill-ordni normali tal-prijoritajiet marbuta mal-livell ta’ urġenza rispettiv tal-każ li għandu jiġi trattat, fuq il-fatt li fil-kuntest tas-sistema nazzjonali in kwistjoni l-kura fl-isptarijiet tingħata b’xejn, fuq l-obbligu li jiġu pprovduti mezzi finanzjarji speċifiċi sabiex tiġi assunta r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament li għandu jingħata fi Stat Membru ieħor u/jew fuq paragun bejn l-spejjeż ta’ dan it-trattament u trattament ekwivalenti fl-Istat Membru kompetenti.

121. Dwar il-fatturi msemmija fid-domandi 1(a) u 3(d), ma’ l-analiżi żviluppata fil-punti 59 sa’ 77 ta’ din is-sentenza għandu jiġi miżjud li għalkemm id-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jamministraw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u jiddeċiedu fuq il-livell ta’ riżorsi li għandhom jiġu allokati għall-funzjonament tagħhom, il-kisba tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat madankollu tobbliga lill-Istati Membri jagħmlulhom xi adattamenti, mingħajr madankollu ma jista’ jiġi kkunsidrat li minħabba dan il-fatt jiġu ppreġudikati s-setgħat sovrani tagħhom f’dan il-qasam (ara s-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 100 u 102).

122. Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi aċċettat li l-ħtieġa ta’ l-Istati Membri li jirrikonċiljaw il-prinċipji u l-ekonomija tas-sistemi tas-saħħa tagħhom, minn naħa, u l-ħtiġiet li jirriżultaw mil-libertajiet Komunitarji, min-naħa l-oħra, iġġib magħha, bħal fil-każ tal-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, l-obbligu li l-awtoritajiet responsabbli minn servizz nazzjonali tas-saħħa bħal dak tal-NHS jipprovdu mekkaniżmi għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta’ l-ispejjeż tal-kura li tingħata fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor lill-pażjenti li l-imsemmi servizz mhuziex f’pożizzjoni li jipprovdulhom it-trattament meħtieġ fi żmien medikament aċċettabbli fis-sens indikat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

123. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għall-ewwel erba’ domandi għal deċiżjoni preliminari għandha tkun kif ġej:

– L-Artikolu 49 KE huwa applikabbli għal sitwazzjoni fejn persuna li l-istat ta’ saħħa tagħha jeħtieġ kura fi sptar tmur fi Stat Membru ieħor u hemmhekk tirċievi din il-kura bi ħlas, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk is-servizzi ta’ kura mogħtija fl-isptar fil-kuntest tas-sistema nazzjonali li magħha hija rreġistrata din il-persuna jikkostitwixxux fihom infushom servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

– L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura li għandha tingħata fi sptarijiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor tkun issuġġettata għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-istituzzjoni kompetenti.

– Rifjut li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel ma jistax ikun ibbażat biss fuq l-eżistenza ta’ listi ta’ stennija intiżi sabiex jippjanifikaw u jamministraw is-servizzi fl-isptarijiet skond prijoritajiet kliniċi stabbiliti minn qabel f’termini ġenerali, mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni medika tal-pazjent, ta' l-istorja klinika tiegħu, ta’ kif x’aktarx tiżviluppa l-marda tiegħu, tal-livell ta' uġiegħ u/jew tan-natura tad-diżabbiltà tiegħu meta tiġi ppreżentata jew imġedda l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

Meta ż-żmien li jirriżulta minn dawn il-listi ta’ stennija jaqbeż iż-żmien aċċettabbli fid-dawl ta’ evalwazzjoni medika oġġettiva ta’ l-imsemmija elementi, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax tirrifjuta l-awtorizzazzjoni mitluba billi tibbaża ruħha fuq raġunijiet ibbażati fuq l-eżistenza ta’ dawn il-listi ta’ stennija, fuq allegat dannu mġarrab mill-ordni normali tal-prijoritajiet marbuta mal-livell ta’ urġenza rispettiva tal-każ li għandu jiġi trattat, fuq il-fatt li fil-kuntest tas-sistema nazzjonali in kwistjoni l-kura fl-isptarijiet tingħata b’xejn, fuq l-obbligu li jiġu pprovduti mezzi finanzjarji speċifiċi sabiex tiġi assunta r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament li għandu jingħata fi Stat Membru ieħor u/jew fuq paragun bejn l-spejjeż ta’ dan it-trattament u trattament ekwivalenti fl-Istat Membru kompetenti.

Fuq is-sitt domanda

124. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż, li skond id-dritt Komunitarju l-Istat huwa obbligat jeffettwa, tal-kura li tingħata fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor, għandhiex tiġi kkalkulata, skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1480/71, jiġifieri skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn tkun ġiet ipprovduta l-kura (l-Istat Membru l-ieħor) jew, skond l-Artikolu 49 KE, jiġifieri skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tal-pazjent (l-Istat Membru kompetenti). Hija tistaqsi wkoll dwar ir-rilevanza, għall-kwistjoni ta’ din l-assunzjoni tar-responsabbiltà, ta’ l-ħruġ b’xejn tal-kura fl-isptarijiet li tingħata fil-kuntest tas-servizzi nazzjonali tas-saħħa in kwistjoni u tan-nuqqas korrispondenti ta’ tariffa ta’ rimborż fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti. Hija tistaqsi wkoll jekk l-obbligu ta’ l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta’ trattament li jingħata fl-isptarijiet ta’ l-Istat Membru l-ieħor jinkludix ukoll il-ħlas ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u tas-soġġorn.

125. F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-pazjent li, wara li jkun talab awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, tingħatalu tali awtorizzazzjoni jew jiġi affaċċjat b’rifjut li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat għandu jibbenefika, skond din l-istess dispożizzjoni, minn ħruġ ta’ servizzi in natura, f'isem l-istituzzjoni kompetenti, mogħtija mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, bħallikieku huwa rreġistrat ma' din l-aħħar istituzzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et ., punt 32; Inizan, punt 20, u Keller, punt 65).

126. Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni simili, huma l-modalitajiet ta’ intervent previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor li għandhom jiġu applikati, u l-istituzzjoni kompetenti hija obbligata tirrifondi sussegwentement lill-istituzzjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1480/71 (ara s-sentenza Vanbraekel et ., iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33).

127. Il-fatt li, minħabba li l-kura li tingħata fl-isptarijiet li jaqgħu taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa in kwistjoni tingħata mingħajr ħlas, il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti ma tipprovdix għal tariffa ta' rimborż mhuwiex ta' natura tali li jxekkel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 22(1)(c)(i) u 36 tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, l-obbligu impost fuq l-istituzzjoni kompetenti, fil-kuntest tas-sistema stabbilità minn dawn id-dispożizzjonijiet, jikkonsisti fir-rimborż lill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor ta’ l-ammont li jikkorrispondi għall-valur tas-servizzi pprovduti minn din ta’ l-aħħar skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Stat, mingħajr ma hemm bżonn, f’dan ir-rigward, li jsir riferiment għal kwalunkwe tariffa ta’ rimborż skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti.

128. Wara dan, għandu jiġi eżaminat jekk pazjent li jiddipendi mill-NHS għandux id-dritt jikseb mingħand l-istituzzjoni kompetenti, skond l-Artikolu 49 KE, assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament mogħti fl-isptarijiet ta’ l-Istat Membru l-ieħor, li tkun ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat.

129. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti ma tiggarantixxix lil pazjent, suġġett għal din il-leġiżlazzjoni, li jkun ġie awtorizzat jirċievi kura fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istess livell ta’ assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż bħal dak li dan il-pazjent kien jibbenefika minnu li kieku rċieva kura fl-Istat Membru kompetenti, jikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE (ara s-sentenza Vanbraekel et ., iċċitata iktar ‘il fuq, punti 43 sa 52).

130. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi li l-kura li tingħata fl-istabbilimenti li jaqgħu taħt is-servizz nazzjonali tas-saħħa li hija tistabbilixxi tingħata mingħajr ħlas, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija eskluża fil-każ fejn il-pazjent, li jkun irreġistrat ma' l-imsemmi servizz, u li jkun ġie awtorizzat jirċievi trattament fi sptarijiet ta’ Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, jew li jkun ġie affaċċjat b’rifjut li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat, għandu dritt għall-assunzjoni sħiħa tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta’ l-imsemmi trattament skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Istat Membru l-ieħor. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata mhijiex obbligata, f'tali każ, tikkontribwixxi finanzjarjament għall-ispejjeż ta’ dan it-trattament.

131. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ nuqqas ta’ assunzjoni sħiħa tar-responsabbiltà, skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru l-ieħor, għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament mogħti fl-isptarijiet ta’ dan ta’ l-aħħar, il-fatt li l-pazjent jitqiegħed mill-ġdid fil-pożizzjoni li kien ikun fiha li kieku s-servizz nazzjonali tas-saħħa li hu rreġistrat miegħu kien f'pożizzjoni li jipprovdilu, fi żmien medikament aċċettabbli, trattament ekwivalenti għal dak li jkun irċieva fl-Istat Membru l-ieħor, jimplika, għall-istituzzjoni kompetenti, l-obbligu li jintervjeni b’mod supplementari favur il-persuna kkonċernata sabiex ikopri d-differenza bejn, minn naħa, l-ammont li jikkorrispondi ma’ l-ispejjeż oġġettivament kwantifikati, ta’ dan it-trattament ekwivalenti, li, jekk ikun hemm bżonn, ma jkunx jista' jaqbeż l-ammont globali ffatturat għat-trattament mogħti fl-Istat Membru l-ieħor, u, min-naħa l-oħra, l-ammont li jkun tħallas mill-istituzzjoni ta' l-imsemmi Stat li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, meta l-ewwel ammont ikun ikbar mit-tieni wieħed.

132. Għall-kuntrarju tal-pożizzjoni tas-Sinjura Watts fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jekk l-istituzzjoni kompetenti jkollha l-obbligu li tkopri, f’kull każ, id-differenza sħiħa bejn l-ammont kollu ta’ l-ispejjeż tat-trattament mogħti fl-isptarijiet ta’ l-Istat Membru l-ieħor u l-ammont li jitħallas mill-istituzzjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tiegħu, anke meta l-ispejjeż ta’ dan it-trattament ikunu ikbar minn dawk ta’ trattament ekwivalenti fl-Istat Membru kompetenti, dan ifisser li l-pazjent ikun qiegħed jibbenefika minn livell ta’ kopertura li jkun jeċċedi d-dritt fil-konfront tas-servizz nazzjonali tas-saħħa li taħtu huwa rreġistrat.

133. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni li, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi, skond l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju (ara l-punt 22 ta’ din is-sentenza), regoli intiżi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ l-ispejjeż li, bħala regola, għandhom jiġu fatturati lil ċerti pazjenti barranin, u rkuprati mingħand dawn ta’ l-aħħar, għall-kura li tkun ingħatatilhom fi sptar li jaqa’ taħt is-servizz nazzjonali tas-saħħa, l-imsemmija regoli jistgħu jikkostitwixxu strumenti siewja ta’ riferiment sabiex jiġu ddeterminati, għall-finijiet tal-kwantifikazzjoni prevista fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, l-ispejjeż li jinvolvu, fl-Istat Membru kompetenti, trattament fl-isptarijiet li jaqgħu taħt l-imsemmi servizz, ekwivalenti għal dak mogħti lill-pazjent fl-Istat Membru l-ieħor.

134. F'dak li jikkonċerna l-ispejjeż ta' vvjaġġar u tas-soġġorn, għandu jiġi osservat, f'dak li jirrigwarda s-sistema ta' awtorizzazzjoni stabbilità fl-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, li din id-dispożizzjoni tagħti lill-pazjent id-dritt li jibbenefika minn "servizzi in natura", f'isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni ta' l-Istat Membru l-ieħor skond id-dispożizzjonijiet implementati minn dan ta' l-aħħar.

135. Kif jikkonfermaw it-termini tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-paragrafu 1(c)(i) ta' l-istess Artikolu għandu biss l-iskop li jagħti, lill-pazjenti koperti mil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru u li jkollhom awtorizzazzjoni maħruġa mill-istituzzjoni kompetenti, aċċess għall-"kura" fi Stat Membru ieħor taħt kundizzjonijiet ta' intervent li jkunu favorevoli daqs dawk li jibbenefikaw minnhom il-pazjenti koperti mil-leġiżlazzjoni ta' dan l-aħħar Stat Membru (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vanbraekel et. , punt 32, u Inizan, punt 21).

136. L-obbligu impost fuq l-istituzzjoni kompetenti mill-Artikoli 22 u 36 tar-Regolament 1408/71 għalhekk jirrigwarda biss l-ispejjeż marbuta mal-kura tas-saħħa miksuba mill-pazjent fl-Istat Membru l-ieħor, jiġifieri, f'dak li jirrigwarda l-kura li tingħata fl-isptarijiet, l-ispejjeż tas-servizzi mediċi vera u proprji kif ukoll l-ispejjeż, essenzjalment marbuta magħhom, relatati mas-soġġorn tal-persuna kkonċernata fl-isptar għall-ħtiġiet tat-trattament tiegħu.

137. Il-karatteristika essenzjali tas-"servizzi in natura" fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 fil-fatt hija li dawn huma "intiżi li jkopru kura mogħtija lill-persuna assigurata" permezz ta' assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas jew ta' rimborż ta' l-"ispejjeż ta' natura medika" inkorsi mill-Istat ta' dan ta' l-aħħar (ara, fil-kuntest ta' sistema legali relatata ma' l-assigurazzjoni soċjali kontra r-riskju ta' dipendenza, is-sentenza tal-5 ta' Marzu 1998, Molenaar, C-160/96, Ġabra p. I-843, punti 32 u 34).

138. Għalhekk peress li m'għandux l-iskop li jirregola l-kwistjoni ta' l-ispejjeż aċċessorji, bħalma huma eventwali spejjeż ta' vvjaġġar u tas-soġġorn barra l-istess sptar, imħallsa minn pazjent awtorizzat mill-istituzzjoni kompetenti li jmur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi kura xierqa għall-istat ta' saħħa tiegħu, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jimponix, iżda lanqas ma jipprojbixxi, l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' tali spejjeż. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta' tali assunzjoni tar-responsabbiltà jistax jirriżulta mill-Artikolu 49 KE (ara, b'analoġija, is-sentenza Vanbraekel et. , iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

139. F'dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 94 ta' din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ma tistax, mingħajr ma tikser l-Artikolu 49 KE, teskludi l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji sostnuti minn pazjent awtorizzat li jmur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi trattament ġewwa sptar, meta din tkun tipprovdi għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' dawn l-ispejjeż meta t-trattament jingħata fi stabbiliment li jaqa' taħt is-sistema nazzjonali in kwistjoni.

140. Minn naħa l-oħra, Stat Membru mhuwiex obbligat, skond l-Artikolu 49 KE, jipprovdi li l-isituzzjonijiet kompetenti tiegħu jkollhom l-obbligu li jassumu r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji relatati ma' vvjaġġar lil hinn mill-fruntieri awtorizzat għal skopijiet mediċi, meta tali obbligu ma jkunx jeżisti fir-rigward ta' spejjeż simili meta dawn ikunu marbuta ma' vvjaġġar ġewwa t-territorju nazzjonali.

141. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni Britannika tipprovdix għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma' tali vvjaġġar intern ġewwa r-Renju Unit.

142. Jekk dan ikun il-każ, il-pazjent li jkun ġie awtorizzat imur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi kura fl-isptarijiet, jew li jkun ġie affaċċjat b’rifjut li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat, għandu d-dritt, kif espona l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jitlob l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma' dan l-ivvjaġġar għal raġunijiet mediċi bejn il-fruntieri taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet, oġġettivi u trasparenti, bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni kompetenti għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma' trattament mediku mogħti fl-Istat Membru kompetenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta' Marzu 2004, Leichtle, C-8/02, Ġabra p. I-2641, b'mod partikolari l-punti 41 sa 48).

143. Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun kif ġej:

– L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti tipprovdi għall-kura fl-isptarijiet li tingħata mingħajr ħlas fil-kuntest ta' servizz nazzjonali tas-saħħa, u fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fih il-pazjent li hu rreġistrat ma' l-imsemmi servizz ġie, jew kellu jiġi, awtorizzat jirċievi trattament fl-isptarijiet a spejjeż ta' dan is-servizz ma tipprovdix għal assunzjoni sħiħa tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' l-imsemmi trattament, l-istituzzjoni kompetenti għandha tagħti lil dan il-pazjent rimborż li jikkorrispondi għad-differenza eventwali bejn, minn naħa, l-ammont ta' l-ispejjeż, oġġettivament ikkwantifikati, ta’ trattament ekwivalenti fi stabbiliment li jaqa' taħt is-servizz in kwistjoni, li ma jkunx jista' jaqbeż, jekk ikun hemm bżonn, l-ammont globali ffatturat għat-trattament mogħti fl-Istat Membru l-ieħor, u, min-naħa l-oħra, l-ammont li l-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-aħħar hija obbligata tħallas, skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, f'isem l-istituzzjoni kompetenti, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru.

– L-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jagħti lill-pazjent ikkonċernat jirrigwarda esklużivament l-ispejjeż marbuta mal-kura tas-saħħa li dan il-pazjent ikun ingħata fl-Istat Membru l-ieħor, jiġifieri, f'dak li jirrigwarda kura li tingħata fi sptar, l-ispejjeż tas-servizzi mediċi vera u proprji kif ukoll l-ispejjeż, essenzjalment marbuta magħhom, relatati mas-soġġorn tal-persuna kkonċernata fl-isptar.

– L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li pazjent li jkun ġie awtorizzat imur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi kura fl-isptarijiet jew li jkun ġie affaċċjat b’rifjut ta' awtorizzazzjoni li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat, għandu d-dritt jitlob li l-istituzzjoni kompetenti tassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma' dan l-ivvjaġġar lil hinn mill-fruntieri għal finijiet mediċi biss jekk il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti timponi fuq is-sistema nazzjonali obbligu simili ta' assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż fil-kuntest ta' trattament mogħti fi stabbiliment lokali li jaqa' taħt l-imsemmija sistema.

Fuq is-seba' domanda

144. Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu kkunsidrati li jimponu obbligu fuq l-Istati Membri li jiffinanzjaw kura li tingħata fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra mingħajr ma jagħtu kas il-limitazzjonijiet ta' natura finanzjarja u, f'tali każ, jekk dan l-obbligu huwiex kompatibbli ma l-Artikolu 152(5) KE.

145. F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-kuntest tar-risposti għall-ewwel sitt domandi, il-ħtiġiet li jirriżultaw mill-Artikoli 49 KE u 22 tar-Regolament Nru 1408/71 m'għandhomx jiġu interpretati bħala li jimponu obbligu fuq l-Istati Membri li jassumu r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura li tingħata fi sptarijiet ta' Stati Membri oħra mingħajr ma jagħtu kas ta' kull kunsiderazzjoni ta' natura finanzjarja, iżda għall-kuntrarju ta' dan, huma bbażati fuq it-tfittxija ta' ekwilibriju bejn l-għan ta' moviment liberu tal-pazjenti, minn naħa, u l-ħtiġiet nazzjonali ta' pjanifikazzjoni tal-kapaċità ta' l-isptarijiet, ta' kontroll ta' l-ispejjeż tas-saħħa u ta' ekwilibriju finanzjarju tas-sistemi ta' sigurtà soċjali, minn-naħa l-oħra.

146. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 152(5) KE, l-intervent tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika għandu jirrispetta għal kollox ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-organizazzjoni u l-provvista ta' servizzi tas-saħħa u ta' kura medika.

147. Din id-dispożizzjoni madankollu ma teskludix li l-Istati Membri jkunu obbligati, skond dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, bħall-Artikolu 49 KE, jew skond miżuri Komunitarji adottati fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, bħall-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, jadattaw is-sistema nazzjonali ta' sigurtà soċjali tagħhom, mingħajr b'daqshekk ma jista' jiġi kkunsidrat li minħabba dan il-fatt jiġu ppreġudikati s-setgħat sovrani tagħhom f'dan il-qasam (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar 'il fuq, punt 102; ara ukoll, b'analoġija, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punt 78).

148. Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għas-seba' domanda għanda tkun li l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti għandha, kemm skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll skond l-Artikolu 49 KE, li tawtorizza pazjent irreġistrat ma' servizz nazzjonali tas-saħħa li jikseb, a spejjeż ta' l-imsemmija istituzzjoni, trattament fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor meta ż-żmien ta' stennija jkun jaqbeż iż-żmien aċċettabli skond evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni u tal-bżonnijiet kliniċi tal-pazjent ikkonċernat, ma jmurx kontra l-Artikolu 152(5) KE.

Fuq l-ispejjeż

149. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1) It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta' Diċembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun iġġustifikata tiċħad l-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1(c)(i) ta' dan l-istess Artikolu għal raġuni bbażata fuq l-eżistenza ta' żmien ta' stennija għal trattament fl-isptarijiet, l-istituzzjoni kompetenti għandha tistabbilixxi li dan iż-żmien ma jaqbiżx iż-żmien aċċettabbli stabbilit wara evalwazzjoni medika oġġettiva tal-bżonnijiet kliniċi tal-persuna kkonċernata fid-dawl tal-fatturi kollha li jikkaratterizaw il-kundizzjoni medika tagħha meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jew meta din tiġi mġedda.

2) L-Artikolu 49 KE huwa applikabbli għal sitwazzjoni fejn persuna, li l-istat ta’ saħħa tagħha jeħtieġ kura fi sptar tmur fi Stat Membru ieħor u hemmhekk tirċievi din il-kura bi ħlas, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk is-servizzi ta’ kura mogħtija fl-isptar fil-kuntest tas-sistema nazzjonali li magħha hija rreġistrata din il-persuna jikkostitwixxux fihom infushom servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tal-kura li għandha tingħata fi sptarijiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor tkun issuġġettata għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-istituzzjoni kompetenti.

Rifjut li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel ma jistax ikun ibbażat biss fuq l-eżistenza ta’ listi ta’ stennija intiżi sabiex jippjanifikaw u jamministraw is-servizzi fl-isptarijiet skond prijoritajiet kliniċi stabbiliti minn qabel f’termini ġenerali, mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni medika tal-pazjent, ta' l-istorja klinika tiegħu, ta’ kif x’aktarx tiżviluppa l-marda tiegħu, tal-livell ta' uġiegħ u/jew tan-natura tad-diżabbiltà tiegħu meta tiġi ppreżentata jew imġedda l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

Meta ż-żmien li jirriżulta minn dawn il-listi ta’ stennija jaqbeż iż-żmien aċċettabbli fid-dawl ta’ evalwazzjoni medika oġġettiva ta’ l-imsemmija elementi, l-istituzzjoni kompetenti ma tistax tirrifjuta l-awtorizzazzjoni mitluba billi tibbaża ruħha fuq raġunijiet fondati fuq l-eżistenza ta’ dawn il-listi ta’ stennija, fuq allegat dannu mġarrab mill-ordni normali tal-prijoritajiet marbuta mal-livell ta’ urġenza rispettiva tal-każ li għandu jiġi trattat, fuq il-fatt li fil-kuntest tas-sistema nazzjonali in kwistjoni l-kura fl-isptarijiet tingħata b’xejn, fuq l-obbligu li jiġu pprovduti mezzi finanzjarji speċifiċi sabiex tiġi assunta r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż tat-trattament li għandu jingħata fi Stat Membru ieħor u/jew fuq paragun bejn l-spejjeż ta’ dan it-trattament u trattament ekwivalenti fl-Istat Membru kompetenti.

3) L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti tipprovdi għall-kura fl-isptarijiet li tingħata mingħajr ħlas fil-kuntest ta' servizz nazzjonali tas-saħħa, u fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru, li fih il-pazjent li hu rreġistrat ma' l-imsemmi servizz ġie, jew kellu jiġi, awtorizzat jirċievi trattament fl-isptarijiet a spejjeż ta' dan is-servizz, ma tipprovdix għal assunzjoni sħiħa tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż ta' l-imsemmi trattament, l-istituzzjoni kompetenti għandha tagħti lil dan il-pazjent rimborż li jikkorrispondi għad-differenza eventwali bejn, minn naħa, l-ammont ta' l-ispejjeż, oġġettivament ikkwantifikati, ta’ trattament ekwivalenti fi stabbiliment li jaqa' taħt is-servizz in kwistjoni, li ma jkunx jista' jaqbeż, jekk ikun hemm bżonn, l-ammont globali ffatturat għat-trattament mogħti fl-Istat Membru l-ieħor, u, min-naħa l-oħra, l-ammont li l-istituzzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-aħħar hija obbligata tħallas, skond l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat mir-Regolament Nru 118/97, f'isem l-istituzzjoni kompetenti, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru.

L-artikolu 22(1)(c)(i) ta' l-imsemmi Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li huwa jagħti lill-pazjent ikkonċernat jirrigwarda esklużivament l-ispejjeż marbuta mal-kura tas-saħħa li dan il-pazjent ikun ingħata fl-Istat Membru l-ieħor, jiġifieri, f'dak li jirrigwarda kura li tingħata fi sptar, l-ispejjeż tas-servizzi mediċi vera u proprji kif ukoll l-ispejjeż, essenzjalment marbuta magħhom, relatati mas-soġġorn tal-persuna kkonċernata fl-isptar.

L-artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li pazjent li jkun ġie awtorizzat imur fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jirċievi kura fl-isptarijiet jew li jkun ġie affaċċjat b’rifjut ta' awtorizzazzjoni li sussegwentement jinstab li ma kienx fondat, għandu d-dritt jitlob li l-istituzzjoni kompetenti tassumi r-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż aċċessorji marbuta ma dan l-ivvjaġġar lil hinn mill-fruntieri għal finijiet mediċi biss jekk il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru kompetenti timponi fuq is-sistema nazzjonali obbligu simili ta' assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta' l-ispejjeż fil-kuntest ta' trattament mogħti fi stabbiliment lokali li jaqa' taħt l-imsemmija sistema.

4) L-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti għandha, kemm skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat mir-Regolament Nru 118/97, kif ukoll skond l-Artikolu 49 KE, li tawtorizza pazjent irreġistrat ma' servizz nazzjonali tas-saħħa li jikseb, a spejjeż ta' l-imsemmija istituzzjoni, trattament fi sptarijiet ta' Stat Membru ieħor meta ż-żmien ta' stennija jkun jaqbeż iż-żmien aċċettabli skond evalwazzjoni medika oġġettiva tal-kundizzjoni u tal-bżonnijiet kliniċi tal-pazjent ikkonċernat, ma jmurx kontra l-Artikolu 152(5) KE.